Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0312(01)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2019 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem kif imsemmi fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill — “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” (IĠP)

C/2019/1994

ĠU C 94, 12.3.2019, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

12.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/5


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Marzu 2019

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem kif imsemmi fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” (IĠP)

(2019/C 94/05)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Renju Unit bagħat lill-Kummissjoni applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)

Skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Sabiex ikunu jistgħu jitressqu l-avviżi ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmijin fl-Artikolu 50(2)(a) ta’ dak ir-Regolament għall-isem “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” jenħtieġ li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Id-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmijin fl-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għall-isem “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” (IĠP) jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


ANNESS

DOKUMENT UNIKU

“AYRSHIRE NEW POTATOES”/“AYRSHIRE EARLIES”

Nru tal-UE: PGI-GB-02286 – 31.1.2017

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem/ismijiet

“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Ir-Renju Unit

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

L-isem “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” jingħata lill-patata immatura tal-ispeċi Solanum tuberosum tal-familja Solanaceae li titkabbar fil-kontea ta' Ayrshire, fil-Lbiċ tal-Iskozja. Din trid tinżera', titkabbar u tinqala' fiż-żona ġeografika ddefinita.

L-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” titkabbar mill-varjetajiet bażiċi taż-żerriegħa elenkati fir-reġistri nazzjonali tal-varjetajiet tal-Istati Membri tal-UE. Il-varjetajiet ewlenin li jintużaw u l-istima tas-sehem mis-suq tagħhom huma attwalment l-Epicure (8 %), il-Casablanca (40 %), l-Isle of Jura (12 %) u l-Maris Peer (40 %). Il-varjetajiet jistgħu jinbidlu hekk kif il-karatteristiċi tat-tnissil jadattaw ruħhom imma l-inklużjoni tagħhom bħala varjetà bażika għall-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” l-iktar li tkun iddeterminata huwa mill-karatteristiċi tagħhom kif deskritt hawn taħt, kif ukoll mill-abbiltà tagħhom li jkunu lesti biex jinqalgħu bejn Mejju u Lulju.

L-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” għandhom livell relattivament baxx ta' materja niexfa ta' mhux aktar minn 20 %. Il-materja niexfa tinbidel skont il-varjetà, il-maturità u l-istaġun.

Il-varjetà “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” hija żgħira fid-daqs (15–65 mm dijametru), b'forma tonda jew ovali u għandha qoxra ratba. Għandha togħma u aroma terrena qawwija u li tixbah lill-ġewż. Għandha konsistenza kremuża u soda bħala riżultat ta' kontenut baxx ta' lamtu b'valuri ta' bejn 10 u 15 %. Il-kwantità tal-lamtu tiġi ddeterminata skont l-istaġun u l-varjetà. Minħabba li ma fihiex wisq lamtu, lill-patata “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” jagħmilha ideali għat-togħlija u biex tintuża meta din tkun trid iżżomm sħiħa (jiġifieri fl-insalati). Il-kulur tagħha jvarja bejn abjad u lewn il-krema skont il-varjetà, u huwa konsistenti fil-patata sħiħa.

Il-varjetà “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” tinqala' bejn il-bidu ta' Mejju u l-aħħar ta' Lulju qabel ma tinqala' l-patata komuni. Il-patata li tinqala' l-ewwel f'Mejju tinbiegħ mingħajr ma tinħasel sabiex ma ssirx ħsara għall-ġilda ratba tagħha. Il-kontenut tal-ħamrija ma jkunx iktar minn 1 % f'piż ta' tuberi. Iktar ma jgħaddi ż-żmien fl-istaġun, il-ġilda tibbies biżżejjed biex tkun tista' tinħasel.

L-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” tinbiegħ skont il-piż, jew ippakkjata b'piżijiet differenti, u ma tistax tinbiegħ lill-konsumaturi finali wara l-aħħar jum ta' Lulju.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” trid tinżera', titkabbar u tinqala' fiż-żona speċifikata.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ., tal-prodott li għalih jirreferi l-isem reġistrat

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Fuq it-tikketta jrid ikun hemm it-terminu “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies”.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Ir-reġjun ta' Ayrshire fil-Punent tal-Iskozja fi ħdan il-konfini ġeografiċi tal-Awtoritajiet Lokali fit-Tramuntana, fil-Lvant u fin-Nofsinhar ta' Ayrshire. Fil-Punent il-kontea ta' Ayrshire tmiss mal-Firth of Clyde u testendi ruħha mill-inħawi kostali ta' Skelmorlie fit-Tramuntana sa Ballantrae fin-Nofsinhar u Glenbuck fil-Lvant. Il-kontea tinkludi wkoll l-Isle of Arran u l-Cumbrae Isles.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta tal- “Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” maż-żona ġeografika hija bbażata fuq il-kwalità u r-reputazzjoni tal-prodott. L-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” minn dejjem kellha r-reputazzjoni li timmarka l-bidu tal-provvista tal-patata ġdida Skoċċiża staġonali. Hemm ħafna fatturi li influwenzaw it-togħma tal-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” fosthom il-ħamrija ħafifa, il-klima moderata, il-fertilizzanti, il-ħsad kmieni u l-veloċità tal-konsenja lejn is-swieq.

It-togħma partikolari tal-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” hija influwenzata mill-istaġun qasir tat-tkabbir tagħha. Il-klima moderata u l-ħamrija unika ta' Ayrshire jippermettu li l-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” titħawwel, titkabbar u tinqala' kmieni fis-sena, aktar kmieni milli fi nħawi oħra tal-Iskozja.

