Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019H1115(01)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom2019/C 387/01

ST/12753/2019/INIT

ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 387/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Novembru 2019

dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom

(2019/C 387/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikoli 153 u 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-għanijiet tal-Unjoni huma, fost oħrajn, li tippromwovi l-benessri tal-popli tagħha u li taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa msejjes fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, li timmira għal-livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali. L-Unjoni għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

(2)

Skont l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni, meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, għandha tikkunsidra r-rekwiżiti konnessi mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(3)

Il-punt (c) tal-Artikolu 153(1) TFUE jippermetti li l-Unjoni tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema. L-azzjoni tal-Unjoni tista’ tiġi segwita wkoll biex tindirizza sfidi ta’ aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom abbażi tal-Artikolu 352 TFUE, li fih dispożizzjoni li tippermetti li l-Kunsill jadotta miżuri adatti sabiex jintlaħqu objettivi stabbiliti fit-Trattati fejn it-Trattati ma jkunux ipprovdew is-setgħat meħtieġa.

(4)

Fis-17 ta’ Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw solennement il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Prinċipju 12 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jgħid li, irrispettivament mit-tip u mid-durata tar-relazzjoni tal-impjieg tagħhom, il-ħaddiema, u f’kondizzjonijiet komparabbli, dawk li jaħdmu għal rashom, għandhom id-dritt għal protezzjoni soċjali adegwata.

(5)

Is-sħab soċjali impenjaw ruħhom li jkomplu jikkontribwixxu għal Ewropa li tagħti riżultati għall-ħaddiema u għall-intrapriżi tagħha.

(6)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Parlament Ewropew enfasizza l-ħtieġa għal protezzjoni soċjali adegwata u investiment soċjali tul il-ħajja kollha tal-persuni, biex kulħadd ikun jista’ jieħu sehem bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija u jiġu sostnuti standards ta’ għajxien deċenti.

(7)

Fl-opinjoni tiegħu dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li nidiet konsultazzjoni dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew enfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li l-ħaddiema kollha jkunu koperti minn standards tax-xogħol fundamentali u protezzjoni soċjali adegwata.

(8)

Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali fil-forom differenti tagħhom huma l-pedament tal-mudell soċjali Ewropew u ta’ ekonomija tas-suq soċjali li tiffunzjona tajjeb. Il-funzjoni ewlenija tal-protezzjoni soċjali hija li tipproteġi lin-nies mill-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ riskji soċjali, bħall-mard, ix-xjuħija, l-aċċidenti fuq ix-xogħol u t-telf ta’ impjieg, il-prevenzjoni u t-taffija tal-faqar u li jinżamm standard ta’ għajxien deċenti. Sistemi ta’ protezzjoni soċjali mfasslin sew jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jikkontribwixxu għall-attivazzjoni u jappoġġaw ir-ritorn għax-xogħol u t-tranżizzjoni fis-suq tax-xogħol għall-individwi li jbiddlu l-impjieg, jidħlu għal xogħol ġdid jew jitilqu minn xogħol, jibdew kumpanija jew jagħlqu kumpanija. Huma jikkontribwixxu għall-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli billi jappoġġaw l-investiment fil-kapital uman u jistgħu jgħinu fir-riallokazzjoni ta’ riżorsi umani lejn setturi emerġenti u dinamiċi tal-ekonomija. Għandhom ukoll rwol x’jaqdu bħala stabbilizzaturi awtomatiċi billi jillixxaw il-livell tal-konsum matul iċ-ċiklu tan-negozju.

(9)

Il-protezzjoni soċjali tista’ tingħata permezz ta’ benefiċċji in natura jew fi flus. Ġeneralment tiġi pprovduta permezz ta’ skemi universali li jipproteġu lill-individwi kollha u huma ffinanzjati permezz tat-tassazzjoni ġenerali u/jew permezz ta’ skemi li jipproteġu lill-persuni fis-suq tax-xogħol, li spiss huma bbażati fuq kontributi relatati mal-introjtu minn xogħolhom. Il-protezzjoni soċjali tinkludi għadd ta’ oqsma, li jkopru firxa ta’ riskji soċjali li jvarjaw mix-xjuħija għall-mard jew il-qgħad. Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika għall-oqsma tal-protezzjoni soċjali li huma spiss relatati iktar mill-qrib mal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u dawk li, l-aktar, jiżguraw il-protezzjoni minn telf ta’ introjtu relatat max-xogħol meta jokkorri ċertu riskju. Din ir-Rakkomandazzjoni ma tapplikax għall-għoti ta’ aċċess għal assistenza soċjali u skemi ta’ introjtu minimu. Hija tikkomplementa l-gwida eżistenti fil-livell tal-Unjoni dwar is-servizzi soċjali u l-assistenza, kif ukoll dwar l-inklużjoni attiva ta’ persuni esklużi mis-suq tax-xogħol, bħar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva ta’ nies esklużi mis-suq tax-xogħol.

