Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0628(02)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, kif imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-isem “Gall del Penedès” (IĠP)

C/2019/4879

ĠU C 217, 28.6.2019, p. 10–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

28.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 217/10


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Ġunju 2019

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, kif imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-isem “Gall del Penedès” (IĠP)

(2019/C 217/06)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2)(a) flimkien mal-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Spanja bagħtet applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott “Gall del Penedès” (IĠP) f’konformità mal-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni vvalutat dik l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Sabiex tippermetti s-sottomissjoni ta’ avviżi ta’ oppożizzjoni f’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri, għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (2), fosthom id-dokument uniku emendat u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott rilevanti, għall-isem irreġistrat “Gall del Penedès” (IĠP), jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014, fosthom id-dokument uniku emendat u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott rilevanti, għall-isem irreġistrat “Gall del Penedès” (IĠP), tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-emenda msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


ANNESS

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ DENOMINAZZJONI TAL-ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“GALL DEL PENEDÈS”

Nru tal-UE: PGI-ES-01308-AM01 – 25.7.2018

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consell Regulador de la IGP Gall del Penedès

C/Hermenegild Clascar, 1-3, Planta baja

Consejo Comarcal de l’Alt Penedès

08720 Vilafranca del Penedès

Barcelona,

ESPAÑA

Email: agricultura@ccapenedes.cat

Tel. +34 938900000

Il-Bord Regolatorju għall-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Gall del Penedès” jirrappreżenta l-azjendi kollha tal-irziezet tat-tjur u t-tikketti tal-prodott kopert mill-IĠP “Gall del Penedès” u għandu interess leġittimu li jissottometti din l-applikazzjoni għal emenda.

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Link

Tikkettar

Oħrajn (speċifika)

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkunx ġie ppubblikat Dokument Uniku (jew ekwivalenti) li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

Kif iddikjarat fid-deskrizzjoni tal-prodott, l-IĠP “Gall del Penedès” tkopri “il-laħam frisk tat-tiġieġ u tas-sriedaq tal-varjetà mtejba tal-Black Penedesenca mir-razza tradizzjonali tal-Penedesenca”. It-test tal-ispeċifikazzjoni irrefera biss għall-piż tal-kampjuni maskili għaliex huma dawk li r-raħħala jkabbru l-aktar. Madankollu, minħabba d-differenza konsiderevoli fil-piż finali tal-kampjuni maskili u femminili, huwa meħtieġ li jiġi differenzjat il-piż minimu ta’ kull tip ta’ karkassa skont is-sess. Dik hija r-raġuni għaliex ġie introdott piż iktar baxx għall-kampjuni femminili.

Għalhekk, kemm fid-Dokument Uniku (Taqsima 3.2. “Deskrizzjoni tal-prodott” kif ukoll fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-Taqsima B.2 “Karatteristiċi tal-prodott”), il-paragrafu li ġej:

“Tal-inqas bħala piż, il-karkassa mnaddfa trid tkun kilo u nofs mingħajr il-ġewwieni (imnittfa, imnaddfa u bla ras, bla saqajn, bla qalb, bla fwied jew bla qnieżaħ) jew żewġ kili jekk ma tkunx imnaddfa għalkollox (imnittfa u mnaddfa, iżda bir-ras u bis-saqajn).”

trid tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Piż minimu tal-karkassa:

għal karkassa mnaddfa mill-ġewwieni mingħajr ġewwieni (imnittfa, imnaddfa mill-ġewwieni u mingħajr ir-ras, is-saqajn, il-qalb, il-fwied jew il-qanżħa): 1,2 kg għan-nisa u 1,5 kg għall-irġiel.

għal karkassa parzjalment imnaddfa mill-ġewwieni (imnittfa u mnaddfa mill-imsaren imma bir-ras u bis-saqajn intatti): 1,7 kg għan-nisa u 2 kg għall-irġiel.”

