This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D0010
Commission Decision (EU) 2018/10 of 20 February 2014 on state aid SA.18855 — C 5/08 (ex NN 58/07) — Denmark — The 1999 Agreements between Aarhus Airport and Ryanair (notified under document C(2014) 871) (Text with EEA relevance. )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/10 tal-20 ta' Frar 2014 dwar l-għajnuna mill-istat SA.18855 - C 5/08 (ex NN 58/07) — Id-Danimarka — Il-Ftehimiet tal-1999 bejn l-Ajruport ta' Aarhus u Ryanair (notifikata bid-dokument C(2014) 871) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/10 tal-20 ta' Frar 2014 dwar l-għajnuna mill-istat SA.18855 - C 5/08 (ex NN 58/07) — Id-Danimarka — Il-Ftehimiet tal-1999 bejn l-Ajruport ta' Aarhus u Ryanair (notifikata bid-dokument C(2014) 871) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
ĠU L 3, 6.1.2018, pp. 9–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
6.1.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 3/9 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/10
tal-20 ta' Frar 2014
dwar l-għajnuna mill-istat SA.18855 - C 5/08 (ex NN 58/07) — Id-Danimarka
Il-Ftehimiet tal-1999 bejn l-Ajruport ta' Aarhus u Ryanair
(notifikata bid-dokument C(2014) 871)
(It-test Daniż biss huwa awtentiku)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet l-oħra interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) imsemmija hawn fuq (1),
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Fi Frar 2005, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand SAS Group (“SAS”). Fost affarijiet oħrajn, SAS allega li Aarhus Airport Ltd/Aarhus Lufthavn A/S (“l-ajruport ta' Aarhus”) ta sussidji illegali lil Ryanair. Allegatament, is-sussidji kienu jikkonsistu f'tariffi tal-ajruport u tas-servizzi fuq l-art imraħħsin mogħtijin lil Ryanair. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni talbet lid-Danimarka tipprovdi aktar informazzjoni b'rabta mal-ilment permezz tal-ittri tat-2 ta' Marzu 2005 u tal-20 ta' Mejju 2006. Id-Danimarka wieġbet permezz ta' ittri bid-dati tat-18 ta' Mejju 2005 u l-11 ta' Lulju 2006. |
|
(3) |
Permezz ta' ittra bid-data tat-30 ta' Jannar 2008, il-Kummissjoni infurmat lid-Danimarka li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (2) (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”) fir-rigward tal-Ftehim bejn l-ajruport ta' Aarhus u Ryanair. Id-Danimarka pprovdiet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ nhar it-30 ta' Mejju 2008. |
|
(4) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jgħaddu l-kummenti tagħhom fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ mingħand tliet partijiet interessati. SAS, Ryanair u l-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej ippreżentaw kummenti fis-16 ta' Ġunju 2008, fid-29 ta' Mejju 2008 u fl-4 ta' Lulju 2008 rispettivament. Bagħtet dawn il-kummenti lid-Danimarka permezz ta' ittra bid-data tas-17 ta' Lulju 2008. Id-Danimarka ngħatat l-opportunità li twieġeb għalihom fi żmien xahar. Id-Danimarka bagħtet il-kummenti tagħha permezz ta' ittra bid-data tad-29 ta' Settembru 2008. |
|
(6) |
