Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R2234

    Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2019/2234 tad-19 ta’ Diċembru 2019 dwar miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2020 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

    ST/12412/2019/REV/1

    ĠU L 336, 30.12.2019, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2234/oj

    30.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 336/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2019/2234

    tad-19 ta’ Diċembru 2019

    dwar miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2020 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)

    Fid-29 ta’ Marzu 2017 ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta’ Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perijodu. Il-perijodu ġie estiż darbtejn mill-Kunsill Ewropew, l-aktar reċentement permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/584 (2) tiegħu, li estendietu sal-31 ta’ Ottubru 2019. Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ mar-Renju Unit u ta’ estensjoni ulterjuri tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 50(3) TUE, hemm il-ħtieġa li jkun hemm qbil, fi ftehim internazzjonali futur bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, dwar saldu finanzjarju fir-rigward tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw mis-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni.

    (2)

    Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi rispettivi tal-Unjoni u tar-Renju Unit li jirriżultaw mill-perijodu kollu tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2019/1197 (3) stabbilixxa regoli dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni, minn naħa waħda, u r-Renju Unit u l-benefiċjarji tiegħu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni (“il-baġit”) fl-2019. Hemm bżonn li jiġu stabbiliti r-regoli dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni, minn naħa waħda, u r-Renju Unit u l-benefiċjarji tiegħu, min-naħa l-oħra, anke fir-rigward tal-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-baġit fl-2020.

    (4)

    It-Trattati ma jipprevedux setgħat għajr dawk skont l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 203 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-adozzjoni tal-miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit 2020 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ.

    (5)

    Ir-Renju Unit, u persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, qed jipparteċipaw f’għadd ta’ programmi jew azzjonijiet tal-Unjoni abbażi tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni. Dik il-parteċipazzjoni ssir abbażi ta’ ftehimiet mar-Renju Unit jew ma’ persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit jew abbażi ta’ deċiżjonijiet favur ir-Renju Unit jew persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit li jikkostitwixxu impenji legali.

    (6)

    Għal ħafna minn dawk il-ftehimiet u deċiżjonijiet, in-normi li jirregolaw l-eliġibbiltà jirrikjedu li l-benefiċjarju jkun Stat Membru jew persuna jew entità stabbilita fi Stat Membru. L-eliġibbiltà tar-Renju Unit, jew ta’ persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, hija f’każi bħal dawn marbuta mal-fatt li r-Renju Unit huwa Stat Membru. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ għalhekk jimplika t-telf tal-eliġibbiltà ta’ tali benefiċjarji għall-finanzjament tal-Unjoni skont tali ftehimiet u deċiżjonijiet. Madankollu, dan ma jikkonċernax każijiet fejn persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit jipparteċipaw f’azzjoni skont ir-regoli rispettivi tal-Unjoni għal persuni u entitajiet stabbiliti f’pajjiż terz, u soġġett għall-kondizzjonijiet applikabbli skont dawk ir-regoli.

    (7)

    F’każ ta’ rtirar mingħajr ftehim dwar il-ħruġ, ikun ta’ benefiċċju kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri tagħha u għar-Renju Unit, u l-persuni u l-entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, li jipprevedu l-eliġibbiltà fl-2020 tar-Renju Unit u l-benefiċjarji stabbiliti fir-Renju Unit biex jirċievu l-fondi tal-Unjoni u għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-finanzjament tal-baġit għall-2020. Ikun ukoll ta’ benefiċċju jekk l-impenji legali ffirmati u adottati qabel id-data tal-ħruġ, jew fl-2019 bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197, ikunu jistgħu jkomplu jiġu eżegwiti matul l-2020.

    (8)

    Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li bihom ir-Renju Unit, u persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, ikunu jistgħu jibqgħu eliġibbli fl-2020 fir-rigward tal-ftehimiet iffirmati magħhom u tad-deċiżjonijiet adottati fir-rigward tagħhom sa dik id-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit (‘id-data tal-ħruġ’) jew, fejn applikabbli, fl-2019 b’applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197. Il-kondizzjonijiet li ġejjin huma meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament: (i) ir-Renju Unit ikkonferma l-impenn bil-miktub lill-Kummissjoni li jkompli jħallas kontribuzzjoni kkalkulata abbażi tar-riżorsi proprji stmati mir-Renju Unit kif stabbilit fl-abbozz ta’ baġit għall-2020, kif propost fil-5 ta’ Lulju 2019, u aġġustat biex iqis l-ammont totali ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament stabbiliti fil-baġit adottat għall-2020; (ii) l-ewwel pagament tħallas mir-Renju Unit; (iii) ir-Renju Unit ikkonferma l-impenn bil-miktub lill-Kummissjoni li jippermetti l-awditi u l-kontrolli bis-sħiħ mill-Unjoni f’konformità mar-regoli applikabbli; (iv) u l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 u ma tkunx adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament. L-aħħar kondizzjoni tapplika biss dment li r-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 isir applikabbli qabel tmiem is-sena finanzjarja 2019. Fid-dawl tal-bżonn ta’ ċertezza, huwa xieraq li jiġi limitat iż-żmien għall-issodisfar tal-kondizzjonijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni dwar l-issodisfar tal-kondizzjonijiet.

    (9)

    Il-kondizzjoni fir-rigward tal-kontribuzzjoni tar-Renju Unit jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-baġit għall-2020 kif propost għat-28 Stat Membru u ser tiġi aġġustata biex jiġi kkunsidrat l-ammont totali ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament taħt il-baġit adottat. Huwa raġonevoli li ebda Stat Membru ma jenħtieġ li jkun f’pożizzjoni inqas favorevoli fir-rigward tal-kontribuzzjoni relattiva tiegħu minn kif stabbilit fil-baġit għall-2020 kif propost, wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, biex jiġi żgurat l-effett pożittiv ta’ dan ir-Regolament għall-Istati Membri kollha, huwa adatt li jitnaqqas ammont speċifiku mill-ammont tal-kontribuzzjoni mir-Renju Unit li għandu jiddaħħal fil-baġit. Dan l-ammont speċifiku għandu jkun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri li altrimenti jkunu fi żvantaġġ wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif speċifikat aktar f’arranġamenti prattiċi ddedikati li jistipulaw id-distribuzzjoni tal-pagamenti dovuti u li jinkarigaw lill-Kummissjoni bil-kompitu tal-iżborż tal-ammont speċifiku.

    (10)

    Sakemm il-kondizzjonijiet għall-eliġibbiltà tar-Renju Unit, u l-persuni u l-entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, skont dan ir-Regolament ikomplu jiġu ssodisfati, huwa xieraq ukoll li jiġi pprovdut għall-eliġibbiltà tagħhom, fl-2020, għall-finijiet ta’ kondizzjonijiet stabbiliti f’sejħiet għal proposti, offerti, kompetizzjonijiet jew kwalunkwe proċedura oħra li tista’ twassal għall-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet speċifiċi relatati mas-sigurtà, u mat-telf ta’ sħubija tar-Renju Unit fil-Bank Ewropew tal-Investiment, u li jiġi pprovdut finanzjament tal-Unjoni lilhom. Dan il-finanzjament tal-Unjoni jenħtieġ li jkun limitat għan-nefqa eliġibbli li ssir fl-2020, ħlief għal kuntratti ta’ akkwist pubbliku ffirmati qabel tmiem l-2020 fl-applikazzjoni tat-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“ir-Regolament Finanzjarju”), li jkomplu jiġu implimentati f’konformità mat-termini tagħhom, u ħlief għall-iskema ta’ pagament dirett tal-politika agrikola tar-Renju Unit għas-sena tat-talba 2020, li għandha tkun eskluża mill-eliġibbiltà.Huwa wkoll xieraq li r-Renju Unit, jew persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, jiġu esklużi mill-eliġibbiltà skont ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/1796 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għal azzjonijiet li jkopru ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b’konsegwenza ta’ ħruġ mingħajr ftehim, u skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (7), kif emendat, għal azzjonijiet li jkopru piż finanzjarju serju impost fuq l-Istati Membri direttament imputabbli għal ħruġ mingħajr ftehim dwar il-ħruġ. F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, is-sejħiet għal proposti, għall-offerti, il-kompetizzjonijiet jew proċeduri oħra, kif ukoll kwalunkwe ftehim li joħroġ minnhom mar-Renju Unit jew ma’ persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, jew deċiżjonijiet favurihom, għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet għall-eliġibbiltà u għall-kontinwazzjoni tagħhom b’referenza għal dan ir-Regolament.

