This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D2036
Council Decision (EU) 2019/2036 of 25 November 2019 on the position to be taken on behalf of the European Union within the Council of the International Civil Aviation Organization as regards Amendment 17 to Annex 17 (Security) to the Convention on International Civil Aviation
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2036 tal-25 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Emenda 17 għall-Anness 17 (Sigurtà) għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2036 tal-25 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Emenda 17 għall-Anness 17 (Sigurtà) għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
ST/13944/2019/INIT
ĠU L 314, 5.12.2019, pp. 170–172
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
5.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 314/170 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2036
tal-25 ta’ Novembru 2019
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Emenda 17 għall-Anness 17 (Sigurtà) għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). |
|
(2) |
L-Istati Membri tal-Unjoni huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u Stati Membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO, inkluż fl-Assemblea u f’korpi tekniċi oħrajn. |
|
(3) |
Skont il-punt (1) tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO għandu jadotta l-Istandards u l-prattiki rakkomandati internazzjonali (“SARPs”). |
|
(4) |
Fl-4 ta’ Lulju 2019, l-ICAO ħarġet ittra lill-Istati AS8/2.1-19/48 sabiex tgħarraf lill-Istati Membri tal-ICAO li l-Emenda 17 proposta għall-Anness 17 (Sigurtà) għall-Konvenzjoni ta’ Chicago (‘Anness 17’) ser tiġi ppreżentata lill-Kunsill tal-ICAO għall-adozzjoni matul il-218-il sessjoni tiegħu li ser isseħħ mit-18 sad-29 ta’ Novembru 2019, u hija prevista li ssir applikabbli f’Lulju 2020. L-emenda 17 għall-Anness 17 tinkludi dispożizzjonijiet ġodda jew riveduti dwar valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà, kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati u l-partijiet ikkonċernati, programmi ta’ taħriġ u sistemi ta’ ċertifikazzjoni, kontroll tal-aċċess, skrinjar tal-persunal u emendi editorjali oħrajn. L-ittra lill-Istati AS8/2.1-19/48 nediet il-perjodu ta’ konsultazzjoni tal-Istati Membri tal-ICAO dwar l-Emenda 17 għall-Anness 17, u dak il-perjodu skada fl-4 ta’ Ottubru 2019. |
|
(5) |
L-Emenda 17 għall-Anness 17 tħejjiet mill-Bord tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni tal-ICAO, li fih huma membri attivi esperti minn tmien Stati Membri tal-Unjoni, u ġiet ippreżentata għall-approvazzjoni fil-217-il sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO. Wara l-konsultazzjoni tal-Istati Membri tal-ICAO, huwa probabbli li l-Emenda 17 għall-Anness 17 tiġi approvata mill-Kunsill tal-ICAO waqt il-218-il sessjoni tiegħu. |
|
(6) |
Ladarba jiġi adottat, l-anness 17 emendat ser ikun vinkolanti fuq l-Istati Membri kollha tal-ICAO, inklużi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Chicago u fi ħdan il-limiti stabbiliti fiha. L-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jesiġi li l-partijiet kontraenti jinnotifikaw lill-ICAO billi jużaw il-mekkaniżmu tan-notifika tad-differenzi jekk ikollhom l-intenzjoni li jiddevjaw mis-SARPs. Għaldaqstant huwa opportun li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-ICAO fir-rigward tal-Emenda 17 għall-Anness 17. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-ICAO tkun kif stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tkun espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-Emenda 17 għall-Anness 17 (Sigurtà) għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għandha tkun kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tar-reviżjoni tal-Anness 17 (Sigurtà) (Emenda 17) tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”)
Prinċipji ġenerali
Fi ħdan il-qafas tal-attivitajiet tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tar-reviżjoni tal-Anness 17 (Sigurtà) (Emenda 17) għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-iżvilupp ta’ Standards u Prattiki Rakkomandati (SARPs), l-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni, għandhom:
|
(a) |
jaġixxu f’konformità mal-objettivi segwiti mill-Unjoni fil-qafas tal-politika tas-sigurtà tal-avjazzjoni, b’mod partikolari sabiex jipproteġu l-persuni u l-merkanzija fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u jipprevjenu atti ta’ interferenza illegali mal-inġenji tal-ajru ċivili li jipperikolaw is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. |
|
(b) |
billi japplikaw u jinfurzaw ir-regoli komuni stabbiliti biex jissalvagwardjaw l-avjazzjoni ċivili minn atti ta’ interferenza illegali, jikkontribwixxu biex iżidu l-livell tas-sigurtà tal-avjazzjoni globalment. |
|
(c) |
ikomplu jappoġġaw l-iżvilupp mill-ICAO ta’ standards ta’ sigurtà li jissalvagwardjaw l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali, f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2309 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-22 ta’ Settembru 2016 (1). |
Il-pożizzjoni dwar ir-reviżjoni tal-Anness 17 (Sigurtà) (Emenda 17) L-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni, għandhom jappoġġaw l-Emenda 17 proposta għall-Anness 17.
(1) Ir-Riżoluzzjoni 2309 (2016), adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fis-7775 l- laqgħa tiegħu, fit-22 ta’ Settembru 2016: Theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi: Sigurtà tal-avjazzjoni