Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 32020D1515

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1515 tad-19 ta’ Ottubru 2020 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2382

ĠU L 348, 20.10.2020, p. 1—14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Estatuto jurídico do documento Em vigor: Este ato foi alterado. Versão consolidada atual: 04/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1515/oj

20.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1515

tad-19 ta’ Ottubru 2020

li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2382

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 42(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Lulju 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/575/PESK (1) li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew għas-Sigurtà u d-Difiża ("KESD"). Dik l-Azzjoni Konġunta ġiet sostitwita fit-23 ta' Ġunju 2008 bl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/550/PESK (2), li, min-naħa tagħha, ġiet sostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/189/PESK (3). Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni 2013/189/PESK ġiet sostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2382 (4).

(2)

Fl-10 u l-11 ta' Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Iskema Ewropea għall-Iskambju ta' Uffiċjali Żgħażagħ, ispirata mill-programm Erasmus u qabel li ser jiltaqa' grupp ta' ħidma ta' implimentazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Bord Akkademiku Eżekuttiv tal-KESD.

(3)

Fis-26 ta' Ġunju 2020, il-Kumitat ta' Tmexxija tal-KESD ("Kumitat ta' Tmexxija") qabel dwar rakkomandazzjonijiet dwar il-perspettivi futuri tal-KESD.

(4)

Filwaqt li l-persunal tal-KESD jenħtieġ li jkun magħmul prinċipalment minn esperti nazzjonali sekondati, jista' jkun hemm bżonn li ċerti karigi kritiċi jimtlew minn membri tal-persunal bil-kuntratt.

(5)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (5), li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), is-SEAE jenħtieġ li jipprovdi lill-KESD l-appoġġ li qabel kien jingħata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2382 titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

Stabbiliment, missjoni, objettivi u kompiti

Artikolu 1

Stabbiliment

B'dan qed jiġi stabbilit Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD).

Artikolu 2

Missjoni

Il-KESD għandu jipprovdi taħriġ u edukazzjoni fil-qasam tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-Unjoni fil-kuntest usa' tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) fil-livell Ewropew sabiex jiġi żviluppat u promoss fehim komuni tal-PESK u tal-PSDK fost il-persunal ċivili u militari u biex jiġu identifikati u mxerrda l-aħjar prattiki fir-rigward ta' diversi kwistjonijiet tal-PESK u tal-PSDK, permezz tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tiegħu ("attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD").

Artikolu 3

Objettivi

Il-KESD għandu jkollu l-objettivi li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ ulterjuri tal-kultura Ewropea komuni rigward is-sigurtà u d-difiża fl-Unjoni u l-promozzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) barra l-Unjoni;

(b)

il-promozzjoni ta' fehim aħjar tal-PSDK bħala parti essenzjali tal-PESK;

(c)

il-forniment lill-istanzi tal-Unjoni b'persunal kompetenti li jkun kapaċi jaħdem b'mod effiċjenti fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-PSDK fil-kuntest usa' tal-PESK;

(d)

il-forniment lill-amministrazzjonijiet u l-persunal tal-Istati Membri b'persunal kompetenti li jkun familjari mal-politika, l-istituzzjonijiet u l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-PSDK;

(e)

il-forniment lill-persunal tal-Missjonijiet u tal-Operazzjonijiet tal-PSDK ta' fehim komuni tal-prinċipji ta' funzjonament tal-Missjonijiet u tal-Operazzjonijiet tal-PSDK u ta' sens ta' identità Ewropea komuni;

(f)

il-forniment ta' taħriġ u edukazzjoni li jwieġbu għall-ħtiġijiet edukattivi u ta' taħriġ tal-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet tal-PSDK;

(g)

l-appoġġ għas-sħubiji tal-Unjoni fil-qasam tal-PSDK, b'mod partikolari s-sħubiji ma' dawk il-pajjiżi li jkunu qed jieħdu sehem fil-missjonijiet tal-PSDK;

(h)

l-appoġġ għall-maniġġar ċivili tal-kriżijiet inkluż fil-qasam tal-prevenzjoni ta' konflitti, u l-istabbiliment jew il-manteniment tal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli;

(i)

il-promozzjoni tal-Inizjattiva Ewropea għall-Iskambju ta' Uffiċjali Żgħażagħ;

(j)

il-promozzjoni ta' riċerka fil-livell ta' PhD f'oqsma relatati mal-PSDK;

(k)

il-forniment lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni b'persunal kompetenti familjari mal-politika, l-istituzzjonijiet, il-proċeduri u l-aħjar prattiki tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà u d-difiża;

(l)

l-għajnuna għall-promozzjoni ta' relazzjonijiet u kuntatti professjonali fost il-parteċipanti tat-taħriġ u tal-edukazzjoni.

Fejn ikun il-każ, għandha tingħata attenzjoni biex tiġi żgurata l-konsistenza ma' attivitajiet oħra tal-Unjoni.

Artikolu 4

Kompiti tal-KESD

1.   Il-kompiti ewlenin tal-KESD għandhom ikunu, f'konformità mal-missjoni u l-objettivi tiegħu, l-organizzazzjoni u t-twettiq ta' attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD fil-qasam tal-PSDK fil-kuntest usa' tal-PESK.

