Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L1158

    Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE

    PE/20/2019/REV/1

    ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1158/oj

    12.7.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 188/79


    DIRETTIVA (UE) 2019/1158 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-20 ta' Ġunju 2019

    dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 153(2), flimkien mal-punt (i) tal-Artikolu 153(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Il-punt (i) tal-Artikolu 153(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddisponi li l-Unjoni għandha l-obbligu li tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fil-post tax-xogħol.

    (2)

    L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jiddisponi li l-Unjoni għandha l-obbligu li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. B'mod simili, l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jirrikjedi li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inklużi l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

    (3)

    L-Artikolu 33 tal-Karta jipprevedi d-dritt għall-protezzjoni kontra s-sensja għal raġuni konnessa mal-maternità u d-dritt għal liv tal-maternità mħallas u għal liv tal-ġenituri wara t-twelid jew wara l-adozzjoni ta' wild, għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u dik professjonali.

    (4)

    L-Unjoni rratifikat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità. Għaldaqstant, dik il-Konvenzjoni hija parti integrali mill-ordni legali tal-Unjoni, u l-atti legali tal-Unjoni, sa fejn ikun possibbli, iridu jiġu interpretati b'mod li jkun konsistenti mal-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni tiddisponi, b'mod partikolari fl-Artikolu 7(1), li l-partijiet għaliha għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mit-tfal b'diżabilità fuq bażi ugwali ma' tfal oħra.

    (5)

    L-Istati Membri rratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal. L-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni jiddisponi li ż-żewġ ġenituri għandhom responsabbiltajiet komuni għat-trobbija u l-iżvilupp tat-tfal u li l-ġenituri għandhom l-obbligu bażiku li jħarsu l-aħjar interessi tat-tfal.

    (6)

    Il-politiki relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi billi jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, il-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet ta' indukrar bejn l-irġiel u n-nisa, u l-eliminazzjoni tad-disparitajiet bejn is-sessi fil-qligħ u fil-paga. Tali politiki jenħtieġ li jqisu l-bidliet demografiċi inklużi l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

    (7)

    Fid-dawl tal-isfidi li jirriżultaw mit-tibdil demografiku, flimkien mal-pressjoni li tirriżulta fuq in-nefqa pubblika f'xi Stati Membri, il-ħtieġa ta' indukrar informali mistennija tiżdied.

    (8)

    Fil-livell tal-Unjoni, diversi direttivi fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol diġà jindirizzaw uħud mill-kwistjonijiet li huma rilevanti għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b'mod partikolari d-Direttivi 2006/54/KE (4) u 2010/41/UE (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi tal-Kunsill 92/85/KEE (6), 97/81/KE (7) u 2010/18/UE (8).

    (9)

    Il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma affermati mill-ġdid fil-Prinċipji 2 u 9 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie pproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017.

    (10)

    Madankollu, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għadu sfida konsiderevoli għal ħafna ġenituri u ħaddiema li għandhom responsabbiltajiet ta' indukrar, b'mod partikolari minħabba l-prevalenza li qed tiżdied ta' sigħat tax-xogħol estiżi u ta' skedi tax-xogħol li jinbidlu, li għandha impatt negattiv fuq l-impjieg tan-nisa. Fattur kbir li jikkontribwixxi għas-sottorappreżentanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol huwa d-diffikultà li jibbilanċjaw l-obbligi tax-xogħol u tal-familja. Meta jkollhom it-tfal, in-nisa x'aktarx li jaħdmu inqas sigħat f'impjieg bi ħlas u jqattgħu iktar ħin jaqdu responsabbiltajiet ta' indukrar mhux imħallsa. Intwera li sitwazzjoni li fiha n-nisa jkollhom qarib marid jew dipendenti jkollha impatt negattiv fuq l-impjieg tan-nisa u twassal biex xi nisa jitilqu mis-suq tax-xogħol għalkollox.

    (11)

    Il-qafas legali attwali tal-Unjoni jipprovdi inċentivi limitati għall-irġiel biex jassumu sehem indaqs tar-responsabbiltajiet ta' indukrar. In-nuqqas ta' liv imħallas tal-paternità u tal-ġenituri f'ħafna Stati Membri jikkontribwixxi biex il-missirijiet ma tantx jużaw il-liv tagħhom. L-iżbilanċ fit-tfassil tal-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bejn in-nisa u l-irġiel jirrinforza l-isterjotipi u d-differenzi bejn ix-xogħol u l-indukrar għas-sessi. Il-politiki dwar it-trattament ugwali jenħtieġ li jkunu mmirati biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-isterjotipi fl-impjiegi u r-rwoli tal-irġiel u tan-nisa, u s-sħab soċjali huma mħeġġa jaġixxu fir-rwol essenzjali tagħhom li jinfurmaw kemm lill-ħaddiema kif ukoll lill-impjegaturi u jissensibilizzawhom aktar dwar l-indirizzar tad-diskriminazzjoni. Barra minn hekk, l-użu ta' arranġamenti relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata mill-missirijiet, bħal-liv jew l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli, intwera li għandu impatt pożittiv fit-tnaqqis tal-ammont relattiv ta' xogħol tal-familja mhux imħallas imwettaq min-nisa u jagħti lil dawn iktar ħin għall-impjieg bi ħlas.

    (12)

    Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu li t-teħid indaqs ta' liv relatat mal-familja bejn l-irġiel u n-nisa jiddependi wkoll minn miżuri xierqa oħra, bħall-għoti ta' servizzi ta' indukrar tat-tfal u ta' indukrar fit-tul aċċessibbli u għall-but ta' kulħadd, li huma kruċjali sabiex ġenituri u persuni oħra li jkollhom responsabbiltajiet ta' indukrar ikunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, jibqgħu fih, jew jerġgħu lura għalih. It-tneħħija ta' diżinċentivi ekonomiċi tista' wkoll tinkoraġġixxi lil dawk bit-tieni sors ta' dħul, li l-biċċa kbira minnhom huma nisa, biex jieħdu sehem sħiħ fis-suq tax-xogħol.

    (13)

    Sabiex jiġi vvalutat l-impatt ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jikkooperaw ma' xulxin sabiex jiżviluppaw statistika komparabbli li tkun diżaggregata skont is-sessi.

    (14)

    Il-Kummissjoni kkonsultat lill-maniġment u lill-ħaddiema fi proċess b'żewġ stadji fir-rigward tal-isfidi relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, f'konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE. Ma kienx hemm qbil fost is-sħab soċjali biex jinbdew negozjati fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet, anke fir-rigward tal-liv tal-ġenituri. Madankollu, huwa importanti li tittieħed azzjoni f'dak il-qasam billi jiġi modernizzat u adattat il-qafas legali attwali, filwaqt li jittieħed f'kunsiderazzjoni kemm ir-riżultat ta' dawk il-konsultazzjonijiet, kif ukoll il-konsultazzjoni pubblika mwettqa biex jinkisbu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u taċ-ċittadini.

