Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0825

    Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea

    PE/24/2018/INIT

    ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/825/oj

    7.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 143/1


    REGOLAMENT (UE) 2018/825 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-30 ta’ Mejju 2018

    li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġisżattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-regoli komuni għall-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġetti ta’ dumping u dawk sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni jinsabu fir-Regolamenti (UE) 2016/1036 (2) u (UE) 2016/1037 (3) tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (minn hawn ’il quddiem imsejħa b’mod konġunt “ir-Regolamenti”). Ir-Regolamenti inizjalment ġew adottati fl-1968 u emendati b’mod sinifikattiv għall-aħħar darba fl-1996 wara l-konklużjoni taċ-Ċiklu tal-Urugwaj li seħħ fil-qafas tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT). Minħabba l-fatt li saru għadd ta’ emendi għar-Regolamenti mill-1996, il-leġislaturi ddeċidew li jikkodifikaw ir-Regolamenti fl-interess taċ-ċarezza u r-razzjonalità.

    (2)

    Filwaqt li r-Regolamenti ġew emendati u kkodifikati, ma sarx rieżami fundamentali dwar il-funzjonament tagħhom. Il-Kummissjoni nediet rieżami tar-Regolamenti sabiex, inter alia, jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tan-negozji fil-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin.

    (3)

    Wara dak ir-rieżami, jenħtieġ li xi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti jiġu emendati sabiex jitjiebu t-trasparenza u l-prevedibbiltà, sabiex jiġu pprovduti miżuri effettivi kontra r-ritaljazzjoni minn pajjiżi terzi, jitjiebu l-effettività u l-infurzar, u sabiex tiġi ottimizzata l-prattika tar-rieżami. Barra minn hekk, ċerti prattiki li ġew applikati fis-snin reċenti fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet dwar l-anti-dumping u d-dazju kumpensatorju jenħtieġ li jiġu inklużi fir-Regolamenti.

    (4)

    Sabiex jitjiebu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-investigazzjonijiet dwar l-anti-dumping u d-dazju kumpensatorju, partijiet li ser jiġu affettwati mill-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji tal-anti-dumping u miżuri kumpensatorji, b’mod partikolari l-importaturi, jenħtieġ li jiġu infurmati dwar l-impożizzjoni imminenti ta’ tali miżuri. Barra minn hekk, f’investigazzjonijiet fejn ma jkunx xieraq li jiġu imposti miżuri proviżorji, huwa ideali li l-partijiet ikunu infurmati minn żmien kmieni biżżejjed b’tali nuqqas ta’ impożizzjoni. Sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet fil-perijodu ta’ żvelar minn qabel, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirreġistra l-importazzjonijiet fejn possibbli. Meta tiġi prevista r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ żvelar minn qabel, hemm bżonn jitqies li din tirrikjedi analiżi prospettiva tar-riskji assoċjati u l-probabbiltà li dawn iċ-ċirkostanzi jimminaw l-effetti rimedjali tal-miżuri. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġbor informazzjoni statistika addizzjonali fuq il-livell tat-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea (TARIC) biex tiżgura bażi fattwali xierqa għall-analiżi tal-importazzjonijiet. Fejn ir-reġistrazzjoni ma tkunx possibbli, u jkun hemm żieda ulterjuri sostanzjali fl-importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ żvelar minn qabel, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrifletti din il-ħsara addizzjonali fil-marġni ta’ ħsara.

    (5)

    L-esportaturi jew il-produtturi jenħtieġ li jingħataw perijodu qasir ta’ żmien qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji biex jivverifikaw il-kalkolu tal-marġni individwali tagħhom tad-dumping jew l-ammont tas-sussidju kumpensabbli u l-marġni adegwat biex titneħħa l-ħsara għall-industrija tal-Unjoni. L-iżbalji fil-kalkolu b’hekk ikunu jistgħu jiġu korretti qabel l-impożizzjoni tal-miżuri.

    (6)

    Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri kontra r-ritaljazzjoni huma effettivi, il-produtturi tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq ir-Regolamenti mingħajr il-biża’ ta’ ritaljazzjoni minn pajjiżi terzi. Id-dispożizzjonijiet eżistenti, f’ċirkustanzi speċjali, jipprevedu l-bidu ta’ investigazzjoni mingħajr ma jkun wasal l-ilment, fejn teżisti evidenza suffiċjenti ta’ dumping jew ta’ sussidji kumpensabbli, u ta’ ħsara u rabtiet ta’ kawżalità. Tali ċirkostanzi speċjali jenħtieġ li jinkludu t-theddida ta’ ritaljazzjoni minn pajjiżi terzi.

    (7)

    Fejn investigazzjoni ma tkunx inbdiet minn ilment, jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob lill-produtturi tal-Unjoni biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għat-tkomplija tal-investigazzjoni, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli għat-twettiq tal-investigazzjoni fil-każ li jkun hemm theddid ta’ ritaljazzjoni minn pajjiżi terzi.

    (8)

    Il-pajjiżi terzi jinterferixxu dejjem iżjed fil-kummerċ ta’ materji prima sabiex iżommu l-materji prima f’dawk il-pajjiżi għall-benefiċċju tal-utenti domestiċi downstream, pereżempju billi jimponu taxxi fuq l-esportazzjoni jew billi jużaw skemi ta’ pprezzar doppju. Tali interferenza toħloq distorsjoni addizzjonali tal-kummerċ. Għalhekk, l-ispejjeż tal-materji prima ma jirriflettux it-tħaddim ta’ forzi normali tas-suq għall-provvista u d-domanda għal materja prima speċifika. Bħala riżultat ta’ dan, il-produtturi tal-Unjoni mhux biss issirilhom il-ħsara mid-dumping, iżda jiġu affettwati ukoll minn distorsjonijiet addizzjonali fil-kummerċ meta mqabbla mal-produtturi downstream minn pajjiżi terzi li huma involuti f’tali prattiki. Sabiex jiġi protett il-kummerċ b’mod adegwat, jenħtieġ li tali distorsjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni kif xieraq meta jkun qed jiġi determinat il-livell ta’ dazji li għandhom jiġu imposti.

    (9)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fuq il-materji prima abbażi tal-ilment li jkun wasal u tad-“L-inventarju tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ materji prima industrijali” tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) jew kwalunkwe bażi tad-data oħra tal-OECD li tissostitwixxi dik il-bażi tad-data u tidentifika distorsjonijiet fuq il-materji prima.

    (10)

    Fl-Unjoni, is-sussidji kumpensabbli huma fil-prinċipju pprojbiti skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Għalhekk, is-sussidji kumpensabbli mogħtija minn pajjiżi terzi b’mod partikolari joħolqu distorsjoni fil-kummerċ. L-ammont ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzat mill-Kummissjoni tnaqqas b’mod konsistenti tul iż-żmien. Meta jiġi ddeterminat il-livell ta’ miżuri kumpensatorji, mhuwiex, b’mod ġenerali, aktar possibbli li tiġi applikata r-regola tad-dazju inferjuri.

    (11)

    Fejn il-miżuri ma jiġux estiżi wara l-konklużjoni ta’ investigazzjoni ta’ rieżami tal-iskadenza minħabba l-fatt li l-kondizzjonijiet meħtieġa għat-tkomplija ma jidhrux li kienu jeżistu matul l-investigazzjoni, id-dazji miġbura matul l-investigazzjoni fuq merkanzija li ġiet rilaxxata mid-dwana jenħtieġ li jiġu rimborżati lill-importaturi.

    (12)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibda rieżamijiet interim, fejn xieraq, f’każijiet fejn l-industrija tal-Unjoni qed tiffaċċa żieda fl-ispejjeż li jirriżultaw minn standards soċjali u ambjentali ogħla. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibda rieżamijiet interim f’każijiet fejn inbidlu ċ-ċirkostanzi fil-pajjiżi esportaturi marbuta ma’ standards soċjali u ambjentali. Pereżempju, jekk pajjiż li huwa suġġett għall-miżuri jirtira minn ftehimiet ambjentali multilaterali, u l-protokolli tagħhom, li għalihom hija parti l-Unjoni, jew mill-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) elenkati fl-Anness Ia ta’ dan ir-Regolament, l-investigazzjoni dwar ir-rieżami interim tista’ twassal għall-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenji fis-seħħ. L-ambitu tar-rieżami ser jiddependi fuq in-natura preċiża tal-bidla. Tali rieżamijiet interim jistgħu wkoll jinbdew ex officio.