2.   L-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD għandhom jinkludu:

(a)

korsijiet ta' livell bażiku u avvanzat li jippromwovu fehim ġeneriku tal-PESK u tal-PSDK;

(b)

korsijiet li jiżviluppaw it-tmexxija;

(c)

korsijiet li jappoġġaw direttament il-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet tal-PSDK, inkluż taħriġ u edukazzjoni ta' qabel l-iskjerament u matul il-missjonijiet jew l-operazzjonijiet;

(d)

korsijiet li jappoġġaw is-sħubiji tal-UE u l-pajjiżi li jkunu qed jieħdu sehem f'Missjonijiet u Operazzjonijiet tal-PSDK;

(e)

moduli li jappoġġaw taħriġ u edukazzjoni ċivili u militari fil-qasam tal-PSDK;

(f)

korsijiet, seminars, programmi u konferenza dwar il-PSDK għal udjenzi speċjalizzati jew b'enfasi speċifika;

(g)

moduli komuni organizzati taħt l-Inizjattiva Ewropea għall-Iskambju ta' Uffiċjali Żgħażagħ, ispirata mill-programm Erasmus;għalkemm formalment mhumiex attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD, il-KESD ser jappoġġa u jippromwovi wkoll is-semestri Ewropej u lawrji tal-masters konġunti bl-użu tal-moduli komuni msemmija f'dan il-punt;

(h)

korsijiet ta' sensibilizzazzjoni ċibernetika u korsijiet ta' livell avvanzat, inkluż b'appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK;

(i)

korsijiet u seminars bl-għan li jappoġġaw ir-riċerka fil-livell ta' PhD permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u esperjenza.

Għandhom isiru attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni oħra, kif deċiż mill-Kumitat ta' Tmexxija msemmi fl-Artikolu 9.

3.   Minbarra l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-KESD għandu, b'mod partikolari:

(a)

jappoġġa r-relazzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti bejn l-istituti msemmija fl-Artikolu 5(1) involuti fin-network imsemmi f'dak il-paragrafu ("in-network");

(b)

imexxi u jiżviluppa ulterjorment sistema ta' tagħlim elettroniku biex tappoġġa l-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-PSDK jew biex, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, tintuża bħala attività ta' taħriġ u edukazzjoni awtonoma;

(c)

jiżviluppa u jipproduċi materjal edukattiv u ta' taħriġ fil-qasam tal-PSDK anki abbażi ta' materjal rilevanti li jkun diġà jeżisti;

(d)

jappoġġa Assoċjazzjoni tal-Alumni bejn parteċipanti preċedenti fit-taħriġ;

(e)

jappoġġa programmi ta' skambju fil-qasam tal-PSDK bejn l-istituti edukattivi u ta' taħriġ tal-Istati Membri;

(f)

jaġixxi bħala amministratur ta' kompartiment tal-modulu Schoolmaster tal-proġett Goalkeeper u jikkontribwixxi għall-Programm ta' Taħriġ annwali tal-Unjoni fil-PSDK permezz ta' dan il-modulu;

(g)

jaġixxi bħala amministratur tal-livell tal-Unjoni tal-pjattaforma CD-TXP għall-iskambju ta' opportunitajiet ta' taħriġ relatati maċ-ċibernetika;

(h)

jipprovdi appoġġ għall-ġestjoni tat-taħriġ u l-edukazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni ta' konflitti, il-maniġġar ċivili ta' kriżijiet, l-istabbiliment jew il-manteniment tal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli u l-inizjattivi tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà, kif ukoll il-promozzjoni taċ-ċibersigurtà u s-sensibilizzazzjoni dwar it-theddid ibridu;

(i)

jorganizza u jmexxi konferenza annwali tan-network li tlaqqa' flimkien lill-esperti ċivili u militari tat-taħriġ u l-edukazzjoni fil-PESK u fil-PSDK mill-ministeri u mill-istituti ta' taħriġ u edukazzjoni tal-Istati Membri, u l-atturi rilevanti esterni tat-taħriġ u l-edukazzjoni skont il-każ;

(j)

iżomm relazzjonijiet mal-atturi rilevanti fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, fil-qasam tal-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni, u ma' Organizzazzjonijiet Internazzjonali rilevanti;

(k)

jappoġġa lill-Kumitat għall-Aspetti Ċivili tal-Maniġġar ta' Kriżijiet u l-Grupp ta' Taħriġ Ċivili tal-UE billi jamministra u jiġġestixxi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni relatati mal-attivitajiet tal-Koordinaturi Ċivili għat-Taħriġ;

(l)

jipparteċipa fil-laqgħat tal-gruppi ta' taħriġ ċivili u militari tal-Unjoni, jislet ir-rekwiżiti ta' taħriġ ċivili/militari mill-kontribut tagħhom u, waqt l-eżerċizzju annwali ta' prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet tal-KESD u fl-iżvilupp tal-kurrikuli tal-KESD, iqis ir-riżultati tal-analiżi tar-rekwiżiti; u

(m)

jelabora, iżomm u jippromwovi ulterjorment il-qafas ta' kwalifiki settorjali għall-uffiċjali militari.

KAPITOLU II

Organizzazzjoni

Artikolu 5

Netwerk

1.   Il-KESD għandu jkun organizzat bħala netwerk li jressaq flimkien lill-istituti ċivili u militari, il-kulleġġi, l-akkademji, l-universitajiet, l-istituzzjonijiet, iċ-ċentri ta' eċċellenza u atturi oħra li jittrattaw kwistjonijiet ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża fl-Unjoni kif identifikati mill-Istati Membri, kif ukoll l-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà (EUISS).