    (15)

    Id-Direttiva 2010/18/UE tirregola l-liv tal-ġenituri billi timplimenta ftehim qafas konkluż bejn is-sħab soċjali. Din id-Direttiva tibni fuq ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2010/18/UE u tikkomplementahom billi ssaħħaħ id-drittijiet eżistenti u billi tintroduċi drittijiet ġodda. Id-Direttiva 2010/18/UE jenħtieġ li tiġi mħassra u sostitwita b'din id-Direttiva.

    (16)

    Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi relatati mal-liv tal-paternità, mal-liv tal-ġenituri u mal-liv tal-persuni li jindukraw, u mal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-ħaddiema li huma ġenituri, jew persuni li jindukraw. Billi tiffaċilita r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u tal-ħajja tal-familja għal tali ġenituri u persuni li jindukraw, din id-Direttiva mistennija tikkontribwixxi għall-għanijiet ibbażati fuq it-Trattati tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol, tat-trattament ugwali fuq ix-xogħol u tal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg fl-Unjoni.

    (17)

    Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema kollha li għandhom kuntratti ta' impjieg jew relazzjonijiet ta' impjieg oħra, inklużi kuntratti li jirrelataw mal-impjieg jew relazzjonijiet tal-impjieg ta' ħaddiema part-time, ħaddiema b'kuntratt għal żmien fiss jew persuni b'kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg ma' aġenzija ta' xogħol temporanju, kif preċedentement previst mid-Direttiva 2010/18/UE. B'kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) rigward il-kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta' ħaddiem, hija responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-kuntratti tal-impjieg u r-relazzjonijiet tal-impjieg.

    (18)

    L-Istati Membri għandhom il-kompetenza li jiddefinixxu l-istat ċivili u l-istat tal-familja, kif ukoll li jistabbilixxu liema persuni għandhom jitqiesu bħala ġenitur, omm u missier.

    (19)

    Sabiex titħeġġeġ kondiviżjoni iktar ugwali tar-responsabbiltajiet ta' indukrar bejn in-nisa u l-irġiel, u biex tkun tista' tinħoloq rabta bikrija bejn il-missirijiet u l-ulied, jenħtieġ li jiġi introdott id-dritt għal-liv tal-paternità għall-missirijiet jew, meta u sa fejn ikun rikonoxxut mil-liġi nazzjonali, għat-tieni ġenituri ekwivalenti. Tali liv tal-paternità jenħtieġ li jittieħed madwar iż-żmien tat-twelid tal-wild u jenħtieġ li jkun marbut b'mod ċar mat-twelid għall-finijiet ta' indukrar. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu liv tal-paternità f'każ ta' tarbija li titwieled mejta. Hija responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeterminaw jekk jippermettux li parti mil-liv tal-paternità tingħata qabel it-twelid tal-wild jew li jirrikjedu li jittieħed kollu wara t-twelid, il-perjodu ta' żmien li fih irid jittieħed il-liv tal-paternità, u jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, jippermettux li l-liv tal-paternità jittieħed fuq bażi part-time, f'perjodi li jalternaw, bħal pereżempju għal għadd ta' jiem konsekuttivi ta' liv separati b'perjodi ta' xogħol, jew b'modi flessibbli oħra. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw jekk il-liv tal-paternità huwiex espress f'jiem ta' xogħol, f'ġimgħat jew f'unitajiet oħra ta' ħin, filwaqt li jitqies li għaxart ijiem ta' xogħol jikkorrispondu għal ġimagħtejn kalendarji. Biex jitqiesu d-differenzi bejn l-Istati Membri, id-dritt għal-liv tal-paternità jenħtieġ li jingħata irrispettivament mill-istat ċivili jew l-istat tal-familja, kif definit mil-liġi nazzjonali.

    (20)

    Peress li l-biċċa l-kbira tal-missirijiet ma jużawx id-dritt tagħhom għal-liv tal-ġenituri, jew jittrasferixxu sehem konsiderevoli mill-intitolament għal-liv tagħhom lill-ommijiet, din id-Direttiva testendi minn xahar wieħed għal xahrejn il-perjodu minimu ta' liv tal-ġenituri li ma jistax jiġi ttrasferit minn ġenitur għall-ieħor sabiex tinkoraġġixxi lill-missirijiet jieħdu l-liv tal-ġenituri, filwaqt li żżomm id-dritt ta' kull ġenitur li jieħu mill-inqas erba' xhur ta' liv tal-ġenituri kif previst fid-Direttiva 2010/18/UE. L-għan li jiġi żgurat li mill-inqas xahrejn liv tal-ġenituri jkunu disponibbli għal kull ġenitur b'mod esklussiv u li ma jistgħux jiġu ttrasferiti lill-ġenitur l-ieħor, huwa biex il-missirijiet jiġu mħeġġa jużaw id-dritt tagħhom għal tali liv. Jippromwovi u jiffaċilita wkoll l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ommijiet fis-suq tax-xogħol wara li jkunu ħadu perjodu ta' liv tal-maternità u tal-ġenituri.

    (21)

    Perjodu minimu ta' erba' xhur liv tal-ġenituri huwa garantit taħt din id-Direttiva għall-ħaddiema li jkunu ġenituri. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħtu d-dritt għal-liv tal-ġenituri lill-ħaddiema kollha li jeżerċitaw responsabbiltajiet ta' ġenituri f'konformità mas-sistemi legali nazzjonali.

    (22)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċifikaw il-perjodu ta' avviż formali li l-ħaddiem irid jagħti lill-impjegatur meta japplika għal-liv tal-ġenituri u jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk id-dritt għal-liv tal-ġenituri jkunx soġġett għal ċertu perjodu ta' servizz. Fid-dawl tad-diversità dejjem ikbar tal-arranġamenti kuntrattwali, jenħtieġ li s-somma tal-kuntratti suċċessivi b'terminu fiss mal-istess impjegatur tiġi kkunsidrata għall-fini tal-kalkolu ta' tali perjodu ta' servizz. Biex jibbilanċjaw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema ma' dawk tal-impjegaturi, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu wkoll jekk jippermettux lill-impjegaturi jipposponu l-għoti ta' liv tal-ġenituri taħt ċerti ċirkostanzi, soġġett għar-rekwiżit li l-impjegaturi jenħtieġ li jagħtu raġunijiet għal tali posponiment bil-miktub.

    (23)

    Peress li l-flessibilità tagħmilha iktar probabbli li kull ġenitur, b'mod partikolari l-missirijiet, jieħu l-intitolament tiegħu għal-liv tal-ġenituri, jenħtieġ li l-ħaddiema jkunu jistgħu jitolbu li l-liv tal-ġenituri jingħata fuq bażi full-time jew part-time, f'perjodi li jalternaw, bħal pereżempju għal għadd ta' ġimgħat konsekuttivi ta' liv separati b'perjodi ta' xogħol jew b'modi flessibbli oħra. L-impjegatur jenħtieġ li jkun jista' jaċċetta jew jirrifjuta tali talba għal-liv tal-ġenituri b'modi oħra għajr fuq bażi full-time. L-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet ta' aċċess u l-arranġamenti dettaljati għal-liv tal-ġenituri għandhomx jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' ġenituri f'sitwazzjonijiet partikolarment żvantaġġati.

