Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0910(23)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tas-Slovenja

    ST/9450/2018/INIT

    ĠU C 320, 10.9.2018, p. 103–106 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.9.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 320/103


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-13 ta' Lulju 2018

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tas-Slovenja

    (2018/C 320/23)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Fis-17 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija identifikat lis-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fl-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

    (2)

    Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li s-Slovenja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' din ir-Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet hawn isfel, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni (1).

    (3)

    Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2018 għas-Slovenja ġie ppublikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport ivvaluta l-progress tas-Slovenja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tas-Slovenja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Kien jinkludi wkoll rieżami fid-dettall skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tiegħu ġew ippubblikati wkoll fis-7 ta' Marzu 2018. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li s-Slovenja mhux qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi.

    (4)

    Is-Slovenja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2018 fit-13 ta' April 2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2018 fis-26 ta' April 2018. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

    (5)

    Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

    (6)

    Bħalissa s-Slovenja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn tranżizzjonali. Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 ġie ppreżentat minn Gvern temporanju u huwa bbażat fuq suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika. Skont dan, il-Gvern qed jistenna li s-surplus nominali se jiżdied għal 0,4 % tal-PDG fl-2018 u wara jilħaq 0,9 % tal-PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju – surplus ta' 0,25 % tal-PDG – huwa ppjanat li jinkiseb sal-2021 f'xenarju ta' ebda bidla fil-politika. Skont il-Programm ta' Stabbiltà għall-2018, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 69,3 % tal-PDG fl-2018 u jkompli jonqos għal 58,3 % tal-PDG fl-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli.

    (7)

    Fil-11 ta' Lulju 2017, il-Kunsill rrakkomanda li s-Slovenja tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali ta' nefqa primarja netta tal-gvern (6) ma taqbiżx 0,6 % fl-2018, ekwivalenti għal aġġustament annwali strutturali ta' 1,0 % tal-PDG. Fl-istess ħin, ġie ddikjarat li l-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tar-riżultati baġitarji tal-2018 se jkollhom bżonn iqisu kif dovut l-għan li tintlaħaq pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru li jinsab għaddej kif ukoll biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni rigward is-saħħa tal-irkupru fis-Slovenja filwaqt li jitqiesu b'mod xieraq l-isfidi tas-sostenibbiltà tagħha, imwettqa fil-kuntest tal-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-2018 tas-Slovenja, għall-2018 jenħtieġ sforz fiskali strutturali ta' mill-inqas 0,6 % tal-PDG, mingħajr ebda marġni addizzjonali ta' devjazzjoni matul sena. Dan jikkorrispondi għal rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett li ma taqbiżx il-1,5 %. Filwaqt li jitqies dan fil-valutazzjoni globali, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament irrakkomandat lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2018.

    (8)

    Fl-2019, bil-ħsieb ta' dejn pubbliku tas-Slovenja bħala proporzjon tal-PDG li jaqbeż is-60 % u marġni pożittiva tal-potenzjal tal-produzzjoni pproġettata ta' 4,1 % tal-PDG, ir-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma jenħtiġx li taqbeż it-2,2 %, f'konformità mal-aġġustament strutturali ta' 1,0 % tal-PDG, li joriġina mill-matriċi ta' aġġustament miftiehma b'mod komuni tar-rekwiżiti skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fl-istess ħin, hemm sinjali qawwija li l-kapaċità mhux użata fl-ekonomija hija sottovalutata, b'inflazzjoni li mistennija li tilħaq it-2 % fl-2019, rata baxxa ta' impjiegi ogħla mil-livell ta' qabel il-kriżi u żieda fl-investiment wara tnaqqis qawwi matul is-snin tal-kriżi. Barra minn hekk, l-għodda tal-plawżibbiltà tindika wkoll li hemm livell għoli ta' inċertezza tal-istimi tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni bbażat fuq il-metodoloġija komuni. Fuq il-bażi ta' dan, aġġustament strutturali annwali ta' 0,65 % tal-PDG, li jikkorrispondi għar-rata ta' tkabbir massima tal-infiq pubbliku primarju nett ta' 3,1 % jidher xieraq. Jekk il-politiki ma jinbidlux, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti minn dan ir-rekwiżit fl-2019 u għall-2018 u l-2019 meħudin flimkien. Huwa mistenni li s-Slovenja tkun konformi mar-regola tad-dejn tranżizzjonali fl-2018 u mar-regola tad-dejn fl-2019. B'mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li mill-2018 jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