Il-KESD għandu jistabbilixxi rabtiet mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, b'mod partikolari ma', iżda mhux biss:

l-Aġenzija tal-UE għat-taħriġ fl-infurzar tal-liġi (CEPOL),

l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX),

l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA),

iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EU Satcen), u

l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol).

2.   Fejn ikun il-każ, organizzazzjonijiet internazzjonali, intergovernattivi, governattivi u nongovernattivi jistgħu jiksbu l-istatus ta' "sieħeb assoċjat tan-network" (ANP), li l-arranġamenti dettaljati tiegħu jiġu maqbula mill-Kumitat ta' Tmexxija.

3.   Il-KESD għandu jaħdem taħt ir-responsabbiltà ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ("RGħ").

Artikolu 6

Ir-rwol tal-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà

1.   Bħala parti min-network tal-KESD, l-EUISS għandu jikkoopera mal-KESD billi jqiegħed il-ħila esperta tiegħu u l-kapaċitajiet ta' ġbir ta' għarfien tiegħu disponibbli għall-attivitajiet ta' taħriġ tal-KESD, inkluż permezz ta' pubblikazzjonijiet tal-EUISS, fil-limiti tal-kapaċitajiet proprji tiegħu.

2.   B'mod partikolari, l-EUISS għandu jipprovdi l-lezzjonijiet mogħtija mill-analisti tal-EUISS u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri tal-kontenut tat-tagħlim elettroniku tal-KESD.

3.   L-EUISS għandu jappoġġa wkoll lill-Assoċjazzjoni tal-Alumni tal-KESD.

Artikolu 7

Kapaċità legali

1.   Il-KESD għandu jkollu l-kapaċità legali meħtieġa sabiex:

(a)

iwettaq il-kompiti tiegħu u jilħaq l-objettivi tiegħu;

(b)

jidħol fil-kuntratti u l-arranġamenti amministrattivi meħtieġa għall-funzjonament tiegħu, inkluż biex jimplimenta l-issekondar ta' persunal u jirrekluta persunal bil-kuntratt; jakkwista tagħmir, b'mod partikolari tagħmir għat-tagħlim;

(c)

ikollu kontijiet bankarji; u

(d)

jkun parti fi proċedimenti legali.

2.   Kwalunkwe obbligazzjoni li tista' tirriżulta minn kuntratti konklużi mill-KESD, għandha tkun koperta mill-fondi disponibbli għalih skont l-Artikoli 16 u 17.

Artikolu 8

Struttura

L-istruttura li ġejja għandha tiġi stabbilita taħt il-KESD:

(a)

il-Kumitat ta' Tmexxija b'responsabbiltà għall-koordinazzjoni u d-direzzjoni ġenerali tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD;

(b)

il-Bord Akkademiku Eżekuttiv ("il-Bord") b'responsabbiltà li jiżgura l-kwalità u l-koerenza tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD;

(c)

il-Kap tal-KESD ("il-Kap"), rappreżentant legali uniku tal-KESD, b'responsabbiltà għall-ġestjoni finanzjarja u amministrattiva tal-KESD, kif ukoll li jagħti pariri lill-Kumitat ta' Tmexxija u lill-Bord dwar l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-KESD;

(d)

is-Segretarjat tal-KESD ("is-Segretarjat") li għandu jassisti lill-Kap fit-twettiq tal-kompiti tal-Kap u b'mod partikolari jassisti lill-Bord biex jiżgura l-kwalità u l-koerenza ġenerali tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD.

Artikolu 9

Kumitat ta' Tmexxija

1.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru u għandu jkun il-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-KESD. Kull membru tal-Kumitat jista' jkun rappreżentat jew akkumpanjat minn membru supplenti.

2.   Il-membri tal-Kumitat ta' Tmexxija jistgħu jkunu akkumpanjati minn esperti għal-laqgħat tal-Kumitat.

3.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tar-RGħ li jkollu l-esperjenza adatta. Huwa għandu jiltaqa' mill-inqas erba' darbiet fis-sena.

4.   Rappreżentanti mill-pajjiżi aderenti mal-Unjoni jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija bħala osservaturi attivi.

5.   Il-Kap, persunal ieħor tal-KESD, il-President tal-Bord u, meta jkun il-każ, il-Presidenti tal-konfigurazzjonijiet differenti tiegħu kif ukoll rappreżentant tal-Kummissjoni u ta' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, inkluż is-SEAE, għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija mingħajr id-dritt li jivvotaw.

6.   Il-kompiti tal-Kumitat ta' mexxija għandhom ikunu li:

(a)

japprova u jwettaq rieżami regolari tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD b'riflessjoni tal-ħtiġijiet miftiehma ta' taħriġ u edukazzjoni tal-PSDK;

(b)

japprova l-programm akkademiku annwali tal-KESD;

(c)

jagħżel u jipprijoritizza l-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni li jsiru taħt il-KESD, filwaqt li jqis ir-riżorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-KESD u l-ħtiġijiet ta' taħriġ u edukazzjoni identifikati;

(d)

jagħżel l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jospitaw l-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD u l-istituti li jwettquhom;

(e)

jiddeċiedi dwar il-ftuħ ta' attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni speċifiċi tal-KESD għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi terzi fil-qafas politiku ġenerali stabbilit mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà;

(f)

jadotta l-kurrikuli għall-attivitajiet kollha ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD;

(g)

jieħu nota tar-rapporti ta' evalwazzjoni tal-korsijiet;