    (24)

    Il-perjodu li fih il-ħaddiema jenħtieġ li jkunu intitolati jieħdu l-liv tal-ġenituri jenħtieġ li jkun marbut mal-età tal-wild. Dik l-età jenħtieġ li tiġi stabbilita b'tali mod li jippermetti liż-żewġ ġenituri jeżerċitaw b'mod effikaċi l-intitolament sħiħ tagħhom għal-liv tal-ġenituri skont din id-Direttiva.

    (25)

    Sabiex ikun iffaċilitat ir-ritorn għax-xogħol wara perjodu ta' liv tal-ġenituri, il-ħaddiema u l-impjegaturi huma mħeġġa jżommu kuntatt volontarju matul il-perjodu ta' liv u jistgħu jagħmlu arranġamenti għal kwalunkwe miżura xierqa biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid fil-post tax-xogħol. Tali kuntatt u arranġamenti jenħtieġ li jiġu deċiżi bejn il-partijiet ikkonċernati, b'kunsiderazzjoni tal-liġi nazzjonali, ta' ftehimiet kollettivi jew ta' prassi. Jenħtieġ li l-ħaddiema jkunu infurmati dwar proċessi ta' promozzjoni u postijiet vakanti interni u li jkunu jistgħu jieħdu sehem f'tali proċessi u japplikaw għal tali postijiet vakanti.

    (26)

    Studji juru li l-Istati Membri li jipprovdu sehem sinifikanti tal-liv tal-ġenituri lill-missirijiet u li jħallsu lill-ħaddiem pagament jew allowance matul dak il-liv b'rata ta' sostituzzjoni relattivament għolja, jesperjenzaw rata ogħla ta' teħid tal-liv mill-missirijiet u xejra pożittiva fir-rata tal-impjieg tal-ommijiet. Huwa għalhekk xieraq li tali sistemi jitħallew ikomplu sakemm jissodisfaw ċerti kriterji minimi, minflok ma jingħataw il-pagament jew l-allowance għal-liv tal-paternità kif previst f'din id-Direttiva.

    (27)

    Sabiex l-irġiel u n-nisa b'responsabbiltajiet ta' indukrar jingħataw opportunitajiet akbar biex jibqgħu fil-forza tax-xogħol, kull ħaddiem jenħtieġ li jkollu d-dritt għal-liv tal-persuni li jindukraw ta' ħamest ijiem tax-xogħol fis-sena. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tali liv jista' jittieħed f'perjodi ta' jum wieħed jew aktar ta' xogħol għal kull każ. Sabiex jitqiesu s-sistemi nazzjonali diverġenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jallokaw il-liv tal-persuni li jindukraw abbażi ta' perjodu ta' referenza li ma jkunx sena, b'referenza għall-persuna li teħtieġ indukrar jew appoġġ, jew għal kull każ. Hija mbassra żieda kontinwa fil-bżonnijiet ta' indukrar, minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ u, konsegwentement, iż-żieda konkomitanti fil-prevalenza ta' kundizzjonijiet relatati mal-età. Iż-żieda fil-bżonnijiet ta' indukrar jenħtieġ li titqies mill-Istati Membri meta jiżviluppaw il-politiki tagħhom dwar l-indukrar, anke fir-rigward tal-liv għall-persuni li jindukraw. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu d-dritt għal-liv għall-persuni li jindukraw disponibbli fir-rigward ta' qraba addizzjonali, bħan-nanniet u l-aħwa. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu ċertifikazzjoni medika minn qabel tal-ħtieġa għal indukrar jew appoġġ sinifikanti għal raġuni medika serja.

    (28)

    Minbarra d-dritt għal-liv tal-persuni li jindukraw previst f'din id-Direttiva, jenħtieġ li l-ħaddiema kollha jżommu d-dritt tagħhom li jieħdu ħin liberu mix-xogħol mingħajr it-telf ta' drittijiet tal-impjieg li jkunu nkisbu jew li jkunu qed jinkisbu, minħabba force majeure għal raġunijiet familjari urġenti u mhux mistennija, kif previst fid-Direttiva 2010/18/UE, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri.

    (29)

    Biex jiżdiedu l-inċentivi għall-ħaddiema li huma ġenituri, u b'mod partikolari għall-irġiel, biex jieħdu l-perjodi ta' liv previsti f'din id-Direttiva, jenħtieġ li l-ħaddiema jingħataw id-dritt għal allowance adegwata matul il-liv.

    (30)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu livell għall-pagament jew l-allowance fir-rigward tal-perjodu minimu ta' liv tal-paternità li jkun tal-inqas ekwivalenti għal-livell tal-paga nazzjonali għall-mard. Peress li l-għoti ta' drittijiet għal-liv tal-paternità u tal-maternità għandu għanijiet simili, jiġifieri l-ħolqien ta' rabta bejn il-ġenitur u l-wild, l-Istati Membri huma mħeġġa jipprevedu pagament jew allowance għal-liv tal-paternità li jkunu ugwali għall-pagament jew l-allowance mogħtija għal-liv tal-maternità fil-livell nazzjonali.

    (31)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu l-pagament jew l-allowance għall-perjodu minimu mhux trasferibbli ta' liv tal-ġenituri ggarantit minn din id-Direttiva f'livell adegwat. Meta jistabbilixxu l-livell tal-pagament jew tal-allowance mogħtija għall-perjodu minimu mhux trasferibbli ta' liv tal-ġenituri, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu li l-użu tal-liv tal-ġenituri spiss jirriżulta f'telf ta' dħul għall-familja u li l-ewwel sorsi ta' dħul f'familja jkunu jistgħu jużaw id-dritt tagħhom għal-liv tal-ġenituri biss jekk ikun rimunerat tajjeb biżżejjed, bil-għan li jkollhom standard ta' għajxien diċenti.

    (32)

    Għalkemm l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu jekk jipprovdux pagament jew allowance għal-liv tal-persuni li jindukraw, huma mħeġġa jintroduċu tali pagament jew allowance sabiex jiggarantixxu l-użu effettiv tad-dritt mill-persuni li jindukraw, b'mod partikolari mill-irġiel.

    (33)

    Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali skont ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 (9) u (UE) Nru 1231/2010 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 (11). L-Istat Membru kompetenti għas-sigurtà soċjali ta' ħaddiem huwa determinat minn dawk ir-Regolamenti.

