EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0649

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/649 tas-7 ta’ Mejju 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea matul is-56 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija

ST/6438/2020/INIT

ĠU L 153, 15.5.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/649/oj

15.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/649

tas-7 ta’ Mejju 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea matul is-56 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni aderiet għall-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980 kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“COTIF”) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE (1).

(2)

L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru u Malta, huma Partijiet għall-COTIF.

(3)

L-Artikolu 6 COTIF jiddikjara li t-traffiku ferrovjarju internazzjonali u l-ammissjoni ta’ materjal ferrovjarju fit-traffiku internazzjonali jridu jiġu rregolati mirregoli elenkati f’dak l-Artikolu, b’mod partikolari r-“Regolamenti dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)”, li jifformaw parti mill-Appendiċi C tal-COTIF.

(4)

Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi rekwiżiti għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilmijiet interni fi ħdan l-Istati Membri jew bejniethom, abbażi tar-RID.

(5)

Skont l-ittra (d) tal-Artikolu 13 § 1 u l-Artikolu 33 § 5 COTIF, il-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (“il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID”) tal-Organizzazzjoni Intergovernamentali għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (“OTIF”) jista’ jemenda l-Anness tar-RID.

(6)

Il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID, fis-56 sessjoni tiegħu fis-27 ta’ Mejju 2020, ser jadotta emendi biex jadatta l-Anness tar-RID skont il-progress xjentifiku u tekniku.

(7)

L-emendi previsti jikkonċernaw standards tekniċi u għandhom l-għan li jiġi żgurat trasport sikur u effiċjenti ta’ oġġetti perikolużi filwaqt li jitqiesu l-progress xjentifiku u tekniku fis-settur u l-iżvilupp ta’ sustanzi u oġġetti ġodda li jistgħu joħolqu periklu matul it-trasport tagħhom.

(8)

L-emendi previsti jitqiesu xierqa għat-trasport sikur ta’ oġġetti perikolużi b’mod kosteffettiv u għalhekk jistgħu jiġu appoġġati,

(9)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Esperti tar-RID, peress li l-emendi tar-RID ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni waqt is-56 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, għandha tiġi stabbilita fit-tabella tal-emendi fid-dokument ST 7049/20 (3).

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Esperti tar-RID jistgħu jaqblu fuq bidliet minuri fid-dokumenti msemmija f’dik it-tabella tal-emendi mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Mal-adozzjoni, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’indikazzjoni tad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).

(3)  Id-dokument ST 7049/20 jinsab fi http://register.consilium.europa.eu


Top