(h)

jieħu nota tar-rapport annwali ġenerali dwar l-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD u jadotta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, li għandhom jintbagħtu lill-korpi rilevanti tal-Kunsill;

(i)

jipprovdi gwida ġenerali għall-ħidma tal-Bord;

(j)

jaħtar lill-Presidenti tal-Bord u l-konfigurazzjonijiet differenti tiegħu;

(k)

jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa fir-rigward tal-funzjonament tal-KESD sa fejn dawn ma jkunux attribwiti lil korpi oħra;

(l)

japprova l-baġit annwali u kwalunkwe baġit emendatorju, filwaqt li jaġixxi fuq proposti mill-Kap;

(m)

japprova l-kontijiet annwali u jagħti kwittanza lill-Kap;

(n)

japprova regoli addizzjonali applikabbli għan-nefqa ġestita mill-KESD;

(o)

japprova kwalunkwe ftehim ta' finanzjament u/jew arranġament tekniku mal-Kummissjoni, is-SEAE, Aġenzija tal-Unjoni jew Stat Membru dwar il-finanzjament u/jew l-implimentazzjoni tan-nefqa tal-KESD;

(p)

jikkontribwixxi għall-proċess tal-għażla tal-Kap kif definit fl-Artikolu 11(3);

(q)

jevalwa l-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu jew tagħha mill-Kap fir-rigward tal-estensjoni potenzjali tal-mandat tiegħu jew tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 11(4).

7.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu japprova r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

8.   Ħlief fil-każ previst fl-Artikolu 2(6) tar-Regoli Finanzjarji applikabbli għan-nefqa ffinanzjata mill-KESD u għall-finanzjament tan-nefqa tal-KESD, li tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni ("ir-Regoli Finanzjarji"), il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, kif definit fl-Artikolu 16(4) TUE.

Artikolu 10

Bord Akkademiku Eżekuttiv

1.   Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentanti għoljin minn dawk l-istituti ċivili u militari u atturi oħra identifikati mill-Istati Membri biex jappoġġaw it-twettiq tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD u tad-Direttur tal-EUISS jew ir-rappreżentant tad-Direttur.

2.   Il-President tal-Bord għandu jinħatar mill-Kumitat ta' Tmexxija minn fost il-membri tal-Bord.

3.   Ir-Rappreżentanti tal-Kummissjoni u tas-SEAE għandhom jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord.

4.   Ir-rappreżentanti għoljin tas-sħab assoċjati tan-network għandhom jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord bħala osservaturi attivi.

5.   Esperti akkademiċi u uffiċjali għoljin minn istituzzjonijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord, bħala osservaturi. Meta jkun xieraq u skont il-każ, l-esperti akkademiċi u l-uffiċjali għoljin li huma rappreżentanti ta' istituti li mhumiex membri tan-network jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord.

6.   Il-kompiti tal-Bord għandhom ikunu li:

(a)

jipprovdi pariri u rakkomandazzjonijiet akkademiċi lill-Kumitat ta' Tmexxija;

(b)

jimplimenta, permezz tan-network, il-programm akkademiku annwali miftiehem;

(c)

jissorvelja s-sistema tat-tagħlim elettroniku;

(d)

jiżviluppa kurrikuli għall-attivitajiet kollha ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD;

(e)

jiżgura koordinazzjoni ġenerali tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD fost l-istituti kollha;

(f)

jirrieżamina l-istandards tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni mwettqa fis-sena akkademika preċedenti;

(g)

iressaq proposti lill-Kumitat ta' Tmexxija għal attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni fis-sena akkademika li jkun imiss;

(h)

jiżgura evalwazzjoni sistematika tal-attivitajiet kollha ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD u japprova r-rapporti ta' evalwazzjoni tal-korsijiet;

(i)

jikkontribwixxi għall-abbozz tar-rapport annwali ġenerali dwar l-attivitajiet tal-KESD;

(j)

jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Ewropea għall-Iskambju ta' Uffiċjali Żgħażagħ, ispirata mill-programm Erasmus.

7.   Biex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-Bord jista' jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet differenti ffokati fuq proġett partikolari. Il-Bord għandu jfassal ir-regoli u l-arranġamenti li jirregolaw il-ħolqien u l-funzjonament ta' dawn il-konfigurazzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma mill-Kumitat tat-Tmexxija. Kull konfigurazzjoni għandha tirrapporta dwar l-attivitajiet tagħha lill-Bord ġenerali mill-inqas darba fis-sena, u wara dan il-mandat tagħha jista' jiġi estiż.

8.   Il-membri tas-Segretarjat għandhom jappoġġaw u jassistu lill-Bord u lil kull waħda mill-konfigurazzjonijiet tiegħu. Daawk il-membri għandhom jattendu l-laqgħat mingħajr id-dritt tal-vot. Jekk ma jkunx jista' jiġi identifikat kandidat ieħor, membru jista', fl-istess ħin, jippresiedi l-laqgħat.

9.   Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Bord u ta' kull waħda mill-konfigurazzjonijiet tiegħu għandhom jiġu adottati mill-Kumitat ta' Tmexxija.

Artikolu 11

Kap tal-KESD

1.   Il-Kap għandu:

(a)

ikun responsabbli mill-attivitajiet tal-KESD;

(b)

ikun ir-rappreżentant legali uniku tal-KESD;

(c)

ikun responsabbli għall-ġestjoni finanzjarja u amministrattiva tal-KESD;

(d)

jagħti pariri lill-Kumitat ta' Tmexxija u lill-Bord u jappoġġa l-ħidma tagħhom; u

(e)

jaġixxi bħala r-rappreżentant tal-KESD għall-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni fin-network u barra minnu.