Permezz ta' ittra bid-data tal-25 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni. Id-Danimarka wieġbet permezz ta' ittra bid-data tat-28 ta' Marzu 2011. Permezz ta' ittra bid-data tat-8 ta' April 2011, il-Kummissjoni talbet lil Ryanair tipprovdi aktar informazzjoni. Ryanair wieġbet permezz ta' ittra bid-data tal-15 ta' Lulju 2011. L-osservazzjonijiet ta' Ryanair ingħaddew lid-Danimarka permezz ta' ittra bid-data tal-5 ta' Awwissu 2011. Id-Danimarka pprovdiet aktar informazzjoni permezz ta' ittri bid-dati tat-8 ta' Settembru 2011 u t-22 ta' Settembru 2011, it-12 ta' April 2012 u t-22 ta' Mejju 2012. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA
2.1. Sfond għall-investigazzjoni
|
(7) |
L-ajruport ta' Aarhus jinsab f'Tirstrup, 36 km fil-Grigal tal-Belt ta' Aarhus fid-Danimarka. L-ajruport ta' Aarhus, is-sid u l-operatur tal-ajruport, huwa Kumpannija b'Responsabbiltà Limitata bi sjieda 100 % pubblika (4). |
|
(8) |
L-ajruport huwa wieħed minn sitt ajruporti reġjonali li jservu lis-suq ta' Jutland b'popolazzjoni ta' madwar 2,5 miljun abitant. Għal madwar 25 % tal-popolazzjoni ta' Jutland, l-ajruport ta' Aarhus huwa l-eqreb wieħed. L-ikbar ajruport tar-reġjun ta' Jutland huwa l-ajruport ta' Billund, li jinsab 140 km 'il bogħod (~ siegħa u 35 minuta vvjaġġar bil-karozza). L-ajruport ta' Aarhus huwa t-tieni l-ikbar ajruport tar-reġjun ta' Jutland, wara l-ajruport ta' Billund, u jservi primarjament lil SAS (~ 48 % tal-passiġġieri) u Ryanair (~34,7 % tal-passiġġieri). |
|
(9) |
L-ajruport ta' Aarhus jiflaħ jieħu madwar miljun passiġġier fis-sena. L-użu laħaq l-ogħla livelli fl-1996, meta kien hemm iktar minn 800 000 passiġġier jużaw l-ajruport. Fl-1996 infetaħ il-Pont tal-Great Belt li għaqqad il-gżejjer ta' Funen u Zealand u naqqas il-ħin tal-ivvjaġġar fuq l-art bejn Jutland u Copenhagen. Il-Pont tal-Great Belt ta lill-vjaġġaturi l-alternattiva li jmorru minn Aarhus lejn Copenhagen bil-karozza. Wara li nfetaħ il-pont fl-1996, l-għadd ta' passiġġieri fl-ajruport ta' Aarhus beda jonqos għal madwar 600 000 fis-sena. Fl-1999, il-grupp SAS għalaq ir-rotta tiegħu minn Aarhus għal Londra. Fl-istess sena ġew konklużi l-ftehimiet bejn Ryanair u l-ajruport ta' Aarhus u Ryanair bdiet topera rotta lejn Londra-Stansted ta' kuljum. It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor l-iżvilupp tal-passiġġieri fl-ajruport ta' Aarhus mill-1995 sal-2012: Tabella 1 Żvilupp tal-passiġġieri f'AAR 1995 – 2012
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
2.2. Il-miżuri investigati u l-valutazzjoni inizjali tal-Kummissjoni
|
(10) |
Id-deċiżjoni tal-ftuħ hija marbuta mal-ftehimiet li kkonkludew Ryanair u l-ajruport ta' Aarhus fl-1999. Għalhekk, din id-deċiżjoni hija mingħajr ħsara għal kwalunkwe emenda jew sostituzzjoni tal-ftehimiet tal-1999 jew xi ftehim komplimentari konkluż warajhom. |
|
(11) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni ta' jekk l-ajruport ta' Aarhus aġixxiex bħala operatur f'ekonomija tas-suq meta kkonkluda l-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair. B'mod partikolari, il-Kummisjoni qajmet il-kwistjoni ta' jekk il-livell ta' tariffi tal-ajruport u t-tnaqqisiet sussegwenti u l-appoġġ fil-kummerċjalizzazzjoni offrut lil Ryanair mill-ajruport jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni esprimiet dubji b'mod partikolari fuq jekk id-differenzazzjoni tat-tariffi tal-ajruport applikati fl-ajruport ta' Aarhus kinitx ibbażata fuq dħul inkrementali u kostijiet inkrementali, jiġifieri dħul u kostijiet li ġġib magħha l-attività ta' Ryanair fl-ajruport. Barra minn hekk, id-Danimarka ma pprovdietx lill-Kummissjoni bil-kopja tal-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair jew bil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju li jevalwa l-profittabilità ta' dawn għall-ajruport ta' Aarhus. B'hekk, fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-imġiba tal-ajruport ta' Aarhus kinitx iggwidata minn prospetti ta' profittabilità fit-tul. Għaldaqstant, ma setax jiġi eskluż li l-ftehimiet tal-1999 taw lil Ryanair vantaġġ li ma kinitx tikseb f'kundizzjonijiet normali tas-suq. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni esprimiet dubji fuq kemm l-għajnuna tista' tiġi ddikjarata kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni esprimiet dubji partikolari fuq kemm ġew issodisfati l-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà kif stipulati fil-Linji Gwida tal-2005 għall-Avjazzjoni (5) f'dan il-każ. |
3. KUMMENTI TAD-DANIMARKA
3.1. Il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet li wassal għall-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair
|
(14) |
L-ewwel id-Danimarka tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni rigward in-nuqqas ta' imputabbiltà tal-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair lil dak l-Istat Membru. |
|
(15) |
Id-Danimarka tiddikjara li l-ftehimiet tal-1999 ġew konklużi bejn l-ajruport ta' Aarhus u Ryanair u mhumiex imputabbli għal xi awtorità pubblika. Id-Danimarka tindika li la dak l-Istat Membru u lanqas xi awtorità pubblika oħra ma kienu involuti fin-negozjati tal-ftehimiet. |
|
(16) |
Id-Danimarka tiċċara li skont l-ajruport ta' Aarhus, in-negozjati preliminari bejn l-ajruport ta' Aarhus u Ryanair kienu diġà nbdew fil-bidu tal-1998. Id-Danimarka tiċċara wkoll li dawn in-negozjati kienu sospiżi b'mod temporanju fir-rebbiegħa tal-1999, għaliex il-partijiet ma setgħux jilħqu ftehim. |
|
(17) |
Id-Danimarka tiddikjara wkoll li f'Ġunju tal-1999, SAS ħabbar li kien sejjer jagħlaq ir-rotta Aarhus-Londra minn tmiem Ottubru tal-1999. F'dan ir-rigward, id-Danimarka tindika li matul is-sajf tal-1999 issoktaw in-negozjati bejn Ryanair u l-ajruport ta' Aarhus, irrappreżentat mid-direttur tiegħu responsabbli għas-sħubijiet ultilitarji. |
|
(18) |
Fir-rigward tan-negozjati tal-ftehimiet tal-1999, id-Danimarka tiċċara li l-ftehimiet tal-1999 kienu nnegozjati direttament mid-direttur tal-ajruport u s-sidien pubbliċi la pproponew u lanqas ma approvaw il-kundizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet. Skont id-Danimarka, id-direttur li nnegozja l-ftehimiet, inklużi l-iskontijiet ipprovduti, la daħal f'kuntatt mal-bord tad-diretturi u lanqas ma' xi awtorità lokali oħra. |
|
(19) |
Id-Danimarka tiċċara wkoll li l-ftehimiet tal-1999 kienu ffirmati direttament mid-direttur tal-ajruport li kien qiegħed jinnegozja l-ftehimiet. Id-Danimarka tispjega wkoll li l-ftehimiet tal-1999 ma kinux sottomessi għall-approvazzjoni lill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tad-Danimarka, u lanqas it-tariffi tal-ajruport approvati mid-Danimarka fil-forma ta' skeda tat-tariffi jew mod ieħor. |
|
(20) |
Sabiex issostni dawn id-dikjarazzjonijiet (ara l-premessi 15 sa 19), id-Danimarka pprovdiet kopja tal-minuti tal-laqgħat tal-bord mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali kif ukoll minuti tal-laqgħat ġenerali annwali. |
|
(21) |
