Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0209

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/209 tat-8 ta' Frar 2018 dwar l-għoti ta' deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2018) 624)

    C/2018/0624

    ĠU L 39, 13.2.2018, p. 5–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/209/oj

    13.2.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 39/5


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/209

    tat-8 ta' Frar 2018

    dwar l-għoti ta' deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

    (notifikata bid-dokument C(2018) 624)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tistipula regoli dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli. Jekk l-ammont ta' demel li Stat Membru jkun beħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena jkun differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva msemmija, dak l-ammont ta' demel għandu jiġi stabbilit b'mod li ma jippreġudikax il-kisba tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/676/KEE, u għandu jkun iġġustifikat abbażi ta' kriterji oġġettivi, bħal staġuni twal tat-tkabbir jew għelejjel b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu.

    (2)

    Fit-22 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/697/KE (2) li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva 91/676/KEE biex tippermetti l-applikazzjoni ta' demel tal-bhejjem sa limitu ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, skont ċerti kundizzjonijiet, f'azjendi agrikoli b'tal-anqas 80 % ta' bwar, fil-kuntest tal-Programm ta' Azzjoni Irlandiż kif implimentat fir-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej (Metodi ta' Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) tal-2006 (Strument Statutorju Nru 378 tal-2006).

    (3)

    Fl-24 ta' Frar 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/127/UE (3), li temenda d-Deċiżjoni 2007/697/KE u li testendi d-deroga sal-31 ta' Diċembru 2013, fil-kuntest tal-Programm ta' Azzjoni Irlandiż kif implimentat fir-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej (Metodi ta' Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) tal-2010 (Strument Statutorju Nru 610 tal-2010).

    (4)

    Fis-27 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/112/UE (4) li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva 91/676/KEE biex tippermetti l-applikazzjoni ta' demel tal-bhejjem sa limitu ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, skont ċerti kundizzjonijiet, f'azjendi b'tal-anqas 80 % ta' bwar, fil-kuntest tal-Programm ta' Azzjoni Irlandiż kif implimentat fir-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej (Metodi ta' Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) tal-2014 (Strument Statutorju Nru 31 tal-2014). Id-Deċiżjoni 2014/112/UE skadiet fil-31 ta' Diċembru 2017.

    (5)

    Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni 2014/112/UE kienet tikkonċerna 6 802 azjenda agrikola fl-2016, li jikkorrispondu għal madwar 5,4 % tal-għadd totali ta' azjendi b'annimali li jirgħu, 20,2 % tal-għadd totali ta' unitajiet ta' bhejjem u 9,3 % tat-total nett ta' żoni agrikoli fl-Irlanda.

    (6)

    Fis-7 ta' Marzu 2017, l-Irlanda ressqet talba lill-Kummissjoni għal estensjoni tad-deroga skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE.

    (7)

    F'konformità mal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 91/676/KEE, l-Irlanda timplimenta programm ta' azzjoni fit-territorju kollu tagħha.

    (8)

    Id-dejta pprovduta mill-Irlanda fil-kuntest tal-obbligu ta' rappurtar kif rikjest mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676/KEE turi li, għall-perjodu 2012-2015, l-ilmijiet huma ġeneralment ta' kwalità tajba. L-istazzjonijiet ta' monitoraġġ kollha għall-ilma tal-pjan fl-Irlanda kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l, u 87 % minn dawk l-istazzjonijiet ta' monitoraġġ kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. L-istazzjonijiet ta' monitoraġġ kollha għall-ilma tal-wiċċ fl-Irlanda kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt l-40 mg/l, u 99,5 % minn dawk l-istazzjonijiet ta' monitoraġġ kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l.

