EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D2150

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2150 tad-9 ta’ Diċembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri

ST/14067/2019/INIT

ĠU L 325, 16.12.2019, p. 165–167 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/2150/oj

16.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/165


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2150

tad-9 ta’ Diċembru 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri (“il-Konvenzjoni”) ġiet approvata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1262/84 (1).

(2)

Skont l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni, il-Kumitat Amministrattiv imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu ("il-Kumitat Amministrattiv”) jista’ jadotta emendi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti preżenti u li jivvutaw.

(3)

Il-Kumitat Amministrattiv, fit-tnax-il sessjoni tiegħu, għandu jadotta emenda għall-Artikolu 7 tal-Anness 8 għall-Konvenzjoni.

(4)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv, peress li l-emendi għall-Konvenzjoni ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni.

(5)

L-Unjoni tappoġġa l-Artikolu 7 l-ġdid tal-Anness 8 għall-Konvenzjoni, peress li, bis-saħħa tat-tnaqqis tal-frekwenza tal-mekkaniżmu ta’ rappurtar dwar il-progress li jkun sar biex jittejbu l-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri għat-trasport internazzjonali bit-triq, l-Istati Membri jkollhom inqas formalitajiet amministrattivi.

(6)

Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ emenda mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fit-tnax-il sessjoni jew f’sessjoni sussegwenti tal-Kumitat Amministrattiv għandha tkun ta’ appoġġ għall-abbozz ta’ emenda mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Bidliet tekniċi żgħar fl-abbozz ta’ emenda msemmi fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentant tal-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1262/84 tal-10 ta’ April 1984 li jikkonċerna l-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri (ĠU L 126, 12.5.1984, p. 1).


ANNESS

Emenda għall-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri

L-Artikolu 7 tal-Anness 8

Minflok sentejn issostitwixxi bi ħames snin


Top