    (9)

    Il-Gvern ippreżenta proposti biex jirriforma s-sistema tal-kura tas-saħħa. L-abbozz tal-Att dwar il-Kura tas-Saħħa u l-Assigurazzjoni tas-Saħħa, li huwa l-parti ċentrali tar-riforma u se jiżgura l-finanzjament tas-sistema tas-saħħa fit-tul, ġie ppreżentat għal konsultazzjoni quddiem il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali f'Diċembru 2017, iżda ma ġiex adottat qabel l-elezzjonijiet, li wassal għal inċertezza fil-prospetti għall-adozzjoni tiegħu. Bħalissa qed jitfassal Abbozz tal-Att dwar il-Kura fit-Tul biex jagħmel il-kura fit-tul pilastru ġdid ta' sigurtà soċjali komplimentari ma' sistemi ta' sigurtà soċjali oħrajn (il-kura tas-saħħa, il-kura soċjali, u s-sigurtà tal-pensjoni). Għadu mhuwiex ċar kif is-Slovenja se żżid il-kosteffettività, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-kura fil-futur. Fl-2017, ġew adottati l-proposti biex jiġu emendati l-Att dwar it-Tobba, l-Att dwar is-Servizzi tas-Saħħa u l-Att dwar id-Drittijiet tal-Pazjenti, tal-Att għad-Determinazzjoni tal-Miżuri ta' Intervent biex tiġi żgurata l-Istabbiltà Finanzjarja tal-Istituzzjonijiet tal-Kura tas-Saħħa Pubblika u issa jridu jiġu implimentati biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-kura. Ittieħdu passi inizjali biex tiġi implimentata l-fażi tal-Pjan Nazzjonali tal-Kura tas-Saħħa għall-2016-2025. Huwa ppjanat li sal-2020 tiġi stabbilita sistema ta' valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa u s-soluzzjonijiet tas-saħħa elettronika (eHealth) jtejbu l-monitoraġġ madwar il-pajjiż kollu. Barra minn hekk, huwa mistenni li l-benefiċċji minn akkwist pubbliku kkoordinat aħjar fil-kura tas-saħħa jgħinu biex l-akkwist pubbliku jsir aktar kosteffiċjenti.

    (10)

    F'Lulju 2017, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali adotta unanimament dokument imsejjaħ “Il-Punt tat-tluq għall-modernizzazzjoni tas-Sistema tal-Assigurazzjoni tal-Pensjoni u d-Diżabbiltà fir-Repubblika tas-Slovenja”. Huwa jiddeskrivi bosta miżuri dwar kif jistgħu jintlaħqu pensjonijiet adegwati u sistema ta' pensjoni sostenibbli u trasparenti. Madankollu, pjan ta' azzjoni konkret biex jiġu adottati dawk il-miżuri għadu mhux fis-seħħ u minkejja ftehim bejn is-sħab soċjali u l-Gvern biex tiġi adottata r-riforma sal-2020, il-perjodu ta' introduzzjoni għar-riforma għadu ma ġiex stabbilit. Għad fadal xi sfidi biex: tiġi żgurata s-sostenibbiltà u l-adegwatezza fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet billi tiġi aġġustata l-età statutorja tal-irtirar u jiġi promoss l-irtirar aktar tard; tissaħħaħ il-kopertura tal-iskemi tal-pensjoni supplimentari; jiġu indirizzati b'mod xieraq it-tibdil tal-karrieri u t-tnaqqis tar-riskji ta' faqar fix-xjuħija.

    (11)

    It-tkabbir ekonomiku kompla u x-xejriet soċjali u tas-suq tax-xogħol komplew jitjiebu. Ir-rata ta' nies fir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali naqas iżda għadu ogħla mill-medja tal-Unjoni għal persuni anzjani, u b'mod partikolari għan-nisa. L-impjiegi komplew jiżdiedu u l-qgħad naqas aktar. Madankollu, hemm sinjali ta' nuqqas ta' ħaddiema f'għadd ta' impjiegi vokazzjonali. Il-qgħad fit-tul għadu ogħla mil-livelli ta' qabel il-kriżi u għadu jirrappreżenta kważi nofs il-qgħad kollu. L-isfidi qed jippersistu, b'mod partikolari għall-ħaddiema akbar fl-età, li r-rati ta' attività u impjiegi tagħhom għadhom fost l-aktar baxxi fl-Unjoni. Is-soċjetà tas-Slovenja qed tixjieħ b'rata mgħaġġla, li jfisser li l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol u l-provvista tax-xogħol qed jonqsu. Għaldaqstant minħabba din it-tendenza, il-gvern ħejja “Strateġija għal Tixjiħ Attiv”, iżda għad hemm nuqqas ta' pjanijiet ta' azzjoni konkreti.