    (11)

    Huwa xieraq ukoll li jiġi previst li l-eliġibbiltà tar-Renju Unit, u ta’ persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, tkompli taħt il-kondizzjonijiet li r-Renju Unit ikompli jħallas il-kontribuzzjoni għall-2020 u, fejn applikabbli, għall-2019 skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197, u li l-kontrolli u l-awditi jistgħu jsiru b’mod effettiv. Fejn dawn il-kondizzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tikkonstata t-tali nuqqas. F’każ bħal dan, jenħtieġ li r-Renju Unit, u persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, ma jibqgħux eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni.

    (12)

    Huwa xieraq ukoll li tiġi prevista l-kontinwazzjoni, fl-2020, tal-eliġibbiltà tal-azzjonijiet li permezz tagħhom l-Istati Membri jew entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri jirċievu fondi mill-Unjoni u li huma relatati mar-Renju Unit. Madankollu, jenħtieġ li n-nuqqas potenzjali ta’ aċċettazzjoni mir-Renju Unit ta’ kontrolli u awditi jenħtieġ li jikkostitwixxi element li għandu jkun ikkunsidrat għall-finijiet ta’ ġestjoni finanzjarja tajba meta tiġi vvalutata l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet.

    (13)

    Jenħtieġ li l-azzjonijiet ikomplu jiġu implimentati f’konformità mar-regoli rilevanti li jirregolaw dawn l-azzjonijiet, inkluż ir-Regolament Finanzjarju. Għalhekk, huwa neċessarju li r-Renju Unit jiġi ttrattat bħala Stat Membru għall-fini tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

    (14)

    Peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba li jikkonċernaw il-baġit tal-Unjoni u programmi u azzjonijiet implimentati mill-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (15)

    Sabiex ikun hemm possibbiltà ta’ flessibbiltà limitata, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltà ta’ estensjoni tal-iskadenzi stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), u ta’ emendi għall-iskeda tal-pagamenti. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (8). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. Fejn, fil-każ ta’ riskju ta’ tfixkil serju tal-implimentazzjoni u tal-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni fl-2020, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jenħtieġu li, l-att delegat jidħol fis-seħħ bla dewmien u jenħtieġ li japplika sakemm ma jkun hemm ebda oġġezzjoni espressa mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

    (16)

    Sabiex jiġi evitat l-aktar tfixkil sinifikanti għall-benefiċjarji tal-programmi ta’ nfiq u ta’ azzjonijiet oħra tal-UE fid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit, dment li sa dik id-data ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit. Peress li dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri dwar l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni għall-2020, dan għandu japplika biss għall-eliġibbiltà għas-sena 2020,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni u l-iffinanzjar tal-baġit ġenerali tal-Unjoni (“il-baġit”) fl-2020 dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ u azzjonijiet taħt ġestjoni diretta, indiretta u kondiviża li għalihom l-eliġibbiltà tkun issodisfata permezz tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni fid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit (“data tal-ħruġ”).

    Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali koperti mir-Regolament (UE) 2019/491 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u għal attivitajiet ta’ mobbiltà għat-tagħlim taħt il-programm Erasmus+ koperti bir-Regolament (UE) 2019/499 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

    Artikolu 2

    Kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà

    1.   Fejn ir-Renju Unit, jew persuna jew entità stabbilita fir-Renju Unit, jirċievu finanzjament tal-Unjoni fl-ambitu ta’ azzjoni mwettqa b’ġestjoni diretta, indiretta jew kondiviża skont impenji legali ffirmati jew adottati qabel id-data tal-ħruġ jew, fejn applikabbli, fl-2019 bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 u ta’ eliġibbiltà taħt dik l-azzjoni li tiddependi fuq is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni, huma għandhom ikomplu jkunu eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni għan-nefqa eliġibbli li ssir fl-2020 wara d-data tal-ħruġ, jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin, u sakemm ma tkun daħlet fis-seħħ l-ebda deċiżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(2):

    (a)

    ir-Renju Unit, fl-1 ta’ Jannar 2020 jew fi żmien sebat (7) ijiem kalendarji wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu, liema jiġi l-aħħar, ikkonferma bil-miktub lill-Kummissjoni li ser jikkontribwixxi f’euro, skont l-iskeda tal-ħlas stabbilita f’dan ir-Regolament, l-ammont li jirriżulta mill-formula li ġejja: UK OR DB2020 + UK GNI key DB2020 x (PA B2020 – PA DB2020);