B'konsegwenza ta' dan, id-Danimarka hija tal-fehma li la l-azzjonisti tal-ajruport, u lanqas l-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili ma kienu involuti b'mod dirett jew indirett fin-negozjati tal-ftehimiet tal-1999 ta' Ryanair. B'hekk, fil-fehma tad-Danimarka, dawn il-ftehimiet mhumiex imputabbli lil dak l-Istat Membru. Peress li waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi għall-kunċett ta' għajnuna mill-Istat mhijiex irrispettata, id-Danimarka hija tal-fehma li l-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. |
3.2. Il-ftehimiet tal-1999 bejn l-ajruport ta' Aarhus u Ryanair
|
(22) |
Id-Danimarka pprovdiet kopja taż-żewġ ftehimiet konklużi bejn l-ajruport ta' Aarhus u Ryanair fl-1999 u kjarifiki oħrajn. |
Il-ftehim ewlieni tal-1999
|
(23) |
Id-Danimarka tiċċara li fit-2 ta' Novembru 1999, l-ajruport ta' Aarhus daħal fi ftehim ma' Ryanair (“il-ftehim ewlieni”). Id-Danimarka tiċċara wkoll li l-pjan kien li l-ftehim jibqa' fis-seħħ sal-31 ta' Ottubru 2009 (jiġifieri għal perjodu ta' għaxar snin). |
|
(24) |
Id-Danimarka tiddikjara li l-ftehim ewlieni obbliga lil Ryanair twettaq tal-inqas […] (6) operazzjoni mill-ajruport ta' Aarhus lejn Londra Stansted b'inġenju tal-ajru tat-tip B737 (b'permess li jitnaqqas is-servizz fil-festi pubbliċi biss, bħal fil-Milied, fl-Ewwel tas-Sena u fl-Għid). Id-Danimarka tiċċara li, skont il-ftehim ewlieni, Ryanair kienet obbligata tiġġenera tal-inqas […] passiġġier fis-sena fl-ajruport ta' Aarhus bejn l-1 ta' Jannar 2001 u l-31 ta' Diċembru 2001. |
|
(25) |
Fir-rigward tat-tariffi li kellha tħallas Ryanair, id-Danimarka tispjega li, skont il-ftehim ewlieni, Ryanair kienet obbligata tħallas lill-ajruport ta' Aarhus it-tariffi li ġejjin miġburin fil-qosor fit-Tabella 2. Tabella 2 It-tariffi tal-ajruport li trid tħallas Ryanair lill-ajruport ta' Aarhus skont il-ftehim ewlieni konkluż fl-1999
|
|||||||||||||||
|
(26) |
Id-Danimarka tindika li skont il-ftehim ewlieni, l-ajruport ta' Aarhus kien obbligat jagħti lil Ryanair tnaqqis ta' DKK […] (għall-ewwel … snin, jiġifieri mill-…. sal-…), jew DKK […] (għall-aħħar […] snin, jiġifieri […]) fit-tariffa għas-servizzi tal-passiġġieri (dan ifisser skont ta' […] fuq it-tariffa applikabbli għas-servizzi tal-passiġġieri), jekk Ryanair tagħmel dħul nett ta' DKK […] jew inqas għal kull passiġġier bla ritorn fuq ir-rotta ta' Londra Stansted. Id-Danimarka tiċċara li dan kien il-każ mill-1999 'il quddiem. |
Il-ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni tal-1999
|
(27) |
Id-Danimarka tindika li dakinhar stess, fit-2 ta' Novembru 1999, Ryanair u l-ajruport ta' Aarhus ikkonkludew it-tieni ftehim (“il-ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni”). |
|
(28) |
Id-Danimarka tispjega li l-ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni obbliga lill-ajruport ta' Aarhus iħallas lil Ryanair:
|
|
(29) |
Id-Danimarka tispjega wkoll li, skont il-ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni, it-tnaqqis fit-tariffi tal-miżata għall-illandjar/it-tlugħ/ta' billejl tqies li huwa appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni. Id-Danimarka tiddikjara li l-ajruport ta' Aarhus ma kienx jaf x'kien l-iskop tal-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni mħallas iżda assuma li kien sabiex jaqsam il-kostijiet għar-rotta Aarhus/Londra-Stansted. |
3.3. Applikazzjoni tal-Prinċipju ta' Operatur f'Ekonomija tas-Suq u s-selettività
|
(30) |