    (12)

    Il-popolazzjoni li qed tixjieħ tenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim li ilha tonqos mill-2010 u hija partikolarment baxxa fost dawk b'ħiliet baxxi u ħaddiema akbar fl-età. It-titjib tal-ħiliet permezz tat-tagħlim tul il-ħajja jżid il-possibbiltajiet tal-impjieg, speċjalment għal dawk b'anqas ħiliet u ħaddiema akbar fl-età. Ir-rata ta' impjieg ta' ħaddiema b'anqas kwalifiki tjiebet, iżda għadha taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi u l-medja tal-Unjoni. L-evalwazzjoni tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol turi li l-parti l-kbira tal-programmi sejrin tajjeb, madankollu kemm l-infiq f'dan il-qasam kif ukoll ir-rata ta' parteċipazzjoni ta' persuni qiegħda fil-programmi jibqgħu limitati. Filwaqt li r-riforma tas-suq tax-xogħol tal-2013 għenet biċ-ċar ċerti gruppi vulnerabbli biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, l-impjiegi abbażi temporanja għadu problema.

    (13)

    Ġew adottati miżuri biex itejbu l-possibilitajiet ta' finanzjament għal ditti fis-Slovenja u jiġu pprovduti alternattivi għal krediti bankarji. Madankollu, id-dipendenza fuq il-kreditu bankarju jippreżenta sfida ta' finanzjament kontinwu, b'mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, li għalihom l-aċċess għall-finanzjament jibqa' jirrappreżenta ostaklu għat-tkabbir. Il-miżuri attwali għadhom ma wasslux għal titjib fil-finanzjament, partikolarment għall-kumpaniji innovattivi. Hemm għadd żgħir biss ta' intrapriżi b'rata għolja ta' tkabbir fis-Slovenja u dawn ma għandhomx biżżejjed appoġġ biex jissaħħu. Il-kapital ta' riskju, bħala wieħed mill-forom ta' finanzjament ta' ekwità, qed jikber, iżda minn livell baxx ħafna. Il-kumpaniji innovattivi għandhom jibbenefikaw ukoll minn riċerka pubblika aktar effiċjenti, li bħalissa din qiegħda tixxekkel minn diffikultajiet biex jiġu nkoraġġuti talenti domestiċi u barranin u nuqqas ta' fondi bbażati fuq il-prestazzjoni. Il-livell ta' investiment privat fis-Slovenja għadu relattivament baxx meta mqabbel ma' dak ta' pajjiżi li kien jistħoqqilhom sforzi ffukati biex itejbu aktar il-kundizzjonijiet qafas għall-investiment, b'mod partikolari f'oqsma li joffru potenzjal kbir biex tiżdied il-produttività.

    (14)

    In-negozji qed jinżammu lura mill-piż amministrattiv u regolatorju li għadu għoli. Il-burokrazija titqies bħala wieħed mill-aktar fatturi problematiċi f'dak li għandu x'jaqsam ma' kif isir in-negozju fis-Slovenja. Dan huwa prinċipalment marbut mal-inċertezza u l-kumplessità tal-proċeduri tat-taxxa iżda mhuwiex limitat għal dan il-qasam: fir-rigward ta' kawżi kummerċjali xorta waħda jenħtieġ madwar sena biex dawn jinstemgħu mill-qorti. Is-Slovenja ħolqot għodda li tgħin biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u tinsab miexja 'l quddiem biex timplimentaha. Parti sinifikanti ta' din l-implimentazzjoni għadha ma twettqitx.

