EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0294

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/294 tas-26 ta' Frar 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/259 b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva

ĠU L 55, 27.2.2018, p. 58–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/294/oj

27.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/58


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/294

tas-26 ta' Frar 2018

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/259 b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1), flimkien mal-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Frar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/259 (1).

(2)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/259 tipprevedi perijodu ta' implimentazzjoni għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta' dik id-Deċiżjoni ta' 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim finanzjarju msemmi fl-Artikolu 3(3) ta' dik id-Deċiżjoni.

(3)

Fis-17 ta' Jannar 2018, l-entità ta' implimentazzjoni (is-“Segretarjat Tekniku tal-OPCW”) talbet l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni biex testendi l-perijodu ta' implimentazzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/259 b'disa' xhur sabiex tkun tista' titkompla l-implimentazzjoni tal-attivitajiet lil hinn mid-data ta' skadenza msemmija fl-Artikolu 5(2) ta' dik id-Deċiżjoni.

(4)

L-emenda mitluba tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/259 tikkonċerna l-Artikolu 5(2) u l-Anness tagħha, b'mod partikolari rigward id-deskrizzjonijiet ta' ċerti attivitajiet tal-Proġett li jenħtieġ li jiġu mmodifikati.

(5)

Il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/259, kif ikkwotat b'mod speċifiku fit-talba li saret mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW fis-17 ta' Jannar 2018, hija possibbli mingħajr ebda implikazzjoni għar-riżorsi.

(6)

Għalhekk id-Deċiżjoni (PESK) 2015/259 jenħtieġ li tiġi emendata sabiex l-attivitajiet previsti fiha jkunu jistgħu jibqgħu jiġu implimentati, permezz tal-estensjoni tat-tul taż-żmien tagħha skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/259 hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Hija għandha tiskadi 45 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3).”.

(2)

Fl-Anness, taħt l-intestatura “Proġett I — Implimentazzjoni Nazzjonali, Verifika u Universalità”, subintestatura “Attivitajiet”, l-aħħar sentenza fid-deskrizzjoni tal-attività “1. Kors ta' Taħriġ Reġjonali għall-Awtoritajiet Doganali tal-Istati Partijiet dwar l-Aspetti Tekniċi tar-Reġim ta' Trasferimenti tas-CWC” hija sostitwita b'dan li ġej:

“It-taħriġ ser isir mill-Fergħa ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni tas-Segretarjat Tekniku, bil-ħila esperta teknika mill-Fergħa tad-Dikjarazzjonijiet, fir-reġjun tal-Afrika.”.

(3)

Fl-Anness, taħt l-intestatura “Proġett I — Implimentazzjoni Nazzjonali, Verifika u Universalità”, subintestatura “Attivitajiet”, l-aħħar żewġ sentenzi fid-deskrizzjoni tal-attività “10. Implimentazzjoni tat-tagħlimiet li jirriżultaw mill-missjoni tas-Sirja” huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Sabiex dan isir bl-aktar mod effettiv, qed jiġi propost li s-Segretarjat jorganizza sessjoni ta' ħidma interna biex jiġu eżaminati u analizzati t-tagħlimiet meħuda u biex dawn jiġu implimentati malajr kemm jista' jkun. Jeħtieġ li l-eżiti ta' din is-sessjoni ta' ħidma jinkludu l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' taħriġ rilevanti kif ukoll ix-xiri tat-tagħmir rakkomandat kif identifikat fis-sessjoni ta' ħidma.”.

(4)

Fl-Anness, taħt l-intestatura “Proġett V — Universalità u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni”, subintestatura “Attivitajiet”, l-ewwel sentenza fid-deskrizzjoni tal-attività “2. Produzzjoni ta' wirja tal-OPCW” hija sostitwita b'dan li ġej:

“Il-produzzjoni ta' wirja professjonali fiżika u online dwar l-OPCW u s-CWC biex tintuża f'laqgħat, konferenzi eċċ. rilevanti, f'kollaborazzjoni ma' mużewijiet tax-xjenza u tal-paċi.”.