Rigward l-applikazzjoni tal-Prinċipju ta' Operatur f'Ekonomija tas-Suq (“MEOP”), id-Danimarka hija tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tqabbel l-imġiba tal-ajruport ta' Aarhus mal-imġiba allegata ta' operatur privat iggwidat mill-prospetti ta' profittabilità fit-tul u t-tir ta' politika settorjali. |
|
(31) |
Id-Danimarka tiddikjara li l-profittabilità tal-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair trid tiġi vvalutata għad-durata sħiħa mistennija tal-ftehimiet inkwistjoni (dan ifisser perjodu ta' għaxar snin). Id-Danimarka tiddikjara li l-ftehimiet tal-1999 kellhom impatt pożittiv fuq il-finanzi tal-ajruport għall-perjodu bejn l-1999 u l-2009. |
|
(32) |
Id-Danimarka tiċċara li, fi żmien il-konklużjoni tal-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair, l-ajruport ta' Aarhus kien qiegħed iħabbat wiċċu ma' dawn l-isfidi: L-ewwel nett, kien f'kompetizzjoni għal-linji tal-ajru u l-passiġġieri mal-ajruport ta' Billund li, bħala l-ikbar ajruport fir-reġjun ta' Jutland, kellu pożizzjoni kompetittiva iktar b'saħħitha. It-tieni nett, l-ajruport ta' Aarhus kien qiegħed jopera b'40 % biss mill-kapaċità tiegħu u diġà kien bata minn tnaqqis fil-passiġġieri, minn madwar 860 000 għal madwar 596 000 mill-1996 sal-1999, bi tnaqqis ulterjuri mistenni fis-snin li ġejjin. It-tielet nett, l-attività militari tal-ajruport, il-Bażi tal-Ajru ta' Tirstrup, kienet waqfet, u dan fisser li l-kostijiet netti annwali ta' Aarhus assoċjati mal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, is-servizzi tat-tifi tan-nar u ta' salvataġġ, u s-servizzi tekniċi u ta' fuq l-art kienu żdiedu b'DKK 10-12-il miljun. Ir-raba' nett, fl-2004 kienet skedata li tinfetaħ awtostrada ġdida (jiġifieri l-awtostrada ta' Djursland) li tipprovdi ħolqa tat-trasport iktar veloċi u faċli ma' Tirstrup. |
|
(33) |
Id-Danimarka tispjega wkoll li kien infetaħ il-Pont ta' Great Belt (li ta lill-vjaġġaturi l-għażla li jsuqu minn Aarhus għal Copenhagen) u kienet ingħalqet ir-rotta ta' SAS lejn Londra. Id-Danimarka tindika li l-ftuħ tal-Pont ta' Great Belt naqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bejn Aarhus u Copenhagen minn madwar ħames sigħat għal madwar tliet sigħat għal mezzi alternattivi tat-trasport (karozza/ferrovija/mezz tat-trasport veloċi tul korp tal-ilma). |
|
(34) |
Id-Danimarka tindika li f'dan il-kuntest (ara l-premessi 32 u 33), l-ajruport ta' Aarhus kellu jipprovdi inċentivi sabiex jattira klijenti ġodda u jimla l-kapaċità mhux utilizzata. Id-Danimarka tiċċara li d-direttur tal-ajruport ta' Aarhus stima li Ryanair kienet sejra tkun kapaċi tattira madwar […] passiġġier addizzjonali fis-sena lejn l-ajruport. Id-Danimarka tiddikjara li, fuq il-bażi ta' dawn il-previżjonijiet ta' passiġġieri, il-ftehimiet kienu mistennijin jiġġeneraw dħul nett ta' madwar DKK […] (EUR […]) fl-2001. Id-Danimarka tispjega li l-affidabbiltà tal-previżjonijiet tad-direttur kienet ikkonfermata mir-riżultati li nkisbu fil-prattika, bħal pereżempju fl-2001 id-dħul nett iġġenerat mill-ftehimiet tal-1999 kien ta' DKK […] (EUR […]). Id-Danimarka tisħaq li l-kostijiet kollha (bħal, pereżempju, il-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni, tas-servizzi fuq l-art u oħrajn) imġarrbin mill-ajruport b'rabta mad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ma' Ryanair huma ffinanzjati direttament mid-dħul iġġenerat minn dak il-ftehim. Barra minn hekk, id-Danimarka tiddikjara li d-dħul nett iġġenerat mill-ftehim jikkontribwixxi għall-profittabilità ġenerali tal-ajruport. |