2.   Il-kandidati għall-pożizzjoni ta' Kap għandhom ikunu persuni b'ħila esperta u esperjenza stabbiliti u rikonoxxuti fit-taħriġ u l-edukazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jressqu kandidati għall-pożizzjoni ta' Kap. Għal din il-pożizzjoni jista' japplika persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tas-SEAE, skont ir-regoli applikabbli.

3.   Il-proċess tal-preselezzjoni għandu jiġi organizzat taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Il-bord tal-preselezzjoni għandu jkun magħmul minn tliet rappreżentanti tas-SEAE. Dan għandu jkun presedut mill-President tal-Kumitat ta' Tmexxija. Abbażi tar-riżultati tal-preselezzjoni, ir-RGħ għandu jippreżenta lil dak il-Kumitat rakkomandazzjoni b'lista ristretta ta' mill-inqas tliet kandidati, imfassla skont l-ordni tal-preferenza tal-bord ta' preselezzjoni. Mill-inqas nofs il-kandidati fil-lista ristretta jenħtieġ li jkunu mill-Istati Membri. Waqt il-proċess tas-selezzjoni, il-kandidati għandhom jippreżentaw il-viżjoni tagħhom għall-KESD lil dak il-Kumitat, u wara dan l-Istati Membri għandhom jiġu mistiedna jikklassifikaw il-kandidati b'vot sigriet bil-miktub. Il-Kap tal-KESD għandu jinħatar mir-RGħ bħala membru tal-persunal tas-SEAE għal perijodu li ma jaqbiżx it-tliet snin.

4.   Qabel tmiem il-perijodu msemmi fil-paragrafu 3, it-twettiq tal-kompiti tiegħu jew tagħha mill-Kap għandu jiġi evalwat mill-Kumitat ta' Tmexxija, b'mod partikolari meta mqabbel mal-objettivi stabbiliti fil-viżjoni ppreżentata waqt il-proċess tal-għażla. Abbażi ta' din l-evalwazzjoni, dak il-Kumitat għandu mbagħad jipproponi jew li jiġi estiż il-mandat tal-kap attwali jew li titnieda proċedura ta' għażla ġdida biex jintgħażel Kap ġdid. F'dan l-aħħar każ, il-Kap attwali ma jistax japplika għal dik il-pożizzjoni. Fil-każ ta' estensjoni, it-tul ta' żmien totali tal-mandat tal-Kap ma għandux jaqbeż il-ħames snin.

5.   Il-kompiti tal-Kap għandhom ikunu, b'mod partikolari, li:

(a)

jieħu l-passi kollha meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta' struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta' avviżi, biex jiżgura li l-attivitajiet tal-KESD jiffunzjonaw b'mod effettiv;

(b)

ifassal l-abbozz preliminari tar-rapport annwali tal-KESD u l-abbozz preliminari tal-programm ta' ħidma tiegħu li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat ta' Tmexxija abbażi tal-proposti ppreżentati mill-Bord;

(c)

jikkoordina l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma tal-KESD;

(d)

iżomm kuntatti mal-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri;

(e)

iżomm kuntatti mal-atturi ta' taħriġ u edukazzjoni esterni rilevanti fil-qasam tal-PESK u tal-PSDK;

(f)

jikkonkludi, fejn ikun meħtieġ, arranġamenti tekniċi dwar attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD mal-awtoritajiet u l-atturi rilevanti ta' taħriġ u edukazzjoni fil-qasam tal-PESK u tal-PSDK;

(g)

iwettaq kwalunkwe kompitu ieħor assenjat lilu jew lilha mill-Kumitat.

6.   Il-Kap għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni finanzjarja u amministrattiva tal-KESD, u b'mod partikolari għandu:

(a)

ifassal u jippreżenta lill-Kumitat ta' Tmexxija kwalunkwe abbozz ta' baġit;

(b)

jadotta l-baġits wara li jiġu approvati mill-Kumitat ta' Tmexxija;

(c)

ikun l-uffiċjal li jawtorizza l-baġit tal-KESD;

(d)

jiftaħ kont bankarju wieħed jew aktar f'isem il-KESD;

(e)

jinnegozja, jippreżenta lill-Kumitat ta' Tmexxija u jikkonkludi kwalunkwe ftehim ta' finanzjament u/jew arranġament tekniku mal-Kummissjoni, is-SEAE jew Stat Membru dwar il-finanzjament u/jew l-implimentazzjoni tan-nefqa tal-KESD;

(f)

jagħżel il-persunal tas-Segretarjat, bl-għajnuna ta' bord tas-selezzjoni;

(g)

jinnegozja u jiffirma f'isem il-KESD kwalunkwe Skambju ta' Ittri għall-issekondar ta' persunal tas-Segretarjat lill-KESD;

(h)

jinnegozja u jiffirma f'isem il-KESD kwalunkwe kuntratt ta' impjieg għall-persunal imħallas mill-baġit tal-KESD;

(i)

b'mod ġenerali, jirrappreżenta lill-KESD għall-finijiet ta' kull att legali b'implikazzjonijiet finanzjarji;

(j)

jippreżenta lill-Kumitat ta' Tmexxija l-kontijiet annwali tal-KESD.