Il-valuri minimi tal-għalf għall-annimali pprovduti fit-taqsimiet rilevanti tad-Dokument Uniku (3.3. Għalf u materja prima) u tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (E.1 “Sistema ta’ produzzjoni”) ġew sostitwiti. It-test li ġej:

“L-għalf bażiku fih:

58-60 % qamħirrum

33,5-35,5 % sojja u d-derivati tagħha,

5-5,5 % żerriegħa tal-għeneb”

trid tiġi sostitwita bi:

“L-għalf bażiku fih:

55-60 % qamħirrum

30-35,5 % sojja u d-derivati tagħha,

5-5,5 % żerriegħa tal-għeneb”

Il-persentaġġ minimu tal-qamħirrum u tas-sojja (u d-derivati tagħha) qiegħed jinbidel biex jagħti iktar flessibbiltà lill-produtturi u l-possibilità li jadattaw għall-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-annimali matul l-iżvilupp tagħhom.

Metodu ta’ produzzjoni

Fis-sottotaqsima dwar “Karatteristiċi u ġestjoni tal-mergħat” fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-Taqsima E.1 “Sistema ta’ produzzjoni”), is-superfiċje minima tal-ispazju ta’ barra tnaqqset. Biex tkun speċifika, is-sentenza: “Is-superfiċje minima tal-ispazju ta’ barra disponibbli għal kull persuna għandha tkun ta’ 2 m2”.

trid tiġi sostitwita b’dan li ġej: “Is-superfiċje minima tal-ispazju ta’ barra disponibbli għal kull persuna għandha tkun ta’ 1 m2”.

Is-superfiċje minima tal-ispazju ta’ barra tnaqqset minħabba li fiż-żmien li kienet qed tiġi abbozzata l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, id-dimensjoni tal-btieħi ġiet stmata li tippermetti li l-irziezet jiġu organizzati b’mod xieraq u li l-irqajja’ jiġu ġestiti skont il-prattiki tradizzjonali. Madankollu, il-mergħat tradizzjonali ma kinux kollha l-istess daqs f’termini tas-superfiċje disponibbli u spiss ma kinux mgħammra b’kompartimenti magħluqa, li jfisser li kien diffiċli li titkejjel is-superfiċje ottimali meħtieġa għall-iżvilupp u għall-benesseri adegwati tal-annimali. Dan wassal biex l-ispazju ġie stmat iżżejjed.

Maż-żmien, intwera li l-annimali ma jużawx l-ispazju kollu disponibbli. Il-ġestjoni ta’ dan l-ispazju mhux użat hija problematika, peress li jimtela’ b’ħaxix ħażin żejjed li huwa diffiċli biex jiġi mmaniġġat. Dan min-naħa l-oħra jħeġġeġ l-invażjoni tal-fawna selvaġġa, li żżid ir-riskji sanitarji. Barra minn hekk, l-annimali ma jkunux kollha barra jew ġewwa r-razzett fl-istess ħin; hekk kif jalternaw, ikun hemm aktar spazju disponibbli għal kull ras.

Peress li s-superfiċje disponibbli qatt ma ntużat kollha kemm hi, dan it-tnaqqis ma jimplikax xi bidla mil-lat tal-kwalità tal-laħam jew tal-benesseri tal-annimali.

Fl-istess sottotaqsima tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, iż-żmien ta’ mistrieħ sanitarju li japplika għall-mergħat fuq barra għandu jinbidel. B’hekk il-paragrafu:

“Il-mergħat għandhom jitħallew mistrieħa għal tal-anqas tmien ġimgħat (inkluż id-depopolazzjoni u ż-żmien meħtieġ biex il-flieles ikunu jistgħu jmorru fil-beraħ) sabiex il-ħamrija u l-veġetazzjoni jkunu jistgħu jerġgħu jiġġeneraw ruħhom.”

trid tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Il-mergħat għandhom jitħallew mistrieħa biex il-ħamrija u l-veġetazzjoni jkunu jistgħu jirriġeneraw ruħhom, filwaqt li jitqiesu d-depopolazzjoni u ż-żmien neċessarju biex il-flieles ikunu jistgħu jmorru fil-beraħ.”