L-Ayrshire ilu fil-qalba tal-industrija Skoċċiża (u saħansitra tar-Renju Unit) tat-tkabbir tal-patata sa minn meta l-kultivazzjoni tagħha ġiet irrappurtata għall-ewwel darba fl-Iskozja fuq bażi kummerċjali fl-1793. Iż-żona tipprovdi l-ewwel patata prodotta kummerċjalment u mkabbra fl-Iskozja u l-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” hija magħrufa mal-pajjiż kollu għall-kwalità tagħha, għal togħmitha u bħala simbolu ta' staġun ġdid. F'pubblikazzjonijiet tal-istampa, storiċi u attwali, dan il-prodott ilu magħruf ukoll bħala “South West Earlies” u “Early Ayrshires”.

Minħabba l-ħamrija ramlija u ħafifa u s-sħana bikrija mill-Kurrent tal-Golf, l-ażjendi agrikoli f'Ayrshire, b'mod partikolari dawk tul il-kosta ta' Ayrshire minn dejjem setgħu jiżirgħu l-patata tagħhom ftit ġimgħat qabel minn partijiet oħra fl-Iskozja. Iċ-ċiklu oriġinali tal-għalla tal-patata kien li titħawwel f'Ġunju u tinqala' f'nofs il-Ħarifa.

Fil-ktieb “A Corner of Carrick” ta' James A. Guthrie, hemm kapitlu jismu “The Early Ayrshires”. Dan il-kapitlu jipprovdi informazzjoni dwar il-kummerċjaliżmu tal-patata bikrija u juri kif fl-1857, żewġ bdiewa minn Ayrshire (Dunlop u Hannah) żaru ċ-Channel Islands (fejn il-bdiewa kienu ilhom iħawlu għelejjel bikrin għal ħafna snin) biex jistudjaw kif kien jirnexxilhom ikabbru l-patata daqshekk kmieni fis-sena.

Fl-1881, ġie żviluppat metodu ġdid biex jgħin fil-kultivazzjoni tal-patata bikrija msejjaħ tnebbit (sprouting), u dan tkompla u ġie implimentat fiż-żona minn ħafna bdiewa f'Ayrshire. B'dan il-metodu ġdid għat-tkabbir tal-ħxejjex, iċ-ċiklu tat-tħawwil sar jibda kmieni fi Frar. Dan jippermetti li l-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” tibda tinqala' fit-tieni nofs ta' Mejju fiż-żoni kostali ta' Ayrshire, u tkompli tinqala' gradwalment 'il ġewwa mill-kosta iktar ma javvanza l-istaġun.

Jeżistu rekords ta' rappurtaġġ tal-istampa dwar il-patata bikrija mkabbra f'Ayrshire li jmorru lura sal-1857 meta n-North British Agriculturalist u l-Edinburgh Evening News semmew it-tkabbir tal-patata “ipprattikata b'mod estensiv matul il-kosta fuq ħamrija ħafifa u bikrija”. Kważi 100 sena wara, artikolu intitolat “South-West Earlies Win The Race” f'The Glasgow Herald Agriculture Survey (tal-1 ta' Frar, 1956) stqarr li “Għal kważi seklu sħiħ, l-għalla tal-patata bikrija kellha rwol importanti ferm fl-ekonomija tal-biedja fil-Lbiċ tal-Iskozja”.

Fil-parroċċa ta' Maybole, f'Ayrshire, kien jintqal li t-tkabbir tal-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies” kien “ix-xogħol prinċipali” fl-1951 skont The Statistical Account of Scotland ta' John Strawhorn u William Boyd. Fil-ktieb tagħha “Tattie howkers” (2005), Heather Holmes tikkwota li l-“għelejjel ta' patata bikrija, jew Earlies, saru sinonimi mal-kontea ta” Ayrshire, bħalma kienu saru t-termini “Ayrshires” u “Ayrshire potatoes” u t-tkabbir tagħha kien “fergħa speċjalizzata u intensiva tal-biedja ta' Ayrshire”. Fl-1901, fil-pubblikazzoni North British Agriculturalist, ġie rrappurtat li f'Girvan, il-patata kienet “(prodott) mill-iktar importanti fid-distrett”. Il-ktieb “Old West Kilbride” ta' Molly Blyth għandu s-sottotitlu “The Tattie Toon” minħabba r-rabta ta' din il-belt kostali f'Ayrshire mat-tkabbir tal-patata u speċifikament mal-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies”.

Kien hemm ukoll artiklu fuq l-Internet fis-sit web tal-Farming UK li fih intqal li “l-Patata ġdida ta' Ayrshire, li hija sinonima mas-sajf, hija meqjusa b'mod mifrux li għandha waħda mill-ifjen togħmiet u hija mfittxija ħafna matul l-istaġun tagħha li jdum tmien ġimgħat”.

Hemm bosta siti tal-Internet li jipprovdu riċetti li jużaw l-“Ayrshire New Potatoes”/“Ayrshire Earlies”. Red Book Recipes jippreċiża li “l-patata ġdida bikrija li tiġi minn Ayrshire hija fost l-aqwa fil-Gran Brittanja”. Is-sit web jipprovdi dettalji dwar il-patata bikrija u jagħti wkoll struzzjonijiet dwar kif wieħed isajjar il-patata b'mod perfett.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament)

https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/641216/protected-food-name-ayrshire-earlies-spec.pdf


Top