(5)

Fl-Anness, taħt l-intestatura “Proġett V — Universalità u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni”, subintestatura “Attivitajiet”, id-deskrizzjoni tal-attività “3. Komunikazzjoni maż-żgħażagħ” hija sostitwita b'dan li ġej:

“Komunikazzjoni mmirata lejn udjenzi żgħażagħ (ta' età bejn 15 u 25 sena) kemm biex iqajmu kuxjenza dwar l-OPCW u s-CWC kif ukoll biex jinvolvu liż-żgħażagħ fl-esplorazzjoni ta' opportunitajiet għal karrieri futuri f'oqsma u setturi fil-livell internazzjonali. Dan ser jinvolvi komunikazzjoni permezz ta' vidjo blogging u l-iżvilupp ta' materjal ta' komunikazzjoni li jimmira udjenzi żgħażagħ.”.

(6)

Fl-Anness, taħt l-intestatura “Proġett V — Universalità u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni”, subintestatura “Attivitajiet”, id-deskrizzjoni tal-attività “4. Faċilitazzjoni tal-universalità biex Stati li mhumiex Partijiet jingħaqdu mas-CWC” hija sostitwita b'dan li ġej:

“Bi ftit Stati mhux Parti għas-CWC, u sabiex tkun promossa l-konformità mas-CWC bħala impenn ta' stat għad-diżarm u l-kooperazzjoni internazzjonali, is-Segretarjat Tekniku tal-OPCW ser jiffoka fuq laqgħat bilaterali u ta' komunikazzjoni ma' Stati li mhumiex Parti u l-isponsorjar ta' parteċipanti minn Stati li mhumiex Parti għas-CWC biex jieħdu sehem f'avvenimenti tal-OPCW.”.

(7)

Fl-Anness, taħt l-intestatura “Proġett V — Universalità u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni”, subintestatura “Attivitajiet”, l-aħħar sentenza tad-deskrizzjoni tal-attività “5. Appoġġ għall-parteċipazzjoni tal-NGOs f'attivitajiet tal-OPCW” hija sostitwita b'dan li ġej:

“Din il-proposta ser tipprovdi appoġġ bażiku għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni biex rappreżentanti ta' NGOs minn Stati b'ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni jattendu kull waħda mill-Konferenzi tal-Istati Parti fl-2015, l-2016, l-2017 u l-2018.”.

(8)

Fl-Anness, taħt l-intestatura “Proġett VI — Programm tal-Afrika”, subintestatura “Attivitajiet”, id-deskrizzjoni tal-attività “4. Sinerġiji u Sħubija għal implimentazzjoni effettiva” hija sostitwita b'dan li ġej:

“L-attività għandha l-għan li ssaħħaħ il-ħila tal-Awtoritajiet Nazzjonali tas-CWC li jintlaħqu l-partijiet interessati nazzjonali, u tippromwovi l-impenn tal-aġenziji/korpi tal-partijiet interessati fl-appoġġ għall-implimentazzjoni tas-CWC. Dawn huma assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-industrija, organizzazzjonijiet reġjonali/subreġjonali, istituzzjonijiet doganali ta' taħriġ, laboratorji u istituzzjonijiet akkademiċi. L-attività ser tiffaċilita l-kondiviżjoni ta' prattiki fost l-Istati Partiijiet mir-reġjun tal-Afrika u tħeġġeġ l-appoġġ bejn Stat u ieħor. Il-parteċipanti mill-Istati Partijiet Afrikani ser jiġu sponsorjati biex jieħdu sehem f'laqgħa tal-Awtoritajiet Nazzjonali fil-Kwartieri Ġenerali tal-OPCW f'The Hague.”.

(9)

Fl-Anness, taħt l-intestatura “Proġett VI — Programm tal-Afrika”, subintestatura “Attivitajiet”, l-aħħar sentenza fid-deskrizzjoni tal-attività “5. Kors għall-Iżvilupp ta' kompetenzi analitiċi” hija sostitwita b'dan li ġej:

“Il-korsijiet jiġu implimentati bl-appoġġ ta' Verifin, istituzzjoni magħrufa li ġiet magħżula permezz ta' proċess trasparenti ta' akkwist, li magħha l-OPCW daħlet fi ftehim ta' ħames snin, u bl-appoġġ tal-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka u l-Analiżi Fiżika u Kimika (INRAP) tat-Tuneżija.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/259 tas-17 ta' Frar 2015 b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 43, 18.2.2015, p. 14).


Top