Din il-bidla b’rabta mal-ħin ta’ mistrieħ tal-mergħat hija ġġustifikata bid-diversità tat-tipi ta’ ħamrija fid-diversi rżiezet, kif ukoll mill-istaġjonalità u mill-varjazzjonijiet fil-klima Mediterranja li jiddominaw fit-territorju, li jfisser li huwa kkumplikat ħafna li jiġi stabbilit perjodu speċifiku ta’ żmien meħtieġ għar-riġenerazzjoni tal-mergħa. Għal din ir-raġuni, iż-żmien ta’ mistrieħ stabbilit għall-mergħa tneħħa u l-kwistjoni tal-ġestjoni tal-mergħa qed titħalla f’idejn ir-raħħala, li se jagħmlu d-deċiżjoni bbażata fuq l-esperjenza u l-għarfien tagħhom.

DOKUMENT UNIKU

“GALL DEL PENEDÈS”

Nru tal-UE: PGI-ES-01308-AM01 – 25.7.2018

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Gall del Penedès”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.1. Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Dan il-prodott kopert bl-IĠP “Gall del Penedès” hu laħam frisk tat-tiġieġ u tas-sriedaq tal-varjetà mtejba tal-Black Penedesenca mir-razza tradizzjonali tal-Penedesenca.

Jikkaratterizzawh għandu t-togħma, il-karkassi ħamranin, u l-laħam u l-muskoli sodi u sukkulenti.

Ir-razza tikber bil-mod iżda b’saħħitha ħafna, vitali ħafna u b’sura Mediterranja ċara li tipproduċi laħam magħqud. Din tiflaħ għas-sħana u għall-kesħa tipiċi tal-klima Mediterranja.

It-tiġieġ “Gall del Penedès” jitkabbar fil-gallinari b’aċċess għall-beraħ is-sena kollha iżda bħala karatteristika, id-dieta tiegħu tinkludi ż-żerriegħa tal-għeneb li lil-laħam tagħtih kwalitajiet organolettiċi distintivi.

Iż-żrieragħ tal-għeneb jagħtu kwalitajiet organolettiċi distinti lill-laħam, kif muri mir-rapport dwar l-analiżi sensorjali u kimika li sar mill-Institut de Recerca i Tecnologia agroalimentàries (l-IRTA — l-Istitut għar-Riċerka u t-Teknoloġija Agroalimentari) imsejjaħ Inclusió de granet de raïm en el pinso per la IGP del Gall del Penedès [L-inklużjoni taż-żrieragħ tal-għeneb fl-għalf tal-IĠP “Gall del Penedès”], (Amadeu Francesch Vidal, Frar 2012), li jgħid hekk:

“Il-laħam tal-annimali li l-għalf tagħhom ikun fih 5 % żerriegħa tal-għeneb jinxtamm aktar bħall-ġewż u mhux qawwi bi rwejjaħ tal-qoxra tas-siġar, ma jintigħemx bħall-bqija tal-laħam tat-tiġieġ li ssib fis-suq, inqas ħelu, b’aktar elementi metalliċi, u t-tessut tiegħu jinħass aktar fibruż…”

“Il-laħam tal-annimali li l-għalf tagħhom ikun fih 5 % żerriegħa tal-għeneb jidher li għandu proporzjon akbar ġmielu ta’ aċidi xaħmin mhux saturati minħabba proporzjon akbar ta’ aċidu linolejku, u allura l-laħam ikun aħjar għas-saħħa.”

It-tiġieġ “Gall del Penedès” ma jinqatilx qabel ikollu 98 ġurnata.

Il-karkassi tat-tiġieġ “Gall del Penedès” huma kklassifikati fil-Klassi A (skont ir-Regolament (KE) Nru 543/2008); dawn m’għandhomx xaħam żejjed, il-ġilda bajda, il-laħam ħamrani u s-saqajn suwed bl-abjad minn taħt.

