Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0491

    Regolament (UE) 2019/491 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2019 sabiex ikunu jistgħu jitkomplew il-programmi għall-kooperazzjoni territorjali PEACE IV (l-Irlanda - ir-Renju Unit) u għar-Renju Unit - l-Irlanda (l-Irlanda - l-Irlanda ta' Fuq - l-Iskozja) fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

    PE/12/2019/REV/1

    ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/491/oj

    27.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 85/1


    REGOLAMENT (UE) 2019/491 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-25 ta' Marzu 2019

    sabiex ikunu jistgħu jitkomplew il-programmi għall-kooperazzjoni territorjali PEACE IV (l-Irlanda - ir-Renju Unit) u għar-Renju Unit - l-Irlanda (l-Irlanda - l-Irlanda ta' Fuq - l-Iskozja) fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 178 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, dment li l-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu.

    (2)

    Il-ħruġ ser iseħħ matul il-perjodu ta' programmar tal-2014-2020, li matulu r-Renju Unit qed jipparteċipa fi ħmistax-il programm ta' kooperazzjoni taħt l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea. Tnejn minn dawk il-programmi, jiġifieri PEACE IV (l-Irlanda - ir-Renju Unit) u r-Renju Unit - l-Irlanda (l-Irlanda - l-Irlanda ta' Fuq - l-Iskozja) (imsejħa flimkien bħala l-“programmi ta' kooperazzjoni”), huma programmi li jinvolvu lill-Irlanda ta' Fuq u jappoġġaw il-paċi u r-rikonċiljazzjoni kif ukoll il-kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar permezz tal-Ftehim ta' Paċi għall-Irlanda ta' Fuq (“Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira”) li l-Unjoni għandha l-intenzjoni li tkompli bih anki jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ li jkun daħal fis-seħħ fid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit, skont l-Artikolu 50(3) TUE. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun limitat għal dawk il-programmi ta' kooperazzjoni.

    (3)

    Il-programmi ta' kooperazzjoni huma b'mod partikolari rregolati mir-Regolamenti (UE) Nru 1299/2013 (3), (UE) Nru 1303/2013 (4) u (UE, Euratom) 2018/1046 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex, wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ikunu jistgħu jitkomplew il-programmi ta' kooperazzjoniskont dawk ir-Regolamenti.

    (4)

    Fir-rigward tal-programmi ta' kooperazzjoni, l-awtorità ta' ġestjoni tinsab fil-Korp għall-Programmi Speċjali tal-UE (“SEUPB”) mwaqqaf skont il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jistabbilixxi l-Korpi għall-Implimentazzjoni, iffirmat fit-8 ta' Marzu 1999. Peress li l-programmi ta' kooperazzjoni jinvolvu l-Irlanda ta' Fuq, dawn jenħtieġ li jkomplu bid-dispożizzjonijieti kumplimentari neċessarji.

    (5)

    Għall-finijiet tal-kontinwazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni, jenħtieġ li jiġi ċċarat li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, huma jistgħu jkopru reġjuni parteċipanti fir-Renju Unit, li jenħtieġ li jkunu ekwivalenti għal reġjuni tal-livell 3 ta' NUTS.

    (6)

    Għall-finijiet ta' kontinwazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni b'finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim amministrattiv bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit b'effett mid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit, li jippermettu l-kontrolli meħtieġa u l-awditjar tal-programmi ta' kooperazzjoni. Jekk tali kontrolli u awditjar ma jkunux jistgħu jitwettqu, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà li tinterrompi l-iskadenzi tal-pagamenti, tissospendi l-pagamenti u tapplika korrezzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikoli 83, 142, 144 u 145 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

    (7)

    F'konformità mal-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, id-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li japprovaw il-programm PEACE IV (l-Irlanda - ir-Renju Unit) tat-30 ta' Novembru 2015 u l-programm Interreg VA tat-12 ta' Frar 2015 se jkomplu jikkostitwixxu deċiżjoni ta' finanzjament skont it-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u għaldaqstant impenn legali skont it-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Ir-Renju Unit jibqa' suġġett għall-obbligi finanzjarji li ħa bħala Stat Membru, li huma marbutin ma' dawn l-impenji legali tal-Unjoni.