7.   Il-Kap għandu jagħti rendikont tal-attivitajiet tiegħu jew tagħha lill-Kumitat ta' Tmexxija.

Artikolu 12

Segretarjat tal-KESD

1.   Is-Segretarjat għandu jassisti lill-Kap fit-twettiq tal-kompiti tiegħu ta' Kap.

2.   Is-Segretarjat għandu jipprovdi appoġġ lill-Kumitat ta' Tmexxija, lill-Bord inkluż il-konfigurazzjonijiet tiegħu u lill-istituzzjonijiet għall-ġestjoni, il-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD.

3.   Is-Segretarjat għandu jappoġġa u jassisti lill-Bord biex jiżgura l-kwalità u l-koerenza ġenerali tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD u biex jiżgura li dawn jibqgħu konformi mal-iżviluppi fil-politika tal-Unjoni. B'mod partikolari, huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-passi kollha fl-għoti ta' attività ta' taħriġ u edukazzjoni, mill-iżvilupp tal-kurrikulu u l-kontenut sal-approċċ metodoloġiku, għandhom jirriflettu l-ogħla standards possibbli.

4.   Kull istitut li jifforma parti min-network tal-KESD għandu jaħtar punt ta' kuntatt mas-Segretarjat biex jittratta l-kwistjonijiet organizzattivi u amministrattivi konnessi mal-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD.

5.   Is-Segretarjat għandu jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni u mas-SEAE.

Artikolu 13

Persunal tal-KESD

1.   Il-persunal tal-KESD għandu jkun magħmul minn:

(a)

persunal issekondat lill-KESD mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, is-SEAE u l-aġenziji tal-Unjoni;

(b)

esperti nazzjonali ssekondati lill-KESD mill-Istati Membri;

(c)

persunal ikkuntrattat meta l-ebda espert nazzjonali ma jkun ġie identifikat u wara l-approvazzjoni mill-Kumitat ta' Tmexxija.

2.   Il-KESD jista' jirċievi interns u akkademiċi mistiedna.

3.   L-għadd ta' persunal tal-KESD għandu jkun deċiż mill-Kumitat ta' Tmexxija flimkien mal-baġit għas-sena li jkun imiss u għandu jkollu rabta ċara mal-għadd ta' attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD u ma' kompiti oħra kif definit fl-Artikolu 4.

4.   Id-Deċiżjoni tar-RGħ li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali sekondati lis-SEAEgħandha tkun applikabbli mutatis mutandis għall-esperti nazzjonali ssekondati lill-KESD mill-Istati Membri. Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (6) għandhom japplikaw għall-persunal issekondat lill-KESD mill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż għall-persunal ikkuntrattat imħallas mill-baġit tal-KESD.

5.   Il-Kumitat ta' Tmexxija, fuq proposta mir-RGħ, għandu jiddefinixxi sa fejn hu meħtieġ il-kondizzjonijiet applikabbli għall-interns u l-akkademiċi mistiedna.

6.   Il-persunal tal-KESD ma jistax jikkonkludi kuntratti jew jidħol fi kwalunkwe tip ta' obbligu finanzjarju f'isem il-KESD mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel bil-miktub tal-Kap.

KAPITOLU III

Finanzjament

Artikolu 14

Kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni

1.   Kull Stat Membru, istituzzjoni tal-Unjoni, aġenzija u istitut tal-Unjoni, u s-SEAE għandu jġarrab l-ispejjeż kollha relatati mal-parteċipazzjoni tiegħu fil-KESD, inkluż is-salarji, l-allowances, l-infiq fuq l-ivvjaġġar u s-sussistenza u l-ispejjeż relatati mal-appoġġ organizzattiv u amministrattiv tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD.

2.   Kull parteċipant fl-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD għandu jġarrab l-ispejjeż kollha relatati mal-parteċipazzjoni tiegħu.

Artikolu 15

Appoġġ mis-SEAE

1.   Is-SEAE għandu jġarrab l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ospitar tal-Kap u tas-Segretarjat fil-bini tiegħu, inkluż l-ispejjeż tat-teknoloġija tal-informazzjoni, l-issekondar tal-Kap u l-issekondar ta' membru tal-persunal assistent wieħed lis-Segretarjat.

2.   Is-SEAE għandu jipprovdi lill-KESD bl-appoġġ amministrattiv meħtieġ għar-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-persunal tiegħu u biex jimplimenta l-baġit tiegħu.

Artikolu 16

Kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea

1.   Il-KESD għandu jirċievi kontribuzzjoni annwali jew pluriennali mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dik il-kontribuzzjoni tista' tkopri, b'mod partikolari, l-ispejjeż ta' appoġġ għall-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni u l-ispejjeż tal-esperti nazzjonali ssekondati mill-Istati Membri lill-KESD u sa membru wieħed tal-persunal ikkuntrattat.

2.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-KESD matul il-perijodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2021 għandu jkun ta' EUR 2 055 156.

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-KESD għal perijodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

3.   Wara d-deċiżjoni mill-Kunsill kif imsemmi fil-paragrafu 2, ftehim ta' finanzjament mal-Kummissjoni għandu jiġi nnegozjat mill-Kap.

Artikolu 17

Kontribuzzjonijiet volontarji

1.   Għall-fini tal-finanzjament ta' attivitajiet speċifiċi, il-KESD jista' jirċievi u jamministra kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri u istituti jew donaturi oħra. Tali kontribuzzjonijiet għandhom jiġu assenjati speċifikament mill-KESD.

