Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0910(26)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tal-Iżvezja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2018 tal-Iżvezja

    ST/9452/2018/INIT

    ĠU C 320, 10.9.2018, p. 116–118 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.9.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 320/116


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-13 ta' Lulju 2018

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tal-Iżvezja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2018 tal-Iżvezja

    (2018/C 320/26)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Fis-17 ta' Novembru 2017 hija kkunsidrat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih identifikat lill-Iżvezja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

    (2)

    Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għall-Iżvezja ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport ivvaluta l-progress tal-Iżvezja biex tindirizza r-rakkomandazzjoni speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (3), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Iżvezja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-7 ta' Marzu 2018. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li l-Iżvezja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, is-sovravalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar flimkien maż-żieda kontinwa fid-dejn tal-unitajiet domestiċi joħolqu riskji ta' korrezzjoni diżordinata. Id-dejn diġà għoli tal-unitajiet domestiċi għadu tiela'. Il-prezzijiet tad-djar ilhom jogħlew malajr u b'ritmu virtwalment mhux interrott għal madwar 20 sena. Fl-aħħar kwart tal-2017 ġie rreġistrat tkabbir negattiv. Madankollu, l-indikaturi tal-valutazzjoni jissuġġerixxu li l-prezzijiet tad-djar għadhom għoljin ħafna fir-relazzjoni mal-affarijiet fundamentali. Minkejja li l-banek jidher li huma kapitalizzati b'mod adegwat, korrezzjoni diżordinata tista' taffettwa wkoll is-settur finanzjarju peress li l-banek għandhom espożizzjoni dejjem tikber ta' self ipotekarju tal-unitajiet domestiċi. F'dan il-każ, ikun hemm riperkussjonijiet fuq il-pajjiżi ġirien minħabba l-interkonnessjonijiet finanzjarji sistemiċi. F'dawn l-aħħar snin ittieħdu miżuri biex jitrażżan it-tkabbir tad-dejn ipotekarju u tiżdied il-kostruzzjoni tad-djar. Madankollu, il-passi politiċi implimentati sa issa ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw is-sovravalutazzjoni fis-settur tal-abitazzjoni, u għad hemm lakuni politiċi kruċjali, partikolarment fir-rigward tal-inċentivi fiskali għal sjieda tal-akkomodazzjoni kif ukoll il-funzjonament tal-provvista tad-djar u s-suq tal-kera.

    (3)

    Fis-27 ta' April 2018, l-Iżvezja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tagħha kif ukoll il-Programm ta' Konverġenza tal-2018 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

    (4)

    Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

    (5)

    Bħalissa l-Iżvezja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza tiegħu tal-2018, il-Gvern qed jippjana li jilħaq surplus ta' 1,0 % tal-PDG fl-2018 u li jkompli jirrispetta l-objettiv baġitarju fit-terminu medju — defiċit strutturali ta' 1 % tal-PDG — matul il-perjodu tal-programm. Skont il-Programm ta' Konverġenza tal-2018, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jinżel għal 37,3 % fl-2018 u li jkompli jinżel għal 29,0 % fl-2021. It-tkabbir ekonomiku u finanzi pubbliċi sodi huma mistennija li jkunu l-motivaturi ewlenin wara tnaqqis fid-dejn pubbliku bħal proporzjon tal-PDG. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li juri surplus ta' 0,7 % tal-PDG fl-2018 u surplus ta' 1,0 % tal-PDG fl-2019, 'il fuq mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza tal-2018 u filwaqt li jqis it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, il-Kunsill hu tal-opinjoni li l-Iżvezja hija mistennija tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u fl-2019.

    (6)

    Id-dejn tal-unitajiet domestiċi kompla jiżdied minn livelli diġà għoljin. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi żdied b' 7,0 % fl-2017, u laħaq madwar 86 % tal-PDG u 184 % tad-dħul disponibbli — fost l-ogħla livelli fl-Unjoni. Wara li naqset xi ftit fl-2016, il-medja tal-proporzjon dejn-introjtu disponibbli għal mutwatarji tal-ipoteki ġodda reġgħet żdiedet fl-2017 għal 411 %, li kien jirrappreżenta rekord ġdid. It-tkabbir fid-dejn tal-unitajiet domestiċi huwa xprunat prinċipalment minn self ipotekarju ogħla, marbut ma' prezzijiet għoljin tad-djar u distorsjonijiet strutturali li jiffavorixxu investiment fil-proprjetà ffinanzjat minn ipoteki. Il-livelli ta' dejn mhumiex imqassma b'mod ugwali, bir-riżultat li familji iżgħar u bi dħul baxx qed jiffaċċjaw piżijiet partikolarment għolja ta' dejn skont id-dħul tagħhom. F'dawn l-aħħar snin, l-Iżvezja implimentat bosta miżuri makroprudenzjali. Passi meħuda jinkludu l-istipular tal-limiti tal-proporzjon bejn is-self, aġġustament tal-limiti potenzjali tal-piżijiet ta' riskju, u introduzzjoni tar-regola tal-amortizzazzjoni tal-ipoteki formali f'Ġunju 2016. F'Marzu 2018, daħal fis-seħħ rekwiżit għal amortizzazzjoni msaħħaħ ġdid għal ipoteki ta' dejn għoli-introjtu disponibbli. L-Iżvezja adottat ukoll leġiżlazzjoni biex issaħħaħ il-mandat legali tal-awtorità makroprudenzjali (Finansinspektionen). Il-mandat il-ġdid beda jaħdem minn Frar 2018, li jippermetti lill-awtorità biex tirrispondi b'mod aktar f'waqtu b'firxa usa' ta' miżuri potenzjali għar-riskji marbutin mat-tkabbir ta' dejn tal-unitajiet domestiċi. Il-passi tal-politika makroprudenzjali meħuda sa issa jidhru li kellhom impatt limitat fuq it-tkabbir tas-self ipotekarju. Il-limitazzjoni gradwali tat-tnaqqis fiskali fuq il-pagamenti tal-imgħax fuq l-ipoteki jew iż-żieda tat-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, jgħinu biex jitrażżan it-tkabbir fid-dejn tal-unitajiet domestiċi, iżda l-Gvern ma għamel l-ebda progress fuq dan.