    (34)

    Sabiex il-ħaddiema li huma ġenituri, u persuni li jindukraw, ikunu mħeġġa jibqgħu fil-forza tax-xogħol, jenħtieġ li tali ħaddiema jkunu jistgħu jadattaw l-iskedi tax-xogħol tagħhom għall-ħtiġijiet u għall-preferenzi personali tagħhom. Għal dak il-għan, u b'enfasi fuq il-ħtiġijiet tal-ħaddiema, għandhom id-dritt jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli, bil-għan li jaġġustaw l-iskedi tax-xogħol tagħhom, inkluż, meta jkun possibbli, bl-użu ta' arranġamenti ta' xogħol minn distanza, ta' skedi tax-xogħol flessibbli, jew tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, għall-finijiet ta' indukrar.

    (35)

    Sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet kemm tal-ħaddiema kif ukoll tal-impjegaturi, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jillimitaw id-durata tal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli, inkluż kwalunkwe tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol jew kwalunkwe arranġament ta' xogħol minn distanza. Filwaqt li ntwera li x-xogħol part-time huwa utli biex ċerti nisa jibqgħu fis-suq tax-xogħol wara li jkollhom it-tfal jew jindukraw qraba bi bżonnijiet ta' indukrar jew appoġġ, perjodi twal ta' sigħat tax-xogħol imnaqqsa jistgħu jwasslu għal inqas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u għaldaqstant għal intitolamenti tal-pensjoni mnaqqsa jew ineżistenti.

    (36)

    Meta jqisu talbiet għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli, l-impjegaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jqisu, inter alia, id-durata tal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli u r-riżorsi u l-kapaċità operazzjonali tal-impjegaturi biex joffru tali arranġamenti. L-impjegatur jenħtieġ li jkun jista' jiddeċiedi jekk jaċċettax jew jirrifjutax talba ta' ħaddiem għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli. Iċ-ċirkustanzi speċifiċi li jwasslu għall-bżonn ta' arranġamenti tax-xogħol flessibbli jistgħu jinbidlu. Għalhekk, jenħtieġ li l-ħaddiema jkollhom id-dritt mhux biss li jirritornaw għall-iskeda tax-xogħol oriġinali tagħhom fi tmiem perjodu li jkun hemm ftehim reċiproku dwaru, iżda jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu wkoll li jagħmlu dan aktar kmieni meta dan ikun meħtieġ abbażi ta' bidla fiċ-ċirkustanzi sottostanti.

    (37)

    Minkejja r-rekwiżit li jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet tal-aċċess u l-arranġamenti dettaljati għal-liv tal-ġenituri jenħtieġx li jiġu adattati għall-bżonnijiet speċifiċi ta' ġenituri f'sitwazzjonijiet partikolarment żvantaġġati, l-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċess u l-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt għal-liv tal-paternità, il-liv tal-persuni li jindukraw u l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli jenħtieġx li jiġu adattati għal bżonnijiet partikolari, bħal dawk ta' ġenituri waħedhom, ġenituri adottivi, ġenituri b'diżabilità, ġenituri ta' tfal b'diżabilità jew b'mard fit-tul, jew ġenituri f'ċirkustanzi partikolari, bħal dawk relatati ma' twelid multiplu u twelid prematur.

    (38)

    L-arranġamenti tal-liv huma maħsuba biex jappoġġaw lill-ħaddiema li huma ġenituri, u lil persuni li jindukraw, matul perjodu speċifiku ta' żmien, u huma maħsuba li jżommu u jippromwovu l-involviment kontinwu tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, xieraq li jiġu previsti dispożizzjonijiet espliċiti għall-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jieħdu t-tipi ta' liv koperti minn din id-Direttiva. B'mod partikolari, din id-Direttiva tipproteġi d-dritt tal-ħaddiema li jirritornaw lura fl-istess post jew f'post ekwivalenti wara li jkunu ħadu tali liv u d-dritt li ma jkunu soġġetti għal ebda deterjorament fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tal-impjieg jew tar-relazzjoni tal-impjieg b'riżultat tat-teħid ta' tali liv. Jenħtieġ li l-ħaddiema jżommu l-intitolament tagħhom għad-drittijiet rilevanti li jkunu diġà miksuba, jew li jkunu fil-proċess li jinkisbu, sa tmiem it-tali liv.

    (39)

    Kif previst fid-Direttiva 2010/18/UE, l-Istati Membri huma meħtieġa jiddefinixxu l-istat tal-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg għall-perjodu tal-liv tal-ġenituri. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-relazzjoni tal-impjieg bejn il-ħaddiem u l-impjegatur hija miżmuma matul il-perjodu tal-liv u, b'riżultat ta' dan, il-benefiċjarju tat-tali liv jibqa', matul dak il-perjodu, ħaddiem għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni. Meta jkunu qed jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg matul il-perjodu tat-tipi ta' liv koperti minn din id-Direttiva, inkluż fir-rigward tal-intitolament għas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri għalhekk jenħtieġ li jiżguraw li r-relazzjoni tal-impjieg tinżamm.

    (40)

    Jenħtieġ li l-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jieħdu l-liv jew li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli kif previst f'din id-Direttiva jkunu protetti kontra diskriminazzjoni jew kontra kwalunkwe trattament inqas favorevoli għal dik ir-raġuni.

    (41)

    Jenħtieġ li l-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jieħdu l-liv jew li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli kif previst f'din id-Direttiva jgawdu minn protezzjoni kontra s-sensja u kwalunkwe pass ta' tħejjija għal sensja possibbli minħabba r-raġunijiet li jkunu applikaw għal, jew ħadu, tali liv, jew li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jitolbu tali arranġamenti tax-xogħol flessibbli f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża s-sentenza tagħha fil-Kawża C-460/06 (12). Il-ħaddiema li jqisu li jkunu ngħataw is-sensja abbażi tal-fatt li jkunu eżerċitaw tali drittijiet jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu lill-impjegatur jipprovdi raġunijiet sostanzjati kif xieraq għas-sensja. Meta ħaddiem ikun applika għal, jew ikun ħa, liv tal-paternità, liv tal-ġenituri jew liv tal-persuni li jindukraw kif imsemmi f'din id-Direttiva, l-impjegatur jenħtieġ li jipprovdi r-raġunijiet għas-sensja bil-miktub.

    (42)

    L-oneru tal-prova li ma kienx hemm sensja minħabba li l-ħaddiema li applikaw għal, jew ħadu, liv tal-paternità, liv tal-ġenituri jew liv tal-persuni li jindukraw kif imsemmi f'din id-Direttiva jenħtieġ li jkun fuq l-impjegatur meta ħaddiem ikun stabbilixxa, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li kapaċi jwasslu għal suppożizzjoni li l-ħaddiem ingħata s-sensja għal tali raġunijiet.

    (43)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu diġà fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva u li jirrigwardaw id-drittijiet li huma fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Tali penali jistgħu jinkludu penali amministrattivi u finanzjarji, bħal multi jew il-ħlas ta' kumpens, kif ukoll tipi oħra ta' penali.

