Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0788

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/788 tat-30 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ikkonsenjati mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi u kemm jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    C/2018/3248

    ĠU L 134, 31.5.2018, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/01/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/788/oj

    31.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 134/5


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/788

    tat-30 ta' Mejju 2018

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ikkonsenjati mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi u kemm jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir- Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(4) u 13(4) tiegħu,

    Billi:

    1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Permezz tar-Regolament (UE) Nru 791/2011 (2), il-Kunsill impona dazju antidumping residwu ta' 62,9 % fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, iktar tard dawn il-miżuri ġew estiżi għall-importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Indja u l-Indoneżja, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 (3) (“il-miżuri estiżi”). Permezz tal-istess Regolament, produttur esportatur Indjan kien eżentat minn dawn il-miżuri estiżi. Sussegwentement, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1507 (4) produttur esportatur Indjan ieħor ġie eżentat ukoll mill-miżuri estiżi.

    (2)

    Wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping ġew estiżi wkoll għall-Malasja (5), it-Tajwan u t-Tajlandja (6).

    (3)

    Il-miżuri li attwalment huma fis-seħħ huma dazji antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 (7) wara rieżami tal-iskadenza li kkonferma t-tkomplija tal-miżuri.

    2.   TALBA GĦAL RIEŻAMI

    (4)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) sussegwentement rċeviet talba għal eżenzjoni mill-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Indja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indja u kemm jekk le, skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku.

    (5)

    It-talba saret fis-26 ta' Jannar 2017 minn SPG Glass Fibre PVT. LTD (“l-applikant”), produttur esportatur tal-prodott taħt rieżami fl-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”). It-talba kienet limitata fil-kamp ta' applikazzjoni għall-possibbiltà li tinkiseb eżenzjoni mill-miżuri estiżi sa fejn għandu x'jaqsam l-applikant.

    (6)

    Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza ppreżentata mill-applikant u qisitha suffiċjenti biex tiġġustifika li tinbeda investigazzjoni skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku. B'hekk, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni fl-1 ta' Settembru 2017 billi ppubblikat r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1514 (8) f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (7)

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1514, il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami kkonsenjat mill-Indja u prodott u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

    3.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

    (8)

    Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b'daqs taċ-ċellula ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, mingħajr id-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew ikkonsenjati mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u kemm jekk le (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00.

    4.   INVESTIGAZZJONI

    (a)   Perjodu ta' investigazzjoni

    (9)

    Il-perjodu tar-rapportar kopra l-perjodu mill-1 ta' Lulju 2016 sat-30 ta' Ġunju 2017. Id-data ġiet miġbura mill-perjodu tal-investigazzjoni li wassal għall-miżuri estiżi (l-1 ta' April 2012 sal-31 ta' Marzu 2013) sa tmiem il-perjodu tar-rapportar (“il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami”).

    (10)

    Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-industrija tal-Unjoni, lill-applikant u lill-Gvern tal-Indja dwar il-bidu tar-rieżami. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom u kienu mgħarrfa bil-possibbiltà li jitolbu seduta ta' smigħ. Ma ġie rċevut ebda kumment u l-partijiet interessati ma talbu ebda seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni.

    (11)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba sal-iskadenza stipulata. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat fuq il-post l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-iskopijiet tar-rieżami. Saret żjara ta' verifika fil-bini tal-applikant f'Mumbai u f'Umbergaon, l-Indja.

    (b)   L-applikant

    (12)

    L-applikant huwa SPG Glass Fibre PVT. LTD, produttur esportatur tal-prodott taħt rieżami fl-Indja.

    (c)   Is-sejbiet tal-investigazzjoni

    (13)

    Il-Kummissjoni eżaminat jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' eżenzjoni skont l-Artikolu 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku ġewx issodisfati.

    (14)

    L-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant ma kienx esporta l-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tal-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni li wasslet għall-estensjoni tal-miżuri, jiġifieri mill-1 ta' April 2012 sal-31 ta' Marzu 2013.

    (15)

    L-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant ma kien relatat mal-ebda esportaturi jew produtturi Ċiniżi soġġetti għall-miżuri antidumping.