    (b)

    ir-Renju Unit, fl-20 ta’ Jannar 2020 jew fi żmien għoxrin (20) jum kalendarju wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu, skont liema tiġi l-aħħar, ħallas fuq il-kont iddeterminat mill-Kummissjoni l-ewwel pagament li jikkorrispondi għal [3,5] parti minn tnax tal-ammont imsemmi fil-punt (a) ta’ dan is-subparagrafu;

    (c)

    ir-Renju Unit, fl-1 ta’ Jannar 2020 jew fi żmien sebat (7) ijiem kalendarji wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu, liema jiġi l-aħħar, ikkonferma bil-miktub lill-Kummissjoni li ser jibqa’ jaċċetta l-kontrolli u l-awditi li jkopru l-perjodu sħiħ tal-programmi u l-azzjonijiet skont ir-Regoli applikabbli;

    (d)

    il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 u ma tkunx adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197; u

    (e)

    il-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu li tikkonferma li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) ta’ dan is-subparagrafu ġew issodisfati.

    Il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu għandha tapplika biss dment li r-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 isir applikabbli qabel tmiem is-sena finanzjarja 2019.

    2.   Għall-finijiet tal-formula stabbilita fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, għandu japplika dan li ġej:

    (a)

    “UK OR DB2020” għandu jkun l-ammont muri fil-linja “Renju Unit” u l-kolonna “Riżorsi proprji totali” tat-tabella 7 tal-parti “A. Introduzzjoni u finanzjament tal-baġit ġenerali” tal-parti tad-dħul tal-baġit 2020 stabbilit fl-abbozz ta’ baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, kif propost fil-5 ta’ Lulju 2019;

    (b)

    “UK GNI key DB2020” għandu jkun l-ammont muri fil-linja “Renju Unit” u l-kolonna “Riżorsi proprji bbażati fuq l-ING” tat-tabella 7 tal-parti “A. Introduzzjoni u finanzjament tal-baġit ġenerali” tal-parti tad-dħul tal-baġit 2020 stabbilit fl-abbozz ta’ baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, kif propost fl-5 ta’ Lulju 2019, diviż bl-ammont muri fil-linja “Total” tal-istess kolonna;

    (c)

    “PA B2020 - PA DB2020” għandha tkun id-differenza bejn l-ammont muri fil-linja “Nefqa totali” u l-kolonna “Baġit 2020” tat-tabella “Nefqa” tal-parti “A. Introduzzjoni u finanzjament tal-baġit ġenerali” tal-parti tad-dħul tal-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 kif adottata, u l-ammont muri fl-istess linja u l-istess kolonna tal-istess tabella tal-istess parti tal-abbozz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, kif propost fil-5 ta’ Lulju 2019;

    Minkejja l-ewwel subparagrafu, jekk il-baġit għall-2020 ma jiġix adottat b’mod definittiv sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew sad-data tal-applikazzjoni tiegħu, skont liema tiġi l-aħħar, il-”PA B2020 - PA DB2020” għandha tkun żero.

    3.   L-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, wara t-tnaqqis tal-ammont tal-ewwel pagament imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu 1 tal-paragrafu 1, għandu jinqasam fi ħlasijiet parzjali indaqs. In-numru ta’ ħlasijiet parzjali għandu jikkorrispondi għan-numru ta’ xhur sħaħ bejn id-data tal-ewwel pagament imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u tmiem is-sena 2020.

    L-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dħul ieħor wara li jitnaqqas ammont speċifiku bl-għan li jiżgura d-distribuzzjoni baġitarja kif previst fil-kolonna “Riżorsi proprji totali” tat-tabella msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 u soġġett għal arranġamenti prattiċi ddedikati għal dak l-effett.

    L-impenn imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jinkludi b’mod partikolari l-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-aċċettazzjoni tad-drittijiet tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi li ikollhom aċċess għal data u dokumenti relatati ma’ kontribuzzjonijiet tal-Unjoni, u biex iwettqu kontrolli u awditi.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ikunux ġew issodisfati.

    5.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 7 dwar l-estensjoni tal-iskadenzi stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Fejn, fil-każ ta’ riskju ta’ tfixkil serju tal-implimentazzjoni u tal-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni fl-2020, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 8 għandha tapplika għal atti delegati adottati skont dan il-paragrafu.