    (13)

    Huwa possibbli għall-Kummissjoni li tadotta avviżi interpretattivi li jipprovdu gwida ġenerali lil partijiet interessati possibbli dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti. F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, avviżi bħal dawn mhumiex legalment vinkolanti u ma jimmodifikawx ir-regoli obbligatorji tal-liġi tal-Unjoni. Abbażi tal-prinċipji ġenerali tat-trattament ugwali u tal-aspettattivi leġittimi, il-Kummissjoni tapplika dawn l-avviżi iżda ma tistax tirrinunzja bl-adozzjoni tagħhom għad-diskrezzjoni li hi għandha fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. Qabel ma jiġu adottati tali avviżi, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 11(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Huwa possibbli wkoll għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

    (14)

    Jenħtieġ li l-industrija tal-Unjoni ma tibqax tiġi definita b’referenza għal-limiti tal-bidu stabbiliti fir-Regolamenti.

    (15)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-partijiet interessati kollha għandhom l-aħjar aċċess possibbli għall-informazzjoni billi tiġi stabbilita sistema ta’ informazzjoni fejn il-partijiet interessati jiġu mgħarrfa meta tiddaħħal informazzjoni ġdida mhux kunfidenzjali fil-fajls tal-investigazzjoni u billi tali informazzjoni tkun aċċessibbli. għal dawk il-partijiet permezz ta’ pjattaforma bbażata fuq il-web.

    (16)

    F’investigazzjonijiet inizjali fejn il-marġni ta’ dumping jew l-ammont tas-sussidju kumpensabbli nstab li huwa inqas mil-limiti de minimis, l-investigazzjoni jenħtieġ li tintemm minnufih fir-rigward tal-esportaturi kkonċernati u tali esportaturi mhux ser ikunu soġġetti għal investigazzjonijiet dwar rieżamijiet sussegwenti.

    (17)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni taċċetta biss offerta għal impriża meta tkun sodisfatta, abbażi ta’ analiżi prospettiva, li l-offerta effettivament telimina l-effett dannuż tad-dumping.

    (18)

    Fejn jeżistu l-kondizzjonijiet biex tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, jenħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni fil-każijiet kollha.

    (19)

    L-esperjenza f’investigazzjonijiet kontra ċ-ċirkomvenzjoni wriet li, xi kultant, għalkemm il-produtturi tal-prodott ikkonċernat jinstabu li mhumiex involuti fil-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni huma stess, jinstabu li jkunu relatati ma’ produttur li huwa soġġett għall-miżuri oriġinali. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-produtturi ma jiġux imċaħħda eżenzjoni sempliċiment minħabba li huma relatati ma’ produttur li huwa soġġett għall-miżuri oriġinali. Għalhekk, jenħtieġ li titneħħa l-kundizzjoni skont liema sabiex tingħata eżenzjoni mir-reġistrazzjoni jew mid-dazji estiżi, produtturi tal-prodott ikkonċernat ma għandhomx ikunu relatati ma’ kwalunkwe produttur li huwa soġġett għall-miżuri oriġinali. Barra minn hekk, fejn il-prattika ta’ ċirkomvenzjoni sseħħ fl-Unjoni, il-fatt li l-importaturi huma relatati mal-produtturi li huma soġġetti għall-miżuri jenħtieġ li ma jkunx deċiżiv fid-determinazzjoni ta’ jekk l-importatur jistax jingħata eżenzjoni.

    (20)

    Meta l-għadd ta’ produtturi tal-Unjoni tant ikun kbir li jkollu jittieħed kampjun, il-kampjun jenħtieġ li jintgħażel minn fost il-produtturi kollha tal-Unjoni u mhux biss mill-produtturi li jkunu qed iressqu l-ilment.

    (21)

    F’każijiet ta’ distorsjonijiet fuq il-materji prima kif identifikat fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament (UE) 2016/1036, kif emendat b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq test tal-interess tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 7(2b) ta’ dak ir-Regolament. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, meta tistabbilixxi l-livell tad-dazji soġġetti għall-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, li tapplika l-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li twettaq it-test tal-interess tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament abbażi tal-miżuri stabbiliti skont l-Artikolu 7(2).

    (22)

    Meta jkun qed jiġi applikat it-test tal-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li l-produtturi kollha tal-Unjoni jingħataw l-opportunità li jressqu kummenti u mhux biss dawk il-produtturi li jkunu qed iressqu l-ilment.

    (23)

    Ir-rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tagħha tar-Regolamenti jippermetti għall-monitoraġġ regolari u f’waqtu tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ. Jenħtieġ li jkun hemm skambju ta’ fehmiet dwar dan ir-rapport fil-Parlament Ewropew u tali skambju jenħtieġ li jkopri wkoll il-funzjonament tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kunsill jattendi għal tali skambju.

    (24)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni testendi l-applikazzjoni u l-ġbir tad-dazji marbuta mal-anti-dumping u d-dazji kumpensatorji lill-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew liż-żona ekonomika esklużiva ddikjarata minn Stat Membru skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), dment li l-prodott soġġett għall-miżuri jintuża fi kwalunkwe wieħed miż-żewġ postijiet bil-għan li jiġu esplorati jew sfruttati r-riżorsi naturali mhux ħajjin ta’ qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu jew sabiex tiġi prodotta l-enerġija mill-ilma, mill-kurrenti u mill-irjieħ, u dment li l-prodott soġġett għall-miżuri jiġi kkunsmat hemmhekk fi kwantitajiet sinifikanti. L-intenzjoni li l-applikazzjoni tiġi estiża b’dan il-mod jenħtieġ li tiġi stipulata fin-notifika tat-tnedija tal-proċedimenti, u jenħtieġ li tkun sostnuta minn evidenza suffiċjenti fit-talba. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-arranġamenti għall-applikazzjoni u l-ġbir tad-dazji anti-dumping u kumpensatorji. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (25)

    Sabiex tiġi aġġornata l-lista li tiddefinixxi d-distorsjonijiet fuq il-materji prima billi żżid aktar distorsjonijiet fuq il-materji prima jekk “L-inventarju tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ materji prima industrijali” tal-OECD, jew kwalunkwe bażi tad-data tal-OECD li tissostitwixxi dak l-inventarju, tidentifika distorsjonijiet fuq il-materji prima flimkien ma’ dawk inklużi fil-lista, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-lista ta’ distorsjonijiet fuq il-materji prima msemmija fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament (UE) 2016/1036. Barra minn hekk, sabiex tiġi indirizzata b’mod xieraq iż-żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet f’każ li din isseħħ matul il-perijodu ta’ żvelar minn qabel, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ żieda jew tnaqqis fid-durata tal-perijodu ta’ żvelar minn qabel. Il-perijodu ta’ żvelar minn qabel jenħtieġ li jitnaqqas jekk iż-żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet isseħħ iżda l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tindirizzaha. Madankollu, jekk ma tkunx seħħet żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet jew jekk il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni biex tindirizzaha, il-perijodu ta’ żvelar minn qabel jenħtieġ li jiżdied sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà għall-operaturi tal-Unjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (26)

    Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) 2016/1036 u (UE) 2016/1037 jiġu emendati skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 2016/1036 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 4(1), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘industrija tal-Unjoni’ għandu jkun interpretat li jirreferi għall-produtturi tal-Unjoni kollha tal-prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon maġġuri tal-produzzjoni tal-Unjoni kollha ta’ dawk il-prodotti, għajr li:”;

    (2)

    l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jiddaħħal subparagrafu wara l-ewwel subparagrafu kif ġej:

    “L-ilmenti jistgħu jiġu ppreżentati wkoll b’mod konġunt mill-industrija tal-Unjoni, jew minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li m’għandhiex personalità ġuridika li taġixxi f’isimhom, u t-trade unions, jew ikunu appoġġati mit-trade unions. Dan ma jaffettwax il-possibbiltà li l-industrija tal-Unjoni tirtira l-ilment.”;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-istrument għad-difiża tal-kummerċ għal setturi diversi u frammentati tal-industrija, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma magħmulin minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), permezz ta’ Help desk tal-SMEs iddedikat, pereżempju billi tqajjem kuxjenza, billi tagħti informazzjoni u spjegazzjonijiet ġenerali dwar il-proċeduri u dwar kif tippreżenta ilment, billi toħroġ kwestjonarji standard bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u billi tirrispondi mistoqsijiet li huma ġenerali, u mhux speċifiċi għal każ.