|
(35) |
Id-Danimarka tindika li l-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair ma kinux jeħtieġu li l-ajruport ta' Aarhus jagħmel xi investiment, għaliex l-ajruport kien qiegħed jopera f'40 % biss mill-kapaċità tiegħu. Id-Danimarka tiċċara li anki fir-rigward tal-kostijiet operatorji tal-ajruport ta' Aarhus, il-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair ipprovdew li l-persunal seta' jkopri sa 60 % mill-kapaċità, pereżempju l-persunal tas-servizzi fuq l-art diġà kien iffinanzjat minn dħul ieħor tal-ajruport. |
|
(36) |
Fir-rigward tal-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni mħallas mill-ajruport ta' Aarhus lil Ryanair skont il-ftehim tal-kummerċjalizzazzjoni, id-Danimarka tindika li l-maniġment tal-ajruport kien qiegeħd jistenna li Ryanair tassisti lill-ajruport billi żżid l-espożizzjoni tiegħu. Id-Danimarka tiċċara wkoll li, fl-istess ħin, l-ajruport ta' Aarhus iddeċieda li jnaqqas l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni l-oħrajn tiegħu peress li dawn ħadulhom posthom dawk ta' Ryanair, bħal fost l-oħrajn ir-reklamar tal-ajruport ta' Aarhus fuq is-sit web ta' Ryanair u fl-ajruporti serviti. |
|
(37) |
Id-Danimarka tiċċara li l-intenzjoni tal-ajruport ta' Aarhus kienet li jżid id-dħul tiegħu billi jżid il-passiġġieri u d-dħul minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi (bħad-dħul mix-xiri jew mill-parkeġġi). Id-Danimarka tiċċara wkoll li, fiż-żmien li fih ġew konklużi l-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair, l-ajruport ta' Aarhus kien qiegħed jistenna li l-parkeġġ bi ħlas sejjer isir ġeneratur potenzjali ewlieni tad-dħul. Fir-rigward tad-dħul mix-xiri, id-Danimarka tiċċara li kienet qiegħda tinkera biss 30 % mill-kapaċità disponibbli tal-ajruport. |
|
(38) |
Għal dawn ir-raġunijiet, id-Danimarka hija tal-fehma li l-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair kienu konklużi skont il-MEOP peress li bejn l-1999 u l-2009 dawn il-ftehimiet kienu mistennijin jikkontribwixxu madwar DKK […] għall-profittabilità tal-ajruport u, b'hekk, żiedu l-vijabbiltà finanzjarja tal-operatur tal-ajruport. |
|
(39) |
Sabiex issostni din il-pożizzjoni, id-Danimarka pprovdiet il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju u s-suppożizzjonijiet marbutin mal-profittabilità tal-maniġment tal-operatur tal-ajruport. It-Tabella 3 tiġbor il-profittabilità mistennija tal-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanar ipprovduta mid-Danimarka: Tabella 3 Ħarsa ġenerali lejn il-profittabilità mistennija tal-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair għall-ajruport ta' Aarhus f'1 000 DKK
|
|
(40) |
Id-Danimarka tiċċara li Ryanair ma tirċivix vantaġġ selettiv peress li l-iskontijiet mogħtijin fuq il-bażi tal-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair kienu ngħataw lil SAS ukoll fl-imgħoddi. Barra minn hekk, id-Danimarka indikat li fl-1999, Cimber Air A/S u Maersk Air A/S kienu ngħataw l-istess skont ta' 50 % wkoll bħal Ryanair. Id-Danimarka tiddikjara wkoll li anki l-linja tal-ajru reġjonali Sunair u EasyJet (qabel kienet imsejħa Go) irċivew offerti għal ftehim ta' skont simili. Sabiex issostni dan, id-Danimarka pprovdiet kopji ta' dawn l-ittri. |
|
(41) |
