Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1566

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1566 tal-4 ta' Settembru 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b'saħħtu” (notifikata bid-dokument C(2019) 6389)

C/2019/6389

ĠU L 241, 19.9.2019, pp. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1566/oj

19.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1566

tal-4 ta' Settembru 2019

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b'saħħtu”

(notifikata bid-dokument C(2019) 6389)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b'saħħtu” jirreferi għal li ġej: “Sabiex jiġu protetti n-naħal u s-saħħa tan-nies, nappellaw lill-Kummissjoni biex tipproponi atti legali biex gradwalment jitneħħew il-pestiċidi sintetiċi sal-2035, biex terġa' tiġi stabbilita l-bijodiversità, u biex jiġu appoġġjati l-bdiewa fit-tranżizzjoni”.

(2)

L-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jirreferu għal li ġej: “Gradwalment jitneħħew il-pestiċidi sintetiċi fl-agrikoltura tal-UE bi 80 % sal-2030, u l-ewwel li jitneħħew huma dawk l-aktar perikolużi, biex sal-2035 inkunu ħielsa minn pestiċidi sintentiċi; jiġu restawrati l-ekosistemi naturali fiż-żoni agrikoli sabiex il-biedja ssir vettur tal-irkupru tal-bijodiversità; ikun hemm riforma fl-agrikoltura billi tiġi prijoritizzata l-biedja fuq skala żgħira, diversa u sostenibbli, tiġi appoġġjata żieda rapida fil-prattika agroekoloġika u organika, u jiġu permessi taħriġ indipendenti bbażat fuq il-bdiewa u riċerka fil-biedja ħielsa mill-pestiċidi u mill-OĠM.”

(3)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-UE u jkompli jtejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi, fost l-oħrajn, jipprovdi lil kull ċittadin bid-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(4)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli.

(5)

Jistgħu jiġu adottati atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati:

—

għall-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni għal swieq agrikoli u d-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-politika agrikola komuni, abbażi tal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

—

għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE;

—

għal miżuri fl-oqsma veterinarji u fitosanitarji li għandhom bħala l-objettiv dirett tagħhom il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, abbażi tal-Artikolu 168(4)(b) tat-TFUE.

(6)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq xi proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(7)

Barra minn hekk, ġie ffurmat il-kumitat taċ-ċittadini u l-persuni ta' kuntatt inħatru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, u l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta la tidher li hija manifestament abbużiva, fiergħa jew vessatorja, u lanqas ma tidher li tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni, kif stipulati fl-Artikolu 2 tat-TUE.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b'saħħtu” tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b'saħħtu” hija b'dan irreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-30 ta' Settembru 2019.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b'saħħtu”, irrappreżentati mis-Sur Karl BÄR u s-Sur Helmut BURTSCHER-SCHADEN li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

L-Ewwel Viċi President


(1)   ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.


Top