2.   Arranġamenti tekniċi għall-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu nnegozjati mill-Kap.

Artikolu 18

Implimentazzjoni tal-proġetti

1.   Il-KESD jista' japplika għal proġetti ta' riċerka u proġetti oħrajn fil-qasam tal-PESK. Il-KESD jista' jaġixxi bħala koordinatur tal-proġett jew bħala membru. Il-Kap jista' jkun affiljat mal-"bord konsultattiv" ta' tali proġett. Il-Kap jista' jiddelega dan il-kompitu lil wieħed mill-Presidenti tal-konfigurazzjonijiet tal-Bord jew lil membru tas-Segretarjat.

2.   Kontribuzzjoni li tkun ġejja minn dawk il-proġetti għandha tkun viżibbli fil-baġit emendatorju tal-KESD u użata skont il-kompiti u l-objettivi tal-KESD.

Artikolu 19

Regoli finanzjarji

Ir-Regoli Finanzjarji għandhom japplikaw għan-nefqa ffinanzjata mill-KESD u għall-finanzjament ta' tali nefqa.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet varji

Artikolu 20

Parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD

1.   L-attivitajiet kollha ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Istati Membri u tal-Istati aderenti kollha. L-istituti li jorganizzaw u jwettqu dawn l-attivitajiet għandhom jiżguraw li dan il-prinċipju japplika mingħajr eċċezzjoni.

2.   L-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD għandhom ikunu miftuħa, fil-prinċipju, għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi li huma kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni u, kif ikun xieraq, ta' Stati terzi u Organizzazzjonijiet oħra, b'mod partikolari għal dawk l-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(2).

3.   Il-parteċipanti għandhom ikunu persunal ċivili/diplomatiku/tal-pulizija/militari li jittratta aspetti fil-qasam tal-PSDK u tal-PESK, u esperti li jkunu ser jiġu skjerati fuq missjonijiet jew operazzjonijiet tal-PSDK.

Rappreżentanti ta', fost oħrajn, organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet nongovernattivi, istituzzjonijiet akkademiċi u l-media, kif ukoll membri tal-komunità kummerċjali, jistgħu jkunu mistiedna jieħdu sehem fl-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-KESD.

4.   Parteċipant li jkun temm kors tal-KESD għandu jingħata ċertifikat iffirmat mir-RGħ. Il-modalitajiet taċ-ċertifikat għandhom jinżammu taħt rieżami mill-Kumitat ta' Tmexxija. Iċ-ċertifikat għandu jkun rikonoxxut mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Artikolu 21

Kooperazzjoni

Il-KESD għandu jikkoopera ma' u juża l-ħila esperta tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u atturi rilevanti oħrajn, bħalma huma l-istituti edukattivi u tat-taħriġ nazzjonali ta' Stati terzi, b'mod partikolari, iżda mhux biss, dawk imsemmija fl-Artikolu 5(2).

Artikolu 22

Regolamenti tas-sigurtà

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (7) għandha tapplika għall-KESD.

KAPITOLU V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 23

Kontinwità

Ir-regoli u r-regolamenti adottati għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/2382 għandhom jibqgħu fis-seħħ għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sa fejn ikunu kompatibbli ma' din id-Deċiżjoni u sakemm jiġu emendati jew jitħassru.

Artikolu 24

Tħassir

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2382 hija b'dan imħassra.

Artikolu 25

Rieżami

1.   Mhux aktar tard mill-20 ta’ Ottubru 2024, il-Kap għandu jagħti bidu għal rieżami tal-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni, b'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha.

2.   Ir-rieżami għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat ta' Tmexxija.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni.

Artikolu 27

Pubblikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KLOECKNER


(1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/575/PESK tat-18 ta’ Lulju 2005 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew għas-Sigurtà u d-Difiża (KESD) ĠU L 194, 26.07.2005, p. 15.

(2)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/550/PESK tat- 23 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD) u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2005/575/PESK (ĠU L 176, 4.7.2008, p. 20).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/189/PESK tat- 22 ta’ April 2013 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD) u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2008/550/PESK (ĠU L 112, 24.4.2013, p. 22).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2382 tal-21 ta' Diċembru 2016 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD) u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/189/PESK (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 60).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


ANNESS

REGOLI FINANZJARJI APPLIKABBLI GĦAN-NEFQA FFINANZJATA MILL-KESD U GĦALL-FINANZJAMENT TAN-NEFQA TAL-KESD

Artikolu 1

Prinċipji baġitarji

1.   Il-baġit tal-KESD, imfassal f'euro, huwa l-att li għal kull sena finanzjarja jistabbilixxi u jawtorizza d-dħul kollu tal-KESD u n-nefqa kollha ffinanzjata mill-KESD.

2.   Id-dħul u n-nefqa tal-baġit għandhom ikunu f'bilanċ.

3.   L-ebda dħul jew nefqa ffinanzjata mill-KESD ma tista' tiġi implimentata ħlief permezz ta' allokazzjoni għal intestatura fil-baġit tal-KESD.

Artikolu 2

Adozzjoni tal-baġits

1.   Kull sena l-Kap għandu jfassal abbozz ta' baġit għas-sena finanzjarja li jkun imiss, li tibda fl-1 ta' Jannar u tintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena. L-abbozz tal-baġit għandu jinkludi l-approprjazzjonijiet meqjusa meħtieġa biex ikopru n-nefqa li għandha tiġi ffinanzjata mill-KESD matul dak il-perijodu u previżjoni tad-dħul li mistenni jkopri dik in-nefqa.

