Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0518

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/518 tas-26 ta' Marzu 2018 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni veterinarja biex jiddaħħlu mill-ġdid iż-żwiemel reġistrati għall-kompetizzjoni wara esportazzjoni temporanja lejn l-Indoneżja, li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 93/195/KEE fir-rigward tal-entrata tal-Indoneżja u li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-entrata tal-Indoneżja fil-lista ta' pajjiżi terzi u partijiet minnhom minn fejn huma awtorizzati l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina (notifikata bid-dokument C(2018) 1725) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/1725

    ĠU L 84, 28.3.2018, p. 27–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2018; Impliċitament imħassar minn 32018R0659

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/518/oj

    28.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 84/27


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/518

    tas-26 ta' Marzu 2018

    li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni veterinarja biex jiddaħħlu mill-ġdid iż-żwiemel reġistrati għall-kompetizzjoni wara esportazzjoni temporanja lejn l-Indoneżja, li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 93/195/KEE fir-rigward tal-entrata tal-Indoneżja u li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-entrata tal-Indoneżja fil-lista ta' pajjiżi terzi u partijiet minnhom minn fejn huma awtorizzati l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina

    (notifikata bid-dokument C(2018) 1725)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' ekwidi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), l-Artikolu 16(2) u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2009/156/KE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni tal-ekwidi ħajjin fl-Unjoni. Hija tipprevedi li l-importazzjonijiet ta' ekwidi fl-Unjoni jiġu awtorizzati biss minn pajjiżi terzi li jissodisfaw ċerti rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali.

    (2)

    L-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE (2) jistipula listi ta' pajjiżi terzi assenjati lill-gruppi sanitarji A u E. L-Anness VII ta' dik id-Deċiżjoni jinkludi, fost l-oħrajn, mudell ta' ċertifikat tas-saħħa li għandu jintuża għad-dħul mill-ġdid taż-żwiemel reġistrati wara esportazzjoni temporanja għal inqas minn 60 ġurnata, biex jipparteċipaw fl-avvenimenti ekwestri tal-Asian Games u l-Endurance World Cup.

    (3)

    L-avvenimenti ekwestri tat-18-il edizzjoni tal-Asian Games se jsiru f'Jakarta, l-Indoneżja mit-18 ta' Awwissu sat-2 ta' Settembru 2018. Dawn l-avvenimenti se jinkludu kompetizzjonijiet tax-Show Jumping, tad-Dressage u tal-Eventing taħt il-patroċinju tal-Fédération Equestre Internationale u se jattiraw ukoll kombinazzjonijiet bejn żiemel u kavallier stabbiliti fl-Unjoni.

    (4)

    Sabiex jiġi awtorizzat id-dħul mill-ġdid fl-Unjoni bejn l-10 ta' Awwissu 2018 u l-10 ta' Settembru 2018 ta' żwiemel reġistrati għall-kompetizzjoni wara esportazzjoni temporanja bl-għan li jieħdu sehem fl-Asian Games, u sabiex jiġi provdut mudell ta' ċertifikat tas-saħħa li jakkumpanja lil dawn iż-żwiemel reġistrati, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li dawk iż-żwiemel jistgħu biss jidħlu mill-ġdid fl-Unjoni jekk ikunu akkumpanjati b'ċertifikat tas-saħħa skont il-mudell stipulat fl-Anness VII tad-Deċiżjoni 93/195/KEE. Għal dak il-għan, huwa wkoll meħtieġ li l-Indoneżja tiġi inkluża fil-grupp sanitarju xieraq fl-Anness I ta' dik id-Deċiżjoni.

    (5)

    Peress li l-Anness I ġie emendat diversi drabi, jenħtieġ li jiġi aġġornat u sostitwit fl-intier tiegħu għal raġunijiet ta' ċarezza legali.

    (6)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni 93/195/KEE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

    (7)

    L-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE (3) jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, jew ta' partijiet minnhom fejn tapplika r-reġjonalizzazzjoni, li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' ekwidi u ta' semen, ova u embrijuni tagħhom, u jindika l-kundizzjonijiet l-oħra li huma applikabbli għal dawn l-importazzjonijiet.

