EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019H0905(19)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2019 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tan-Netherlands għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tan-Netherlands għall-2019

ST/10172/2019/INIT

ĠU C 301, 5.9.2019, p. 112–116 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/112


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2019

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tan-Netherlands għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tan-Netherlands għall-2019

(2019/C 301/19)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew biex tiġi kkoordinata l-politika ekonomika għall-2019. Qieset kif dovut il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fil-21 ta’ Novembru 2018, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lin-Netherlands bħala wieħed mill-Istati Membri li huwa meħtieġ li ssirlu analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fid-9 ta’ April 2019, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro tal-2019”) li tagħti ħames rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro (“ir-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro”).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li n-Netherlands jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro tal-2019, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (3) hawn taħt. B’mod partikolari, il-miżuri tal-investiment u l-miżuri li jappoġġaw it-tkabbir tal-pagi se jgħinu biex tiġi indirizzata r-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro fir-rigward ta’ bilanċjar mill-ġdid taż-żona tal-euro, il-miżuri tat-taxxa se jgħinu biex tiġi indirizzata t-tieni rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, u t-tnaqqis tad-distorsjoni favur id-dejn għall-unitajiet domestiċi se jgħin biex tiġi indirizzata r-raba’ rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro rigward it-tnaqqis tad-distorsjoni favur id-dejn fit-tassazzjoni.

(3)

Ir-rapport tal-pajjiż għall-2019 tan-Netherlands ġie ppubblikat fis-27 ta’ Frar 2019. Fih ġie vvalutat il-progress li għamlu n-Netherlands biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018 (4), is-segwitu li ngħataw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tan-Netherlands biex jilħqu l-miri nazzjonali tagħhom tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-27 ta’ Frar 2019. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li n-Netherlands qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, l-istokk kbir ta’ dejn privat u l-bilanċ pożittiv kbir fil-kont kurrenti jikkostitwixxu sorsi ta’ żbilanċ, b’rilevanza transfruntiera. Bl-appoġġ tat-tkabbir ekonomiku, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG kompla bix-xejra ’l isfel tiegħu, kemm għad-dejn korporattiv kif ukoll għal dak tal-unitajiet domestiċi, għalkemm għadu għoli. Minkejja dan, id-dejn domestiku nominali qiegħed jiżdied bil-mod bis-saħħa ta’ prezzijiet tad-djar li qed jiżdiedu.

(4)

Fid-29 ta’ April 2019, in-Netherlands ippreżentaw il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom għall-2019 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħhom għall-2019. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati waqt l-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun meħtieġ li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

(6)

In-Netherlands bħalissa jinsabu fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2019, il-gvern qed jippjana tnaqqis fil-bilanċ pożittiv tal-gvern ġenerali, minn 1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) fl-2018 għal 0,0 % tal-PDG fl-2022. Abbażi tal-bilanċ strutturali rikalkulat (6), l-objettiv baġitarju fit-terminu medju – defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG – jibqa’ jinqabeż matul il-perjodu tal-programm. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG hu mistenni li jonqos minn 52,4 % tal-PDG fl-2018 għal 44,6 % tal-PDG fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali mistenni li jonqos minn bilanċ pożittiv ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2018 għal 0,7 % tal-PDG fl-2019 u għal 0,2 % tal-PDG fl-2020, ’il fuq mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa previst li jibqa’ jonqos. Kollox ma’ kollox il-Kunsill huwa tal-opinjoni li n-Netherlands huma previsti li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2019 u fl-2020. Fl-istess ħin, filwaqt li jiġi rrispettat l-objettiv baġitarju fit-terminu medju, ikun importanti li jintużaw politiki fiskali u strutturali biex jappoġġaw irpiljar ekonomiku fl-investiment.

(7)

Fir-rigward tas-sostenibbiltà fiskali, iż-żieda prevista fin-nefqa pubblika fil-kura fit-tul tindika riskji medji fis-sostenibbiltà fit-tul. Fl-2015, il-gvern ċaqlaq parti kbira mis-sistema tal-kura fit-tul lejn id-dominju muniċipali biex itejjeb l-effiċjenza tagħha u jnaqqas l-infiq pubbliku. L-impatt ta’ din ir-riforma fuq is-sostenibbiltà fiskali jeħtieġ li jkun monitorjat.