    (9)

    F'dawn l-aħħar snin l-għadd ta' bhejjem fl-Irlanda żdied. L-għadd ta' bhejjem tal-ifrat, ħnieżer u nagħaġ żdied rispettivament b'3,8 %, 3,7 % u 5,1 % mill-perjodu 2008-2011 sal-perjodu 2012-2015; dawn iż-żidiet ireġġgħu lura t-tnaqqis li ġie osservat fil-perjodu ta' rappurtar preċedenti. Il-piż medju ta' nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu 2012-2015 kien ta' 104 kg/ha, simili għal dak tal-perjodu 2008-2011. Il-piż medju ta' fosforu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu 2012-2015 kien ta' 15 kg/ha, simili għal dak tal-perjodu 2008-2011 ukoll. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku N naqas b'5 % fil-perjodu 2012-2015 meta mqabbel mal-perjodu 2008-2011. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku P naqas b'32,7 % fil-perjodu 2012-2015 meta mqabbel mal-perjodu 2008-2011. Madankollu, l-użu medju tal-fertilizzant kimiku P fil-perjodu 2012-2015 kien għadu 9,5 % inqas meta mqabbel mal-użu medju tal-istess fertilizzant fil-perjodu 2004-2008 (5).

    (10)

    Fl-Irlanda, 92 % tal-art agrikola hija ddedikata għall-bwar. B'mod ġenerali, fl-azjendi tal-bwar, 50 % tal-art hija maħduma b'mod estensiv u għaldaqstant għandha densità tal-għelejjel u użu ta' fertilizzanti relattivament baxxi, 21 % tinħadem skont il-programmi agroambjentali, u 9,3 % biss tinħadem b'mod intensiv. 8 % tintuża bħala raba' maħdum. L-użu medju ta' fertilizzant kimiku fil-bwar huwa ta' 80 kg/ha ta' nitroġenu u 8 kg/ha ta' fosforu (5).

    (11)

    Il-klima Irlandiża, li hija kkaratterizzata minn kwantità annwali ta' xita mqassma b'mod indaqs matul is-sena u varjazzjoni relattivament żgħira fit-temperatura annwali, tiffavorixxi staġun twil ta' tkabbir tal-bwar li jvarja minn 330 jum fis-sena fil-parti tal-Lbiċ sa madwar 250 jum fis-sena fil-parti tal-Grigal (6).

    (12)

    Wara li eżaminat it-talba mill-Irlanda skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE, u fid-dawl tal-Programm ta' Azzjoni Irlandiż u tal-esperjenza miksuba mid-deroga prevista fid-Deċiżjonijiet 2007/697/KE u 2014/112/UE, il-Kummissjoni tqis li l-ammont ta' demel propost mill-Irlanda, li jikkorrispondi għal 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, mhux se jkun ta' ħsara għall-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, sakemm ikunu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet individwali stretti li għandhom japplikaw għall-bdiewa koperti mill-awtorizzazzjoni.

    (13)

    It-tagħrif ta' sostenn ippreżentat mill-Irlanda juri li l-ammont propost ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għal azjendi b'tal-anqas 80 % ta' bwar huwa ġġustifikat abbażi ta' kriterji oġġettivi, bħal staġuni twal ta' tkabbir jew il-produttività għolja ta' ħaxix b'assorbiment għoli tan-nitroġenu.

    (14)

    Id-Deċiżjoni 2014/112/UE se tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017. Sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa kkonċernati jkunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mid-deroga, jixraq li din id-Direttiva tiġi adottata.

    (15)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati mwaqqaf skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Deroga

    Id-deroga mitluba mill-Irlanda bl-ittra tas-7 ta' Marzu 2017, bil-għan li jiġi awtorizzat l-użu fuq l-art ta' ammont ta' demel tal-bhejjem ogħla minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE, hija mogħtija, soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “azjendi tal-bwar” tfisser azjendi agrikoli fejn 80 % jew aktar taż-żoni agrikoli disponibbli għall-applikazzjoni tad-demel tkun ħaxix

    (b)

    “bhejjem li jirgħu” tfisser bhejjem tal-ifrat (għajr għall-għoġġiela tal-vitella), nagħaġ, ċriev, mogħoż u żwiemel

    (c)

    “ħaxix” tfisser bwar permanenti jew bwar temporanji (“temporanji” timplika art li tkun miżrugħa bil-ħaxix għal anqas minn erba' snin)

    (d)

    “roqgħa” tfisser għalqa individwali jew grupp ta' għelieqi, li huma omoġenji fir-rigward tal-kultivazzjoni, it-tip ta' ħamrija u l-prattiki ta' fertilizzazzjoni

    (e)

    “pjan ta' fertilizzazzjoni” tfisser kalkolu minn qabel dwar l-użu ppjanat u d-disponibbiltà tan-nutrijenti

    (f)

    “kont tal-fertilizzazzjoni” tfisser il-bilanċ tan-nutrijenti abbażi tal-użu reali u l-assorbiment tan-nutrijenti.