    (44)

    L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji ta' trattament ugwali u opportunitajiet indaqs tirrikjedi l-protezzjoni ġudizzjarja adegwata tal-ħaddiema kontra trattament avvers jew konsegwenzi avversi li jirriżultaw minn ilment jew minn proċedimenti li jirrigwardaw id-drittijiet taħt din id-Direttiva. Huwa possibbli li l-vittmi jaqtgħu qalbhom milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom minħabba r-riskju ta' ritaljazzjoni u, għalhekk, jenħtieġ li jkunu protetti kontra kwalunkwe trattament avvers meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom previsti f'din id-Direttiva. Tali protezzjoni hija partikolarment rilevanti fir-rigward tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

    (45)

    Bil-għan li jkompli jitjieb il-livell ta' protezzjoni tad-drittijiet previst f'din id-Direttiva, jenħtieġ li l-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza jkunu kompetenti fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluż il-kompitu li tingħata assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni fit-tressiq tal-ilmenti tagħhom.

    (46)

    Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u b'hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiema. Il-fatt li ġenitur wieħed jitħalla jittrasferixxi lill-ġenitur l-ieħor aktar minn xahrejn mill-erba' xhur ta' liv tal-ġenituri previsti f'din id-Direttiva ma jikkostitwix dispożizzjoni li hija aktar favorevoli għall-ħaddiem mid-dispożizzjonijiet minimi stabbiliti f'din id-Direttiva. Id-drittijiet li jkunu diġà nkisbu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva jenħtieġ li jkomplu japplikaw sakemm din id-Direttiva ma tipprevedix dispożizzjonijiet aktar favorevoli. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva la jenħtieġ li tintuża biex jitnaqqsu d-drittijiet eżistenti fid-dritt tal-Unjoni, u lanqas jenħtieġ li tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni mogħti lill-ħaddiema, fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

    (47)

    B'mod partikolari, jenħtieġ li xejn f'din id-Direttiva ma jiġi interpretat bħala li jnaqqas id-drittijiet previsti fid-Direttivi 2010/18/UE, 92/85/KEE u 2006/54/KE, inkluż l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54/KE.

    (48)

    L-intrapriżi mikro, żgħar u medji (SMEs) kif definiti fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (13), li jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tal-intrapriżi fl-Unjoni, jista' jkollhom riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani limitati. Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu l-almu tagħhom biex jevitaw li jimponu rabtiet amministrattivi, finanzjarji jew ġuridiċi b'manjiera li tikkostitwixxi diżinċentiv għall-ħolqien u l-iżvilupp tal-SMEs jew piż eċċessiv għall-impjegaturi. Għalhekk, l-Istati Membri huma mistiedna jivvalutaw bir-reqqa l-impatt tal-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom fuq l-SMEs sabiex jiżguraw it-trattament ugwali tal-ħaddiema kollha, li l-SMEs ma jiġux affettwati b'mod sproporzjonat mill-miżuri, b'enfasi partikolari fuq il-mikrointrapriżi, u li jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv mhux meħtieġ. L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu inċentivi, gwida u pariri lill-SMEs biex jgħinuhom jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva.

    (49)

    Kwalunkwe tip ta' ħin liberu mix-xogħol relatat mal-familja, b'mod partikolari l-liv tal-maternità, il-liv tal-paternità, il-liv tal-ġenituri u l-liv tal-persuni li jindukraw, disponibbli skont il-liġi jew il-ftehimiet kollettivi nazzjonali jenħtieġ li jitqies fl-issodisfar tar-rekwiżiti ta' wieħed jew aktar mit-tipi ta' liv previsti f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 92/85/KEE, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti minimi ta' dawk id-direttivi u li ma jitnaqqasx il-livell ġenerali tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema fl-oqsma koperti minnhom. Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jagħtu isem ġdid jew inkella jibdlu t-tipi differenti ta' liv relatat mal-familja mogħtija taħt il-liġi jew il-ftehimiet kollettivi nazzjonali u li jitqiesu għall-konformità ma' din id-Direttiva.

    (50)

    L-Istati Membri huma mħeġġa, f'konformità mal-prassi nazzjonali, jippromwovu djalogu soċjali mas-sħab soċjali bil-għan li jħeġġu r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata, inkluż bil-promozzjoni ta' miżuri għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fil-post tax-xogħol, bl-istabbiliment ta' sistemi ta' ċertifikazzjoni volontarji, bl-għoti ta' taħriġ vokazzjonali, biż-żieda tas-sensibilizzazzjoni u bit-twettiq ta' kampanji ta' informazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jidħlu fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-fornituri ta' servizzi, sabiex jippromwovu politiki għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali.

    (51)

    Is-sħab soċjali jenħtieġ li jiġu mħeġġa jippromwovu s-sistemi ta' ċertifikazzjoni volontarji li jivvalutaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fil-post tax-xogħol.

    (52)

    Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tiżgura l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u tat-trattament fil-post tax-xogħol madwar l-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu dawk l-objettivi,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi mfassla biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fil-post tax-xogħol, bil-faċilitazzjoni tar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata għall-ħaddiema li huma ġenituri, jew persuni li jindukraw.

    Għal dak il-fini, din id-Direttiva tipprevedi drittijiet individwali relatati ma' dawn:

    (a)

    liv tal-paternità, liv tal-ġenituri u liv tal-persuni li jindukraw;

    (b)

    arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-ħaddiema li huma ġenituri, jew persuni li jindukraw.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema rġiel u nisa kollha li għandhom kuntratt tal-impjieg jew relazzjoni tal-impjieg, kif definiti mil-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prassi li jkunu fis-seħħ f'kull Stat Membru, filwaqt li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “liv tal-paternità” tfisser liv mix-xogħol għall-missirijiet jew, meta u sa fejn ikun rikonoxxut mil-liġi nazzjonali, għat-tieni ġenituri ekwivalenti, fl-okkażjoni tat-twelid ta' wild għall-finijiet ta' indukrar;

    (b)

    “liv tal-ġenituri” tfisser liv mix-xogħol għall-ġenituri minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta' wild, għall-indukrar ta' dak il-wild;

    (c)

    “liv tal-persuni li jindukraw” tfisser liv mix-xogħol għall-ħaddiema sabiex jipprovdu indukrar jew appoġġ personali lil qarib, jew lil persuna li tgħix fl-istess dar bħall-ħaddiem, u li jeħtieġu indukrar jew appoġġ sinifikanti għal raġuni medika serja, kif definita minn kull Stat Membru;

    (d)

    “persuna li tindokra” tfisser ħaddiem li jipprovdi indukrar jew appoġġ lil qarib, jew lil persuna li tgħix fl-istess dar mal-ħaddiem, u li jeħtieġu indukrar jew appoġġ sinifikanti għal raġuni medika serja, kif definita minn kull Stat Membru;

    (e)

    “qarib” tfisser iben, bint, omm, missier, konjuġi jew, fejn tali sħubijiet ikunu rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali, sieħeb/sieħba fi sħubija ċivili;

    (f)

    “arranġamenti tax-xogħol flessibbli” tfisser il-possibbiltà għal ħaddiema li jaġġustaw l-iskedi tax-xogħol tagħhom, inkluż bl-użu ta' arranġamenti ta' xogħol minn distanza, ta' skedi tax-xogħol flessibbli, jew ta' sigħat tax-xogħol imnaqqsa.

