Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1903

    Deċiżjoni Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kunsill (UE) 2019/1903 tat-8 ta’ Novembru 2019 li tawtorizza liċ-Ċekja tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat li jidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE

    ST/10726/2019/INIT

    ĠU L 293, 14.11.2019, p. 101–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1903/oj

    14.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 293/101


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1903

    tat-8 ta’ Novembru 2019

    li tawtorizza liċ-Ċekja tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat li jidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 199c(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 199c tad-Direttiva 2006/112/KE jippermetti lill-Istati Membri, b’deroga mill-Artikolu 193 ta’ dik id-Direttiva u taħt ċerti kundizzjonijiet, sat-30 ta’ Ġunju 2022, biex jintroduċu mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat (“GRCM”) fuq provvisti mhux transfruntiera ta’ prodotti u servizzi, jistabbilixxi li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li ssirilha l-provvista kollha ta’ merkanzija jew ta’ servizzi ’il fuq mil-livell limitu ta’ EUR 17 500 għal kull tranżazzjoni.

    (2)

    Permezz ta’ ittri rreġistrati mal-Kummissjoni fil-21 ta’ Jannar 2019 u fit-22 ta’ Marzu 2019, iċ-Ċekja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika l-GRCM.

    (3)

    Id-diskrepanza tal-VAT fiċ-Ċekja fl-2014 kienet 16,14 % tal-obbligazzjoni tat-taxxa totali tal-VAT, skont il-metodu u ċ-ċifri stabbiliti fir-rapport finali tal-2016 tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Awwissu 2016 dwar id-diskrepanza tal-VAT. Għalhekk id-diskrepanza tal-VAT taċ-Ċekja qabżet id-diskrepanza medja tal-VAT tal-Komunità (10,4 %) b’aktar minn 5 punti perċentwali.

    (4)

    Il-livell tal-frodi karusell fi ħdan id-distakk totali tal-VAT taċ-Ċekja kien aktar minn 25 % skont il-valutazzjoni tal-impatt li akkumpanjat il-proposta għad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/2057 (2), li introduċiet il-GRCM.

    (5)

    Iċ-Ċekja pprovdiet dettalji lill-Kummissjoni li juru li, għalkemm bosta miżuri ta’ kontroll kienu ġew implimentati fiċ-Ċekja b’riżultati pożittivi, il-miżuri ma kinux biżżejjed biex tiġi miġġielda l-frodi karusell. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT ma kinitx biżżejjed biex tiġi miġġielda l-frodi karusell.

    (6)

    Iċ-Ċekja pprovdiet dettalji lill-Kummissjoni li juru li d-dħul stmat fi ġbir tat-taxxa u r-rispett tal-obbligi fiskali bħala riżultat tal-introduzzjoni tal-GRCM huwa mistenni li jkun ta’ 10 biljun koruna Ċeka (CZK). Iċ-Ċekja wriet ukoll li l-piż addizzjonali ġenerali fuq l-awtoritajiet tan-negozju u tat-taxxa huwa mistenni li jkun CZK 604 miljun. Għalhekk id-dħul stmat fi ġbir tat-taxxa u r-rispett tal-obbligi fiskali jegħlbu l-piż addizzjonali kumplessiv mistenni fuq in-negozji u l-awtoritajiet tat-taxxa b’minn tal-inqas 25 %.

    (7)

    Minħabba li ċ-Ċekja ma tistenniex li l-piż addizzjonali ġenerali fuq in-negozji u l-awtoritajiet tat-taxxa li jirriżulta mill-introduzzjoni tal-GRCM ser ikun sinifikanti, in-negozji u l-awtoritajiet tat-taxxa mhux ser ikollhom iġarrbu kostijiet li huma ogħla minn dawk imġarrba minħabba l-applikazzjoni ta’ miżuri oħra ta’ kontroll.

    (8)

    Iċ-Ċekja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika l-GRCM mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2022.

    (9)

    Iċ-Ċekja tat konferma lill-Kummissjoni li ser jittieħdu azzjonijiet biex il-persuni taxxabbli jiġu infurmati dwar l-introduzzjoni tal-applikazzjoni tal-GRCM permezz tal-posta elettronika, lectures pubbliċi, diskussjonijiet ma’ assoċjazzjonijiet tan-negozju, is-sit web tal-amministrazzjoni, u l-materjal promozzjonali stampat jew elettroniku.

    (10)

    Iċ-Ċekja pprovdiet lill-Kummissjoni b’deskrizzjoni dettaljata tal-mekkaniżmi eżistenti tagħha għall-kontroll tal-VAT u kkonfermat li, biż-żieda ta’ kodiċi speċjali GRCM, il-miżuri eżistenti ser ikunu biżżejjed biex jiġi żgurat il-funzjonament u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tal-GRCM.

    (11)

    Abbażi tal-informazzjoni pprovduta miċ-Ċekja lill-Kummissjoni, jitqies li ċ-Ċekja hija konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 199c(1) tad-Direttiva 2006/112/KE u li t-talba ppreżentata miċ-Ċekja hija konformi mar-rekwiżiti l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 199c(3) ta’ dik id-Direttiva. Huwa għalhekk xieraq li ċ-Ċekja tiġi awtorizzata tapplika l-GRCM mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2022.

    (12)

    Id-deroga mhu ser ikollha l-ebda impatt avvers fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, iċ-Ċekja hija awtorizzata tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat skont l-Artikolu 199c ta’ dik id-Direttiva mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2022.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

    Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2022.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LINTILÄ


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/2057 tal-20 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-applikazzjoni temporanja ta’ mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat b’rabta mal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi ’l fuq minn ċertu livell limitu (ĠU L 329, 27.12.2018, p. 3).


    Top