    Artikolu 3

    Kamp ta' applikazzjoni

    Din id-deroga tapplika għall-azjendi tal-bwar li għalihom ingħatat awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 4.

    Artikolu 4

    Applikazzjoni u impenn annwali

    1.   Il-bdiewa tal-azjendi tal-bwar jistgħu jressqu lill-awtoritajiet kompetenti applikazzjoni għal awtorizzazzjoni annwali sabiex japplikaw demel tal-bhejjem li fih sa 250 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena. L-applikazzjoni għandha tinkludi dikjarazzjoni li tistqarr li l-bidwi tal-azjenda tal-bwar jissottometti ruħu għall-kontrolli kollha previsti fl-Artikolu 9.

    2.   Fl-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1, l-applikant għandu jintrabat bil-miktub li jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 6 u 7.

    Artikolu 5

    L-għoti ta' awtorizzazzjonijiet

    L-awtorizzazzjonijiet li japplikaw għal ammont ta' demel tal-bhejjem li fih sa 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għandhom jingħataw, soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 6 u 7.

    Artikolu 6

    L-applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra

    1.   L-ammont ta' demel tal-bhejjem li jirgħu li jiġi applikat fl-art kull sena fl-azjendi tal-bwar, inkluż dak mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta' demel li jkun fih 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 8.

    2.   Il-kontributi totali ta' nitroġenu la għandhom jaqbżu d-domanda prevedibbli ta' nutrijenti tal-għalla kkonċernata, u lanqas ma għandhom jaqbżu r-rata massima ta' fertilizzazzjoni applikabbli għall-azjenda tal-bwar, kif stabbilit fil-Programm ta' Azzjoni dwar in-Nitrati, u għandhom iqisu l-provvista mill-ħamrija. L-applikazzjoni totali tan-nitroġenu għandha tkun differenzjata abbażi tar-rata tal-irjus u l-produttività tal-bwar.

    3.   Għal kull azjenda tal-bwar, għandu jitħejja u jinżamm pjan ta' fertilizzazzjoni b'deskrizzjoni tan-newba tal-għelejjel tal-art agrikola, kif ukoll tal-applikazzjoni ppjanata ta' demel u fertilizzanti oħra. Dan il-pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jkun disponibbli fl-azjenda tal-bwar għal kull sena kalendarja qabel l-1 ta' Marzu tas-sena li tkun. Il-pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jinkludi tal-anqas dan li ġej:

    (a)

    il-pjan tan-newba tal-għelejjel, li għandu jispeċifika d-daqs tal-irqajja' bil-ħaxix u tal-irqajja' b'għelejjel oħra, inkluż skizz ta' mappa li tindika l-lok tal-irqajja' individwali

    (b)

    l-għadd ta' bhejjem fl-azjenda tal-bwar, u deskrizzjoni tal-post fejn jinżammu u tas-sistema tal-ħżin tad-demel, inkluż il-volum ta' ħżin ta' demel disponibbli

    (c)

    kalkolu tan-nitroġenu u tal-fosforu fid-demel prodotti fuq l-azjenda tal-bwar

    (d)

    l-ammont, it-tip u l-karatteristiki tad-demel imwassal barra jew lejn l-azjenda tal-bwar

    (e)

    ir-rekwiżiti prevedibbli għall-għelejjel tan-nitroġenu u l-fosforu għal kull roqgħa

    (f)

    ir-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija b'rabta mal-istatus tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija, jekk ikunu disponibbli

    (g)

    in-natura tal-fertilizzant li jkun se jintuża

    (h)

    kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel għal kull roqgħa

    (i)

    kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu minn fertilizzanti kimiċi u fertilizzanti oħrajn għal kull roqgħa.