    Il-Help desk tal-SMEs għandu jagħmel disponibbli formoli standard għas-sottomissjoni tal-istatistika għall-iskopijiet permanenti u l-kwestjonarji.”;

    (3)

    l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 7, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “7.   Il-produtturi tal-Unjoni, it-trade unions, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, l-utenti u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur li għamlu lilhom infushom magħrufa skont l-Artikolu 5(10), kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunkwe parti għall-investigazzjoni, bħala distinta mid-dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, li tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali fit-tifsira tal-Artikolu 19, u li tintuża fl-investigazzjoni.”;

    (b)

    il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “9.   Għall-proċedimenti li jinbdew skont l-Artikolu 5(9), investigazzjoni għandha, kull meta jkun possibbli, tiġi konkluża fi żmien sena. Fi kwalunkwe każ, dawn l-investigazzjonijiet għandhom jiġu konklużi fi żmien 14-il xahar mill-bidu tagħhom, skont is-sejbiet li jirriżultaw minnhom f’konformità mal-Artikolu 8 għal impenji jew is-sejbiet li jirriżultaw minnhom f’konformità mal-Artikolu 9 għall-azzjoni definittiva. Il-perijodi ta’ investigazzjoni għandhom, kull fejn possibbli, speċjalment fil-każ ta’ setturi diversi u frammentati li fil-biċċa l-kbira huma magħmula minn SMEs, jikkoinċidu mas-sena finanzjarja.”;

    (c)

    jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “10.   Il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili huma mitluba jikkooperaw mal-Kummissjoni fl-investigazzjonijiet li nbdew skont l-Artikolu 5(6).

    11.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-uffiċċju tal-Uffiċjal tas-Seduta li s-setgħat u r-responsabbiltajiet tiegħu huma stabbiliti f’mandat adottat mill-Kummissjoni u li għandu jissalvagwardja l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati.”;

    (4)

    l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Jistgħu jiġu imposti dazji proviżorji jekk:

    (a)

    ikunu nbdew proċedimenti f’konformità mal-Artikolu 5;

    (b)

    ikun ingħata avviż għal dak il-għan u l-partijiet interessati jkunu ngħataw opportunità suffiċjenti biex jissottomettu l-informazzjoni u jagħmlu kummenti f’konformità mal-Artikolu 5(10);

    (c)

    tkun saret determinazzjoni affermattiva proviżorja ta’ dumping u ta’ ħsara konsegwenti lill-industrija tal-Unjoni; u

    (d)

    l-interess tal-Unjoni jirrikjedi intervent biex tiġi evitata ħsara bħal din.

    Id-dazji proviżorji għandhom jiġu imposti mhux aktar kmieni minn 60 ġurnata mill-bidu tal-proċedimenti u normalment mhux aktar tard minn seba’ xhur, iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tmien xhur, mill-bidu tal-proċedimenti.

    Id-dazji proviżorji m’għandhomx jiġu imposti għal tliet ġimgħat minn meta tintbagħat l-informazzjoni lill-partijiet interessati skont l-Artikolu 19a (perijodu ta’ żvelar minn qabel). L-għoti ta’ tali informazzjoni m’għandhiex tkun ta’ preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni relatata sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina sad-9 ta’ Ġunju 2020, jekk tkunx seħħet żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ żvelar minn qabel, u jekk tali żieda seħħet, tkunx ikkawżat ħsara addizzjonali lill-industrija tal-Unjoni, minkejja l-miżuri li l-Kummissjoni setgħet ħadet abbażi tal-Artikolu 14(5a) u l-Artikolu 9(4). Hija għandha tistrieħ b’mod partikolari fuq id-data miġbura abbażi tal-Artikolu 14(6) u kwalunkwe informazzjoni rilevanti għad-dispożizzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 23a biex temenda t-tul tal-perijodu ta’ żvelar minn qabel għal ġimagħtejn fil-każ ta’ żieda sostanzjali tal-importazzjonijiet li kkawżaw ħsara addizzjonali u għal erba’ ġimgħat meta dan ma jkunx il-każ.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-intenzjoni tagħha li timponi dazji proviżorji, inkluż informazzjoni dwar ir-rati ta’ dazju possibbli, fl-istess ħin li tipprovdi lill-partijiet interessati bl-informazzjoni skont l-Artikolu 19a.”;

    (b)

    jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “2a.   Meta tkun qed teżamina jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jelimina l-ħsara, il-Kummissjoni għandha tqis jekk hemmx distorsjonijiet fuq il-materji prima fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

    Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, id-distorsjonijiet fuq il-materji prima jikkonsistu mill-miżuri li ġejjin: skemi ta’ pprezzar doppju, taxxi fuq l-esportazzjoni, soprataxxi fuq l-esportazzjoni, kwoti fuq l-esportazzjoni, projbizzjoni tal-esportazzjoni, taxxa fiskali fuq l-esportazzjoni, rekwiżiti tal-liċenzjar, prezz minimu tal-esportazzjoni, tnaqqis jew irtirar tar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), restrizzjoni fuq il-punt tal-ikklerjar doganali għall-esportaturi, lista ta’ esportaturi kwalifikati, obbligu tas-suq domestiku, estrazzjoni ristretta jekk il-prezz ta’ materja prima jkun sinifikament aktar baxx meta mqabbel mal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi.

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 23a biex temenda dan ir-Regolament billi żżid aktar distorsjonijiet fuq il-materji prima fuq il-lista msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, jekk “L-inventarju tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ materji prima industrijali” tal-OECD, jew kwalunkwe bażi tad-data tal-OECD li tissostitwixxi dan l-inventarju, tidentifika tipi oħra ta’ miżuri.

    L-investigazzjoni għandha tkopri kwalunkwe distorsjoni fuq il-materji prima identifikata fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li l-Kummissjoni jkollha evidenza suffiċjenti tal-eżistenza tagħha skont l-Artikolu 5.

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-materja prima, kemm dik li mhijiex ipproċessata kif ukoll dik ipproċessata, inkluż l-enerġija, li għaliha tinsab distorsjoni, għandha tirrappreżenta, mhux inqas minn 17 % tal-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, għandu jintuża prezz mingħajr distorsjoni għall-materja prima kif stabbilit fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi.

    2b.   Fejn il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni kollha sottomessa, tista’ tikkonkludi b’mod ċar li huwa fl-interess tal-Unjoni li jiġi determinat l-ammont tad-dazji proviżorji f’konformità mal-paragrafu 2a ta’ dan l-Artikolu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika. Il-Kummissjoni għandha tfittex b’mod attiv l-informazzjoni minn partijiet interessati li tippermettilha tiddetermina jekk għandux japplika l-paragrafu 2 jew 2a ta’ dan l-Artikolu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni pertinenti kollha bħall-kapaċitajiet ta’ riżerva fil-pajjiż esportatur, il-kompetizzjoni għall-materji prima u l-effett fuq il-katini ta’ provvista għall-kumpanniji tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni l-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li jkun skont l-interess tal-Unjoni li jiġi applikat il-paragrafu 2a ta’ dan l-Artikolu. Meta jkun qed jitwettaq it-test tal-interess tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 21, għandha tingħata konsiderazzjoni speċjali lil din il-kwistjoni.

    2c.   Fejn il-marġni ta’ ħsara huwa kkalkulat abbażi ta’ prezz indikattiv, il-profitt fil-mira użat għandu jkun stabbilit billi jitqiesu fatturi bħalma huma l-livell ta’ profittabbiltà qabel iż-żieda ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż taħt investigazzjoni, il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż kollha u l-investimenti, ir-riċerka u żvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni, u l-livell ta’ profittabbiltà mistenni f’kondizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Marġni ta’ profitt bħal dan ma għandux ikun anqas minn 6 %.

    2d.   Meta jiġi stabbilit il-prezz indikattiv, l-ispejjeż reali tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, li jirriżultaw mill-ftehimiet ambjentali multilaterali u l-protokolli tagħhom, li għalihom l-Unjoni hija parti, jew mill-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) elenkati fl-Anness Ia għal dan ir-Regolament, għandhom ikunu riflessi kif xieraq. Barra minn hekk, l-ispejjeż futuri, li mhumiex koperti fil-paragrafu 2c ta’ dan l-Artikolu, li jirriżultaw minn dawk il-ftehimiet u konvenzjonijiet, u li l-industrija tal-Unjoni ġġarrab matul il-perijodu tal-applikazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 11(2), għandhom jiġu kkunsidrati.”;

    (5)

    l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Fejn tkun saret determinazzjoni affermattiva proviżorja ta’ dumping u ta’ ħsara, il-Kummissjoni tista’, f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2), taċċetta offerti ta’ impenji volontarji sodisfaċenti mressqa minn kwalunkwe esportatur biex jirrevedi l-prezzijiet tiegħu jew biex jieqaf mill-esportazzjonijiet bi prezzijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping, jekk b’hekk jiġi eliminat l-effett dannuż tad-dumping.