    (16)

    Barra minn hekk, l-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant huwa produttur ġenwin tal-prodott taħt rieżami u mhux involut fi prattiki ta' ċirkomvenzjoni. L-applikant huwa produttur integrat li jixtri sferi tal-ħġieġ prodotti domestikament għall-produzzjoni ta' fibri tal-ħġieġ u juża dawn tal-aħħar bħala materja prima għal drappijiet b'malja miftuħa. Il-prodott finali wara nbigħ fis-suq domestiku b'mod kontinwu. Aktar reċenti, billi l-applikant għandu l-għan li jesporta l-prodotti tiegħu, saru xi tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni lil pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.

    (17)

    L-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant ma kienx qed jixtri l-prodott finali taħt rieżami mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex jerġa' jinbiegħ jew jiġi ttrażbordat għall-Unjoni.

    (18)

    L-applikant kien lest jipprovdi evidenza bil-miktub ta' natura kuntrattwali vinkolanti li tinkludi l-obbligu li jibgħatu l-prodott taħt rieżami lil klijent fl-Unjoni. Sa issa, ma ma kienx hemm kunsinna reali, billi kien hemm ftehim reċiproku li wieħed jistenna l-eżitu ta' dan il-proċediment qabel jipproċedi bil-kunsinni.

    (19)

    Is-sejbiet ta' hawn fuq kienu żvelati lill-applikant u lill-industrija tal-Unjoni, li ngħataw l-opportunità li jgħaddu xi kummenti. L-applikant sostna li huwa qabel mas-sejbiet tal-Kummissjoni.

    (20)

    Il-kummenti dwar l-iżvelar saru mill-industrija tal-Unjoni, li oġġezzjonat għall-eżenzjoni. B'mod partikolari, hija esprimiet dubji rigward in-natura integrata tal-produzzjoni ta' SPG, u rigward is-sejba li l-materja prima ma kinitx ta' oriġini Ċiniża. Hija kkuntestat ukoll li SPG jipprova jipproduċi l-fibra tal-ħġieġ huwa stess, peress li dan ikun jinvolvi proċess ta' tidwib antikwat bi spejjeż enerġetiċi għoljin wisq. L-industrija tal-Unjoni lmentat li l-fajl pubbliku ma kienx jippermettilha tindirizza dan it-tħassib, speċjalment fir-rigward ta' data preċedenti rreġistrata.

    (21)

    Il-Kummissjoni żiedet nota spjegatorja mal-fajl pubbliku li tikkonferma li l-forniment ta' ħjut u l-ftietel (roving) tal-fibra tal-ħġieġ tat-tip C miċ-Ċina lil SPG ġie sostitwit mill-produzzjoni ta' SPG innifsu ta' fibri tal-ħġieġ minn sferi tal-ħġieġ li joriġinaw mill-Indja mill-2016, meta nkiseb il-makkinarju xieraq, u dan għamel lil SPG produttur integrat tal-prodott ikkonċernat. Dawn il-fatti u ż-żieda konsegwenti fl-ispejjeż enerġetiċi ġew ikkonfermati waqt verifika fuq il-post. Madankollu, is-sejbiet ma jippermettux li tiġi ġġudikata l-adegwatezza tal-proċess tal-produzzjoni. Għalhekk, il-pretensjonijiet tal-industrija tal-Unjoni ġew miċħuda.

    (d)   Konklużjonijiet

    (22)

    F'konformità mas-sejbiet deskritti fil-premessi minn (13) sa (18), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet għal eżenzjoni skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku u jinħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta' kumpaniji li huma eżentati mid-dazju antidumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993.

    (23)

    L-eżenzjoni mill-miżuri estiżi mogħtija għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, tibqa' valida bil-kundizzjoni li l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-eżenzjoni. Jekk l-evidenza ġdida prima facie turi mod ieħor, jista' jingħata bidu għal investigazzjoni mill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit jekk ikunx iġġustifikat li l-eżenzjoni tiġi rtirata.