(10)

Il-globalizzazzjoni, l-iżviluppi teknoloġiċi, il-bidliet fil-preferenzi individwali, u t-tixjiħ demografiku ġabu bidliet fis-swieq tax-xogħol tal-Unjoni għal dawn l-aħħar żewġ deċennji u se jkomplu jagħmlu dan fil-futur. L-impjiegi ser isiru dejjem aktar varjati, u l-karrieri ser ikunu inqas u inqas lineari.

(11)

Teżisti varjetà ta’ relazzjonijiet ta’ impjiegi u ta’ forom ta’ xogħol ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fis-swieq tax-xogħol tal-Unjoni flimkien mal-kuntratti ta’ impjieg indefiniti full-time. Uħud minnhom eżistew fis-suq tax-xogħol għal żmien twil (bħall-impjiegi fissi, temporanji, part-time, ix-xogħol domestiku, jew l-apprendistati), filwaqt li oħrajn, bħax-xogħol fuq talba, xogħol abbażi ta’ kupuni, pjattaformi ta’ xogħol, żviluppaw aktar reċentement u żiedu fl-importanza mis-snin 2000 ’l hawn.

(12)

Dawk li jaħdmu għal rashom b’mod partikolari jiffurmaw grupp eteroġenju. Bosta individwi jagħżlu minn jeddhom li jaħdmu għal rashom, b’impjegati jew le, u jieħdu r-riskju biex isiru imprendituri, filwaqt li wieħed minn kull ħames persuni li jaħdmu għal rashom jaħdem għal rasu għaliex ma jistax isib xogħol bħala impjegat.

(13)

Hekk kif jevolvu s-swieq tax-xogħol, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali fil-forom differenti tagħhom jeħtieġ li jevolvu wkoll, biex ikun żgurat li l-mudell soċjali Ewropew jibqa’ validu fil-futur u jippermetti li s-soċjetajiet u l-ekonomiji tal-Unjoni jimmassimizzaw ir-riżultati mid-dinja tax-xogħol tal-ġejjieni. F’bosta Stati Membri, madankollu, ir-regoli li jirregolaw il-kontribuzzjonijiet u l-intitolamenti għall-iskemi tal-protezzjoni soċjali għadhom ġeneralment ibbażati fuq kuntratti indefiniti full-time bejn ħaddiem u impjegatur wieħed, filwaqt li gruppi oħrajn ta’ ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom huma koperti b’mod aktar marġinali. L-evidenza turi li xi ħaddiema mhux standard u xi persuni li jaħdmu għal rashom għandhom aċċess insuffiċjenti għall-oqsma tal-protezzjoni soċjali li huma relatati aktar mill-qrib mal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Huma biss ftit l-Istati Membri li wettqu riformi biex jadattaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali għan-natura dejjem tinbidel tax-xogħol biex jipproteġu aħjar lill-ħaddiema affettwati u lil dawk li jaħdmu għal rashom. It-titjib ma kienx ta’ livell kostanti minn Stat Membru għall-ieħor u minn qasam għall-ieħor tal-protezzjoni soċjali.

(14)

Fuq perijodu twil, il-lakuni fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali jistgħu jpoġġu f’riskju l-benessri u s-saħħa tal-individwi u jikkontribwixxu għal żieda fl-inċertezza ekonomika, għar-riskju tal-faqar u għall-inugwaljanzi. Jistgħu jwasslu wkoll għal investiment subottimali fil-kapital uman, inaqqsu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet u jillimitaw it-tkabbir ekonomiku inklużiv. Tali lakuni jistgħu jnaqqsu wkoll l-introjti tal-protezzjoni soċjali jekk ikun hemm numru li jkun qed jikber ta’ persuni li ma jikkontribwixxux għall-iskemi.

(15)

Il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom jistgħu jiġu identifikati bħala formalment koperti minn qasam speċifiku tal-protezzjoni soċjali jekk il-leġiżlazzjoni jew ftehim kollettiv eżistenti jistabbilixxu li huma intitolati li jipparteċipaw fi skema ta’ protezzjoni soċjali f’dak il-qasam speċifiku. Kopertura formali tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ skemi obbligatorji jew volontarji. Dawn tal-aħħar jagħtu l-opportunità lill-individwi biex jingħaqdu ma’ skema (klawsoli ta’ inklużjoni fakultattiva) jew ikopru l-individwi kollha tal-grupp fil-mira b’mod awtomatiku, u jagħtuhom l-opportunità li jirtiraw mill-iskema jekk ikunu jixtiequ (klawsoli ta’ esklużjoni fakultattiva). L-evidenza turi li l-iskemi volontarji bil-klawsoli ta’ esklużjoni fakultattiva għandhom rati ogħla ta’ sħubija u għalhekk jipprovdu kopertura aħjar mill-iskemi volontarji bi klawsoli ta’ inklużjoni fakultattiva.