    F’każ bħal dan u sakemm jibqgħu jseħħu dawk l-impenji, id-dazji proviżorji imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(1), jew id-dazji definittivi imposti skont l-Artikolu 9(4), kif ikun il-każ, ma għandhomx jgħoddu għall-importazzjonijiet rilevanti tal-prodott inkwistjoni manifatturat mill-kumpaniji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta garanziji, kif sussegwentement emendata.

    Iż-żidiet fil-prezzijiet taħt tali impenji ma għandhomx ikunu ogħla milli meħtieġ biex jiġi eliminat il-marġni tad-dumping u għandhom ikunu inqas mill-marġni ta’ dumping jekk tali żidiet ikunu adegwati għall-eliminazzjoni tal-ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

    Meta jiġi eżaminat jekk żidiet fil-prezzijiet taħt tali impenji li jkunu aktar baxxi mill-marġni ta’ dumping ikunux biżżejjed biex tiġi eliminata l-ħsara, għandu japplika kif meħtieġ l-Artikolu 7(2a), (2b), (2c) u (2d).”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, m’għandhomx jiġu offruti impenji aktar tard minn ħamest ijiem qabel tmiem il-perijodu li fih jistgħu jsiru rappreżentazzjonijiet skont l-Artikolu 20(5), sabiex jiġi żgurat li partijiet oħrajn ikollhom l-opportunità li jikkummentaw.”;

    (c)

    il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “3.   L-impenji offruti m’għandhomx għalfejn jiġu aċċettati jekk l-aċċettazzjoni tagħhom titqies li mhix prattikabbli, bħal meta l-għadd ta’ esportaturi attwali jew potenzjali jkun kbir wisq, jew għal raġunijiet oħra, fosthom raġunijiet ta’ politika ġenerali li b’mod partikolari jinkludu l-prinċipji u l-obbligi stabbiliti fil-ftehimiet ambjentali multilaterali u l-protokolli tagħhom, li għalihom hija parti l-Unjoni, u l-Konvenzjonijiet tal-ILO elenkati fl-Anness Ia għal dan ir-Regolament. L-esportatur ikkonċernat jista’ jiġi pprovdut bir-raġunijiet li għalihom qed jiġi propost ir-rifjut tal-offerta ta’ impenn u jista jingħata l-opportunità li jagħmel kummenti fuqhom. Ir-raġunijiet għar-rifjut għandhom jingħataw fid-deċiżjoni definittiva.

    4.   Il-partijiet li joffru impenn għandhom ikunu meħtieġa li jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dak l-impenn li tkun sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 19, sabiex din tkun disponibbli għall-partijiet interessati fl-investigazzjoni, għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill.

    Barra minn hekk, qabel ma taċċetta kwalunkwe tali offerta, l-industrija tal-Unjoni għandha tingħata l-opportunità li tikkummenta fir-rigward tal-karatteristiċi ewlenin tal-impenn.”;

    (6)

    fl-Artikolu 9, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “3.   Għal proċediment mibdi skont l-Artikolu 5(9), il-ħsara għandha normalment titqies negliġibbli fejn l-importazzjonijiet ikkonċernati jirrappreżentaw inqas mill-volumi stabbiliti fl-Artikolu 5(7). Dan l-istess proċediment jintemm immedjatament meta jkun stabbilit li l-marġni tad-dumping ikun inqas minn 2 %, espress bħala perċentwal tal-prezz tal-esportazzjoni.

    4.   Fejn il-fatti, kif fl-aħħar nett stabbiliti juru li hemm dumping, u ħsara kkawżata minnu, u li jkun meħtieġ, fl-interess tal-Unjoni, intervent f’konformità mal-Artikolu 21, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv mill-Kummissjoni li taġixxi skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artiklu 15(3). Fejn ikunu fis-seħħ dazji proviżorji, il-Kummissjoni għandha tibda dik il-proċedura mhux iktar tard minn xahar qabel l-iskadenza ta’ tali dazji.

    L-ammont tad-dazju tal-anti-dumping ma għandux jaqbeż il-marġni tad-dumping stabbilit iżda jeħtieġ li jkun inqas mill-marġni jekk dan id-dazju inferjuri jkun adegwat biex titneħħa l-ħsara lill-industrija tal-Unjoni. L-Artikolu 7(2a), (2b), (2c) u (2d) għandu japplika kif meħtieġ.

    Fejn il-Kummissjoni ma tkunx irreġistrat importazzjonijiet, iżda fejn issib, abbażi ta’ analiżi tal-informazzjoni kollha rilevanti għad-dispożizzjoni tagħha meta tadotta miżuri definittivi, li tkun seħħet żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perijodu ta’ żvelar minn qabel, il-Kummissjoni għandha tirrifletti l-ħsara addizzjonali li tirriżulta minn tali żieda fid-determinazzjoni tal-marġni tal-ħsara għal perijodu li ma jkunx itwal minn dak imsemmi fl-Artikolu 11(2).”;

    (7)

    l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Rieżami ta’ skadenza għandha tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx jirriżultaw f’kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ta’ ħsara. Probabbiltà bħal din tista’, pereżempju, tiġi indikata b’evidenza tat-tkomplija ta’ dumping u ta’ ħsara jew evidenza li t-tneħħija tal-ħsara hija kkawżata parzjalment jew għalkollox mill-eżistenza ta’ miżuri jew evidenza li ċ-ċirkostanzi tal-esportaturi, jew il-kondizzjonijiet tas-suq, huma tali li jindikaw il-probabbiltà ta’ aktar dumping dannuż, jew b’evidenza tat-tkomplija ta’ distorsjonijiet fuq il-materji prima.”;

    (b)

    fil-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Jekk, wara investigazzjoni skont il-paragrafu 2, il-miżura tiskadi, kwalunkwe dazju miġbur mid-data tal-bidu ta’ tali investigazzjoni fuq merkanzija li ġiet rilaxxata mid-dwana għandu jitħallas lura dment li dan ikun rikjest mill-awtoritajiet doganali nazzjonali u mogħti minn dawk l-awtoritajiet skont il-leġislazzjoni doganali tal-Unjoni applikabbli fir-rigward tal-ħlas lura u r-remissjoni tad-dazju. Tali ħlas lura ma għandux jagħti lok għall-ħlas ta’ mgħax mill-awtoritajiet doganali nazzjonali kkonċernati.”;

    (8)

    l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skont dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ kwalunkwe parti interessata fuq il-bażi ta’ evidenza suffiċjenti fir-rigward tal-fatturi stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-bidu tal-investigazzjonijiet għandu jsir permezz ta’ regolament tal-Kummissjoni li għandu wkoll jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) jew biex jitolbu garanziji. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba parti interessata jew Stat Membru jkunu ppreżentaw talba li tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni u l-Kummissjoni tkun lestiet l-analiżi tagħha ta’ din, jew fejn il-Kummissjoni tkun iddeterminat hija stess li jeħtieġ li tinbeda investigazzjoni.”;

    (b)

    fil-paragrafu 4, l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “4.   L-importazzjonijiet ma għandhomx ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) jew għal miżuri meta jkunu negozjati minn kumpanniji li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet.

    It-talbiet għall-eżenzjonijiet sostnuti kif xieraq minn evidenza għandhom jiġu sottomessi fit-termini perentorji stabbiliti fir-regolament tal-Kummissjoni li permezz tiegħu tkun bdiet l-investigazzjoni.