    Il-pjan ta' fertilizzazzjoni għandu jiġi rivedut mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli fl-azjenda tal-bwar.

    4.   Għal kull azjenda tal-bwar, għandhom jitħejjew u jinżammu kontijiet tal-fertilizzazzjoni, li jinkludu informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kontributi tan-nitroġenu u tal-fosforu u dwar il-ġestjoni tal-ilma maħmuġ. Dawn il-kontijiet tal-fertilizzazzjoni għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja sal-31 ta' Marzu tas-sena kalendarja sussegwenti.

    5.   Għal kull azjenda tal-bwar, għandha ssir analiżi perjodika tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija.

    Il-kampjunar u l-analiżi għandhom isiru tal-inqas darba kull erba' snin għal kull żona omoġenja tal-azjenda tal-bwar, fir-rigward tan-newba tal-għelejjel u l-karatteristiki tal-ħamrija.

    Għandha ssir tal-anqas analiżi waħda għal kull ħames ettari ta' art agrikola.

    Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli fl-azjenda tal-bwar.

    6.   Id-demel tal-bhejjem ma għandux jitferrex fil-ħarifa, qabel il-kultivazzjoni tal-ħaxix.

    7.   Tal-inqas 50 % tad-demel likwidu prodott fl-azjenda għandu jiġi applikat sal-15 ta' Ġunju. Wara l-15 ta' Ġunju, għandu jintuża tagħmir għat-tifrix tad-demel likwidu b'emissjonijiet baxxi għal kull applikazzjoni tad-demel likwidu.

    Artikolu 7

    Il-ġestjoni tal-art

    1.   Il-bwar temporanji għandhom jinħartu fir-rebbiegħa.

    2.   Il-ħaxix maħrut fuq it-tipi kollha ta' ħamrija għandu jiġi segwit minnufih b'għelejjel b'domanda għolja ta' nitroġenu.

    3.   In-newba tal-għelejjel ma għandhiex tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jiffissaw in-nitroġenu atmosferiku. Madankollu, dan ma għandux japplika għas-silla fil-bwar b'anqas minn 50 % ta' silla, jew għal pjanti leguminużi oħra li jinżergħu flimkien mal-ħaxix.

    Artikolu 8

    Monitoraġġ

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kull sena jitħejjew u jiġu aġġornati mapep li juru l-perċentwal ta' azjendi tal-bwar, il-perċentwal ta' bhejjem u l-perċentwal tal-art agrikola koperta b'awtorizzazzjonijiet f'kull County (kontea), kif ukoll mapep tal-użu lokali tal-art.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw il-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ u l-ilma tal-pjan, u għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dejta dwar il-konċentrazzjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosforu fl-ilma tal-ħamrija, dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija u dwar il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilma tal-pjan u fl-ilma tal-wiċċ, kemm taħt kundizzjonijiet ta' deroga u kemm mingħajr kundizzjonijiet ta' deroga. Il-monitoraġġ għandu jitwettaq fuq l-iskala tal-għalqa tal-azjenda, u f'żoni ta' qbid agrikoli għall-monitoraġġ. Is-siti ta' monitoraġġ għandhom ikunu rappreżentattivi tat-tipi ta' ħamrija u l-livelli ta' intensità ewlenin, tal-prattiki l-iktar komuni ta' fertilizzazzjoni, u tal-għelejjel ewlenin.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu monitoraġġ imsaħħaħ tal-ilma fiż-żoni ta' qbid li jinsabu qrib l-iktar korpi tal-ilma vulnerabbli.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu stħarriġ tal-użu lokali tal-art, tan-newba tal-għelejjel u tal-prattiki agrikoli għall-azjendi tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet.

    5.   L-informazzjoni u d-dejta miġbura mill-analiżi tan-nutrijenti msemmija fl-Artikolu 6(5) u mill-monitoraġġ kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jintużaw għal kalkoli ibbażati fuq mudelli ta' kemm hu kbir it-telf tan-nitrati u l-fosforu minn azjendi tal-bwar li jibbenefikaw minn awtorizzazzjonijiet.

