This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D0903
Council Decision (CFSP) 2018/903 of 25 June 2018 extending the mandate of the European Union Special Representative in Kosovo (This designation is without prejudice to positions on status, and is in line with UNSCR 1244/1999 and the ICJ Opinion on the Kosovo declaration of independence.)
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/903 tal-25 ta' Ġunju 2018 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.)
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/903 tal-25 ta' Ġunju 2018 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.)
ST/8835/2018/INIT
ĠU L 161, 26.6.2018, p. 7–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2020: This act has been changed. Current consolidated version: 01/03/2020
26.6.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 161/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/903
tal-25 ta' Ġunju 2018
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (*1)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fl-4 ta' Awwissu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1338 (1) li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo u li taħtar lis-Sinjura Nataliya APOSTOLOVA bħala r-RSUE fil-Kosovo. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2018. |
(2) |
Jenħtieġ li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż għal perijodu ulterjuri ta' 20 xahar. |
(3) |
Ir-RSUE ser timplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sinjura Nataliya APOSTOLOVA bħala r-RSUE għall-Kosovo huwa estiż sad-29 ta' Frar 2020. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jiġi terminat qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).
Artikolu 2
Objettivi tal-politika
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni fil-Kosovo. Dawn jinkludu rwol ta' tmexxija fil-promozzjoni ta' Kosovo stabbli, vijabbli, paċifiku, demokratiku u multietniku; it-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u l-kontribut għal kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien fil-Balkani tal-Punent; il-promozzjoni ta' Kosovo impenjat favur l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tal-minoranzi u tal-wirt kulturali u reliġjuż; l-appoġġ tal-perspettiva Ewropea tal-Kosovo u t-tqarrib mal-Unjoni f'konformità mal-perspettiva tar-reġjun u skont il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra (2) (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni”) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1988 (3), u f'konformità mal-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill.
Artikolu 3
Mandat
Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
(a) |
toffri l-konsulenza u l-appoġġ tal-Unjoni fil-proċess politiku; |
(b) |
tippromwovi koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni fil-Kosovo; |
(c) |
issaħħaħ il-preżenza tal-Unjoni fil-Kosovo u tiżgura l-koerenza u l-effettività tagħha; |
(d) |
tipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO), inkluż dwar l-aspetti politiċi ta' kwistjonijiet relatati ma' responsabbiltajiet eżekuttivi; |
(e) |
tiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni fil-Kosovo, inkluż sabiex tiġi ggwidata lokalment it-transizzjoni tal-EULEX KOSOVO għat-trasferiment eventwali tal-attivitajiet lill-Uffiċċju tar-RSUE jew tal-UE fil-Kosovo u/jew l-awtoritajiet lokali, kif xieraq; |
(f) |
tappoġġa l-perspettiva Ewropea tal-Kosovo u r-ravviċinament tiegħu lejn l-Unjoni, b'mod allinjat mal-perspettiva tar-reġjun u f'konformità mal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1988, u b'mod allinjat mal-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill, permezz ta' komunikazzjoni pubblika mmirata u attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-Unjoni mfassla biex ikunu żgurati l-fehim u l-appoġġ usa' mill-pubbliku tal-Kosovo dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni, inkluż il-ħidma tal-EULEX KOSOVO; |
(g) |
timmonitorja, tassisti u tiffaċilita, permezz tal-mezzi u l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tar-RSUE u bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-UE fil-Kosovo, il-progress dwar il-prijoritajiet politiċi, ekonomiċi u Ewropej, f'konformità mal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet istituzzjonali rispettivi, u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni inkluż permezz tal-Aġenda Ewropea għar-Riforma; |
(h) |
tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kosovo, inkluż fir-rigward tan-nisa u t-tfal u l-protezzjoni tal-minoranzi, f'konformità mal-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni u l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; |
(i) |
tassisti fl-implimentazzjoni tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina ffaċilitat mill-Unjoni, inkluż il-kompiti ta' appoġġ operazzjonali li għandhom jiġu ttrasferiti mill-EULEX; |
(j) |
tappoġġa l-mandat tal-Awli Speċjalisti u l-Uffiċċju tal-Prosekuturi Speċjalizzati, kif xieraq, inkluż permezz ta' komunikazzjoni u sensibbilizzazzjoni. |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-KPS għandu jżomm kuntatt privileġġjat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
3. Ir-RSUE għandha taħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta' referenza finanzjarju maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2018 sad-29 ta' Frar 2020 għandu jkun ta' EUR 5 150 000.