    Meta l-prattika, il-proċess jew il-ħidma ta’ ċirkomvenzjoni sseħħ barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat li jinstabu li ma jkunux involuti f’prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definit fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

    Meta l-prattika, il-proċess jew il-ħidma ta’ ċirkomvenzjoni sseħħ ġewwa l-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-importaturi li jistgħu juru li ma jkunux involuti f’prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definit fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.”;

    (9)

    l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Dispożizzjonijiet speċjali, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni komuni tal-kunċett tal-oriġini, kif tinsab fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u fir-rigward tal-applikazzjoni u l-ġbir ta’ dazju anti-dumping fil-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew iż-żona ekonomika esklużiva ddikjarata minn Stat Membru skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), jistgħu jiġu adottati skont dan ir-Regolament.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).”;"

    (b)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Mill-bidu tal-investigazzjoni u wara li tkun infurmat lill-Istati Membri fi żmien xieraq, il-Kummissjoni tista’ tagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu l-passi adatti biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati sussegwentement kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ tali reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba, mill-industrija tal-Unjoni, li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika azzjoni bħal din. L-importazzjonijiet jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal reġistrazzjoni fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Ir-reġistrazzjoni għandha tiġi introdotta permezz ta’ regolament tal-Kummissjoni. Tali regolament għandu jispeċifika l-għan tal-azzjoni u, jekk adatt, l-ammont stmat ta’ obbligazzjoni possibbli fil-ġejjieni. L-importazzjonijiet m’għandhomx ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni għal perijodu itwal minn disa’ xhur.”;

    (c)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “5a.   Il-Kummissjoni għandha, dment li ma jkollhiex evidenza suffiċjenti skont it-tifsira tal-Artikolu 5 li r-rekwiżiti skont il-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 10(4) ma jkunux issodisfati, tirreġistra l-importazzjonijiet skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu matul il-perijodu ta’ żvelar minn qabel skont l-Artikolu 19a. Meta tiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tanalizza l-informazzjoni miġbura abbażi tal-ħolqien tal-kodiċijiet tat-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea (TARIC) għall-prodott li qed jiġi investigat skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.”;

    (d)

    il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull xahar dwar il-kummerċ tal-importazzjoni fil-prodotti soġġetti għal investigazzjoni u għal miżuri, u dwar l-ammont ta’ dazji miġbura skont dan ir-Regolament. Meta tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha toħloq kodiċijiet TARIC li jikkorrispondu għall-prodott li qed jiġi investigat. L-Istati Membri għandhom jużaw dawk il-kodiċijiet TARIC sabiex jirrappurtaw dwar l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mid-data li tibda l-investigazzjoni. Il-Kummissjoni tista’, meta tirċievi talba speċifika u motivata minn parti interessata, tiddeċiedi li tipprovdilha sommarju mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni dwar il-volum u l-valuri tal-ammonti aggregati tal-prodotti kkonċernati.”;

    (e)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “8.   Kull meta l-Kummissjoni tkun biħsiebha tadotta kwalunkwe dokument li tagħti gwida ġenerali lil partijiet interessati possibbli dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandha ssir konsultazzjoni pubblika f’konformità mal-Artikolu 11(3) TUE. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu wkoll jesprimu l-fehmiet tagħhom.”;

    (10)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 14a

    Blata kontinentali jew żona ekonomika esklużiva

    1.   Dazju anti-dumping jista’ wkoll jiġi impost fuq kull prodott soġġett għal dumping li jinġieb fi kwantitajiet sinifikanti lejn gżira artifiċjali, installazzjoni fissa jew li żżomm f’wiċċ l-ilma jew kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew iż-żona ekonomika esklużiva ddikjarata minn Stat Membru skont UNCLOS, fejn dan jikkawża ħsara lill-industrija tal-Unjoni.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tiġrib ta’ dazji bħal dawn, kif ukoll il-proċeduri marbuta man-notifika u d-dikjarazzjoni ta’ dawn il-prodotti u l-ħlas ta’ tali dazji, inkluż l-irkupru, il-ħlas lura u r-remissjoni (għodda doganali). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(3).

    2.   Il-Kummissjoni għandha timponi biss dazji kif imsemmi fil-paragrafu 1 mid-data li l-għodda doganali msemmija fil-paragrafu 1 ssir operazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-operaturi ekonomiċi kollha li l-għodda doganali tkun operazzjonali permezz ta’ pubblikazzjoni separata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”;

    (11)

    fl-Artikolu 17, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   F’każijiet fejn l-għadd ta’ produtturi, esportaturi jew importaturi tal-Unjoni, tipi ta’ prodotti jew transazzjonijiet ikun kbir, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal għadd raġonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transazzjonijiet bl-użu ta’ kampjuni li huma statistikament validi, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-għażla, jew għall-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jistgħu b’mod raġonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

    2.   L-għażla finali tal-partijiet, tat-tipi ta’ prodotti jew ta’ transazzjonijiet li ssir skont dawn id-dispożizzjonijiet dwar il-kampjuni għandha tkun tal-Kummissjoni. Madanakollu, sabiex ikun possibbli li jintgħażel kampjun rappreżentattiv għandha tingħata preferenza għall-għażla ta’ kampjun b’konsultazzjoni ma’, u bl-approvazzjoni ta’, il-partijiet ikkonċernati, dment li dawn il-partijiet ikunu identifikaw irwieħhom u għamlu biżżejjed informazzjoni disponibbli fi żmien ġimgħa mill-bidu tal-investigazzjoni.”;

    (12)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 19a

    Informazzjoni fl-istadju proviżorju

    1.   Il-produtturi, l-importaturi u l-esportaturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, jistgħu jitolbu informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata tad-dazji proviżorji. It-talbiet għal tali informazzjoni għandhom isiru bil-miktub fil-limitu ta’ żmien preskritt fin-notifika tal-bidu. Tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta lil dawk il-partijiet tliet ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ dazji proviżorji. Tali informazzjoni għandha tinkludi: sommarju tad-dazji proposti għal raġunijiet ta’ informazzjoni biss, u dettalji tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping u l-marġni adegwat biex titneħħa l-ħsara għall-industrija tal-Unjoni, filwaqt li titqies kif xieraq il-ħtieġa li jiġu rispettati l-obbligi tal-kunfidenzjalità li jinsabu fl-Artikolu 19. Il-partijiet għandu jkollhom perijodu ta’ tlett ijiem ta’ xogħol mill-għoti ta’ tali informazzjoni biex jipprovdu l-kummenti tagħhom dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli.

    2.   Fil-każijiet fejn huwa maħsub li ma jiġux imposti dazji proviżorji iżda li titkompla l-investigazzjoni, il-partijiet interessati għandhom jiġu infurmati dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni tad-dazji tliet ġimgħat qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 7(1) għall-impożizzjoni tad-dazji proviżorji.”;

    (13)

    l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Sabiex tiġi pprovduta bażi soda li fuqha l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu kont tal-fehmiet u l-informazzjoni kollha fid-deċiżjoni dwar jekk l-impożizzjoni tal-miżuri hix fl-interess tal-Unjoni jew le, il-produtturi tal-Unjoni, it-trade unions, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jistgħu, fil-limiti ta’ żmien speċifikati fin-notifika tal-bidu tal-proċedimenti dwar l-anti-dumping, jippreżentaw lilhom infushom, u jipprovdu informazzjoni, lill-Kummissjoni. Tali informazzjoni, jew sommarji adegwati tagħha, għandha tkun disponibbli għall-partijiet l-oħra speċifikati f’dan l-Artikolu, u dawn għandhom ikunu intitolati li jwieġbu għal tali informazzjoni.”;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Il-partijiet li jkunu aġġixxew f’konformità mal-paragrafu 2 jistgħu jipprovdu kummenti dwar l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dazju proviżorju. Tali kummenti għandhom ikunu riċevuti fi żmien 15-il jum mid-data tal-applikazzjoni ta’ tali miżuri jekk għandu jittieħed kont tagħhom u dawn, jew taqsiriet adegwati tagħhom, għandhom isiru disponibbli lill-partijiet l-oħra li għandhom ikunu intitolati li jirrispondu għal tali kummenti.”;

    (14)

    l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-Kummissjoni, b’rispett dovut għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 19, għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri proviżorji u definittivi, it-terminazzjoni ta’ investigazzjonijiet mingħajr miżuri, impenji, investigazzjonijiet mill-ġdid, rieżamijiet, distorsjonijiet sinifikanti u żjarat ta’ verifika, u l-attivitajiet tad-diversi korpi responsabbli mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u s-sodisfazzjon tal-obbligi li jirriżultaw minnu. Ir-rapport għandu jkopri wkoll l-użu ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ minn pajjiżi terzi li huma mmirati lejn l-Unjoni u l-appelli kontra l-miżuri imposti. Għandu jinkludi l-attivitajiet tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni u dawk tal-Help desk tal-SMEs relatati mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Ir-Rapport għandu jinkludi wkoll kif tqiesu u ttieħdu fil-kont l-istandards soċjali u ambjentali fl-investigazzjonijiet. Tali standards għandhom ikopru dawk inkorporati fi ftehimiet ambjentali multilaterali li għalihom hija parti l-Unjoni u fil-Konvenzjonijiet tal-ILO elenkati fl-Anness Ia għal dan ir-Regolament, kif ukoll il-leġislazzjoni nazzjonali ekwivalenti tal-pajjiż esportatur.”;

    (b)

    jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

    “4.   Sad-9 ta’ Ġunju 2023 u kull ħames snin sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, rieżami tal-applikazzjoni tal-Artikoli 7(2a), 8(1) u 9(4), li jinkludi evalwazzjoni ta’ dik l-applikazzjoni. Tali rieżami jista’, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġislattiva.”;

    (15)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 23a

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ sentejn mit-8 ta’ Ġunju 2018 u tista’ tiġi eżerċitata darba biss.

    Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(2a) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-8 ta’ Ġunju 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħat sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel jintemm il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodu tal-istess tul ta’ żmien, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 7(1) u (2a) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*2).

    5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin.

    6.   Atti delegati adottati skont l-Artikolu 7(1) u (2a) għandhom jidħlu fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    (*2)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”"

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (UE) 2016/1037 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 9(1), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘industrija tal-Unjoni’ għandu jiġi interpretat li jirreferi għall-produtturi tal-Unjoni kollha tal-prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon maġġuri tal-produzzjoni tal-Unjoni kollha ta’ dawk il-prodotti, għajr li:”;

    (2)

    l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jiddaħħal subparagrafu wara l-ewwel subparagrafu kif ġej:

    “L-ilmenti jistgħu jiġu ppreżentati wkoll b’mod konġunt mill-industrija tal-Unjoni, jew minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li m’għandhiex personalità ġuridika li taġixxi f’isimhom, u t-trade unions, jew ikunu appoġġati mit-trade unions. Dan ma jaffettwax il-possibbiltà li l-industrija tal-Unjoni tirtira l-ilment.”;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-istrument għad-difiża tal-kummerċ għal setturi diversi u frammentati tal-industrija, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma magħmulin minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) permezz ta’ Help desk tal-SMEs iddedikat, pereżempju billi tqajjem kuxjenza, billi tagħti informazzjoni u spjegazzjonijiet ġenerali dwar il-proċeduri u dwar kif tippreżenta lment, billi toħroġ kwestjonarji standard bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u billi tirrispondi mistoqsijiet li huma ġenerali, u mhux speċifiċi għal każ.

    Il-Help desk tal-SMEs għandha tagħmel disponibbli formoli standard għas-sottomissjoni tal-istatistika għall-finijiet permanenti u l-kwestjonarji.”;

    (3)

    l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 7, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “7.   Il-produtturi tal-Unjoni, il-gvern tal-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni, it-trade unions, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, l-utenti u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, li identifikaw irwieħhom skont kif stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(12), jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha mogħtija lill-Kummissjoni minn kwalunkwe parti fl-investigazzjoni, b’distinzjoni minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, li tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u li ma tkunx kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 29, u li tintuża fl-investigazzjoni.”;

    (b)

    il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “9.   Għal proċeduri li jinbdew skont l-Artikolu 10(11), investigazzjoni għandha, kull fejn possibbli, tiġi konkluża fi żmien sena. Fi kwalunkwe każ, tali investigazzjonijiet għandhom jiġu konklużi fi żmien 13-il xahar minn meta jibdew, f’konformità mal-konklużjonijiet magħmula taħt l-Artikolu 13 għal impenji u l-konklużjonijiet magħmula taħt l-Artikolu 15 għall-azzjoni definittiva. Il-perijodi tal-investigazzjoni għandhom, kull fejn possibbli, b’mod speċjali fil-każ ta’ setturi diversi u frammentati li fil-biċċa l-kbira huma magħmula minn SMEs, jikkoinċidu mas-sena finanzjarja.”;

    (c)

    jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “11.   Il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili huma mitluba jikkooperaw mal-Kummissjoni fl-investigazzjonijiet li jkunu nbdew skont l-Artikolu 10(8).

    12.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-uffiċċju tal-Uffiċjal tas-Seduta li s-setgħat u r-responsabbiltajiet tiegħu huma stabbiliti f’mandat adottat mill-Kummissjoni u li għandu jissalvagwardja l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati;”.

    (4)

    l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Dazji proviżorji jistgħu jiġu imposti jekk:

    (a)

    ikunu nbdew proċeduri skont l-Artikolu 10;

    (b)

    tkun ingħatat notifika għal dak l-għan u l-partijiet interessati jkunu ngħataw opportunità suffiċjenti biex jissottomettu informazzjoni u jagħmlu kummenti skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(12);

    (c)

    tkun saret determinazzjoni affermattiva proviżorja li l-prodott importat jibbenefika minn sussidji kumpensabbli u ħsara konsegwenti lill-industrija tal-Unjoni; u

    (d)

    l-interess tal-Unjoni jirrikjedi intervent biex tiġi evitata ħsara bħal din.

    Id-dazji proviżorji għandhom ikunu imposti mhux qabel 60 jum mill-bidu tal-proċedimenti iżda mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-bidu tal-proċedimenti.

    L-ammont tad-dazju kumpensatorju proviżorju għandu jikkorrispondi mal-ammont totali ta’ sussidji kumpensabbli kif stabbilit b’mod proviżorju.

    Fejn il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni kollha sottomessa, tista’ tikkonkludi proviżorjament u b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li timponi dazju proviżorju b’dak l-ammont, id-dazju kumpensatorju proviżorju għandu jkun l-ammont adegwat biex titneħħa l-ħsara lill-industrija tal-Unjoni, jekk dan ikun inqas mill-ammont totali tas-sussidji kumpensabbli.

    Id-dazji proviżorji m’għandhomx jiġu imposti f’perijodu ta’ tliet ġimgħat wara li tintbagħat l-informazzjoni lill-partijiet interessati skont l-Artikolu 29a (perijodu ta’ żvelar minn qabel). L-għoti ta’ tali informazzjoni m’għandhiex tkun ta’ preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni relatata sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina sad-9 ta’ Ġunju 2020, jekk tkunx seħħet żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ żvelar minn qabel, u jekk seħħet tali żieda, tkunx ikkawżat ħsara addizzjonali lill-industrija tal-Unjoni, minkejja l-miżuri li l-Kummissjoni setgħet ħadet abbażi tal-Artikolu 24(5a) u l-Artikolu 15(1). Hija għandha tistrieħ b’mod partikolari fuq id-data miġbura abbażi tal-Artikolu 24(6) u kwalunkwe informazzjoni rilevanti għad-dispożizzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 32b biex temenda t-tul tal-perijodu ta’ żvelar minn qabel għal ġimagħtejn f’każ ta’ żieda sostanzjali tal-importazzjonijiet li kkawżaw ħsara addizzjonali u għal erba’ ġimgħat meta dan ma jkunx il-każ.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-intenzjoni tagħha li timponi dazji proviżorji, inkluż informazzjoni dwar ir-rati ta’ dazju possibbli, fl-istess ħin li tipprovdi lill-partijiet interessati bl-informazzjoni skont l-Artikolu 29a.”;

    (b)

    jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “1a.   Fejn il-marġni ta’ dannu huwa kkalkulat abbażi ta’ prezz indikattiv, il-profitt fil-mira użat għandu jkun stabbilit b’kont meħud ta’ fatturi bħalma huma l-livell ta’ profittabbiltà qabel iż-żieda ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż taħt investigazzjoni, il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż u l-investimenti kollha, ir-riċerka u żvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni, u l-livell ta’ profittabbiltà mistenni f’kondizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Marġni ta’ profitt bħal dan ma għandux ikun anqas minn 6 %.

    1b.   Meta jiġi stabbilit il-prezz indikattiv, l-ispejjeż reali tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, li jirriżultaw mill-ftehimiet ambjentali multilaterali u l-protokolli tagħhom, li għalihom hija parti l-Unjoni, jew mill-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) elenkati fl-Anness Ia għal dan ir-Regolament, għandhom ikunu riflessi kif xieraq. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu l-ispejjeż futuri, li mhumiex koperti fil-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu, li jirriżultaw minn dawk il-ftehimiet u konvenzjonijiet, u li l-industrija tal-Unjoni ser iġġarrab matul il-perijodu tal-applikazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 18(1).”;

    (5)

    l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Fejn tkun saret determinazzjoni affermattiva proviżorja ta’ sussidjar u ta’ ħsara, il-Kummissjoni tista’, f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 25(2), taċċetta offerti ta’ impenji volontarji sodisfaċenti li taħthom:

    (a)

    il-pajjiż ta’ oriġini u/jew ta’ esportazzjoni jaqbel li jelimina jew jillimita s-sussidju jew li jieħu miżuri oħra dwar l-effetti tagħhom; jew

    (b)

    kwalunkwe esportatur jimpenja ruħu li jirrevedi l-prezzijiet tiegħu jew biex jieqaf mill-esportazzjonijiet lejn iż-żona inkwistjoni dment li tali esportazzjoni tibbenefika minn sussidji kumpensabbli, jekk b’hekk jiġi eliminat l-effett ta’ dannu mis-sussidji.