    (8)

    Sabiex jospitaw l-avvenimenti ekwestri tal-Asian Games għall-2018, l-awtoritajiet kompetenti tal-Indoneżja talbu li parti mit-territorju ta' dak il-pajjiż, peress li hija żona li tinsab fuq u madwar korsa tat-tiġrijiet kompletament magħluqa f'żona residenzjali fiċ-ċentru tal-belt ta' Jakarta u li ilha li ġiet żvujtjata mill-ekwini minn Mejju 2016, tiġi rikonoxxuta bħala żona ħielsa mill-mard tal-ekwini. Din iż-żona ħielsa mill-mard tal-ekwini ġiet stabbilita skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) (4) u bl-assistenza ta' esperti.

    (9)

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Indoneżja pprovdew għadd ta' garanziji, b'mod partikolari fir-rigward tan-notifikabbiltà tal-mard elenkat fl-Anness I tad-Direttiva 2009/156/KE f'pajjiżhom, u wrew l-impenn li jikkonformaw b'mod sħiħ mal-Artikolu 12(2)(f) ta' dik id-Direttiva fir-rigward tan-notifika immedjata ta' mard lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

    (10)

    Skont l-informazzjoni disponibbli mill-Indoneżja u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), il-marda Afrikana taż-żwiemel, l-enċefalomjelite ekwina tal-Venezwela u l-istomatite vexxikulari qatt ma ġew irrapportati fl-Indoneżja.

    (11)

    Filwaqt li ma hemm l-ebda rapporti disponibbli rigward l-okkorrenza ta' durina u ta' glanders matul is-snin preċedenti, l-Indoneżja wettqet stħarriġ seroloġiku komprensiv fuq il-popolazzjoni ekwina fiż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza u ż-żona ta' madwar il-parti ewlenija taż-żona ħielsa mill-mard tal-ekwini fil-parti metropolitana ta' Jakarta, liema stħarriġ kellu riżultati negattivi għall-każijiet kollha tal-marda Afrikana taż-żwiemel u tad-durina. Madankollu, wieħed mis-600 żiemel inklużi fl-istħarriġ ġie djanjostikat bil-glanders permezz tas-seroloġija.

    (12)

    Għal perjodu ta' 6 xhur, li formalment beda fil-15 ta' Frar 2018, iż-żona ewlenija li tinkludi l-post magħżul għall-Asian Games se tibqa' ħielsa mill-ekwini u l-miżuri kollha ta' kontroll u ta' bijosigurtà li għandhom x'jaqsmu maż-żona ħielsa mill-marda tal-ekwini se jkunu fis-seħħ sakemm iż-żwiemel parteċipanti jiġu introdotti skont il-protokoll ta' kwarantina miftiehem.

    (13)

    Sabiex jiżguraw il-ħarsien sostenibbli tal-istatus tas-saħħa tal-popolazzjoni ekwina fiż-żona ħielsa mill-mard tal-ekwini, l-awtoritajiet Indoneżjani ntrabtu biex iħaddmu faċilità ta' kwarantina f'din iż-żona biex jikkontrollaw id-dħul ta' ekwini minn stabbilimenti f'partijiet oħrajn tal-Indoneżja u minn pajjiżi terzi mhux imsemmija fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE. Matul din il-kwarantina ta' qabel id-dħul, l-annimali se jkunu soġġetti għat-testijiet tas-saħħa tal-annimali f'konformità mal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-pajjiżi tal-istess grupp sanitarju.

    (14)

    Wara li l-informazzjoni u l-garanziji rrapportati mill-Indoneżja tqiesu bħala sodisfaċenti, jenħtieġ li l-Indoneżja tiġi inkluża fil-lista tal-pajjiżi terzi stipulata fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati matul il-perjodu bejn l-10 ta' Awwissu u l-10 ta' Settembru 2018. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Indoneżja tiġi reġjonalizzata għal ċertu mard tal-ekwini. Mil-lat epidemjoloġiku, jenħtieġ li ż-żona ħielsa mill-mard tal-ekwini fl-Indoneżja tiġi assenjata lill-grupp sanitarju C fil-lista fl-Anness I ta' dik id-Deċiżjoni.