(16)

Il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom jistgħu jiġu identifikati bħala effettivament koperti f’qasam speċifiku tal-protezzjoni soċjali jekk ikollhom l-opportunità li jakkumulaw benefiċċji adegwati u l-kapaċità, fil-każ li jokkorri r-riskju korrispondenti, li jkollhom aċċess għal livell partikolari ta’ benefiċċji. Persuna tista’ tingħata aċċess formali mingħajr ma tkun tista’, fil-fatt, takkumula u tutilizza intitolamenti għall-benefiċċji.

(17)

Il-protezzjoni soċjali hija kkunsidrata bħala adegwata meta tippermetti lill-individwi jżommu livell ta’ għajxien deċenti, jissostitwixxu t-telf tal-introjtu tagħhom b’mod raġonevoli u jgħixu b’dinjità, u meta tipprevjeni milli jaqgħu fil-faqar filwaqt li tikkontribwixxi, fejn adatt, għall-attivazzjoni u l-iffaċilitar tar-ritorn għal impjieg. Meta tkun qed tiġi vvalutata l-adegwatezza, jenħtieġ li s-sistema tal-protezzjoni soċjali tal-Istat Membru titqies kollha kemm hi, li jfisser li jenħtieġ li l-benefiċċji tal-protezzjoni soċjali kollha ta’ Stat Membru jiġu kkunsidrati.

(18)

F’xi Stati Membri, ċerti kategoriji ta’ ħaddiem, bħal ħaddiema ta’ part-time imqassar, ħaddiema staġjonali, ħaddiema fuq talba, ħaddiema ta’ pjattaformi u dawk fuq kuntratti temporanji taħt aġenziji jew apprendistati huma esklużi mill-iskemi tal-protezzjoni soċjali. Barra minn hekk, il-ħaddiema li ma għandhomx kuntratti indefiniti full-time jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jiġu koperti b’mod effettiv mill-protezzjoni soċjali, għaliex jista’ jkun li ma jissodisfawx il-kriterji għal intitolamenti biex jirċievu benefiċċji minn skemi ta’ protezzjoni soċjali abbażi ta’ kontribuzzjonijiet. Dawk li jaħdmu għal rashom huma esklużi kompletament mill-aċċess formali għall-iskemi ewlenin tal-protezzjoni soċjali f’xi Stati Membri; fi Stati Membri oħra, jistgħu jissieħbu magħhom fuq bażi volontarja. Il-kopertura volontarja tista’ tkun soluzzjoni xierqa fil-każ ta’ assigurazzjoni kontra l-qgħad, li hija assoċjata iktar mill-qrib mar-riskju intraprenditorjali; hija inqas ġustifikabbli għal riskji oħra, bħal f’każ ta’ mard, li fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex relatati mal-istatus ta’ persuna fis-suq tax-xogħol.

(19)

Ir-regoli li jirregolaw l-intitolamenti jistgħu jaħdmu bi żvantaġġ għall-ħaddiema mhux standard u dawk li jaħdmu għal rashom. B’mod partikolari, l-introjtu u l-limiti ta’ żmien (perjodi ta’ kwalifika, perjodi ta’ stennija, perjodi minimi ta’ xogħol, id-durata tal-benefiċċji) jistgħu jikkostitwixxu ostaklu kbir wisq għall-aċċess għall-protezzjoni soċjali għal ċerti gruppi ta’ ħaddiema mhux standard u għal dawk li jaħdmu għal rashom. B’mod ġenerali, ġew identifikati żewġ settijiet ta’ kwistjonijiet: l-ewwel nett, id-differenzi eżistenti fir-regoli bejn l-impjegati standard u l-persuni li jaħdmu f’impjieg mhux standard jew dawk li jaħdmu għal rashom jistgħu jippenalizzaw mingħajr ħtieġa lil grupp wieħed; it-tieni nett, l-istess regoli applikati għall-gruppi kollha jistgħu jwasslu għal riżultati aktar negattivi għal persuni barra minn impjieg standard u jistgħu ma jkunux adattati għas-sitwazzjoni ta’ dawk li jaħdmu għal rashom. Fiż-żewġ każijiet, hemm lok biex ir-regoli jiġu adattati aktar għas-sitwazzjoni tal-gruppi speċifiċi waqt li jinżamm prinċipju ġenerali ta’ universalità, sabiex ħadd fis-suq tax-xogħol ma jisfa mhux kopert jekk jokkorri xi riskju soċjali. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ miżuri speċifiċi biex jiġi evitat li persuni jikkontribwixxu għal skemi dduplikati, pereżempju meta jwettqu attivitajiet anċillari filwaqt li diġà jkunu koperti bis-sħiħ permezz tal-impjieg ewlieni tiegħu.

