EUR-Lex Adgang til EU-lovgivningen

Tilbage til forsiden

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 32019D2244

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2244 tas-16 ta’ Diċembru 2019 li tawtorizza lil Spanja u lil Franza biex japplikaw miżura ta’deroga speċjali mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ST/14089/2019/INIT

ĠU L 336, 30.12.2019, s. 281–282 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dokumentets juridiske status I kraft

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/2244/oj

30.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/281


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2244

tas-16 ta’ Diċembru 2019

li tawtorizza lil Spanja u lil Franza biex japplikaw miżura ta’deroga speċjali mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra rreġistrata fit-23 ta’ Mejju 2019 u ta’ ittra rreġistrata fis-17 ta’ Ġunju 2019 mal-Kummissjoni, Franza u Spanja, rispettivament, talbu awtorizzazzjoni biex jintroduċu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-bini ta’ interkonnessjoni tal-elettriku bejn Gatica fi Spanja u Cubnezais fi Franza (“il-miżura speċjali”).

(2)

Permezz ta’ ittri datati l-10 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri l-oħra, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, it-talbiet magħmula minn Spanja u Franza. Permezz tal-ittra datati l-11 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni innotifikat lil Spanja u lil Franza li kellha l-informazzjoni kollha li hi tikkunsidra meħtieġa biex tqis it-talbiet.

(3)

Ir-regolatur nazzjonali tas-suq tal-elettriku ta’ Spanja “Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia” u r-regolatur nazzjonali tas-suq tal-elettriku ta’ Franza “Commission de Régulation de l’Énergie”, iffirmaw ftehim fit-22 ta’ Settembru 2017 biex jiffinanzjaw interkonnessjoni tal-elettriku bejn Spanja u Franza li tgħaddi mill-Golf tal-Biskalja. Il-bini tal-interkonnessjoni ġie fdat f’idejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku fi Spanja u Franza, Red Eléctrica de España u Réseau de transport d’Electricité. Dak il-ftehim jipprevedi li l-kostijiet tal-proġett jiġġarrbu f’partijiet indaqs: 50 % minn Spanja u 50 % minn Franza.

(4)

Permezz tal-miżura speċjali, l-interkonnessjoni tal-elettriku bejn Gatica fi Spanja u Cubnezais fi Franza għandha tiġi kkunsidrata li tinsab 50 % fi Spanja u 50 % fi Franza għall-finijiet tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi, tal-akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija u tal-importazzjoni ta’ merkanzija maħsuba għall-bini tagħha.

(5)

Mingħajr il-miżura speċjali, ikun meħtieġ li jiġi aċċertat għal kull provvista jekk il-post ta’ tassazzjoni huwiex fi Spanja jew fi Franza skont il-prinċipju tat-territorjalità.

(6)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Spanja u minn Franza, il-miżura speċjali se tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa ta’ Spanja u Franza miġbur fl-istadju tal-konsum finali, se jiġi affettwat biss b’mod negliġibbli. Għalhekk jixraq li Spanja u Franza jiġu awtorizzati japplikaw il-miżura speċjali.

(7)

Id-deroga ma huwa ser ikollha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE, Spanja u Franza huma awtorizzati li jqisu li l-interkonnessjoni tal-elettriku bejn Gatica fi Spanja u Cubnezais fi Franza tinsab 50 % fit-territorju ta’ Spanja u 50 % fit-territorju ta’ Franza għall-finijiet tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi, tal-akkwisti intra-Komunitarji u tal-importazzjonijiet ta’ merkanzija maħsuba għall-bini tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja u lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

J. LEPPÄ


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


Op