(8)

Minn Novembru 2018, il-fondi tal-Fond ta’ Garanzija tad-Depożiti, entità legali indipendenti, ġew spustati mill-kont segregat fil-bank ċentrali Olandiż għal kont mat-Teżor. Il-Fond ta’ Garanzija tad-Depożiti tan-Netherlands kien qed jinbena gradwalment u sa issa akkumula madwar EUR 1 biljun, b’EUR 4 biljuni addizzjonali li kellhom jitħallsu mill-banek sal-2024, li kellhom jiġu investiti f’portafoll diversifikat ta’ assi b’riskju baxx skont id-Direttiva 2014/49/UE tas-16 ta’ April 2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (id-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti). It-trasferiment tal-kont tal-fond inaqqas il-livell tad-dejn gross, iżda ma għandu l-ebda effett fuq id-defiċit pubbliku. Wara dan it-trasferiment, it-Teżor se jkun jista’ juża l-fondi għall-finanzjament tal-infiq tal-gvern, iżda se jkollu jagħmel disponibbli l-fondi f’każ li jkun hemm il-ħtieġa li jsiru pagamenti lid-depożitanti jew li jiġu ffinanzjati interventi skont il-mandat legali tiegħu, li jista’ jkollu impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja.

(9)

L-unitajiet domestiċi tan-Netherlands jikkombinaw assi illikwidi kbar fid-djar u l-pensjonijiet ma’ dejn għoli għall-unitajiet domestiċi. Il-karti tal-bilanċi twal irendu lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli għal xokkijiet finanzjarji u ekonomiċi. Il-livell għoli tad-dejn tal-unitajiet domestiċi huwa spjegat permezz ta’ ħelsien ġeneruż mit-taxxa fuq il-pagamenti tal-imgħax fuq l-ipoteki, iżda wkoll min-nuqqas ta’ segment tan-nofs li jiffunzjona tajjeb fis-suq tal-kiri u minn tfaddil obbligatorju għoli għall-pensjonijiet. Sfida ewlenija fl-indirizzar tal-livelli għolja ta’ dejn tal-unitajiet domestiċi hija dik tas-suq tad-djar, fejn riġiditajiet u inċentivi li joħolqu distorsjonijiet li akkumulaw matul deċennji jsawru x-xejriet tal-finanzjament tad-djar u dawk tat-tfaddil settorjali. Mill-2012, ġew implimentati sensiela ta’ miżuri li, parzjalment, jindirizzaw din is-sitwazzjoni. L-aċċellerazzjoni mħabbra tat-tnaqqis fid-deduċibbiltà tat-taxxa fuq l-imgħax ipotekarju saret liġi u se tibda fl-2020. Minkejja dan, il-ħelsien mit-taxxa fuq pagamenti ta’ self ipotekarju għadu ġeneruż u jibqa’ jirriżulta f’distorsjoni sostanzjali favur id-dejn għall-unitajiet domestiċi. Fl-istess ħin, is-suq tal-kiri privat, bħala l-uniku segment mhux sussidjat, jibqa’ sottożviluppat filwaqt li huwa responsabbli għal 13 % tad-djar kollha. In-nuqqas ta’ suq li jiffunzjona tajjeb għas-segment tan-nofs tas-suq tal-kiri jinkoraġġixxi lill-unitajiet domestiċi biex jixtru pjuttost milli jikru, li jwassal għal proporzjonijiet għoljin ta’ dejn meta mqabbel mad-dħul u għal vulnerabbiltà finanzjarja.

(10)

Filwaqt li s-sistema tal-pensjonijiet tiffunzjona sew rigward l-adegwatezza tal-pensjonijiet u s-sostenibbiltà fiskali, hija għandha żvantaġġi f’termini ta’ ġustizzja interġenerazzjonali, ta’ trasparenza fuq id-drittijiet tal-pensjoni u ta’ flessibilità. Barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni okkupazzjonali huma għoljin u jvarjaw skont il-prestazzjoni tal-fondi tal-pensjonijiet. Għaldaqstant, tista’ taffettwa l-infiq tal-unitajiet domestiċi b’mod proċikliku. Riforma tas-sistema tal-pensjonijiet tista’, matul iċ-ċiklu tal-ħajja, twassal għal kontribuzzjonijiet tal-pensjoni aktar baxxi u konsum aktar stabbli (jew “livellar tal-konsum”). Il-gvern ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jirriforma b’mod sostanzjali t-tieni pilastru tal-pensjonijiet biex itejjeb il-kopertura u joħloq ambjent aktar trasparenti, aktar flessibbli u sistema aktar ġusta mil-lat attwarju. Ir-riforma simultanja tal-istituzzjonijiet tas-suq tad-djar u tas-sistema tal-pensjonijiet għandha l-potenzjal li tqassar il-karti tal-bilanċ tal-unitajiet domestiċi, u li tagħmel is-settur tal-unitajiet domestiċi inqas vulnerabbli għal xokkijiet finanzjarji u ekonomiċi b’effetti ta’ benefiċċju għar-reżiljenza makroekonomika u għat-tkabbir ekonomiku.