(20)

Id-drittijiet għall-protezzjoni soċjali mhux dejjem jiġu ppreżervati, akkumulati u/jew ttrasferiti meta individwi jgħaddu minn status għal ieħor differenti fis-suq tax-xogħol, pereżempju ħaddiema li jħallu impjieg biex jibdew jaħdmu għal rashom jew jisfaw qiegħda, dawk li jħalltu impjieg b’salarju ma’ xogħol għal rashom, u dawk li jiftħu jew jagħlqu xi negozju. Madankollu, il-preservazzjoni, l-akkumulazzjoni u/jew it-trasferibbiltà tad-drittijiet bejn l-iskemi huma kruċjali biex dawk il-persuni li jikkombinaw jew jibdlu l-impjieg jew jgħaddu minn status ta’ ħaddiem impjegat għal status ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu għal rasu jew viċe versa jkollhom aċċess b’mod effettiv għall-benefiċċji fi skemi kontributorji u jkollhom kopertura adegwata, kif ukoll biex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tagħhom f’każ ta’ skemi volontarji tal-protezzjoni soċjali.

(21)

Il-benefiċċji jistgħu f’xi każi jkunu inadegwati, jiġifieri insuffiċjenti jew mhux f’waqthom. Jistgħu ma jagħtux lil individwi l-kapaċità li jżommu livell ta’ għajxien deċenti jew li jgħixu ħajja dinjituża, u jistgħu ma jżommuhomx milli jaqgħu fil-faqar. F’tali każijiet, jista’ jkun hemm lok biex titjieb l-adegwatezza, filwaqt li tingħata attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu aġevolati miżuri li jiffaċilitaw ir-ritorn lejn ix-xogħol. Ir-regoli li jirregolaw il-kontribuzzjonijiet jistgħu jgħawwġu s-sistema ta’ kundizzjonijiet ekwi u jkunu ta’ żvantaġġ għal xi kategoriji ta’ ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom. Pereżempju, il-kontribuzzjonijiet tal-protezzjoni soċjali ta’ dawk li jaħdmu għal rashom jistgħu jinkludu kontribuzzjonijiet indipendenti mill-introjtu, jew ikunu stabbiliti abbażi ta’ introjtu fil-passat jew suppożizzjonijiet dwar introjtu futur. Dan jista’ joħloq problemi ta’ flussi ta’ flus kontanti għall-individwu meta l-introjtu tagħhom jaqa’ taħt l-estimi. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jiddetermina limitu ta’ introjtu li taħtu l-ħaddiem ikkonċernat jew il-persuna kkonċernata li taħdem għal rasha ma jkunux soġġetti għall-obbligu tal-pagamenti tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni, it-tnaqqis u miżuri ta’ progressività oħra għandhom japplikaw, fejn adatt, b’mod ugwali għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom, iżda ma għandhomx iwasslu għal tnaqqis fir-rappurtar dwar l-introjtu. B’mod ġenerali, it-tnaqqis u miżuri oħra ta’ progressività jistgħu wkoll jintużaw biex jippromwovu transizzjonijiet għal forom anqas prekarji ta’ impjieg u biex tiġi indirizzata s-segmentazzjoni.

(22)

Il-kumplessità regolatorja u n-nuqqas ta’ trasparenza attwali fir-rigward tar-regoli tal-protezzjoni soċjali f’bosta Stati Membri jistgħu jirriżultaw f’sensibbiltà insuffiċjenti ta’ persuni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u dwar il-modi kif jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jikkonformaw mal-obbligi tagħhom. Dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għal rata baxxa ta’ sħubija, jew parteċipazzjoni baxxa, fl-iskemi tal-protezzjoni soċjali, speċjalment fil-każ ta’ skema volontarja. It-trasparenza tista’ tinkiseb b’modi differenti, pereżempju billi jintbagħtu aġġornamenti dwar intitolamenti individwali, l-istabbiliment ta’ għodod ta’ simulazzjoni online fir-rigward tal-intitolamenti għall-benefiċċji u l-ħolqien ta’ ċentri one-stop ta’ informazzjoni, online u offline, jew kontijiet personali. B’mod partikolari, id-diġitalizzazzjoni tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tat-trasparenza għall-individwi.

(23)

In-nuqqas ta’ statistika dwar il-kopertura mill-protezzjoni soċjali, maqsuma skont it-tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg, l-età, is-sess u ċ-ċittadinanza, jista’ jillimita l-possibbiltajiet li tittejjeb il-kapaċità tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali li jadattaw u jirrispondu għad-dinja tax-xogħol li qed tinbidel.

(24)

Il-lakuni fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali jista’ jkollhom effetti detrimentali, f’termini ta’ impatti ekonomiċi u fiskali, li jinħassu madwar l-Unjoni. Huma kwistjoni ta’ interess komuni għall-Istati Membri u potenzjalment jippreżentaw ostakoli għall-kisba tal-objettivi ewlenin tal-Unjoni.