    F’każ bħal dan u sakemm jibqgħu fis-seħħ dawk l-impenji, id-dazji proviżorji imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(3), jew id-dazji definittivi imposti mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1), kif ikun il-każ, ma għandhomx jgħoddu għall-importazzjonijiet rilevanti tal-prodott inkwistjoni manifatturat mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-impenji, kif sussegwentement emendata.

    Iż-żidiet fil-prezzijiet skont impenji ta’ dan it-tip ma għandhomx ikunu ogħla milli meħtieġ għat-tpaċija tal-ammont ta’ sussidji kumpensabbli.

    Fejn il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni kollha sottomessa, tista’ tikkonkludi proviżorjament u b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li tiddetermina ż-żieda fil-prezz skont tali impenji, f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iż-żieda skont tali impenji għandha tkun inqas mill-ammont tas-sussidji kumpensabbli jekk tali żieda tkun adegwata biex titneħħa l-ħsara għall-industrija tal-Unjoni.”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-impenji ma jistgħux jiġu offruti aktar tard minn ħamest ijiem qabel tmiem il-perijodu li fih jistgħu jsiru rappreżentazzjonijiet skont l-Artikolu 30(5), sabiex jiġi żgurat li partijiet oħrajn ikollhom l-opportunità li jikkummentaw.”;

    (c)

    il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “3.   L-impenji offruti m’għandhomx għalfejn jiġu aċċettati jekk l-aċċettazzjoni tagħhom titqies li mhix prattika, bħal meta l-għadd ta’ esportaturi attwali jew potenzjali jkun kbir wisq, jew għal raġunijiet oħra, inkluż raġunijiet ta’ politika ġenerali li jinkludu b’mod partikolari l-prinċipji u l-obbligi stabbiliti fil-ftehimiet ambjentali multilaterali u l-protokolli tagħhom, li għalihom hija parti l-Unjoni, u l-Konvenzjonijiet tal-ILO elenkati fl-Anness Ia għal dan ir-Regolament. L-esportatur u/jew il-pajjiż ta’ oriġini u/jew esportazzjoni kkonċernat jista’ jiġi pprovdut bir-raġunijiet li għalihom qed jiġi propost ir-rifjut tal-offerta ta’ impenn u jista jingħata l-opportunità li jagħmel kummenti fuqhom. Ir-raġunijiet għar-rifjut għandhom jingħataw fid-deċiżjoni definittiva.

    4.   Il-partijiet li joffru impenn għandhom ikunu meħtieġa li jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dak l-impenn li tkun sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 29, sabiex din tkun disponibbli għall-partijiet interessati fl-investigazzjoni, għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill.

    Barra minn hekk, qabel ma taċċetta kwalunkwe tali offerta, l-industrija tal-Unjoni għandha tingħata l-opportunità li tikkummenta fir-rigward tal-karatteristiċi ewlenin tal-impenn.”;

    (6)

    fl-Artikolu 14, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   L-ammont tas-sussidji kumpensabbli għandu jitqies bħala de minimis jekk tali ammont ikun inqas minn 1 % ad valorem. Madankollu fir-rigward tal-investigazzjonijiet li jikkonċernaw l-importazzjonijiet minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-limitu de minimis għandu jkun 2 % ad valorem.”;

    (7)

    fl-Artikolu 15(1), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-ammont tad-dazju kumpensatorju ma għandux jeċċedi l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli stabbilit.

    Fejn il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni kollha sottomessa, tista’ tikkonkludi b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li tiddetermina l-ammont ta’ miżuri f’konformità mat-tielet subparagrafu, l-ammont tad-dazju kumpensatorju għandu jkun inqas jekk tali dazju inferjuri jkun adegwat biex titneħħa l-ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

    Fejn il-Kummissjoni ma tkunx irreġistrat importazzjonijiet, iżda fejn il-Kummissjoni ssib, abbażi ta’ analiżi tal-informazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tagħha meta tadotta miżuri definittivi, li tkun seħħet żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perijodu ta’ żvelar minn qabel, il-Kummissjoni għandha tirrifletti l-ħsara addizzjonali li tirriżulta minn tali żieda fid-determinazzjoni tal-marġni tal-ħsara għal perijodu li ma jkunx itwal minn dak imsemmi fl-Artikolu 18(1).”;

    (8)

    fl-Artikolu 18(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Jekk, wara investigazzjoni skont dan l-Artikolu, il-miżura tiskadi, kwalunkwe dazju miġbur mid-data tal-bidu ta’ tali investigazzjoni fuq merkanzija li ġiet rilaxxata mid-dwana għandu jitħallas lura dment li dan ikun rikjest mill-awtoritajiet doganali nazzjonali u mogħti minn dawk l-awtoritajiet skont il-leġislazzjoni doganali tal-Unjoni applikabbli fir-rigward tal-ħlas lura u remissjoni tad-dazju. Tali ħlas lura ma għandux jagħti lok għall-ħlas ta’ mgħax mill-awtoritajiet doganali nazzjonali kkonċernati.”;

    (9)

    l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew taħt dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta’ Stat Membru jew ta’ kwalunkwe parti interessata abbażi ta’ evidenza suffiċjenti fir-rigward tal-fatturi stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Il-bidu għandu jingħata permezz ta’ regolament tal-Kummissjoni li għandu wkoll jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex l-importazzjonijiet jiġu soġġetti għal reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 24(5) jew biex jintalbu garanziji. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba parti interessata jew Stat Membru jippreżentaw talba li tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni u l-Kummissjoni tkun lestiet l-analiżi tagħha ta’ din, jew fejn il-Kummissjoni tkun iddeterminat hija stess li jeħtieġ li tinbeda investigazzjoni.”;

    (b)

    fil-paragrafu 6, it-tieni u t-tielet subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “Meta l-prattika, il-proċess jew il-ħidma ta’ ċirkomvenzjoni sseħħ barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat li jinstabu li ma jkunux involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definiti fil-paragrafu 3.

    Meta l-prattika, il-proċess jew il-ħidma ta’ ċirkomvenzjoni sseħħ ġewwa l-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-importaturi li jistgħu juru li ma jkunux involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definiti fil-paragrafu 3.”;

    (10)

    l-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Dispożizzjonijiet speċjali, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni komuni tal-kunċett ta’ oriġini, kif tinsab fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), u fir-rigward tal-applikazzjoni u l-ġbir ta’ dazju kumpensatorju fil-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew iż-żona ekonomika esklużiva ddikjarata minn Stat Membru skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), jistgħu jiġu adottati skont dan ir-Regolament.

    (*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).”;"

    (b)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Mill-bidu tal-investigazzjoni u wara li tkun infurmat lill-Istati Membri fi żmien xieraq, il-Kummissjoni tista’ tagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu l-passi adatti biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati sussegwentement kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ tali reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba, mill-industrija tal-Unjoni, li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika azzjoni bħal din. L-importazzjonijiet jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal reġistrazzjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kummissjoni. Ir-reġistrazzjoni għandha tiġi introdotta permezz ta’ regolament tal-Kummissjoni. Tali regolament għandu jispeċifika l-għan tal-azzjoni u, jekk adatt, l-ammont stmat ta’ obbligazzjoni possibbli fil-ġejjieni. L-importazzjonijiet m’għandhomx ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni għal perijodu itwal minn disa’ xhur.”;

    (c)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “5a.   Il-Kummissjoni għandha, dment li ma jkollhiex evidenza suffiċjenti skont it-tifsira tal-Artikolu 10 li r-rekwiżiti taħt il-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 16(4) ma jkunux issodisfati, tirreġistra l-importazzjonijiet skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu matul il-perijodu ta’ żvelar minn qabel skont l-Artikolu 29a. Meta tiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tanalizza l-informazzjoni miġbura abbażi tal-ħolqien tal-kodiċijiet tat-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea (TARIC) għall-prodott li qed jiġi investigat skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.”;

    (d)

    il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull xahar dwar il-kummerċ tal-importazzjoni fil-prodotti soġġetti għall-investigazzjoni u għall-miżuri, u dwar l-ammont ta’ dazji miġbura skont dan ir-Regolament. Meta tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha toħloq kodiċijiet TARIC li jikkorrispondu għall-prodott li qed jiġi investigat. L-Istati Membri għandhom jużaw dawk il-kodiċijiet TARIC sabiex jirrappurtaw dwar l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mid-data li tibda l-investigazzjoni. Il-Kummissjoni tista’, meta tirċievi talba espliċita u motivata minn parti interessata, tiddeċiedi li tipprovdilha sommarju mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni dwar il-volum u l-valuri tal-ammonti aggregati tal-prodotti kkonċernati.”;

    (e)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “8.   Kull meta l-Kummissjoni tkun biħsiebha tadotta xi dokument li tagħti gwida ġenerali lill-partijiet interessati possibbli dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandha ssir konsultazzjoni pubblika f’konformità mal-Artikolu 11(3) TUE. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu wkoll jesprimu l-fehmiet tagħhom.”;

    (11)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 24a

    Blata kontinentali ta’ Stat Membru jew żona ekonomika esklużiva

    1.   Dazju kumpensatorju jista’ wkoll jiġi impost fuq kull prodott issussidjat li jinġieb fi kwantitajiet sinifikanti lejn gżira artifiċjali, installazzjoni fissa jew li żżomm f’wiċċ l-ilma jew kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew iż-żona ekonomika esklużiva ddikjarata minn Stat Membru skont UNCLOS, fejn dan ikun jikkawża ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tiġrib ta’ dazji bħal dawn, kif ukoll il-proċeduri marbuta man-notifika u d-dikjarazzjoni ta’ dawn il-prodotti u l-ħlas ta’ tali dazji inkluż l-irkupru, il-ħlas lura u r-remissjoni (għodda doganali). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(3).

