Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0074

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/74 tas-17 ta' Jannar 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-aċidu fosforiku, tal-fosfati, tad-difosfati, tat-trifosfati u tal-polifosfati (E 338-452) f'ċerti preparati tal-laħam iffriżat fuq sfiefed vertikali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/0093

    ĠU L 13, 18.1.2018, p. 21–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/74/oj

    18.1.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 13/21


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/74

    tas-17 ta' Jannar 2018

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-aċidu fosforiku, tal-fosfati, tad-difosfati, tat-trifosfati u tal-polifosfati (E 338-452) f'ċerti preparati tal-laħam iffriżat fuq sfiefed vertikali

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

    (2)

    Din il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

    (3)

    Fit-28 ta' Awwissu 2015 ġiet sottomessa applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu tal-aċidu fosforiku, tal-fosfati, tad-difosfati, tat-trifosfati u tal-polifosfati (“fosfati”) bħala stabbilizzatur u umidifikant fl-sfiefed vertikali tal-laħam iffriżat li jaqgħu fil-kategorija tal-ikel 08.2 “Preparati tal-ikel hekk kif iddefinit bir-Regolament (KE) Nru 853/2004” fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Imbagħad, l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

    (4)

    L-użu tal-fosfati huwa meħtieġ għall-estrazzjoni u għad-dekompożizzjoni parzjali tal-proteini tal-laħam biex jiffurmaw rita ta' proteini fuq is-sfiefed vertikali tal-laħam biex jgħaqqdu l-biċċiet tal-laħam flimkien biex jiżguraw iffriżar u xiwi omoġenju. Barra minn dan, il-fosfati jiżguraw li l-laħam jibqa' mmerraq waqt li jkun qed jinħall u li s-sfiefed vertikali tal-laħam jibqgħu stabbli. Din in-neċessità teknoloġika ġiet rikonoxxuta għal-laħam iffriżat li jdur fuq sfiefed vertikali magħmul mil-laħam tan-ngħaġ, mil-laħam tal-ħrief, mill-vitella jew miċ-ċanga bi tħawwir likwidu jew minn laħam tat-tjur ittrattat bi tħawwir likwidu jew mingħajru li jintuża waħdu jew f'taħlita kif ukoll imfettet jew ikkapuljat u magħmul biex jiġi mixwi minn operatur tan-negozju tal-ikel. L-istrixxi tal-laħam mixwija perfettament imbagħad jiġu kkunsmati mill-konsumatur finali.

    (5)

    Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-Awtorità) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jkollu effett fuq saħħet il-bniedem.

    (6)

    Is-sikurezza tal-fosfati ġiet evalwata mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel li stabbilixxa l-Konsum Massimu Tollerat ta' Kuljum ta' 70 mg għal kull kilogramm ta' piż tal-ġisem espress bħala fosfru (3). Il-fosfati huma awtorizzati bħala addittivi tal-ikel f'varjetà wiesgħa ta' ikel inklużi l-prodotti tal-ikel u ċerti preparati tal-laħam. Għalhekk mhuwiex mistenni li l-estensjoni tal-użu tas-sfiefed vertikali tal-laħam iffriżat se jkollha effett sinifikanti fuq l-esponiment kumplessiv għall-fosfati. Sabiex jiġi limitat esponiment ulterjuri għall-fosfati miżjuda, l-estensjoni tal-użu jenħtieġ li tiġi ristretta biss għall-isfiefed vertikali tal-laħam iffriżat li għalihom ġiet identifikata n-neċessità teknoloġika.

    (7)

    Minħabba li l-użu estiż ta' dawn l-addittivi jikkostitwixxi aġġornament tal-lista tal-Unjoni li x'aktarx ma jkollux effett fuq is-saħħa tal-bniedem, u ma hemmx għalfejn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

    (8)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Jannar 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

    (3)  Rapporti tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, il-Ħamsa u Għoxrin serje (p. 13), 1991.


    ANNESS

    Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fil-kategorija tal-ikel 08.2 “Preparati tal-laħam kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 853/2004” l-entrata tal-aċidu fosforiku - fosfati - difosfati, trifosfati u polifosfati (E 338-452) hija sostitwita b'dan li ġej:

     

    “E 338-452

    Aċidu fosforiku — fosfati — difosfati — trifosfati u polifosfati

    5 000

    (1) (4)

    zalzett tal-kolazzjon biss: f'dan il-prodott, il-laħam ikun ikkapuljat b'tali mod li t-tessuti tal-muskoli u tax-xaħam jixxerdu kompletament, sabiex il-fibra titħallat max-xaħam biex tifforma emulsjoni, li tagħti l-apparenza tipika lil dak il-prodott; Perżut griż immellaħ Finlandiż tal-Milied, laħam tal-bergers b'kontenut minimu ta' ħaxix u/jew ċereali ta' 4 % imħallat mal-laħam, Kasseler, Bräte, Surfleisch, toorvorst, šašlõkk, ahjupraad, Bílá klobása, Vinná klobása, Sváteční klobása, Syrová klobása u sfiefed vertikali li jduru b'laħam iffriżat magħmul minn laħam tan-nagħaġ, mill-ħaruf, mil-vitella u/jew miċ-ċanga ttrattata b'taħwir likwidu jew minn laħam tat-tjur trattat bi jew mingħajr taħwir likwidu użat waħdu u/jew f'taħlita kif ukoll imfettet u/jew ikkapuljat u magħmul biex jiġi mixwi minn operatur ta' negozju tal-ikel u mbagħad ikkunsmat mill-konsumatur finali”


    Top