    Artikolu 3

    Kontinwazzjoni tal-eliġibbiltà tar-Renju Unit u ta’ persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit

    1.   L-eliġibbiltà tar-Renju Unit, u ta’ persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, stabbilita f’konformità mal-Artikolu 2 għandha tkompli fis-sena 2020 sakemm il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

    (a)

    wara l-ewwel pagament magħmul f’konformità mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), ir-Renju Unit ikun ħallas fil-kont stabbilit mill-Kummissjoni l-pagament mensili msemmi fl-Artikolu 2(3) fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar sa Awwissu 2020;

    (b)

    ir-Renju Unit ikun ħallas fil-kont stabbilit mill-Kummissjoni fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Settembru 2020 il-pagamenti mensili li jkun fadal imsemmija tal-Artikolu 2(3), sakemm il-Kummissjoni ma tikkomunikax lir-Renju Unit skeda ta’ pagamenti differenti għal dan il-pagament sal-31 ta’ Awwissu 2020; u

    (c)

    ma jkun ġie osservat ebda nuqqas sinifikanti fit-twettiq tal-verifiki u tal-awditi msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1).

    2.   Fejn waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux issodisfati, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni għal dak l-effett. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ir-Renju Unit, u persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, ma għandhomx jibqgħu eliġibbli skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u skont l-Artikoli 2 u 4, l-azzjonijiet ma għandhomx jibqgħu eliġibbli skont l-Artikolu 6(2), u l-Artikolu 5 ma għandux jibqa’ japplika.

    3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 7 dwar skeda ta’ pagamenti differenti għall-pagamenti msemmija fil-punt (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Fejn, fil-każ ta’ riskju ta’ tfixkil serju tal-implimentazzjoni u tal-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni fl-2020, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 8 għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan il-paragrafu.

    Artikolu 4

    Parteċipazzjoni fis-sejħiet għal proposti u eliġibbiltà tal-infiq li jirriżulta

    1.   Mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), u sakemm ma tkun daħlet fis-seħħ ebda deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(2), ir-Renju Unit, jew persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, għandhom ikunu eliġibbli fl-2020 għall-finijiet ta’ kondizzjonijiet stabbiliti fi kwalunkwe sejħa għal proposti, sejħa għall-offerti, kompetizzjonijiet jew kwalunkwe proċedura oħra li tista’ twassal għal finanzjament mill-baġit tal-Unjoni bl-istess mod bħal Stati Membri u persuni jew entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri, u jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni għan-nefqa eliġibbli li jsir fl-2020.

    Minkejja l-ewwel subparagrafu:

    (a)

    kuntratti ffirmati fl-applikazzjoni tat-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (“ir-Regolament Finanzjarju”) sa tmiem l-2020 għandhom jiġu implimentati f’konformità mat-termini tagħhom u sad-data finali tagħhom;

    (b)

    nefqa fir-rigward tal-iskema ta’ pagamenti diretti tar-Renju Unit għas-sena tat-talba 2020 skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) ma għandhiex tkun eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni.

    2.   Minkejja l-paragrafu 1, ir-Renju Unit, jew persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, ma għandhomx ikunu eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/1796, għal azzjonijiet li jkopru ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b’konsegwenza ta’ ħruġ mingħajr ftehim u lanqas skont ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002, kif emendat għal azzjonijiet li jkopru piż finanzjarju serju impost fuq l-Istati Membri direttament imputabbli għal ħruġ mingħajr ftehim dwar il-ħruġ.

    3.   L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux japplika:

    (a)

    fejn il-parteċipazzjoni tkun limitata għall-Istati Membri u persuni jew entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri għal raġunijiet ta’ sigurtà;

    (b)

    għal operazzjonijiet finanzjarji mwettqa fi ħdan strumenti finanzjarji ġestiti direttament jew indirettament skont it-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju, jew għal operazzjonijiet finanzjarji garantiti mill-baġit tal-Unjoni skont il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) stabbilit bir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jew skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (European Fund for Sustainable Development, EFSD) stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    Artikolu 5

    Adattamenti meħtieġa oħra

    Jekk il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) jiġu ssodisfati, u sakemm l-ebda deċiżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(2) ma tkun daħlet fis-seħħ, għall-fini tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe regola li tirregola l-azzjonijiet imwettqa skont l-impenji legali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), is-sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 4 u l-azzjonijiet imwettqa skont l-impenji legali ffirmati jew adottati wara s-sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 4, li huma meħtieġa biex jagħtu effett lill-Artikoli 2(1) u 4(1), ir-Renju Unit għandu jiġi ttrattat bħala Stat Membru soġġett għal dan ir-Regolament.