    (7)

    Fl-2017, l-ekonomija Żvediża żdiedet b'mod qawwi b'madwar 2,4 %, xprunata minn domanda domestika b'saħħitha. L-investiment, xprunat minn investiment fl-akkomodazzjoni, kiber minn 6,0 % (sena wara sena) fl-ewwel tliet kwarti, li wassal għal kontribuzzjoni partikolarment qawwija. Minkejja żieda qawwija f'bini ġdid f'dawn l-aħħar snin, għad hemm nuqqas kontinwu ta' provvista, b'mod partikolari ta' djar affordabbli madwar il-bliet il-kbar. Nuqqas ta' akkomodazzjoni disponibbli u bi prezz affordabbli jillimita wkoll il-mobbiltà tas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni effettiva tal-migranti fis-suq tax-xogħol u jikkontribwixxi għal inugwaljanzi bejn il-ġenerazzjonijiet.

    (8)

    Wara għoxrin sena ta' prezzijiet tad-djar li qed jogħlew malajr, fil-ħarifa tal-2017 kien hemm tnaqqis gradwali fis-suq tad-djar, iżda l-prezzijiet baqgħu 'il fuq mill-indikaturi bażiċi. Motivaturi ewlenin jinkludu inċentivi fiskali li jiffavorixxu s-sjieda tad-djar u d-dejn ipotekarju u kundizzjonijiet tal-kreditu akkomodanti flimkien ma' rati tal-amortizzazzjoni tal-ipoteki li għadhom relattivament baxxi. Barra minn hekk, in-nuqqas ta' akkomodazzjoni huwa marbut mal-ineffiċjenzi strutturali, inkluż kompetizzjoni limitata fis-settur tal-kostruzzjoni minħabba l-ostakli għad-dħul għall-kumpaniji żgħar u barranin u l-kapaċità ta' żviluppaturi kbar biex jikkontrollaw ir-riżorsi tal-art. Hemm ukoll ostakli fl-użu effiċjenti tal-unitajiet eżistenti residenzjali. Fis-suq tal-kera, kirjiet anqas minn dawk tas-suq joħolqu effetti “lock-in” u “insider/outsider”. Fis-suq tas-sidien-okkupanti, it-taxxi fuq il-qligħ kapitali jnaqqsu l-mobbiltà tas-sidien ta' abitazzjonijiet. L-awtoritajiet Żvediżi qed ikomplu jimplimentaw gradwalment il-pjan ta' 22 punt biex iżidu l-kostruzzjoni residenzjali u jtejbu l-effiċjenza tas-suq tal-akkomodazzjoni. Madankollu, l-ebda azzjoni sinifikanti ta' politika ma ttieħdet biex tiġi introdotta aktar flessibbiltà fl-istipular tal-prezzijiet tal-kiri jew biex tiġi riveduta l-istruttura tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali.

    (9)

    L-ekonomija avvanzata tenħtieġ ħaddiema b'ħiliet għolja; nuqqas ta' ħaddiema korrispondenti qiegħed jitfaċċa f'setturi bħall-kostruzzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, ix-xjenza, l-inġinerija u l-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni. F'dan il-kuntest, għad fadal sfidi, bħalma huma l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' persuni bi sfond ta' migrazzjoni, speċjalment in-nisa. Ir-rata ta' impjieg ta' nisa mhux imwielda fl-UE huwa ferm aktar baxx mill-popolazzjoni ġenerali. Id-diskrepanza tal-prestazzjoni edukattiva bejn studenti minn sfond soċjoekonomiku differenti qiegħda tikber. L-integrazzjoni fis-sistema tal-iskola ta' studenti migranti li għadhom kif jaslu jirrikjedi monitoraġġ mill-qrib, anki n-nuqqas ta' għalliema li qed jikber.

    (10)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Iżvezja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza tal-2018, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Iżvezja fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Iżvezja imma wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (11)

    Fl-isfond ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza tal-2018 u huwa tal-opinjoni (5) li l-Iżvezja hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

    (12)

    Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u l-Programm ta' Konverġenza tal-2018. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu li saru skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Iżvezja tieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

    1.

    Tindirizza r-riskji marbutin mal-livell għoli ta' dejn tal-unitajiet domestiċi billi tnaqqas gradwalment id-deduċibbiltà tat-taxxa tal-pagamenti tal-imgħax fuq l-ipoteki jew iżżid it-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà. Iżżid il-kostruzzjoni residenzjali, fejn in-nuqqasijiet huma l-aktar urġenti, b'mod partikolari billi tneħħi l-ostakli strutturali għall-kostruzzjoni u ttejjeb l-effiċjenza tas-suq tal-akkomodazzjoni, inkluż billi tintroduċi aktar flessibbiltà fl-istipular tal-prezzijiet tal-kiri u tirrevedi l-istruttura tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LÖGER


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (5)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top