    (15)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni 2004/211/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

    (16)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul mill-ġdid taż-żwiemel reġistrati għall-kompetizzjoni wara esportazzjoni temporanja lejn parti mit-territorju tal-Indoneżja reġjonalizzata għall-parteċipazzjoni fl-Asian Games tal-2018 f'Jakarta, sakemm kull żiemel ikun akkumpanjat minn ċertifikat tas-saħħa debitament mimli skont il-mudell ta' ċertifikat tas-saħħa stipulat fl-Anness VII tad-Deċiżjoni 93/195/KEE, u sakemm ukoll iż-żwiemel u ċ-ċertifikati sanitarji li jakkumpanjawhom ikunu ppreżentati lill-post ta' spezzjoni fil-fruntiera ta' dħul fl-Unjoni fil-perjodu ta' żmien indikat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE.

    Artikolu 2

    L-Anness I tad-Deċiżjoni 93/195/KEE huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    L-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE huwa emendat skont l-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Għandha tapplika sat-30 ta' Settembru 2018.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Marzu 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE tat-2 ta' Frar 1993 dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati għat-tiġrija, kompetizzjoni u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja (ĠU L 86, 6.4.1993, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta' Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' ekwini ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina, u li temenda d-Deċiżjonijiet 93/195/KEE u 94/63/KE (ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1).

    (4)  http://www.oie.int/our-scientific-expertise/specific-information-and-recommendations/international-competition-horse-movement/equine-disease-free-zones/


    ANNESS I

    ANNESS I

    Grupp Sanitarju A  (1)

    L-Iżvizzera (CH), Greenland (GL), l-Iżlanda (IS)

    Grupp Sanitarju B  (1)

    L-Awstralja (AU), il-Belarussja (BY), il-Montenegro (ME), l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2) (MK), New Zealand(NZ), is-Serbja (RS), ir-Russja (3) (RU), l-Ukrajna (UA)

    Grupp Sanitarju C  (1)

    Il-Kanada (CA), iċ-Ċina (3) (CN), Hong Kong (HK), l-Indoneżja (3)  (4) (ID), il-Ġappun (JP), ir-Repubblika tal-Korea (KR), il-Macao (MO), il-Malasja (peniżola) (MY), Singapore (SG), it-Tajlandja (TH), l-Istati Uniti tal-Amerka (US)

    Grupp Sanitarju D  (1)

    L-Arġentina (AR), Barbados (BB), il-Bermuda (BM), il-Bolivja (BO), il-Brażil (3) (BR), iċ-Ċili (CL), il-Costa Rica (3) (CR), Kuba (CU), il-Ġamajka (JM), il-Messiku (3) (MX), il-Perù (3) (PE), il-Paragwaj (PY), l-Urugwaj (UY)

    Grupp Sanitarju E  (1)

    L-Emirati Għarab Magħquda (AE), il-Bahrain (BH), l-Alġerija (DZ), l-Iżrael (5) (IL), il-Ġordan (ĠO), il-Kuwajt (KW), il-Libanu (LB), il-Marokk (MA), l-Oman (OM), il-Qatar (QA), l-Arabja Sawdija (3) (SA), it-Tuneżija (TN), it-Turkija (3) (TR).



    ANNESS II

    L-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fit-tabella, tiddaħħal l-entrata li ġejja għall-Indoneżja, fl-ordni alfabetika tal-Kodiċi ISO, bejn l-entrati għal Honk Kong u l-Iżrael:

    “ID

    L-Indoneżja

    ID-0

    Il-pajjiż kollu

     

    Valida mill-10 ta' Awwissu sal-10 ta' Settembru 2018”

    ID-1

    Iż-żona ta' Jakarta ħielsa mill-mard tal-ekwini (ara l-Kaxxa 9 għad-dettalji)

    C

    X

    (2)

    Tiżdied il-Kaxxa 9 li ġejja:

    “Kaxxa 9

    ID

    L-Indoneżja

    ID-1

    Iż-żona ta' Jakarta ħielsa mill-mard tal-ekwini li tikkonsisti minn:

    (1)

    iż-żona ewlenija li tinkludi l-post f'Pulomas;

    (2)

    il-passaġġ tal-awtostrada ġewwa ż-żona ta' sorveljanza mill-post sal-Ajruporti Internazzjonali ta' Jakarta (Soekarno-Hatta u Halim Perdana Kusuma)”


    Top