EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1705

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1705 tat-23 ta’ Ottubru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) rigward it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank

ĠU L 385, 17.11.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1705/oj

17.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 385/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1705

tat-23 ta’ Ottubru 2020

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) rigward it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/917/KE (1), fit-3 ta’ Ottubru 2002 ġie konkluż, f’isem l-Unjoni, il-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) (2) u dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003 (3).

(2)

Fis-16 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2018/1195 (4) dwar l-iffirmar tal-Protokoll għall-Ftehim Interbus rigward is-servizzi internazzjonali regolari u regolari speċjali (‘il-Protokoll’).

(3)

Il-Protokoll kien miftuħ għall-iffirmar mis-16 ta’ Lulju 2018 sas-16 ta’ April 2019 u ġie ffirmat mill--Unjoni fil-11 ta’ April 2019. L-ebda parti kontraenti oħra għall-Ftehim Interbus (‘Parti Kontraenti’) ma ffirmat dak il-Protokoll qabel ma skada l-perijodu għall-iffirmar. Għaldaqstant, il-Protokoll ma daħalx fis-seħħ.

(4)

Fit-18 ta’ Frar 2020, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għall-emendar tal-Protokoll sabiex isiru ċerti bidliet tekniċi rigward l-iffirmar u d-dħul fis-seħħ tiegħu, u biex tiġi riflessa l-bidla fl-isem ta’ Parti Kontraenti waħda.

(5)

In-negozjati għall-emendar tal-Protokoll ġew konklużi b’suċċess. Ġiet stabbilita skadenza ġdida ta’ sentejn għall-iffirmar tal-Protokoll. Barra minn hekk, il-Protokoll ġie emendat biex id-dħul fis-seħħ tiegħu jkun jirrikjedi l-approvazzjoni jew ir-ratifika minn numru iżgħar ta’ Partijiet Kontraenti, u perijodu ta’ stennija iqsar wara tali approvazzjoni jew ratifika, minn kif speċifikat fil-Ftehim Interbus. Barra minn hekk, il-bidla fl-isem l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li saret ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ġiet riflessa fil-Protokoll.

(6)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u sabiex jiġu ffaċilitati l-iffirmar u d-dħul fis-seħħ minnufih ta’ protokoll, huwa xieraq li jitħejja Protokoll ġdid dwar it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-‘Protokoll il-ġdid’) biex jirrifletti l-emendi miftiehema u jissostitwixxi l-Protokoll li kien miftuħ għall-iffirmar sas-16 ta’ April 2019.

(7)

Il-Protokoll il-ġdid jenħtieġ li jiffaċilita l-provvista tat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank bejn il-Partijiet Kontraenti u għaldaqstant jagħti lok għal titjib fil-kollegamenti tat-trasport tal-passiġġieri bejniethom.

(8)

Sabiex tiġu ffaċilitata l-applikazzjoni tal-Protokoll il-ġdid, u b’mod partikolari l-operat tal-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Artikolu 18 tiegħu, il-Protokoll il-ġdid, fil-biċċa l-kbira tiegħu, jirrifletti d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Ftehim Interbus.

(9)

Sabiex il-benefiċċji tiegħu ma jiddewmux wisq, il-Protokoll il-ġdid jipprevedi d-dħul fis-seħħ tiegħu, għall-Partijiet Kontraenti li jkunu ffirmawh u approvawh jew irratifikawh, meta tliet Partijiet Kontraenti, inkluż l-Unjoni, ikunu iffirmawh u approvawh jew irratifikawh.

(10)

Għalhekk, il-Protokoll il-ġdid jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (il-Ftehim Interbus) rigward it-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank, li jissostitwixxi l-Protokoll għall-Ftehim Interbus li kien miftuħ għall-iffirmar bejn is-16 ta’ Lulju 2018 u s-16 ta’ April 2019, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu (5).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

S. SCHULZE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/917/KE tat-3 ta’ Ottubru 2002 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Interbus dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-coach u bix-xarabank (ĠU L 321, 26.11.2002, p. 11).

(2)  ĠU L 321, 26.11.2002, p. 13.

(3)  ĠU L 321, 26.11.2002, p. 44.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1195 tas-16 ta’ Lulju 2018 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) fir-rigward tat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali ta’ passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (ĠU L 214, 23.8.2018, p. 3).

(5)  It-test tal-Protokoll se jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


Top