(11)

Minkejja qgħad baxx, rati għoljin ta’ postijiet ta’ xogħol battala u nuqqas dejjem jikber ta’ ħaddiema, sa issa t-tkabbir fil-pagi nominali baqa’ moderat (1,1 % fl-2017 u 2,4 % fl-2018). Il-pagi fil-ftehimiet kollettivi żdiedu b’medja ta’ 2,1 % fl-2018 filwaqt li l-pagi pubbliċi żdiedu b’rata aktar mgħaġġla (bi 3 % fit-tieni nofs tal-2018). Barra minn hekk, intlaħqu ftehimiet dwar il-pagi li wasslu għal żieda nominali ta’ 7 % f’sentejn għall-ħaddiema kollha taċ-ċivil mal-gvern ċentrali. Ġie pprovdut finanzjament addizzjonali biex jiżdiedu s-salarji tal-għalliema tal-iskejjel primarji. Barra minn hekk, il-gvern adotta diversi miżuri fiskali, li jnaqqsu l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol u jimmiraw biex iżidu d-dħul nett disponibbli tal-familja ta’ dawk li jaħdmu. Li d-dħul nett disponibbli tal-unitajiet domestiċi jkompli jingħata spinta billi jissaħħu l-kundizzjonijiet li jappoġġaw it-tkabbir tal-pagi u bir-riforma tat-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet sabiex din issir aktar trasparenti, aktar ġusta bejn il-ġenerazzjonijiet u aktar reżiljenti għax-xokkijiet, għandu jappoġġa d-domanda domestika u jgħin l-ibbilanċjar mill-ġdid taż-żona tal-euro.

(12)

Il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa hija essenzjali biex is-sistemi fiskali jsiru aktar effiċjenti u ġusti kif rikonoxxut fir-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro tal-2019. L-effetti sekondarji ta’ strateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa tal-kontribwenti bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni koordinata ta’ politiki nazzjonali biex jikkomplementaw il-leġislazzjoni tal-Unjoni. In-Netherlands ħadu miżuri kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, iżda l-livell għoli ta’ dividendi, royalties u pagamenti ta’ imgħax li jsiru permezz tan-Netherlands jissuġġerixxi li r-regoli tat-taxxa tal-pajjiż huma użati minn kumpaniji li jinvolvu ruħhom f’ippjanar aggressiv tat-taxxa. Proporzjon kbir tal-istokk tal-investiment dirett barrani huwa miżmum minn entitajiet bi skop speċjali. In-nuqqas ta’ taxxi minn ras il-għajn fuq outbound royalties (jiġifieri minn residenti tal-Unjoni għal residenti ta’ pajjiż terz) u l-pagamenti ta’ imgħax jista’ jwassal biex dawk il-pagamenti jevadu t-taxxa kompletament, jekk huma wkoll ma jiġux soġġetti għat-taxxa fil-ġurisdizzjoni riċeventi. It-tħabbir tal-aġenda ta’ riforma dwar it-tassazzjoni, inkluż taxxi minn ras il-għajn fuq pagamenti ta’ royalties u ta’ imgħax f’każ ta’ abbuż jew ħlasijiet għal ġuriżdizzjonijiet b’taxxa baxxa, huwa pass importanti sabiex jitnaqqas l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u għandu jiġi implimentat malajr u segwit mill-qrib.