    (8)

    Ir-Renju Unit mhux ser jibqa', mid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għaliha. parti mill-parti taż-żona tal-programm marbuta mal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament dwar l-eliġibbiltà tal-operazzjonijiet skont il-lokalità jenħtieġ li jiġu adattati.

    (9)

    Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tkun permessa, wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-kontinwazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti ta' dan, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (10)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika biss f'sitwazzjoni fejn l-ebda ftehim ta' ħruġ, ma jiġi konkluż mar-Renju Unit f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-TEU, ma jkun daħal fis-seħħ sad-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit, skont l-Artikolu 50(3) TUE,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni f'sitwazzjoni fejn l-ebda ftehim ta' ħruġ konkluż mar-Renju Unit, f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-TEU, ma jkun daħal fis-seħħ fid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit, skont l-Artikolu 50(3) tat-TEU, kif ukoll fir-rigward tat-tkomplija ta' dawn iż-żewġ programmi ta' kooperazzjoni koperti mir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 bil-parteċipazzjoni tar-Renju Unit (imsejjaħ b'mod konġunt bħala “il-programmi ta' kooperazzjoni”):

    (1)

    PEACE IV (l-Irlanda - ir-Renju Unit);

    (2)

    għar-Renju Unit - l-Irlanda (l-Irlanda - l-Irlanda ta' Fuq - l-Iskozja).

    2.   Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 għandu jkompli japplika għall-programmi ta' kooperazzjoni suġġetti għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Kopertura ġeografika

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013, il-programmi ta' kooperazzjoni jistgħu jkopru reġjuni parteċipanti fir-Renju Unit, li għandhom ikunu ekwivalenti għar-reġjuni tal-livell NUTS 3.

    Artikolu 3

    Awtoritajiet tal-programm

    Permezzta' deroga mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013:

    Il-Korp għall-Programmi Speċjali tal-UE (SEUPB) li jospita l-awtorità ta' ġestjoni u l-awtorità ta' ċertifikazzjoni tal-Programmi ta' kooperazzjoni, għandu jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu;

    id-Dipartiment tal-Finanzi tal-Irlanda ta' Fuq għandu jibqa' l-awtorità tal-awditjar għal dawk il-programmi ta' kooperazzjoni.

    Artikolu 4

    Kompetenzi tal-Kummissjoni rigward kontrolli

    L-applikazzjoni tar-regoli rigward il-kontrolli u l-awditjar tal-programmi ta' kooperazzjoni għandha tiġi miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit. Il-kontrolli u l-awditjar għandhom ikopru l-perjodu kollu tal-programmi ta' kooperazzjoni.

    Jekk il-kontrolli u l-awditjar meħtieġa tal-programmi ta' kooperazzjoni ma jistgħux jiġu esegwiti fir-reġjuni kollha kkonċernati, dan għandu jitqies li jikkostitwixxi nuqqas serju fis-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll għall-finijiet tal-miżuri kif stabbilit fl-Artikoli 83, 142, 144 u 145 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

    Artikolu 5

    Eliġibbiltà tal-operazzjonijiet skont il-lokalità

    Il-limitu stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 ma għandux japplika għall-programmi ta' kooperazzjoni.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-jum ta' wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit, skont l-Artikolu 50(3) TUE.

    Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk jiġi konkluż ftehim dwar il-ħruġ mar-Renju Unit f'konformità mal-Artikolu 50(2) TUE li jkun daħal fis-seħħ sad-data msemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Marzu 2019.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. CIAMBA


    (1)  Opinjoni tal-20 ta' Frar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019.

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


    Top