(25)

Il-leġislazzjoni tal-Unjoni diġà tiżgura l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn it-tipi varji ta’ relazzjonijiet tal-impjieg, tipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta abbażi ta’ sess f’materji ta’ impjieg, xogħol, protezzjoni soċjali u aċċess għal prodotti u servizzi, tiżgura l-portabbiltà u l-preservazzjoni tad-drittijiet f’każ ta’ mobbiltà bejn l-Istati Membri u tiggarantixxi rekwiżiti minimi għall-akkwist u l-preservazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari meta jinqasmu l-fruntieri, kif ukoll ir-rekwiżiti minimi f’termini ta’ trasparenza għal skemi okkupazzjonali. Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi eżistenti tal-Unjoni dwar drittijiet għal protezzjoni soċjali, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), id-Direttivi 2006/54/KE (2), 2008/94/KE (3), 2008/104/KE (4), 2010/41/KE (5), (UE) 2016/2341 (6), (UE) 2019/1152 (7) u (UE) 2019/1158 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi tal-Kunsill 79/7/EKE (9), 93/103/KE (10), 97/81/KE (11), 1999/70/KE (12), 2004/113/KE (13) u 2010/18/UE (14).

(26)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/442/KEE (15) identifikat xi objettivi komunement segwiti fis-settur tal-protezzjoni soċjali u stiednet lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-possibbiltà li jintroduċu u/jew jiżviluppaw protezzjoni soċjali xierqa għall-persuni li jaħdmu għal rashom. Dawk l-objettivi definiti b’mod komuni fetħu spazju għall-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għall-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali, li huwa strument essenzjali sabiex jappoġġa d-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ oqfsa nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali u biex titrawwem kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri f’dan is-settur.

(27)

Fil-qafas tas-Semestru Ewropew, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 ifakkar li t-titjib tal-adegwatezza u l-kopertura tal-protezzjoni soċjali huwa kruċjali għall-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali, filwaqt li l-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1215 (16) jappellaw lill-Istati Membri biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali.

(28)

Fir-Rakkomandazzjoni tagħha dwar il-Pjattaformi tal-Protezzjoni Soċjali tal-2012 (Nru 202), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tirrakkomanda lill-membri tagħha, f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali, biex jistabbilixxu mill-aktar fis possibbli u jżommu funzjonanti l-pjattaformi tagħhom ta’ protezzjoni soċjali li jinkludu garanziji bażiċi ta’ sigurtà soċjali.

(29)

Il-Kummissjoni tat lok għal konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali taħt l-Artikolu 154(2) TFUE dwar l-aċċess għal protezzjoni soċjali għall-persuni f’kull forma ta’ impjieg. Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 154(2) TFUE, bħala tali, mhijiex applikabbli għall-azzjoni tal-Unjoni biex tindirizza l-isfidi relatati mal-persuni li jaħdmu għal rashom abbażi tal-Artikolu 352 TFUE. Il-Kummissjoni stiednet lis-sħab soċjali biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom fir-rigward ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fuq bażi volontarja.

(30)

Il-Kummissjoni tat lok ukoll għal konsultazzjoni pubblika biex jittieħdu l-fehmiet ta’ diversi partijiet ikkonċernati u ċittadini u ġabret evidenza biex tivvaluta l-impatti soċjoekonomiċi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(31)

L-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni ma għandhiex issir b’mod li jnaqqas id-drittijiet stipulati fil-liġi eżistenti tal-Unjoni f’dan is-settur, u lanqas ma għandha tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam kopert minn din ir-Rakkomandazzjoni.

(32)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tevita milli timponi restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji jew ġuridiċi b’mod li jxekklu l-ħolqien jew l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna sabiex jevalwaw l-impatt tar-riformi tagħhom fuq l-SMEs biex jiżguraw li l-SMEs ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, b’attenzjoni speċifika għall-mikrointrapriżi u għall-piż amministrattiv, u biex jippubblikaw ir-riżultati ta’ tali valutazzjonijiet.

(33)

Din ir-Rakkomandazzjoni ma għandhiex tkompli taggrava l-likwidità tal-intrapriżi - partikolarment l-SMEs - meta l-qagħda finanzjarja tagħhom tkun ġiet affettwata b’mod negattiv minħabba pagamenti tard mill-awtoritajiet pubbliċi.

(34)

L-Istati Membri jistgħu jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, fit-tfassil tar-riformi.

(35)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom. Il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-sistemi tagħhom ta’ protezzjoni soċjali, tinkludi, fost oħrajn, deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment, il-finanzjament u l-ġestjoni ta’ tali sistemi u istituzzjonijiet relatati kif ukoll dwar il-livell, is-sustanza u t-twassil ta’ benefiċċji, il-livell tal-kontribuzzjonijiet u l-kundizzjonijiet għall-aċċess. Filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni d-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali, din ir-Rakkomandazzjoni ma timpedixxix lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet iktar avvanzati dwar il-protezzjoni soċjali minn dawk irrakkomandati hawnhekk.