    2.   Il-Kummissjoni għandha biss timponi dazji kif imsemmi fil-paragrafu 1 mid-data li ssir operazzjonali l-għodda doganali msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-operaturi ekonomiċi kollha li l-għodda doganali tkun operazzjonali permezz ta’ pubblikazzjoni separata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”;

    (12)

    fl-Artikolu 27, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   F’każijiet fejn l-għadd ta’ produtturi, esportaturi jew importaturi tal-Unjoni, tipi ta’ prodotti jew transazzjonijiet ikun kbir, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal għadd raġonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transazzjonijiet bl-użu ta’ kampjuni li huma statistikament validi, abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-għażla, jew għall-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jistgħu b’mod raġonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

    2.   L-għażla finali tal-partijiet, tat-tipi ta’ prodotti jew ta’ transazzjonijiet li ssir skont dawk id-dispożizzjonijiet dwar il-kampjuni għandha tkun tal-Kummissjoni. Madankollu, sabiex ikun possibbli li jintgħażel kampjun rappreżentattiv, għandha tingħata preferenza għall-għażla ta’ kampjun b’konsultazzjoni ma’, u bl-approvazzjoni ta’, il-partijiet ikkonċernati, dment li dawn il-partijiet ikunu identifikaw irwieħhom u għamlu biżżejjed informazzjoni disponibbli, fi żmien ġimgħa mill-bidu tal-investigazzjoni.”;

    (13)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 29a

    Informazzjoni fl-istadju proviżorju

    1.   Il-produtturi, l-importaturi u l-esportaturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u l-pajjiż ta’ oriġini u/jew esportazzjoni, jistgħu jitolbu informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata tad-dazji proviżorji. It-talbiet għal tali informazzjoni għandhom isiru bil-miktub fil-limitu ta’ żmien preskritt fin-notifika tal-bidu. Tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta lil dawk il-partijiet tliet ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ dazji proviżorji. Tali informazzjoni għandha tinkludi: sommarju tad-dazji proposti għall-finijiet ta’ informazzjoni biss, u dettalji tal-kalkolu tal-ammont tas-sussidji kumpensabbli u l-marġni adegwat biex titneħħa l-ħsara għall-industrija tal-Unjoni, filwaqt li titqies kif xieraq il-ħtieġa li jiġu rispettati l-obbligi tal-kunfidenzjalità msemmijin fl-Artikolu 29. Il-partijiet għandu jkollhom perijodu ta’ tlett ijiem ta’ xogħol mill-għoti ta’ tali informazzjoni biex jipprovdu l-kummenti tagħhom dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli.

    2.   Fil-każijiet fejn huwa maħsub li ma jiġux imposti dazji proviżorji iżda li titkompla l-investigazzjoni, il-partijiet interessati għandhom jiġu infurmati dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni tad-dazji tliet ġimgħat qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 12(1) għall-impożizzjoni tad-dazji proviżorji.”;

    (14)

    l-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Sabiex tiġi pprovduta bażi soda li fuqha l-awtoritajiet jistgħu jikkunsidraw il-fehmiet u l-informazzjoni kollha fid-deċiżjoni dwar jekk l-impożizzjoni jew le ta’ miżuri tkunx fl-interess tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni, it-trade unions, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jistgħu, fil-limiti ta’ żmien speċifikati fl-avviż tal-bidu tal-proċedimenti ta’ dazju kumpensatorju, jidentifikaw irwieħhom, u jipprovdu informazzjoni, lill-Kummissjoni. Tali informazzjoni, jew sommarji adegwati tagħha, għandhom ikunu disponibbli għall-partijiet l-oħra speċifikati f’dan l-Artikolu, u għandhom ikunu intitolati li jwieġbu għal tali informazzjoni.”;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Il-partijiet li jkunu mxew skont il-paragrafu 2 jistgħu jipprovdu kummenti dwar l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dazju proviżorju. Tali kummenti għandhom jaslu fi żmien 15-il jum mid-data tal-applikazzjoni ta’ tali miżuri biex jittieħed kont tagħhom u dawn, jew sommarji adegwati tagħhom, għandhom ikunu disponibbli għall-partijiet l-oħra li għandhom ikunu intitolati li jwieġbu għal tali kummenti.”;

    (15)

    jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 32a

    Rapport

    1.   Il-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 29, għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri proviżorji u definittivi, it-terminazzjoni ta’ investigazzjonijiet mingħajr miżuri, impenji, investigazzjonijiet mill-ġdid, rieżamijiet, distorsjonijiet sinifikanti u żjarat ta’ verifika, u l-attivitajiet tad-diversi korpi responsabbli mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u s-sodisfazzjon tal-obbligi li jirriżultaw minnu. Ir-rapport għandu jkopri wkoll l-użu ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ minn pajjiżi terzi li huma mmirati lejn l-Unjoni u l-appelli kontra l-miżuri imposti. Għandu jinkludi l-attivitajiet tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni u dawk tal-Help desk tal-SMEs relatati mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Ir-Rapport għandu jinkludi wkoll kif tqiesu u ttieħdu fil-kont l-istandards soċjali u ambjentali fl-investigazzjonijiet. Tali standards għandhom ikopru dawk inkorporati fi ftehimiet ambjentali multilaterali li għalihom hija parti l-Unjoni u fil-Konvenzjonijiet tal-ILO elenkati fl-Anness Ia għal dan ir-Regolament, kif ukoll il-leġislazzjoni nazzjonali ekwivalenti tal-pajjiż esportatur.

    2.   Sad-9 ta’ Ġunju 2023 u kull ħames snin sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, rieżami tal-applikazzjoni tat-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 12(1), tat-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 13(1) u tat-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 15(1), inkluż evalwazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. Tali rieżami jista’, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

    Artikolu 32b

    L-eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 12(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ sentejn mit-8 ta’ Ġunju 2018 u tista’ tiġi eżerċitata darba biss.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12(1) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*4).

    5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu għarrfu t-tnejn li huma lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    (*4)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”."

    Artikolu 3

    L-Anness għal dan ir-Regolament għandu jiżdied bħala l-Anness Ia għar-Regolamenti (UE) 2016/1036 u (UE) 2016/1037.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu japplika għall-investigazzjonijiet kollha li għalihom tkun ġiet ippubblikata n-notifika tal-bidu skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2016/1036 jew l-Artikolu 10(11) tar-Regolament (UE) 2016/1037 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, it-30 ta’ Mejju 2018.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. PAVLOVA


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2014 (ĠU C 443, 22.12.2017, p. 934) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-16 ta’ April 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Mejju 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


    ANNESS

    “ANNESS Ia

    IL-KONVENZJONIJIET TAL-ILO MSEMMIJA F’DAN IR-REGOLAMENT

    1.

    Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat jew Obbligatorju, Nru 29 (1930)

    2.

    Il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, Nru 87 (1948)

    3.

    Il-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, Nru 98 (1949)

    4.

    Il-Konvenzjoni dwar ir-Remunerazzjoni Indaqs għall-Ħaddiema Rġiel u Nisa għal Xogħol ta’ Valur Indaqs, Nru 100 (1951)

    5.

    Il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, Nru 105 (1957)

    6.

    Il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni fir-Rigward tal-Impjiegi u x-Xogħol, Nru 111 (1958)

    7.

    Il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima għall-Ammissjoni għax-Xogħol, Nru 138 (1973)

    8.

    Konvenzjoni rigward il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal, Nru 182 (1999)”


    Top