    Madankollu, ir-Renju Unit, jew ir-rappreżentanti tar-Renju Unit, ma għandhom jitħallew jipparteċipaw f’ebda kumitat li jassisti fil-ġestjoni skont ir-regoli tal-att bażiku rilevanti, jew gruppi ta’ esperti jew korpi oħra li jagħtu pariri dwar il-programmi jew dwar l-azzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ monitoraġġ jew kumitati speċifiċi għall-programmi operazzjonali, nazzjonali jew programmi simili f’ġestjoni kondiviża.

    Artikolu 6

    Eliġibbiltà ta’ azzjonijiet li jirrigwardaw lir-Renju Unit, fejnl-Istati Membri jew il-persuni jew l-entitajiet stabbiliti fl-Istati Membrijirċievu l-fondi mill-Unjoni

    1.   L-azzjonijiet taħt ġestjoni diretta, indiretta u kondiviża li għalihom l-Istati Membri, jew persuni jew entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri, jirċievu l-fondi mill-Unjoni skont impenji legali ffirmati jew adottati qabel id-data tal-ħruġ jew, fejn applikabbli, fl-2019 bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197, u li għalihom l-eliġibbiltà tkun issodisfata permezz tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni fid-data tal-ħruġ jew, fejn applikabbli, permezz tal-eliġibbiltà tar-Renju Unit b’applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197, għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni għall-infiq eliġibbli li jsir fl-2020 sa mid-data tal-ħruġ.

    2.   L-azzjonijiet li għalihom il-kondizzjoni ta’ eliġibbiltà ta’ numru minimu ta’ parteċipanti minn Stati Membri differenti f’konsorzju tkun issodisfata fid-data tal-ħruġ minn membru tal-konsorzju li tkun persuna jew entità stabbiltà fir-Renju Unit, għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni għan-nefqa eliġibbli li ssir fl-2020 meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) ikunu ssodisfati u sakemm l-ebda deċiżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(2) ma tkun daħlet fis-seħħ.

    3.   In-nonosservanza tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) jew deċiżjoni tal-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) rigward in-nonosservanza ta’ kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1), għandhom jitqiesu mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-possibbiltà ta’ nuqqas serju fil-konformità mal-obbligi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-impenn legali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 7

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 2 u 3 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahar min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahar fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 8

    Proċedura ta’ urġenza

    1.   L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw dment li ma tkun ġiet espressa ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

    2.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(6). F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tirrevoka l-att minnufih wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

    Artikolu 9

    Dispożizzjoni tranżitorja

    B’deroga mill-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197, in-nefqa fir-rigward tal-iskema ta’ pagament dirett tar-Renju Unit għas-sena tat-talba 2019 skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandha tkun eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni wara li l-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 2(4) ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma tadottax deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) TUE.

    Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ikun daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) TUE sad-data msemmija fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. MIKKONEN


    (1)  Approvazzjoni tat-22 ta’ Ottubru 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta’ April 2019 li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 101, 11.4.2019, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2019/1197 tad-9 ta’ Lulju 2019 dwar miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2019 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (ĠU L 189, 15.7.2019, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2019/1796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) (ĠU L 279 I, 31.10.2019, p. 4).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).

    (8)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2019/491 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2019 sabiex ikunu jistgħu jitkomplew il-programmi għall-kooperazzjoni territorjali PEACE IV (l-Irlanda-ir-Renju Unit) u għar-Renju Unit - l-Irlanda (l-Irlanda - l-Irlanda ta’ Fuq - l-Iskozja) fil-kuntest tal- ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni,(ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament (UE) 2019/499 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-kontinwazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà fit-tagħlim li jkunu għaddejjin taħt il-programm Erasmus+ stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1288/2013, fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 32).

    (11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

    (12)  Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).

    (13)  Ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD (ĠU L 249, 27.9.2017, p. 1).


    Top