(36)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(37)

Is-sostenibbiltà finanzjarja tal-iskemi ta’ protezzjoni soċjali hija essenzjali għar-reżiljenza, l-effiċjenza u l-effettività ta’ tali skemi. L-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni ma għandhiex taffettwa b’mod sinifikanti l-ekwilibrju finanzjarju tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali tal-Istati Membri,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Għan u kamp ta’ applikazzjoni

1.

L-Istati Membri huma rrakkomandati li:

1.1.

jipprovdu aċċess għall-protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha u għall-persuni kollha li jaħdmu għal rashom fl-Istati Membri, f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri sabiex jorganizzaw is-sistemi tagħhom ta’ protezzjoni soċjali.

1.2.

jistabbilixxu standards minimi fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni. Il-protezzjoni soċjali tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ kombinazzjoni ta’ skemi, kemm jekk organizzati b’mod pubbliku kif ukoll jekk l-organizzazzjoni tagħhom tiġi trasferita lis-sħab soċjali jew entitajiet oħrajn, f’konformità mal-prinċipji fundamentali tas-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni soċjali. Il-prodotti tal-assigurazzjoni privata mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Taħt l-Artikolu 153(4) TFUE, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddefinixxu l-livell ta’ kontribuzzjonijiet u li jiddeċiedu liema kombinazzjoni ta’ skemi tkun adatta.

2.

Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri d-dritt ta’ parteċipazzjoni fi skema kif ukoll tal-akkumulazzjoni u l-utilizz ta’ intitolamenti. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma rakkomandati li jiżguraw dan li ġej għall-ħaddiema kollha u għal dawk li jaħdmu għal rashom:

(a)

kopertura formali

(b)

kopertura effettiva

(c)

adegwatezza

(d)

trasparenza

3.

Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika:

3.1.

għall-impjegati u għall-persuni li jaħdmu għal rashom, inklużi dawk li jgħaddu minn status għall-ieħor jew li jkunu impjegati u jaħdmu għal rashom fl-istess waqt, kif ukoll dawk li xogħolhom jiġi interrott minħabba li jseħħ xi wieħed mir-riskji koperti mill-protezzjoni soċjali;

3.2.

għall-oqsma ta’ protezzjoni soċjali li ġejjin, sa fejn huma jkunu pprovduti fl-Istati Membri:

(a)

il-benefiċċji tal-qgħad;

(b)

il-benefiċċji tal-kura tas-saħħa u tal-mard;

(c)

il-benefiċċji tal-maternità u l-benefiċċji ekwivalenti tal-paternità;

(d)

il-benefiċċji tal-invalidità;

(e)

il-benefiċċji tax-xjuħija u l-benefiċċji tas-superstiti;

(f)

il-benefiċċji marbutin ma’ aċċidenti fuq ix-xogħol u ma’ mard okkupazzjonali.

4.

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tapplikax għall-għoti ta’ aċċess għal assistenza soċjali u skemi ta’ introjtu minimu.

5.

Filwaqt li hu rikonoxxut li għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom jistgħu japplikaw regoli differenti, il-prinċipji ta’ kopertura formali, kopertura effettiva, adegwatezza u trasparenza definiti f’din ir-Rakkomandazzjoni japplikaw għall-ħaddiema kollha u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

6.

Din ir-Rakkomandazzjoni ma timpedixxix lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet iktar avvanzati dwar il-protezzjoni soċjali minn dawk li huma stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni ma tillimitax l-awtonomija tas-sħab soċjali fejn huma jkunu responsabbli għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ skemi ta’ protezzjoni soċjali.

Definizzjonijiet

7.

Għall-għanijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“tip ta’ relazzjoni tal-impjieg” tfisser wieħed minn diversi tipi ta’ relazzjonijiet bejn ħaddiem u min jimpjegah li jistgħu jvarjaw fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-impjieg, in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol jew termini oħra tar-relazzjoni tal-impjieg;

(b)

“status fis-suq tax-xogħol” tfisser l-istatus ta’ persuna bħala waħda li taħdem fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ impjieg (ħaddiem) jew li taħdem f’isimha stess (persuna li taħdem għal rasha);

(c)

“skema ta’ protezzjoni soċjali” tfisser qafas distint ta’ regoli biex jipprovdi benefiċċji lill-benefiċjarji intitolati li jispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-programm, il-kundizzjonijiet ta’ intitolament, it-tip ta’ benefiċċju, l-ammonti tal-benefiċċju, it-tul ta’ żmien tal-benefiċċju u karatteristiċi oħra tal-benefiċċju, kif ukoll il-finanzjament (kontribuzzjonijiet, it-tassazzjoni ġenerali, sorsi oħra), il-governanza u l-amministrazzjoni tal-programm;

(d)

“benefiċċju” tfisser trasferiment fi flus kontanti jew in natura magħmul minn entità pubblika jew privata lil xi ħadd li jkun intitolat li jirċievi dan bħala parti minn skema ta’ protezzjoni soċjali;

(e)