Piż minimu tal-karkassa:

għal karkassa mnaddfa mill-ġewwieni mingħajr ġewwieni (imnittfa, imnaddfa mill-ġewwieni u mingħajr ir-ras, is-saqajn, il-qalb, il-fwied jew il-qanżħa): 1,2 kg għan-nisa u 1,5 kg għall-irġiel.

għal karkassa parzjalment imnaddfa mill-ġewwieni (imnittfa u mnaddfa mill-imsaren imma bir-ras u bis-saqajn intatti): 1,7 kg għan-nisa u 2 kg għall-irġiel.

Il-karkassi tat-tiġieġ “Gall del Penedès” jinbiegħu friski, sħaħ jew imqattgħin biċċiet.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

It-tiġieġ “Gall del Penedès” għandu dieta msejsa fuq id-dieta tradizzjonali taż-żona ġeografika li tkopri l-IĠP, adattata għat-tattiċi ta’ żmienna u għal tekniki agroalimentari. Bħala karatteristika distintiva, id-dieta fiha ż-żerriegħa tal-għeneb.

L-għalf bażiku fih:

55-60 % qamħirrum

30-35,5 % sojja u d-derivati tagħha,

5-5,5 % żerriegħa tal-għeneb.

Tul is-sebat ijiem qabel jinqatlu, l-għalf jista’ jkun fih tal-inqas 90 % ċereali u 5 % sa 5,5 % żerriegħa tal-għeneb.

Ma jistax jingħata xaħam tal-annimali, ħlief derivati tal-ħalib.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

It-tiġieġ “Gall del Penedès” jitkabbar fiż-żona ġeografika definita.

Il-flieles jaslu fl-irziezet tal-produzzjoni tat-tiġieġ għat-tismin meta jkollhom bejn 24 u 48 siegħa. Meta jkollhom bejn 42 u 56 ġurnata, it-tiġieġ ikun jistgħu joħorġu fil-miftuħ. Dawn jitrabbew għal mill-inqas 98 jum.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-prodott finali maħsub għall-konsum bl-IĠP irid ikollu l-kelmiet IĠP “Gall del Penedès” jew “Indicación Geográfica Protegida “Gall del Penedés” bi prominenza u l-logo tal-IĠP stess.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

It-tiġieġ “Gall del Penedès” jitkabbar f’żona ġeografika li fiha 73 muniċipalità, jiġifieri

kull muniċipalità fid-distrett ta’ Alt Penedès (27);

kull muniċipalità fid-distrett ta’ Baix Penedès (14);

kull muniċipalità fid-distrett ta’ Garraf (6);

dawn il-muniċipalitajiet fid-distrett ta’ Anoia: Argençola, La Llacuna, Cabrera d’Igualada, Piera, Masquefa, Hostalets de Pierola, Vallbona d’Anoia, Capellades, La Torre de Claramunt, Carme, Orpí, Santa Maria de Miralles, Bellprat, Sant Martí de Tous, Santa Margarida de Montbui, Vilanova del Camí, La Pobla de Claramunt, Castellolí, El Bruc, Òdena, Igualada, Rubió, Jorba, Montmaneu u Copons (25);

u l-muniċipalità ta’ Rodonyà fid-distrett ta’ Alt Camp (1).

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta maż-żona ġeografika ġejja mir-reputazzjoni li l-prodott kiseb matul iż-żmien, bħalma jixhdu t-tradizzjoni bil-fomm, id-dokumenti, il-fieri u l-monti, u ġejja wkoll mis-sistema partikolari tal-produzzjoni li jħaddmu r-raħħala fiż-żona, li għandha rabta mill-qrib mat-tradizzjoni li għandha ż-żona tal-produzzjoni għat-tkabbir tal-għeneb għall-inbid.

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni għall-IĠP hija r-reġjun storiku ta’ el Penedès, u dan jispikka għax hu l-post imnejn toriġina r-razza tradizzjonali tal-Penedesenca, li minnha ġej il-prodott “Gall del Penedès”, u anki għax hu reġjun kbir li jkabbar l-għeneb għall-inbid u li kważi 80 % tal-għelieqi jinħadmu għall-għeneb li jaqgħu fid-DOP ta’ Penedès u Cava. Jista’ jingħad li f’el Penedès, minħabba l-karattru speċifiku taż-żona u l-uċuħ tar-raba’ fiż-żona, il-prodott “Gall del Penedès” jiġi prodott flimkien mal-inbejjed tipiċi u spumanti tar-reġjun.

