EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0153

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/153 tat-3 ta’ Frar 2020 li tipprojbixxi lil-Litwanja milli terġa’ tagħti awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva thiamethoxam għall-użu fuq il-lift tar-rebbiegħa kontra l-Phyllotreta spp. u/jew il-Psylloides spp. (notifikata bid-dokument C(2020) 464) (It-test bil-Litwan biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/464

ĠU L 33, 5.2.2020, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/153/oj

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/153

tat-3 ta’ Frar 2020

li tipprojbixxi lil-Litwanja milli terġa’ tagħti awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva thiamethoxam għall-użu fuq il-lift tar-rebbiegħa kontra l-Phyllotreta spp. u/jew il-Psylloides spp.

(notifikata bid-dokument C(2020) 464)

(It-test bil-Litwan biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(3)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013 (2) emenda l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi thiamethoxam, clothianidin u imidacloprid, li jappartjenu għall-klassi tan-neonikotinojdi. L-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament ipprojbixxa l-bejgħ u l-użu taż-żrieragħ ta’ ċerti għelejjel ittrattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi, bl-eċċezzjoni taż-żrieragħ użati fis-serer. L-Istati Membri kellhom b’hekk jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi attivi.

(2)

Mis-26 ta’ Frar 2016, il-Litwanja ripetutament tat awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza li jkopru t-trattament taż-żrieragħ, il-bejgħ u ż-żrigħ ta’ żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi attivi, abbażi tad-deroga prevista fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra ġew debitament innotifikati b’dawn l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza.

(3)

Fit-3 ta’ Marzu 2017, il-Litwanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar żewġ awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza fis-seħħ mill-1 ta’ Marzu 2017 sat-28 ta’ Ġunju 2017 għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih it-thiamethoxam (CRUISER OSR) għall-użu fil-lift tar-rebbiegħa kontra l-Phyllotreta nemorum u l-Psylliodes chrysocephala u għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-clothianidin (MODESTO) għall-użu fil-lift tar-rebbiegħa kontra l-Athalia rosae, id-Delia radicum, il-Phyllotreta spp. u l-Psylliodes spp.

(4)

Fil-15 ta’ Settembru 2017, f’konformità mal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex tivvaluta l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza ta’ diversi Stati Membri, inklużi dawk tal-Litwanja, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi clothianidin, imidacloprid u thiametoxam għall-użi li ma għadhomx approvati permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 485/2013, fid-dawl tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza stabbiliti fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(5)

Fl-1 ta’ Marzu 2018, il-Litwanja nnotifikat mill-ġdid awtorizzazzjoni ta’ emerġenza għall-prodott CRUISER OSR li fih is-sustanza attiva thiamethoxam għat-trattament taż-żerriegħa u ż-żrigħ ta’ żrieragħ trattati, għall-użu fil-lift tar-rebbiegħa kontra l-Phyllotreta nemorum u l-Psylliodes chrysocephala.

(6)

Fir-rigward tat-tliet sustanzi attivi kkonċernati, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/783 (3), (UE) 2018/784 (4) u (UE) 2018/785 (5) ikkonfermaw ir-restrizzjonijiet imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 485/2013. Dawn ir-restrizzjonijiet komplew jillimitaw l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi imidacloprid, clothianidin u thiamethoxam, u jippermettu biss l-awtorizzazzjoni li jintużaw bħala insettiċidi f’serer permanenti jew għat-trattament ta’ żrieragħ maħsuba biex jintużaw biss f’serer permanenti. Barra minn hekk, l-għelejjel li jirriżultaw iridu jibqgħu fis-serer permanenti matul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom.