    2.   Ir-referenza għall-jiem tax-xogħol fl-Artikoli 4 u 6 għandha tinftiehem bħala referenza għall-iskeda tax-xogħol full-time, kif definita fl-Istat Membru kkonċernat.

    L-intitolament għal-liv ta' ħaddiem jista' jiġi kkalkulat b'mod proporzjonali għall-ħin tax-xogħol tal-ħaddiem, f'konformità mal-iskeda tax-xogħol speċifikata fil-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg tal-ħaddiem.

    Artikolu 4

    Liv tal-paternità

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-missirijiet jew, meta u sa fejn ikun rikonoxxut mil-liġi nazzjonali, it-tieni ġenituri ekwivalenti, ikollhom id-dritt għal liv tal-paternità ta' għaxart ijiem tax-xogħol, li għandu jittieħed fl-okkażjoni tat-twelid tal-wild tal-ħaddiem. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw jekk jippermettux li l-liv tal-paternità jittieħed parzjalment qabel jew esklussivament wara t-twelid tal-wild u jekk jippermettux li tali liv jittieħed b'modi flessibbli.

    2.   Id-dritt għal-liv tal-paternità ma għandux ikun soġġett għal kwalifika ta' perjodu ta' xogħol jew għal kwalifika ta' tul ta' żmien fis-servizz.

    3.   Id-dritt għal-liv tal-paternità għandu jingħata irrispettivament mill-istat ċivili jew l-istat tal-familja tal-ħaddiem, kif definit mil-liġi nazzjonali.

    Artikolu 5

    Liv tal-ġenituri

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikollu dritt individwali għal liv tal-ġenituri ta' erba' xhur li jrid jittieħed qabel ma l-wild jilħaq età speċifikata, sal-età ta' tmien snin, li għandha tiġi speċifikata minn kull Stat Membru jew permezz ta' ftehim kollettiv. Dik l-età għandha tiġi ddeterminata bil-għan li jkun żgurat li kull ġenitur jista' jeżerċita d-dritt tiegħu għal-liv tal-ġenituri b'mod effikaċi u fuq bażi ugwali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li xahrejn mil-liv tal-ġenituri ma jistgħux jiġu ttrasferiti.

    3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodu ta' avviż raġonevoli li għandu jingħata mill-ħaddiema lill-impjegaturi meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-liv tal-ġenituri. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni l-bżonnijiet kemm tal-impjegaturi kif ukoll tal-ħaddiema.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talba tal-ħaddiem għal-liv tal-ġenituri tispeċifika l-bidu u tmiem maħsuba tal-perjodu tal-liv.

    4.   L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għal-liv tal-ġenituri għal kwalifika ta' perjodu ta' xogħol jew għal kwalifika ta' tul ta' żmien fis-servizz, li ma għandhomx ikunu itwal minn sena. Fil-każ ta' kuntratti suċċessivi b'terminu fiss fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE (14), mal-istess impjegatur, it-total ta' dawk il-kuntratti għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni għall-fini tal-kalkolu tal-perjodu kwalifikattiv.

    5.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ċ-ċirkustanzi li fihom impjegatur, wara konsultazzjoni f'konformità mal-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prassi nazzjonali, jitħalla jipposponi l-għoti tal-liv tal-ġenituri għal perjodu ta' żmien raġonevoli minħabba l-fatt li t-teħid tal-liv tal-ġenituri fiż-żmien mitlub ixekkel serjament il-funzjonament tajjeb tal-impjegatur. L-impjegaturi għandhom jagħtu raġunijiet bil-miktub għal kwalunkwe tali posponiment tal-liv tal-ġenituri.

    6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema jkollhom id-dritt li jitolbu li jieħdu l-liv tal-ġenituri b'modi flessibbli. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw il-modalitajiet tal-applikazzjoni tagħhom. L-impjegatur għandu jikkunsidra u jwieġeb għal tali talbiet, b'kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet kemm tal-impjegatur kif ukoll tal-ħaddiem. L-impjegatur għandu jagħti raġunijiet bil-miktub għal kwalunkwe rifjut li jaċċetta tali talba f'perjodu ta' żmien raġonevoli wara t-talba.

    7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li meta jikkunsidraw talbiet għal liv tal-ġenituri full-time, l-impjegaturi għandhom, qabel kwalunkwe posponiment f'konformità mal-paragrafu 5, sa fejn ikun possibbli, joffru modi flessibbli biex jittieħed il-liv tal-ġenituri skont il-paragrafu 6.

    8.   L-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-ħtieġa li l-kundizzjonijiet ta' aċċess u l-arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni tal-liv tal-ġenituri jkunu adattati għall-ħtiġijiet tal-ġenituri adottivi, tal-ġenituri b'diżabilità u tal-ġenituri ta' tfal b'diżabilità jew b'marda fit-tul.

    Artikolu 6

    Liv tal-persuni li jindukraw

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikollu d-dritt għal-liv tal-persuni li jindukraw ta' ħamest ijiem tax-xogħol fis-sena. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw dettalji addizzjonali rigward l-ambitu u l-kundizzjonijiet tal-liv tal-persuni li jindukraw f'konformità mal-liġi jew il-prassi nazzjonali. L-użu ta' dak id-dritt jista' jkun soġġett għal sostanzjar xieraq, f'konformità mal-liġi jew il-prassi nazzjonali.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jallokaw il-liv tal-persuni li jindukraw fuq il-bażi ta' perjodu ta' referenza li ma jkunx sena, għal kull persuna li jkollha bżonn l-indukrar jew l-appoġġ, jew għal kull każ.

    Artikolu 7

    Ħin liberu mix-xogħol minħabba force majeure

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikollu d-dritt għal ħin liberu mix-xogħol minħabba force majeure għal raġunijiet familjari urġenti fil-każ ta' mard jew inċident li jagħmlu l-preżenza immedjata tal-ħaddiem indispensabbli. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt ta' kull ħaddiem għal ħin liberu mix-xogħol minħabba force majeure għal ċertu ammont ta' żmien kull sena jew għal kull każ, jew it-tnejn.