Għal sekli sħaħ, it-tkabbir, il-konsum, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ “Gall del Penedès” kienu l-linja naturali li jaqbdu r-raħħala fl-inħawi. Mill-kitbiet, mit-tradizzjoni bil-fomm u mill-biċċiet tal-arti jidher li kull razzett kien ikabbar dawn it-tjur kemm biex jitma l-familja u xi drabi anki biex idawwar lira, għax il-bajd kannelli ħamrani u skur ta’ dawn it-tjur, magħruf bħala l-bajd ħamrani ta’ Vilafranca (ou rogenc de Vilafranca) kien jinbiegħ u mfittex ħafna fuq il-monti tal-post (is-suq ta’ Vilafranca jmur lura għas-seklu 12) u fis-suq ta’ Barċellona. Il-laħam ta’ “Gall del Penedès” kien meqjus prim u magħruf ġmielu, kif jidher mill-fiera Fira del Penedès li tmur lura għat-tnax-il seklu u li maż-żmien bdiet tissejjaħ Fira de Sant Tomàs u aktar tard Fira del Gall. Din kienet tittella’ kull sena mingħajr ma nqabżet waħda, u fiha r-raħħala tar-reġjun li ma kellhomx post fir-razzett tagħhom setgħu juru u jbigħu l-prodotti tagħhom. B’hekk beżgħu għall-ikel tradizzjonali tagħhom imsejjes fuq it-tkabbir tal-għeneb għall-inbid.

Fil-fieri u fuq il-monti, il-bdiewa u r-raħħala tal-inħawi kienu jiltaqgħu u jaqsmu bejniethom l-għarfien tagħhom kif irabbu t-tiġieġ “Gall del Penedès” u baqgħu jżommu d-drawwa reġjonali tal-produzzjoni li jitimgħu t-tiġieġ bil-qxur tal-għeneb. Biex isiru għalf, il-qxur tal-għeneb magħsur (imsejħa brisa) kien jitnixxef fl-għelieqi. Studju tal-1937 fuq l-għalf tat-tjur isemmi li ż-żerriegħa tal-għeneb fiha ħafna nutrijenti għat-tiġieġ għax għandha ħafna fibra, abbundanza relattiva ta’ xaħam, ftit proteini u karboidrati. Daż-żmien, ir-raħħala bdew jużaw il-prattiki tradizzjonali taż-żona billi jżidu ż-żerriegħa tal-għeneb fit-taħlita tal-għalf.

Id-dieta tat-tiġieġ “Gall del Penedès” IĠP fiha ż-żerriegħa tal-għeneb u allura żżomm ir-rabta bejn it-tradizzjoni tal-għalf u t-tradizzjoni tar-reġjun fit-tkabbir tal-għeneb għall-inbid. Din id-dieta tikkontribwixxi għat-togħma tal-prodott. U billi t-tiġieġ jitkabbar fil-gallinari b’aċċess għal barra s-sena kollha, dan jikkontribwixxi għal-lewn ħamrani u jgħin biex il-laħam u l-muskoli jkunu sodi u sukkulenti.

Fi żmienna l-prodott “Gall del Penedès” kemm-il darba jfeġġ fl-artikli tal-gazzetti reġjonali, fil-kampanji promozzjonali ta’ prodotti reġjonali ta’ kwalità għolja (tal-Kunsill ta’ Barċellona u tal-Kunsill Distrettwali ta’ Alt Penedès permezz ta’ programmi bħal Productos de la Terra [Prodotti tal-Art] u la Gastroteca) u fir-riċerka (tal-Fundación Alicia, tal-IRTA, u tal-bqija).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test kollu tal-ispeċifikazzjoni jinsab fuq dan is-sit web:

http://gencat.cat/alimentacio/modificacion-pliego-igp-gall-penedes


Top