(13)

It-tkabbir fl-impjieg fis-snin reċenti kien dovut l-aktar għal impjieg temporanju u għal impjieg indipendenti, għalkemm it-tkabbir fl-impjiegi għal impjegati b’kuntratti permanenti reċentement qabeż it-tkabbir tal-impjiegi għal impjieg temporanju. Minkejja dan, is-sehem tal-impjieg flessibbli għadu għoli u jirrappreżenta sehem sostanzjali tas-suq tax-xogħol. Il-perċentwal għoli ta’ kuntratti temporanji u ż-żieda rapida ta’ persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati magħhom jidher fil-kuntest ta’ differenzi kbar fir-regolamenti li japplikaw għax-xogħol, fil-protezzjoni tal-ħaddiema, u fid-differenzi bejn il-leġislazzjoni tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali. Ġie adottat pakkett ta’ miżuri (liġi dwar is-suq tax-xogħol f’bilanċ, “Wet Arbeidsmarkt in Balans”) biex jagħmilha aktar faċli li jiġu ingaġġati impjegati permanenti u biex il-kuntratti flessibbli jsiru anqas flessibbli. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri (li għandha tidħol fis-seħħ fl-2020) għandha tiġi mmonitorjata mill-qrib. Barra minn hekk, ġew imħabbra miżuri biex jitħaffef l-obbligu tal-impjegaturi biex ikomplu jħallsu s-salarji għal sentejn f’każ ta’ mard. Madankollu, ma ġiet adottata l-ebda miżura konkreta oħra sa issa. Għalhekk, xi wħud minn dawn il-fatturi istituzzjonali għadhom joħolqu inċentivi finanzjarji għall-impjegati biex jibdew jaħdmu għal rashom jew favur tal-użu tal-istatus ta’ persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati. Il-persuni li jaħdmu għal rashom aktar hemm ċans li jkunu assigurati b’mod insuffiċjenti kontra d-diżabilità, il-qgħad u x-xjuħija, li jista’ jaffettwa s-sostenibilità tas-sistema tas-sigurtà soċjali fuq medda twila ta’ żmien. Apparti dan, l-infurzar ta’ miżuri li jindirizzaw l-impjiegi indipendenti fittizji ġie sospiż sal-2020.

(14)

Minkejja suq tax-xogħol li jaħdem tajjeb b’mod ġenerali, it-trawwim ta’ opportunitajiet rigward l-impjieg u ta’ inklużjoni attiva jibqa’ jirrappreżenta sfida importanti, b’mod partikolari għal persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni, għal dawk li joperaw fil-marġni tas-suq tax-xogħol u għal dawk li huma ekonomikament inattivi. Barra minn hekk, għad hemm potenzjal ta’ xogħol li għadu ma ġiex sfruttat, b’mod partikolari fost l-għadd kbir ta’ nisa li jaħdmu part-time.

(15)

Il-ħiliet tekniċi u diġitali u l-professjonisti kwalifikati huma kruċjali għall-kapaċità tal-ekonomija tan-Netherlands biex tkun innovattiva u tkabbar il-produttività. Dan jindika l-ħtieġa li jkun hemm aktar investiment fit-taħriġ, inkluż taħriġ fil-ħiliet diġitali, u biex jiġu promossi opportunitajiet flessibbli ta’ titjib tal-kompetenzi u taħriġ mill-ġdid. It-titjib fil-kapaċità tas-soċjetà għall-innovazzjoni jirrikjedi wkoll investimenti li jappoġġaw l-edukazzjoni fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Barra minn hekk, iż-żieda tal-investiment fil-ħiliet, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ hija kruċjali biex jitjieb l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-impjegabbiltà għal dawk li jinsabu fil-marġni tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jitrawmu l-opportunitajiet indaqs u l-inklużjoni attiva.

(16)

Filwaqt li l-intensità tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp għan-Netherlands żdiedet għal aktar minn 2 %, għadha ferm anqas mill-mira nazzjonali ta’ 2,5 % u mil-livell ta’ dawk bl-aqwa prestazzjoni. F’termini ta’ produttività, in-Netherlands huwa wieħed mill-pajjiżi bl-aqwa prestazzjoni f’diversi setturi. It-tkabbir kontinwu tal-produttività, għalhekk, jiddependi ħafna fuq l-innovazzjoni. L-investiment addizzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp, u fl-innovazzjoni, speċjalment fis-settur privat, jappoġġa dan.