    (15)

    Bl-istess mod, is-Slovenja għadha kif bdiet tindirizza l-livell għoli tagħha ta' regolamentazzjoni restrittiva f'ċerti setturi ta' servizz. Saru riformi biex jiġu liberalizzati r-rekwiżiti professjonali għall-arkitetti u l-inġiniera ċivili, iżda kwistjonijiet oħrajn identifikati mis-servizzi tal-Kummissjoni għadhom ma ġewx indirizzati. Ir-riformi se jkunu ta' benefiċċju anki għad-ditti tal-manifattura Sloveni, li jiddependu fuq il-kontribuzzjonijiet tas-servizzi kompetittivi.

    (16)

    L-akkwist pubbliku effiċjenti huwa essenzjali għall-kontroll tal-ispejjeż u t-titjib fil-kwalità fis-settur tas-saħħa tas-Slovenja. It-tkabbir tal-akkwist ċentralizzati kif ukoll forom oħrajn ta' aggregazzjoni tal-akkwist bħall-akkwist konġunt bejn l-isptarijiet, huwa kruċjali biex jiġu żgurati provvisti ta' kwalità tajba ta' prodotti innovattivi bi prezzijiet kompetittivi.

    (17)

    Is-Slovenja qed issib diffikultajiet minħabba n-nuqqas ta' effiċjenza fl-akkwist pubbliku. Il-kompetizzjoni bejn l-offerenti hija komparattivament baxxa, kif indikat min-numru baxx ta' offerti li waslu għal kull sejħa għall-offerti u mill-proporzjon għoli ta' proċeduri nnegozjati mingħajr sejħa minn qabel. Dan tal-aħħar inaqqas ukoll it-trasparenza. Il-professjonalizzazzjoni ta' dawk involuti fl-akkwist huwa baxx u ftit hemm salvagwardji kontra l-korruzzjoni u l-kollużjoni fost l-offerenti. B'mod partikolari, l-indipendenza tal-Kummissjoni Nazzjonali tar-Reviżjoni hija limitata, minħabba li l-proċedura ta' ħatra tal-membri tagħha. Filwaqt li huwa stmat mill-awtoritajiet li l-kriminalità ekonomika u l-korruzzjoni ikkawżaw danni sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, xi riformi kontra l-korruzzjoni għadhom pendenti.

    (18)

    Is-Slovenja għadha tippreżenta livell għoli ta' involviment tal-istat fl-ekonomija, b'mod partikolari fis-settur finanzjarju. Il-pjanijiet ppubblikati qabel il-privatizzazzjoni ġew implimentati bil-mod. Il-progress fil-privatizzazzjoni jżid il-vijabbiltà tal-kumpaniji fit-tul u jnaqqas ir-riskji għall-finanzi pubbliċi.

    (19)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovenja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Slovenja fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovenja iżda wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (20)

    Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni (7) tiegħu hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

    B'DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

    1.

    Tiżgura li r-rata tat-tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx it-3,1 % fl-2019, li tikkorrispondi mal-aġġustament strutturali annwali ta' 0,65 % tal-PDG. Tadotta u timplimenta l-Att dwar il-Kura tas-Saħħa u l-Assigurazzjoni tas-Saħħa u r-riforma ppjanata tal-kura fit-tul. Tiżgura s-sostenibbiltà u l-adegwatezza fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, inkluż billi żżid l-età statutorja tal-irtirar u billi tirrestrinġi l-irtirar kmieni. Iżżid l-impjegabbiltà ta' dawk b'ħiliet baxxi u ħaddiema aktar anzjani permezz ta' tagħlim tul il-ħajja u miżuri għal dħul fid-dinja tax-xogħol.

    2.

    Tiżviluppa sorsi alternattivi ta' finanzjament għal kumpaniji li qed jikbru b'rata mgħaġġla. Tnaqqas l-ostakli għal dħul fis-suq permezz tar-reviżjoni tar-Regolamentazzjoni tas-Suq tal-Prodotti u limitazzjoni fil-piż amministrattiv. Issaħħaħ il-kompetizzjoni, il-professjonalizzazzjoni u s-sorveljanza indipendenti fl-akkwist pubbliku. Twettaq il-privatizzazzjonijiet skont il-pjanijiet eżistenti.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LÖGER


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1.

    (4)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (6)  L-infiq primarju nett tal-gvern hu magħmul mill-infiq totali tal-gvern mingħajr l-infiq marbut mal-imgħax, l-infiq marbut mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq marbut mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni ta' kapital gross fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Il-miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b'mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

    (7)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top