    Artikolu 8

    Pagament jew allowance

    1.   F'konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali, bħal-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prassi nazzjonali, u b'kunsiderazzjoni tas-setgħat delegati lis-sħab soċjali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-liv previst fl-Artikolu 4(1) jew fl-Artikolu 5(2) jirċievu pagament jew allowance f'konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

    2.   Fir-rigward tal-liv tal-paternità kif imsemmi fl-Artikolu 4(1), tali pagament jew allowance għandu jiggarantixxi dħul tal-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiem ikkonċernat jirċievi f'każ ta' interruzzjoni tal-attivitajiet tal-ħaddiem għal raġunijiet marbuta mal-istat tas-saħħa tal-ħaddiem, soġġett għal kwalunkwe limitu massimu stabbilit fil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għal pagament jew allowance għal perjodi ta' impjieg preċedenti, li ma għandhomx jaqbżu sitt xhur immedjatament qabel id-data mistennija tat-twelid tal-wild.

    3.   Fir-rigward tal-liv tal-ġenituri kif imsemmi fl-Artikolu 6(2), tali pagament jew allowance għandhom jiġu definiti mill-Istat Membru jew mis-sħab soċjali u għandhom jiġu stabbiliti b'tali mod li jiffaċilita t-teħid tal-liv tal-ġenituri miż-żewġ ġenituri.

    Artikolu 9

    Arranġamenti tax-xogħol flessibbli

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema li jkollhom tfal sa età speċifikata, li għandha tkun ta' mill-inqas tmien snin, u l-persuni li jindukraw, ikollhom id-dritt li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-finijiet ta' indukrar. Id-durata ta' arranġamenti tax-xogħol flessibbli bħal dawn tista' tkun soġġetta għal limitazzjoni raġonevoli.

    2.   L-impjegaturi għandhom jikkunsidraw u jwieġbu t-talbiet għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli kif imsemmija fil-paragrafu 1 f'perjodu ta' żmien raġonevoli, b'kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet kemm tal-impjegaturi kif ukoll tal-ħaddiema. L-impjegaturi għandhom jagħtu raġunijiet għal kwalunkwe rifjut ta' tali talba jew għal kwalunkwe posponiment ta' tali arranġamenti.

    3.   Meta l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli kif imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu limitati fid-durata tagħhom, il-ħaddiem għandu jkollu d-dritt li jirritorna għall-iskeda tax-xogħol oriġinali fi tmiem il-perjodu miftiehem. Il-ħaddiem għandu jkollu wkoll id-dritt li jitlob li jirritorna għall-iskeda tax-xogħol oriġinali qabel tmiem il-perjodu miftiehem meta dan ikun iġġustifikat abbażi ta' bidla fiċ-ċirkustanzi. L-impjegatur għandu jikkunsidra u jwieġeb talba għal ritorn bikri għall-iskeda tax-xogħol oriġinali, b'kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet kemm tal-impjegatur kif ukoll tal-ħaddiem.

    4.   L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għal talba għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli għal kwalifika ta' perjodu ta' xogħol jew għal kwalifika ta' tul tas-servizz, li ma għandhomx jaqbżu sitt xhur. Fil-każ ta' kuntratti suċċessivi b'terminu fiss fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE mal-istess impjegatur, it-total ta' dawk il-kuntratti għandu jitqies għall-fini tal-kalkolu tal-perjodu li jikkwalifika.

    Artikolu 10

    Drittijiet tax-xogħol

    1.   Id-drittijiet li jkunu nkisbu jew li jkunu fil-proċess li jinkisbu mill-ħaddiema fid-data li fiha jibda l-liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 jew il-ħin liberu mix-xogħol previst fl-Artikolu 7 għandhom jinżammu sa tmiem it-tali liv jew il-ħin liberu mix-xogħol. Fit-tmiem tat-tali liv jew tal-ħin liberu mix-xogħol, dawk id-drittijiet, inkluż kwalunkwe tibdil li jirriżulta mil-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prassi nazzjonali, għandhom japplikaw.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi tmiem il-liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6, il-ħaddiema jkunu intitolati jirritornaw għall-karigi tagħhom jew għal karigi ekwivalenti b'termini u b'kundizzjonijiet li ma jkunux inqas favorevoli għalihom, u li jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li kienu jkunu intitolati għalihom li kieku ma ħadux il-liv.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt tal-impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg għall-perjodu tal-liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6, jew għall-ħin liberu mix-xogħol previst fl-Artikolu 7, inkluż fir-rigward tal-intitolamenti għas-sigurtà soċjali, inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, filwaqt li jiżguraw li r-relazzjoni tal-impjieg tinżamm matul dak il-perjodu.

    Artikolu 11

    Diskriminazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprojbixxu trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema minħabba li applikaw għal, jew ħadu, liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 jew ħin liberu mix-xogħol previst fl-Artikolu 7, jew minħabba li eżerċitaw id-drittijiet previsti fl-Artikolu 9.

    Artikolu 12

    Protezzjoni kontra s-sensja u l-oneru tal-prova

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprojbixxu s-sensja u l-preparamenti kollha għas-sensja tal-ħaddiema, minħabba li applikaw għal, jew ħadu, liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6, jew minħabba li eżerċitaw id-dritt li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli msemmija fl-Artikolu 9.

    2.   Il-ħaddiema li jikkunsidraw li ngħataw is-sensja minħabba li applikaw għal, jew ħadu liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6, jew għaliex eżerċitaw id-dritt li jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli kif imsemmi fl-Artikolu 9, jistgħu jitolbu lill-impjegatur jipprovdi raġunijiet sostanzjati kif xieraq għas-sensja tagħhom. Fir-rigward tas-sensja ta' ħaddiem li applika għal, jew ħa, liv previst fl-Artikoli 4, 5 jew 6, l-impjegatur għandu jipprovdi raġunijiet għas-sensja bil-miktub.

    3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, meta l-ħaddiema li jikkunsidraw li ngħataw is-sensja minħabba li applikaw għal, jew ħadu, liv previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista' jiġi preżunt li ngħataw is-sensja għal tali raġunijiet, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-impjegatur li jipprova li s-sensja kienet ibbażata fuq raġunijiet oħra.

    4.   Il-paragrafu 3 ma għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta' evidenza li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiema.

    5.   L-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa japplikaw il-paragrafu 3 għall-proċedimenti li fihom tkun ir-responsabbiltà tal-qorti jew tal-korp kompetenti li jinvestigaw il-fatti tal-każ.

    6.   Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għal proċedimenti kriminali, sakemm l-Istati Membri ma jiddisponux mod ieħor.

    Artikolu 13

    Penali

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, jew tad-dispożizzjonijiet rilevanti li diġà huma fis-seħħ li jikkonċernaw id-drittijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Artikolu 14

    Protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi avversi

    L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri neċessarji biex jipproteġu lill-ħaddiema, inkluż ħaddiema li jkunu rappreżentanti tal-impjegati, kontra kwalunkwe trattament avvers mill-impjegatur jew konsegwenzi avversi li jirriżultaw minn ilment ippreżentat fl-intrapriża jew kwalunkwe proċediment legali għall-fini tal-infurzar tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva.