Id-Danimarka hija tal-fehma li l-ftehimiet tal-1999 konklużi bejn l-ajruport ta' Aarhus u Ryanair ġew konklużi bit-termini tas-suq u ma jagħtux vantaġġ lil Ryanair, u b'hekk ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. |
|
(42) |
Barra minn hekk, id-Danimarka tiċċara li l-profittabilità mistennija kienet ikkonfermata wkoll mir-riżultati finanzjarji attwali tal-maniġer tal-ajruport. Id-Danimarka tiddikjara wkoll li, pereżempju, l-ajruport ta' Aarhus għamel profitti netti ta' madwar DKK 2 miljun fl-2010, u anki għas-snin li ġejjin huma mistennijin riżultati pożittivi. Id-Danimarka tindika li l-profitti huma r-riżultat taż-żieda gradwali fil-passiġġieri u l-bidla fit-tul minn titjiriet domestiċi għal titjiriet internazzjonali wara l-ftuħ tal-Pont tal-Great Belt. |
4. KUMMENTI TA' TERZI PERSUNI
|
(43) |
Il-Kummissjoni rċEviet osservazzjonijiet mingħand tliet partijiet interessati. |
4.1. Ryanair
|
(44) |
Ryanair bdiet l-osservazzjonijiet tagħha bid-data tad-29 ta' Mejju 2008 billi ddikjarat li fil-fehma tagħha l-bidu ta' proċedura ta' investigazzjoni formali ma kienx iġġustifikat u neċessarju. Iddikjarat ukoll li jiddispjaċiha li l-Kummissjoni ma tatx lil Ryanair il-possibbiltà li tikkummenta fl-eżami preliminari. |
|
(45) |
Rigward is-sustanza tal-każ, Ryanair hija tal-fehma li l-Kummissjoni missha bbażat lilha nfisha fuq arranġamenti kummerċjali standard u fuq din il-bażi għandha tikkonkludi li l-ftehimiet tal-1999 jirrispettaw l-MEOP, u b'hekk ma jinvolvux għajnuna mill-Istat. Ryanair hija tal-fehma li l-maniġer tal-ajruport ta' Aarhus qiegħed jibbenefika mill-preżenza tagħha fl-ajruport. |
|
(46) |
Fir-rigward tal-MEOP, Ryanair tiddikjara li fil-lat tad-dħul, irid jiġi kkunsidrat kemm id-dħul minn attivitajiet ajrunawtiċi kif ukoll dak minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi. Mil-lat tal-kostijiet, Ryanair tindika li l-kostijiet rilevanti li jridu jiġu kkunsidrati huma l-kostijiet inkrimentali tad-dħul fil-ftehimiet rispettivi ma' linja tal-ajru. Ryanair hija tal-fehma li la l-ispejjeż mitlufin u lanqas l-ispejjeż ġenerali ma għandhom jiġu kkunsidrati. Ryanair tiddikjara li jekk linja tal-ajru tidħol fi ftehim ma' ajruport li jkun profittabbli b'mod inkrimentali, il-ftehim ma jkun fih ebda għajnuna. |
|
(47) |
Ryanair tiddikjara li, b'mod ġenerali, operatur f'ekonomija tas-suq mhuwiex mistenni jidħol fi ftehimiet li jagħmlu t-telf b'mod inkrimentali. Min-naħa l-oħra, Ryanair tiddikjara li għandha ssir eċċezzjoni jekk ajruport ikun ineffiċjenti fiż-żmien li fih jiġi konkluż il-ftehim, iżda jkun jemmen li l-ftehim, b'xi mod, sejjer jgħinu jtejjeb l-effiċjenza tiegħu. F'dak il-każ, skont Ryanair, in-negozju jista' jħalli l-profitt anki jekk fi żmien l-iffirmar tal-ftehim ikun jidher li huwa inqas mill-kostijiet inkrimentali tiegħu. |
|
(48) |
Barra minn hekk, skont Ryanair, il-Kummissjoni missha bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq approġġ komparatur, li bih tqabbel il-ftehimiet konklużi minn Ryanair ma' ajruporti pubbliċi u privati oħrajn. Ryanair tiddikjara wkoll li, meta tivvaluta l-ftehimiet, għandha tikkunsidra wkoll l-esternalitajiet tan-netwerk li jirriżultaw mill-ftehimiet tal-1999. |
|
(49) |
Ryanair hija tal-fehma li l-ftehimiet tal-1999 li huma investigati jikkorrispondu għal ftehim kummerċjali standard bejn ajruport u linja tal-ajru f'suq liberalizzat. Ryanair tindika li fil-qalba tad-deċiżjoni indipendenti tal-ajruport hemm it-tir li jtejjeb l-użu tal-kapaċità tiegħu billi jikseb l-ogħla numru ta' passiġġieri possibbli, sabiex iżid id-dħul tiegħu minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi. |