    (24)

    L-eżenzjoni mill-miżuri estiżi mogħtija għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott mill-applikant tiġi deċiża fuq il-bażi tas-sejbiet tar-rieżami preżenti. Din l-eżenzjoni hija għalhekk esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami kkonsenjati mill-Indja u prodott mill-entità ġuridika speċifika msemmija hawn fuq. Il-prodott importat taħt rieżami prodott minn kwalunkwe kumpanija li mhijiex imsemmija b'mod speċifiku fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 bl-isem tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, jinħtieġ li ma jibbenifikawx mill-eżenzjoni u jinħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta' dazju residwa kif imposta minn dak ir-Regolament.

    (25)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 jinħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi SPG Glass Fibre PVT. LTD fl-Artikolu 1(3) tiegħu.

    (26)

    Biex jibbenefika mill-eżenzjoni, jinħtieġ li tiġi pprovduta lill-awtoritajiet doganali fattura li tikkonforma ma' ċerti rekwiżiti. Ta' min jinnota li l-istess rekwiżit huwa applikabbli għal Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd and to Pyrotek India Pvt. Ltd. Dawn il-kumpaniji diġà rċevew eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ. Billi dik il-kundizzjoni ma ġietx riprodotta fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993, l-ommissjoni tiġi korretta permezz ta' dan ir-Regolament.

    5.   REKWIŻITI TA' KOMITOLOĠIJA

    (27)

    Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 jinbidel b'dan li ej:

    (1)

    L-Artikolu 1(3) huwa sostitwit bis-sussegwenti:

    “3.   Id-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif stipulat fil-paragrafu 2, huwa b'hekk estiż għall-importazzjonijiet tal-istess drappijiet b'malja miftuħa kkunsinjati mill-Indja u l-Indoneżja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja u kemm jekk le (kodiċi TARIC 7019510014, 7019510015, 7019590014 u 7019590015) bl-eċċezzjoni ta' dawk prodotti minn Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC B942), Pyrotek India Pvt. Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC C051), u SPG GLASS FIBRE PVT. LTD (kodiċi addizzjonali TARIC C205), għall-importazzjonijiet tal-istess drappijiet b'malja miftuħa kkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u kemm jekk le (kodiċi addizzjonali TARIC 7019510011 u 7019590011) u għall-importazzjonijiet tal-istess drappijiet b'malja miftuħa kkunsinjati mit-Tajwan u mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u mit-Tajlandja u kemm jekk le (kodiċi addizzjonali TARIC 7019510012, 7019510013, 7019590012 u 7019590013).

    L-applikazzjoni tal-eżenzjoni mogħtija lil Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd, Pyrotek India Pvt. Ltd u SPG Glass Fibre PVT Ltd għandha tkun bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament. Jekk l-ebda fattura bħal din ma tiġi ppreżentata, għandu jiġi applikat id-dazju antidumping kif impost mill-paragrafu 1.”

    (2)

    It-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandu jiżdied mal-Anness II.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Mejju 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 tat-3 ta' Awwissu 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 204, 9.8.2011, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkonsenjati mill-Indja u mill-Indoneżja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja kif ukoll jekk le (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 20).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1507 tad-9 ta' Settembru 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 li jestendi dazju definittiv antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ikkunsinjati, fost l-oħrajn, mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja kemm jekk le (ĠU L 236, 10.9.2015, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 672/2012 tas-16 ta' Lulju 2012 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 21/2013 tal-10 ta' Jannar 2013 li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le (ĠU L 11, 16.1.2013, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1993 tas-6 ta' Novembru 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ikkonsenjati mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi u kemm jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 288, 7.11.2017, p. 4).

    (8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1514 tal-31 ta' Awwissu 2017 li jagħti bidu għal rieżami tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 (li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ikkonsenjati mill-Indja u mill-Indoneżja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja kemm jekk le) għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil produttur esportatur Indjan wieħed, li jirrevoka d-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur jagħmilhom soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 226, 1.9.2017, p. 1).


    ANNESS

    ANNESS II

    Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li qed toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej, trid tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1.

    1.

    L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li qed toħroġ il-fattura kummerċjali;

    2.

    Id-dikjarazzjoni li ġejja:

    ‘Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (Kodiċi addizjonali TARIC) fi (pajjiż ikkonċernat). Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija sħiħa u korretta’;

    3.

    Data u firma.


    Top