(17)

It-transizzjoni fl-enerġija u t-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra tesiġi investimenti sostanzjali biex jiġi żgurat żvilupp ekonomiku aktar sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi. In-Netherlands x’aktarx se jaqbżu l-miri tal-2020 fil-qasam tat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra, filwaqt li biex jintlaħqu l-miri tal-2030 se jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali. Il-miri tal-effiċjenza enerġetika primarja u tal-enerġija rinnovabbli tal-2020 mhux se jintlaħqu mingħajr miżuri addizzjonali. Jenħtieġ li l-mira tan-Netherlands għal enerġija rinnovabbli sal-2023, kif definita mill-mira tal-Ftehim dwar l-Enerġija tan-Netherlands, tkun tista’ tintlaħaq bis-saħħa tal-investimenti f’parks eoliċi lil hinn mill-kosta. Sa tmiem l-2019, il-gvern għandu l-għan li jadotta l-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima li se jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-bżonnijiet ta’ investiment tiegħu sal-2030 għad-dimensjonijiet differenti tal-Unjoni tal-Enerġija, inkluż l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista u l-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima.

(18)

Il-konġestjoni għadha tirrappreżenta sfida fin-Netherlands, li huwa pajjiż dens u mgħammar sew u attur ewlieni fil-loġistika tal-Unjoni bl-akbar port fl-Unjoni f’Rotterdam u wieħed mill-akbar ajruporti f’Schiphol. Il-kwistjoni ttaffiet b’xogħlijiet addizzjonali ta’ infrastruttura iżda xorta tibqa’ kwistjoni bi spejjeż soċjali għolja u sigħat moħlija fejn wieħed jinqabad fit-traffiku.

(19)

L-ipprogrammar tal-fondi tal-Unjoni għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin biex jiġu indirizzati xi wħud mill-ħtiġijiet identifikati fir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż tal-2019. Dan jippermetti li n-Netherlands jagħmlu l-aħjar użu minn dawk il-fondi fir-rigward tas-setturi identifikati.

(20)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2019, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tan-Netherlands u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż għall-2019. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2019 u s-segwitu li ngħataw ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lin-Netherlands fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni ma qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fin-Netherlands iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(21)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019 u huwa tal-opinjoni (8) li n-Netherlands huma mistennija jikkonformaw mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(22)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2019 u l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu li saru skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (3) hawn taħt. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2019 għaż-żona tal-euro, b’mod partikolari l-ewwel u r-raba’ rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro. Il-politiki fiskali msemmija fir-rakkomandazzjoni (3) jikkontribwixxu fost l-oħrajn għall-indirizzar tal-iżbilanċi marbuta mal-bilanċ pożittiv tal-kont kurrenti,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li n-Netherlands jieħdu azzjoni fl-2019 u l-2020 biex:

1.   

Inaqqsu d-distorsjoni favur id-dejn għall-unitajiet domestiċi u d-distorsjonijiet fis-suq tad-djar, inkluż billi jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur tal-kiri privat. Jiżguraw li t-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet isir aktar trasparenti, ġust bejn il-ġenerazzjonijiet u reżiljenti għax-xokkijiet. Jimplimentaw politiki biex iżidu l-introjtu nett tal-unitajiet domestiċi, inkluż billi jsaħħu l-kundizzjonijiet li jappoġġaw it-tkabbir fil-pagi, filwaqt li jirrispettaw ir-rwol tas-sħab soċjali. Jindirizzaw karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa li jistgħu jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, b’mod partikolari permezz ta’ pagamenti ttrasferiti ’l barra, speċjalment bl-implimentazzjoni tal-miżuri mħabbra.

2.   

Inaqqsu l-inċentivi għal dawk li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati, filwaqt li jippromwovu protezzjoni soċjali adegwata għal dawk li jaħdmu għal rashom, u jindirizzaw l-impjieg indipendenti fittizju. Isaħħu tagħlim komprensiv tul il-ħajja u jaġġornaw il-ħiliet b’mod partikolari ta’ dawk li jinsabu fil-marġni tas-suq tax-xogħol u dawk inattivi.

3.   

Filwaqt li jirrispettaw l-objettiv baġitarju fuq terminu medju, jużaw politiki fiskali u strutturali biex jappoġġaw irpiljar ekonomiku fl-investiment. Jiffokaw il-politika ekonomika, marbuta mal-investiment, fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, b’mod partikolari fis-settur privat, fuq l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u l-istrateġiji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra u fuq l-indirizzar ta’ ostakli fis-settur tat-trasport.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINTILÄ


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 136, 12.4.2019, p. 1.

(4)  ĠU C 320, 10.9.2018, p. 80.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Il-bilanċ nett aġġustat b’mod ċikliku għal miżuri ta’ darba u temporanji, kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni.

(7)  Direttiva 2014/49/UE tas-16 ta’ April 2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

(8)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.


Top