2. In-nefqa għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku mir-RSUE għandha tkun miftuħa mingħajr limiti. Barra minn hekk, ma għandha tapplika l-ebda regola ta' oriġini għall-oġġetti mixtrija mir-RSUE.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandha tagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.
Artikolu 6
Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim
1. Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandha tkun responsabbli mill-formazzjoni ta' tim. It-tim għandu jinkludi l-kompetenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandha żżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.
2. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali kkuntrattat għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.
3. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jissekonda, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tissekonda jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE
Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament regolari tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-partijiet ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan.
Artikolu 8
Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE
1. Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (4).
2. Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata tirrilaxxa lin-NATO/KFOR informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” iġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, f'konformità mar-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.
3. Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata tirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, f'konformità mal-ħtiġijiet operattivi tar-RSUE, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, f'konformità mar-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti lokali għal dan il-għan.
4. Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata tirrilaxxa lil partijiet terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni dokumenti mhux klassifikati tal-UE li jkunu relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill rigward l-azzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (5).
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE tingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal stazzjonat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandha tieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, skont il-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:
(a) |
tistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment sigur tal-persunal lejn iż-żona ta' responsabbiltà u ġewwa fiha, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u li jipprevedu pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni; |
(b) |
tiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona ta' responsabbiltà; |
(c) |
tiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu stazzjonati barra l-Unjoni, inkluż persunal li jkun ingħata kuntratt lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona ta' responsabbiltà jew kif jaslu fiha, abbażi tal-livelli tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE; |
(d) |
tiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha miftehmin, magħmula b'segwitu għal valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà, u tippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rappurtar
Ir-RSUE għandha regolarment tipprovdi lir-RGħ u lill-KPS rapporti bil-fomm u bil-miktub. Ir-RSUE għandha tirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, kif meħtieġ. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE tista' tipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE tista' tkun involuta fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Ir-RSUE għandha tikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni u għandha tgħin biex tiżgura konsistenza fl-użu tal-istrumenti kollha tal-Unjoni u fit-teħid tal-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri, biex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. Għandhom jintalbu kuntatti mal-Istati Membri fejn xieraq. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk ta' RSUE oħrajn li jkunu attivi fir-reġjun, kif adatt. Ir-RSUE għandha tipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.
2. Fuq il-post, għandhom jinżammu kuntatti mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet ta' Missjoni tal-Istati Membri. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz biex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandha tipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-EULEX KOSOVO, inkluż dwar l-aspetti politiċi ta' kwistjonijiet relatati ma' responsabbiltajiet eżekuttivi. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin, kif meħtieġ. Ir-RSUE għandha wkoll iżżomm kuntatti ma' aġenziji lokali rilevanti u ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.
3. Ir-RSUE, flimkien ma' atturi oħra tal-Unjoni preżenti fuq il-post, għandha tiżgura t-tixrid u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni fost l-atturi tal-Unjoni fuq il-post bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta' għarfien u valutazzjoni komuni dwar is-sitwazzjoni.
Artikolu 13
Assistenza rigward pretensjonijiet
Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-forniment ta' elementi b'rispons għal kwalunkwe talba u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti fil-Kosovo, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal dawn l-għanijiet.
Artikolu 14
Reviżjoni
L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandha tippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport ta' progress sal-31 ta' Ottubru 2018 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta' Novembru 2019.
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' Ġunju 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(*1) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1338 tal-4 ta' Awwissu 2016 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2052 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.) (ĠU L 212, 5.8.2016, p. 109).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1988 tat-22 ta' Ottubru 2015 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra (ĠU L 290, 6.11.2015, p. 4).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).