    Artikolu 9

    Kontrolli

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet kollha għal awtorizzazzjoni jiġu sottomessi għal kontroll amministrattiv. Meta dan il-kontroll juri li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 6 u 7 mhux se jiġu ssodisfati, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda, u l-applikant għandu jiġi mgħarraf bir-raġunijiet għal dan.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu programm ta' spezzjonijiet fuq il-post tal-azjendi tal-bwar, abbażi ta' analiżi tar-riskji, ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta' qabel u r-riżultati tal-kontrolli każwali ġenerali tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Irlandiża li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE. L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 6 u 7 ta' din id-Deċiżjoni, u għandhom ikopru tal-inqas 5 % tal-azjendi li jibbenifikaw minn awtorizzazzjonijiet.

    3.   Fejn il-verifika tindika nuqqas ta' konformità ma' din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-azzjoni meħtieġa ta' rimedju. Il-bdiewa li ma jikkonformawx mal-Artikoli 6 u 7 għandhom jingħataw multa skont ir-regoli nazzjonali, u jistgħu jiġu esklużi minn awtorizzazzjoni s-sena ta' wara.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni mogħtija skont din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 10

    Rappurtar

    Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iressqu rapport lill-Kummissjoni li jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    mapep li juru l-perċentwal ta' azjendi tal-bwar, il-perċentwal ta' bhejjem u l-perċentwal ta' art agrikola koperta minn awtorizzazzjonijiet għal kull County (kontea), kif ukoll mapep dwar l-użu lokali tal-art, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1)

    (b)

    ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma tal-pjan u tal-wiċċ, fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati, inkluż informazzjoni dwar ix-xejriet fil-kwalità tal-ilma, kemm taħt kundizzjonijiet ta' deroga u kemm mingħajr kundizzjonijiet ta' deroga, flimkien mal-impatt tad-deroga mogħtija f'din id-Deċiżjoni fuq il-kwalità tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 8(2)

    (c)

    ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ħamrija fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosforu fl-ilma tal-ħamrija u fir-rigward tan-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija, kemm taħt kundizzjonijiet ta' deroga u kemm mingħajr kundizzjonijiet ta' deroga, kif imsemmi fl-Artikolu 8(2);

    (d)

    sommarju u valutazzjoni tad-dejta miksuba mill-monitoraġġ imsaħħaħ tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 8(3)

    (e)

    ir-riżultati tal-istħarriġ dwar l-użu lokali tal-art, in-newba tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli, kif imsemmi fl-Artikolu 8(4)

    (f)

    ir-riżultati tal-kalkoli abbażi ta' mudelli ta' kemm hu kbir it-telf tan-nitroġenu u tal-fosforu, kif imsemmi fl-Artikolu 8(5)

    (g)

    valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni abbażi tar-riżultati tal-kontrolli amministrattivi u l-ispezzjonijiet fuq il-post, kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) u (2)

    (h)

    analiżi komparattiva tal-kontrolli tal-azjendi tal-bwar fl-Irlanda koperti minn awtorizzazzjonijiet, kif ukoll dawk mhux koperti minn awtorizzazzjonijiet. L-analiżi għandha tinkludi dejta dwar l-ispezzjonijiet annwali, il-verifiki amministrattivi, l-ispezzjonijiet agrikoli fil-kuntest tal-arranġamenti ta' kundizzjonalità, u statistika dwar in-nuqqas ta' konformità.

    Artikolu 11

    Applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest tal-Programm ta' Azzjoni Irlandiż kif implimentat fir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea (Metodi ta' Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) tal-2017 (Strument Statutorju Nru 605 tal-2017).

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2021.

    Artikolu 12

    Destinatarju

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Frar 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Karmenu VELLA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/697/KE tat-22 ta' Ottubru 2007 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 284, 30.10.2007, p. 27).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/127/UE tal-24 ta' Frar 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/697/KE li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 51, 25.2.2011, p. 19).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/112/UE tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 61, 1.3.2014, p. 7).

    (5)  Department of Agriculture, Food and the Marine, l-Irlanda.

    (6)  Teagasc – the Agriculture and Food Development Authority, l-Irlanda.


    Top