“kopertura formali” ta’ grupp tfisser sitwazzjoni fi ħdan qasam speċifiku ta’ protezzjoni soċjali (eż. xjuħija, protezzjoni kontra l-qgħad, protezzjoni tal-maternità jew paternità) fejn il-leġislazzjoni jew il-ftehim kollettiv eżistenti jistabbilixxu li l-individwi fi grupp huma intitolati li jipparteċipaw fi skema ta’ protezzjoni soċjali li tkopri qasam speċifiku;

(f)

“kopertura effettiva” ta’ grupp tfisser sitwazzjoni f’qasam speċifiku ta’ protezzjoni soċjali fejn l-individwi fi grupp ikollhom l-opportunità li jakkumulaw benefiċċji u l-kapaċità, f’każ ta’ materjalizzazzjoni tar-riskju korrispondenti, sabiex ikollhom aċċess għal livell partikolari ta’ benefiċċji;

(g)

“preservazzjoni ta’ drittijiet” tfisser li d-drittijiet diġà akkwistati bis-saħħa ta’ esperjenzi ta’ xogħol tal-passat ma jintilfux, ukoll jekk ġew akkwistati permezz ta’ skemi b’regoli differenti jew taħt diversi relazzjonijiet ta’ impjieg;

(h)

“akkumulazzjoni ta’ drittijiet” tirreferi għall-possibbiltà ta’ totalizzazzjoni tal-intitolamenti kollha u tinkludi li l-perjodi ta’ kwalifika fi status preċedenti fis-suq tax-xogħol (jew fi stati konkomitanti fis-suq tax-xogħol) jingħaddu ma’ perjodi ta’ kwalifika fl-istatus il-ġdid;

(i)

“trasferibbiltà” tfisser il-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ intitolamenti akkumulati għal skema oħra;

(j)

“trasparenza” tfisser il-provvista ta’ informazzjoni disponibbli, aċċessibbli, komprensiva u li tinftiehem b’mod ċar lill-pubbliku ġenerali, lil membri potenzjali tal-iskema u lill-membri u benefiċjarji ta’ skemi dwar ir-regoli tal-iskema u/jew dwar l-obbligi u l-intitolamenti individwali.

Kopertura formali

8.

L-Istati Membri huma rrakkomandati li jiżguraw l-aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha u għall-persuni kollha li jaħdmu għal rashom fir-rigward tal-oqsma kollha msemmija fil-punt 3.2. ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Fid-dawl ta’ ċirkustanzi nazzjonali, huwa rakkomandat li dan il-għan jintlaħaq billi tittejjeb u tiġi estiża l-kopertura formali:

(a)

għall-ħaddiema kollha, irrispettivament mit-tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg, fuq bażi obbligatorja;

(b)

għal dawk li jaħdmu għal rashom, mill-inqas fuq bażi volontarja u fejn xieraq fuq bażi obbligatorja.

Kopertura effettiva

9.

L-Istati Membri huma rakkomandati li jiżguraw kopertura effettiva għall-ħaddiema kollha, irrispettivament mit-tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg, u għal dawk li jaħdmu għal rashom, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 8, filwaqt li tiġi ppreservata wkoll is-sostenibbiltà tas-sistema u li jiġu implimentati salvagwardji biex jiġi evitat l-abbuż. Għal dak l-għan:

(a)

ir-regoli li jirregolaw il-kontribuzzjonijiet (eż. il-perjodi ta’ kwalifika, il-perjodi minimi ta’ xogħol) u l-intitolamenti (eż. il-perjodi ta’ stennija, ir-regoli tal-kalkolu u d-durata tal-benefiċċji) jenħtieġ li ma jimpedixxux lill-individwi milli jakkumulaw jew jaċċessaw benefiċċji minħabba t-tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg tagħhom jew l-istatus tagħhom fis-suq tax-xogħol;

(b)

id-differenzi fir-regoli li jirregolaw l-iskemi bejn status u ieħor fis-suq tax-xogħol jew it-tipi ta’ relazzjoni ta’ impjieg jenħtieġ li jkunu proporzjonati u jirriflettu s-sitwazzjoni speċifika tal-benefiċjarji.

10.

Skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, l-Istati Membri huma rrakkomandati jiżguraw li l-intitolamenti - kemm jekk ikunu ġew akkwistati permezz ta’ skemi obbligatorji kif ukoll jekk ikunu ġew akkwistati permezz ta’ skemi volontarji - jiġu preservati, akkumulati u/jew ikunu trasferibbli fost it-tipi kollha ta’ status ta’ impjieg u ta’ status ta’ min jaħdem għal rasu u fost is-setturi ekonomiċi, tul il-karriera kollha ta’ persuna jew matul ċertu perjodu ta’ referenza u bejn skemi differenti fi ħdan qasam partikolari ta’ protezzjoni soċjali.

Adegwatezza

11.