    Artikolu 15

    Korpi tal-ugwaljanza

    Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-ispettorati tax-xogħol jew ta' korpi oħra li jinfurzaw id-drittijiet tal-ħaddiema, inklużi s-sħab soċjali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp jew il-korpi maħturin, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE, għall-promozzjoni, għall-analiżi, għall-monitoraġġ u għall-appoġġ tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ikunu kompetenti fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 16

    Livell ta' protezzjoni

    1.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiema minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

    2.   L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġunijiet biex jiġi ġġustifikat tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva. Il-projbizzjoni ta' tali tnaqqis fil-livell ta' protezzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri u tas-sħab soċjali li jistabbilixxu, fid-dawl ta' ċirkustanzi li jinbidlu, arranġamenti leġiżlattivi, regolatorji jew kuntrattwali għajr dawk fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2019, dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti f'din id-Direttiva.

    Artikolu 17

    Disseminazzjoni ta' informazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti li diġà huma fis-seħħ relatati mas-suġġett kif stabbilit fl-Artikolu 1, jinġiebu għall-attenzjoni tal-ħaddiema u l-impjegaturi, inklużi l-impjegaturi li jkunu SMEs, bil-mezzi kollha adatti fit-territorju kollu tagħhom.

    Artikolu 18

    Rapportar u rieżami

    1.   Sat-2 ta' Awwissu 2027, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tikkonċerna l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva li tkun neċessarja għall-Kummissjoni biex tfassal rapport. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi data aggregata disponibbli dwar it-teħid ta' tipi differenti ta' liv u arranġamenti tax-xogħol flessibbli, minn irġiel u nisa skont din id-Direttiva, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-monitoraġġ u l-valutazzjoni xierqa tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu, jekk ikun xieraq, ikun akkumpanjat bi proposta leġiżlattiva.

    Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat ukoll bi:

    (a)

    studju tal-interazzjoni bejn it-tipi differenti ta' liv previsti f'din id-Direttiva kif ukoll tipi oħra ta' liv relatat mal-familja, bħal-liv tal-adozzjoni; u

    (b)

    studju tad-drittijiet għal liv relatat mal-familja li jingħataw lil persuni li jaħdmu għal rashom.

    Artikolu 19

    Tħassir

    1.   Id-Direttiva 2010/18/UE hija mħassra b'effett mit-2 ta' Awwissu 2022. Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni stabbilita fl-Anness.

    2.   Minkejja t-tħassir tad-Direttiva 2010/18/UE skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kwalunkwe perjodu jew perjodu kumulattiv separat ta' liv tal-ġenituri meħud jew ittrasferit minn ħaddiem skont dik id-Direttiva qabel it-2 ta' Awwissu 2022 jista' jitnaqqas mill-intitolament għal-liv tal-ġenituri ta' dak il-ħaddiem skont l-Artikolu 6 ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 20

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-2 ta' Awwissu 2022. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

    2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għall-pagament jew l-allowance li jikkorrispondu għall-aħħar ġimagħtejn ta' liv tal-ġenituri kif previst fl-Artikolu 8(3), l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-konformità ma' din id-Direttiva sat-2 ta' Awwissu 2024. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

    3.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

    5.   Ir-regoli dettaljati u l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-liġi nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew il-prassi, sakemm ikunu rispettati r-rekwiżiti minimi u l-objettivi ta' din id-Direttiva.

    6.   Għall-finijiet ta' konformità mal-Artikoli 4, 5, 6 u 8 ta' din id-Direttiva u mad-Direttiva 92/85/KEE, l-Istati Membri jistgħu jqisu kwalunkwe perjodu ta', u l-pagament jew l-allowance fir-rigward ta', il-ħin liberu mix-xogħol relatat mal-familja, b'mod partikolari l-liv tal-maternità, il-liv tal-paternità, il-liv tal-ġenituri u l-liv tal-persuni li jindukraw, disponibbli fil-livell nazzjonali li jkun aktar mill-istandards minimi previsti f'din id-Direttiva jew fid-Direttiva 92/85/KEE, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti minimi għal tali liv u li ma jonqosx il-livell ġenerali ta' protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fl-oqsma koperti minn dawk id-Direttivi.

    7.   Fejn l-Istati Membri jiżguraw pagament jew allowance ta' mill-inqas 65 % tal-paga netta tal-ħaddiem, li jistgħu jkunu soġġetti għal limitu massimu, għal mill-inqas sitt xhur ta' liv tal-ġenituri għal kull ġenitur, jistgħu jiddeċiedu li jżommu tali sistema pjuttost milli jipprevedu l-pagament jew l-allowance msemmija fl-Artikolu 8(2).

    8.   L-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, meta s-sħab soċjali flimkien jitolbu li jagħmlu dan, dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi neċessarji kollha biex jiżguraw li r-riżultati din id-Direttiva trid tikseb ikunu ggarantiti f'kull mument.

    Artikolu 21

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 22

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. CIAMBA


    (1)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44.

    (2)  ĠU C 164, 8.5.2018, p. 62.

    (3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2019.

    (4)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

    (5)  Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).

    (6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).

    (7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9).

    (8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13).

    (9)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b'dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1).

    (11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 tal-14 ta' Mejju 2003 li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b'dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 1).

    (12)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Ottubru 2007, Nadine Paquay vs Société d'architectes Hoet + Minne SPRL, C-460/06, ECLI:EU:C:2007:601.

    (13)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

    (14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43).


    ANNESS

    TABELLA TA' KORRELAZZJONI

    Id-Direttiva 2010/18/UE

    Din id-Direttiva

    Klawżola 1(1)

    Artikolu 1

    Klawżola 1(2)

    Artikolu 2

    Klawżola 1(3)

    Artikolu 2

    Klawżola 2(1)

    Artikolu 5(1)

    Klawżola 2(2)

    Artikolu 5(1) u (2)

    Klawżola 3(1)(a)

    Artikolu 5(6)

    Klawżola 3(1)(b)

    Artikolu 5(4)

    Klawżola 3(1)(c)

    Artikolu 5(5)

    Klawżola 3(1)(d)

    Klawżola 3(2)

    Artikolu 5(3)

    Klawżola 3(3)

    Artikolu 5(8)

    Klawżola 4(1)

    Artikolu 5(8)

    Klawżola 5(1)

    Artikolu 10(2)

    Klawżola 5(2)

    Artikolu 10(1)

    Klawżola 5(3)

    Artikolu 10(3)

    Klawżola 5(4)

    Artikolu 11

    Klawżola 5(5), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 10(3)

    Klawżola 5(5), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 8(3)

    Klawżola 6(1)

    Artikolu 9

    Klawżola 6(2)

    Premessa 25

    Klawżola 7(1)

    Artikolu 7

    Klawżola 7(2)

    Artikolu 7

    Klawżola 8(1)

    Artikolu 16(1)

    Klawżola 8(2)

    Artikolu 16(2)

    Klawżola 8(3)

    Klawżola 8(4)

    Klawżola 8(5)

    Klawżola 8(6)

    Klawżola 8(7)


    Top