(7)

Fir-rapport tekniku imħejji fuq talba tal-Kummissjoni, imsemmi fil-premessa 4 u li ġie ppubblikat fil-21 ta’ Ġunju 2018 (6), dwar l-erba’ kombinazzjonijiet ta’ għelejjel/pesti, li għalihom ingħatat l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza mil-Litwanja, l-Awtorità kkonkludiet li għal żewġ kombinazzjonijiet ta’ għelejjel/pesti kien hemm prodott li fih sustanza attiva alternattiva awtorizzata bl-istess mod ta’ azzjoni, jiġifieri, il-lift tar-rebbiegħa/Phyllototreta sp. u l-lift tar-rebbiegħa/Psylloides spp. Barra minn hekk, prodott minnhom mhux biss kien ikopri l-lift tar-rebbiegħa/Phyllotreta spp. u l-lift tar-rebbiegħa/Psylliodes spp., li għalihom kienet teżisti alternattiva, iżda ntuża fl-istess ħin biex ikopri kombinazzjonijiet oħra ta’ għelejjel/pesti, jiġifieri l-lift tar-rebbiegħa/Athalia rosae u l-lift tar-rebbiegħa/Delia radicum, li għalihom ma kien hemm l-ebda prodott disponibbli li fih sustanza alternattiva.

(8)

Għalhekk, abbażi tal-valutazzjoni mill-Awtorità, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 ma kinux issodisfati fil-Litwanja fir-rigward ta’ CRUISER OSR, li fih is-sustanza attiva thiamethoxam għall-użu għall-kombinazzjonijiet ta’ għelejjel/pesti lift tar-rebbiegħa/Phyllotreta spp. u lift tar-rebbiegħa/Psylliodes spp. billi dawn l-awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza fihom kombinazzjoni ta’ għelejjel/pesti li għalihom ġie awtorizzat prodott ieħor, li fih sustanza attiva alternattiva bl-istess mod ta’ azzjoni. Il-prodott li jkopri l-lift tar-rebbiegħa/Athalia rosae u l-lift tar-rebbiegħa/Delia radicum, li għalihom kien ġie awtorizzat prodott ieħor li fih sustanza attiva alternattiva bl-istess mod ta’ azzjoni, ikopri wkoll pest ieħor għall-istess għalla li għaliha ma kien hemm l-ebda alternattiva disponibbli, u konsegwentament, il-Kummissjoni tqis li l-użu ta’ dan il-prodott huwa aċċettabbli fuq il-lift tar-rebbiegħa, billi ma għandux jiġi mħeġġeġ, sa fejn huwa possibbli, l-użu ta’ prodott multipli għall-protezzjoni tal-pjanti fuq l-istess għalla biex jiġu indirizzati pesti differenti.

(9)

Il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2018, talbet lil-Litwanja biex tikkonferma li mhix se terġa' tagħti awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza għall-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti CRUISER OSR li fih is-sustanza attiva thiamethoxam għall-użu fuq il-kombinazzjonijiet tal-għelejjel/pesti il-lift tar-rebbiegħa/Phyllotreta spp. u l-lift tar-rebbiegħa/Psylliodes spp. Fir-risposta tagħħa tas-17 ta’ Settembru 2018, il-Litwanja infurmat li l-awtorizzazzjoni ta’ emerġenza kienet iġġustifikata.

(10)

Il-Kummissjoni tqis li jkun xieraq li jiġi deċiż li l-Litwanja ma tistax terġa' tagħti awtorizzazzjonijiet ta’ emerġenza għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li fihom is-sustanza attiva clothianidin jew thiamethoxam, għall-użu fuq il-kombinazzjonijiet tal-għelejjel/pesti lift tar-rebbiegħa/Phyllotreta spp. u lift tar-rebbiegħa/Psylliodes spp.

(11)

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stipulat mill-President tiegħu. Att ta’ implimentazzjoni tqies bħala neċessarju u l-president issottometta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat tal-appell għal aktar deliberazzjoni. Il-kumitat tal-appell ma tax opinjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Litwanja ma tistax terġa' tagħti awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva thiamethoxam għall-użu fuq il-lift tar-rebbiegħa kontra l-pesti Phyllotreta spp. jew Psylliodes spp.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013 tal-24 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi klotijanidin, tijametossam u imidakloprid, u li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ taż-żerriegħa trattata bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi attivi (ĠU L 139, 25.5.2013, p. 12).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/783 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva imidakloprid (ĠU L 132, 30.5.2018, p. 31).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/784 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva klotijanidin (ĠU L 132, 30.5.2018, p. 35).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/785 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet gall-approvazzjoni tas-sustanza attiva tijametossam (ĠU L 132, 30.5.2018, p. 40).

(6)  EFSA supporting publication 2018:EN-1421.


Top