Fejn jokkorri riskju assikurat taħt skemi tal-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom, l-Istati Membri huma rakkomandati li jiżguraw li l-iskemi jipprovdu livell adegwat ta’ protezzjoni, f’waqtu, lill-membri tagħhom u f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali, filwaqt li jinżamm livell ta’ għajxien deċenti u tingħata sostituzzjoni adegwata tal-introjtu, filwaqt li dejjem jiġi evitat li dawk il-membri jisfaw suġġetti għall-faqar. Meta tiġi valutata l-adegwatezza, is-sistema ta’ protezzjoni soċjali tal-Istat Membru teħtieġ li tiġi kkunsidrata kollha kemm hi.

12.

L-Istati Membri huma rakkomandati jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet tal-protezzjoni soċjali jkunu proporzjonati għall-kapaċità kontributtiva tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom.

13.

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali u fejn xieraq, l-Istati Membri huma rakkomandati jiżguraw li kwalunkwe eżenzjoni jew tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet soċjali previsti mil-leġislazzjoni nazzjonali, inklużi dawk għal gruppi bi dħul baxx, japplikaw għat-tipi kollha ta’ relazzjoni ta’ impjieg u ta’ status fis-suq tax-xogħol.

14.

L-Istati Membri huma rakkomandati jiżguraw li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u l-intitolamenti għall-protezzjoni soċjali ta’ dawk li jaħdmu għal rashom ikunu bbażati fuq valutazzjoni oġġettiva u trasparenti tal-bażi ta’ introjtu tagħhom, b’kont meħud tal-fluttwazzjonijiet fl-introjtu tagħhom, u jirriflettu l-qligħ attwali tagħhom.

Trasparenza

15.

L-Istati Membri huma rakkomandati jiżguraw li l-kundizzjonijiet u r-regoli għall-iskemi kollha ta’ protezzjoni soċjali jkunu trasparenti u li l-individwi jkollhom aċċess, bla ħlas, għal informazzjoni aġġornata, komprensiva, aċċessibbli, faċli għall-utent u li tinftiehem b’mod ċar dwar l-intitolamenti u l-obbligi individwali tagħhom.

16.

L-Istati Membri huma rakkomandati jissimplifikaw, fejn meħtieġ, ir-rekwiżiti amministrattivi tal-iskemi tal-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema, għal dawk li jaħdmu għal rashom u għal dawk li jħaddmu, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

L-implimentazzjoni, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni

17.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu b’mod konġunt fuq it-titjib tal-kamp tal-applikazzjoni u r-rilevanza tal-ġbir tad-data fil-livell tal-Unjoni dwar il-forza tax-xogħol u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, bil-ħsieb li jinformaw it-tfassil tal-politika dwar il-protezzjoni soċjali relattivament għal forom ġodda ta’ xogħol. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma rakkomandati jiġbru u jippubblikaw, fejn possibbli, statistika nazzjonali affidabbli dwar l-aċċess għal għamliet varji ta’ protezzjoni soċjali, pereżempju, imqassma skont l-istatus fis-suq tax-xogħol (persuni li jaħdmu għal rashom/impjegati), it-tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg (temporanju jew permanenti, part-time jew full-time, forom ġodda ta’ xogħol jew impjieg standard), is-sess u l-età, sal-15 ta’ Novembru 2021.

18.

Sal-15 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni għandha, b’mod konġunt mal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, tistabbilixxi qafas ta’ monitoraġġ u tiżviluppa indikaturi maqbula komuni, kemm kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi, biex tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, li jippermettu r-rieżami tagħha.

19.

L-Istati Membri huma rakkomandati jimplimentaw il-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni mill-aktar fis possibbli u jippreżentaw pjan li jiddeskrivi l-miżuri korrispondenti li jridu jittieħdu fil-livell nazzjonali sal-15 ta’ Mejju 2021. Il-progress li jsir fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet jenħtieġ li jiġi diskuss fil-kuntest tal-istrumenti ta’ sorveljanza multilaterali f’konformità mas-Semestru Ewropew u l-Metodu Miftuh ta’ Koordinazzjoni għall-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali.

20.

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-progress magħmul fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, filwaqt li tqis ukoll l-impatt fuq l-SMEs, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati involuti, u tirrapporta lill-Kunsill sal-15 ta’ Mejju 2022. Fuq il-bażi tar-riżultati tar-rieżami, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tagħmel aktar proposti.

21.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tiġi appoġġata permezz ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-programmi rilevanti tal-Unjoni.

22.

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita t-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

L. ANDERSSON


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

(3)  Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36).

(4)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).

(5)  Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/103/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd (ittlettax-il Direttiva individwali li taqa’ taħt it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 307, 13.12.1993, p. 1).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9).

(12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43).

(13)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).

(14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13).

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/442/KEE tas-27 ta’ Lulju 1992 dwar il-konverġenza tal-objettivi u tal-politiki tal-protezzjoni soċjali (ĠU L 245, 26.8.1992, p. 49).

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1215 tas-16 ta’ Lulju 2018 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 224, 5.9.2018, p. 4).


Top