2.   L-approprjazzjonijiet għandhom ikunu kklassifikati bħala meħtieġa skont it-tip jew l-iskop f'kapitoli u artikoli. Kummenti dettaljati għal kull artikolu għandhom jiġu inklużi fl-abbozz.

3.   Id-dħul għandu jikkonsisti mill-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Membri jew ta' donaturi oħra kif ukoll mill-kontribuzzjoni annwali mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kap għandu jippreżenta rapport dettaljat tal-baġit dwar is-sena finanzjarja preċedenti sal-31 ta' Marzu. Il-Kap għandu jipproponi l-abbozz ta' baġit għas-sena finanzjarja ta' wara lill-Kumitat ta' Tmexxija sal-31 ta' Lulju.

5.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu japprova l-abbozz tal-baġit sal-31 ta' Ottubru.

6.   Fejn il-KESD jirċievi kontribuzzjoni pluriennali mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat ta' Tmexxija għandu japprova l-baġit annwali b'kunsens.

Artikolu 3

Trasferimenti tal-approprjazzjonijiet

Fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti, it-trasferimenti ta' approprjazzjonijiet bejn il-linji baġitarji jew intestaturi baġitarji tal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 16, li ma jaqbżux il-25 % ta' dawk il-linji jew l-intestaturi baġitarji, jistgħu jiġu deċiżi mill-Kap, li għandu jżomm lill-Kumitat ta' Tmexxija infurmat dwar tali trasferimenti. Trasferimenti ta' approprjazzjonijiet bejn il-linji jew l-intestaturi baġitarji li jaqbżu l-25 % tal-linji jew l-intestaturi baġitarji għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat ta' Tmexxija f'baġit emendatorju tal-KESD għall-approvazzjoni.

Artikolu 4

Riporti ta' approprjazzjonijiet

1.   L-approprjazzjonijiet meħtieġa biex jitħallsu l-obbligi legali li jittieħdu sal-31 ta' Diċembru ta' sena finanzjarja għandhom jiġu riportati għas-sena finanzjarja li jkun imiss.

2.   Approprjazzjonijiet li jkunu ġejjin minn kontribuzzjonijiet volontarji għandhom jiġu riportati għas-sena finanzjarja li jkun imiss.

3.   Approprjazzjonijiet li jkunu ġejjin minn proġetti għandhom jiġu riportati għas-sena finanzjarja li jkun imiss.

4.   Il-Kap jista' jirriporta approprjazzjonijiet oħra fil-baġit għas-sena finanzjarja li jkun imiss bl-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija.

5.   Approprjazzjonijiet oħra għandhom jiġu kkanċellati fl-aħħar tas-sena finanzjarja.

Artikolu 5

Implimentazzjoni tal-baġit u ġestjoni tal-persunal

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu u l-ġestjoni tal-persunal tiegħu, il-KESD għandu juża l-istrutturi amministrattivi eżistenti tal-Unjoni, b'mod partikolari s-SEAE, sal-massimu possibbli.

Artikolu 6

Kontijiet bankarji

1.   Kwalunkwe kont bankarju tal-KESD għandu jinfetaħ f'istituzzjoni finanzjarja tal-ogħla kalibru li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru u għandu jkun kont kurrenti jew bi skadenza qasira f'euro.

2.   Mill-ebda kont bankarju tal-KESD ma jistgħu jinġibdu flus aktar milli jkun hemm depożitati.

Artikolu 7

Pagamenti

Kwalunkwe pagament minn kont bankarju tal-KESD għandu jirrikjedi l-firma konġunta tal-Kap u ta' membru ieħor tal-persunal tal-KESD.

Artikolu 8

Kontabilità

1.   Il-Kap għandu jiżgura li l-kontijiet li juru d-dħul, in-nefqa u l-inventarju tal-assi tal-KESD jinżammu f'konformità mal-istandards tal-kontabilità aċċettati internazzjonalment għas-settur pubbliku.

2.   Il-Kap għandu jippreżenta lill-Kumitat ta' Tmexxija l-kontijiet annwali għal sena finanzjarja partikolari mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' wara, flimkien mar-rapport dettaljat imsemmi fl-Artikolu 2(4) ta' dawn r-Regoli Finanzjarji.

3.   Jekk ikun meħtieġ, is-servizzi tal-kontabilità jistgħu jiġu esternalizzati.

Artikolu 9

Awditjar

1.   L-awditjar tal-kontijiet tal-KESD għandu jsir kull sena.

2.   Is-servizzi tal-awditjar meħtieġa għandhom jiġu esternalizzati.

3.   Ir-rapporti tal-awditjar għandhom ikunu disponibbli għall-Kumitat ta' Tmexxija flimkien mar-rapport dettaljat imsemmi fl-Artikolu 2(4) ta' dawn ir-Regoli Finanzjarji.

Artikolu 10

Kwittanza

1.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jiddeċiedi abbażi tar-rapport dettaljat, il-kontijiet annwali u r-rapport tal-awditjar annwali jekk jagħtix kwittanza lill-Kap fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-KESD.

2.   Il-Kap għandu jieħu l-passi kollha adatti biex jissodisfa lill-Kumitat ta' Tmexxija li tista' tingħata kwittanza u biex jagħti segwitu għall-osservazzjonijiet fid-deċiżjonijiet li jagħtu l-kwittanza, jekk ikun hemm.


Início