|
(50) |
Ryanair targumenta li l-ajruport ta' Aarhus segwa l-eżempju ta' ħafna ajruporti privati f'sitwazzjoni komparabbli, u ddeċieda li l-aħjar mod kif jimmassimizza l-għadd ta' passiġġieri huwa li jinċentiva lil-linji tal-ajru sabiex iġibu volumi kbar ta' passiġġieri. Skont Ryanair, l-ajruporti jipprovdu inċentivi bħal dawn għaliex jagħrfu l-fatt li linji tal-ajru li jġibu volumi kbar ta' passiġġieri jiġġeneraw ekonomiji ta' skala għall-maniġer tal-ajruport. Skont Ryanair, l-iskema ta' inċentivi fl-ajruport ta' Aarhus kienet imsejsa fuq l-impenn ta' Ryanair li tal-inqas tiġġenera […] passiġġier fis-sena. |
|
(51) |
Ryanair tipprovdi eżempji ta' ajruporti Ewropej oħrajn li jsegwu strateġija simili bħall-ajruport ta' Aarhus, pereżempju Londra Stansted, Londra Luton, u Frankfurt Hahn. Barra minn hekk, Ryanair tindika li, sabiex ikun irrispettat l-MEOP, dan huwa biżżejjed, jekk il-ftehimiet itejbu s-sitwazzjoni finanzjarja fit-tul tal-ajruport. |
|
(52) |
Ryanair tispjega li t-tariffi li jrid iħallas il-grupp SAS ma jistgħux jitqabblu ma' dawk imħallsin minn Ryanair peress li l-livell ta' servizzi pprovduti, bħar-rekwiżiti tas-servizzi u l-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru, taż-żewġ linji tal-ajru huma differenti. |
|
(53) |
Ryanair hija tal-fehma li l-ftehimiet tal-1999 konklużi mal-ajruport ta' Aarhus jirrispettaw l-MEOP. |
|
(54) |
Fir-rigward tal-imputabbiltà tal-ftehimiet tal-1999, Ryanair hija tal-fehma li l-ajruport ta' Aarhus huwa impriża indipendenti. Ryanair tiddikjara li s-sidien ma jeżerċitawx kontroll fuq il-ġestjoni u l-finanzi tiegħu. Ryanair tispjega li kien il-maniġment li stabbilixxa t-tariffi u nnegozja l-ftehim mal-linja tal-ajru. La l-awtoritajiet pubbliċi u lanqas id-Danimarka ma kienu involuti fin-negozjati. Barra minn hekk, Ryanair temmen li l-azzjonisti tal-ajruport ma għandhom ebda kontroll fuq l-istabbiliment tat-tariffi, inkluż in-negozju ma' Ryanair. |
|
(55) |
Fir-rigward tal-vantaġġ selettiv, Ryanair hija tal-fehma li, peress li l-ajruport ta' Aarhus mhuwiex f'pożizzjoni dominanti f'xi suq Ewropew, nazzjonali jew reġjonali għas-servizzi tal-ajruport, għaldaqstant mhuwiex taħt xi obbligu skont ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni li jittratta lill-klijenti tal-linji tal-ajru tiegħu b'mod mhux diskriminatorju. Minkejja dan, Ryanair tiċċara li l-ajruport ta' Aarhus dejjem segwa l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, u fil-fatt offra l-ftehim, eventwalment aċċettat minn Ryanair, lil għadd ta' linji tal-ajru oħrajn, inklużi SAS, Cimber Air, Sun Air u Maersk. Ryanair tindika li l-fatt li l-ebda waħda minn dawn il-linji tal-ajru ma kienet interessata li tespandi l-operazzjonijiet tagħha minn Aarhus ma jfissirx li Ryanair tgawdi minn trattament preferenzjali. Barra minn hekk, Ryanair tiddikjara li l-ftehimiet tal-1999 tagħha mal-ajruport ta' Aarhus ma fihom ebda referenza għal esklussività. |
|
(56) |
Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq, Ryanair hija tal-fehma li l-ftehimiet konklużi mal-ajruport ta' Aarhus ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. |
4.2. Il-Grupp SAS
|
(57) |
SAS ippreżenta l-kummenti tiegħu fis-16 ta' Ġunju 2008. |
|
(58) |
Fil-fehma ta' SAS, l-ajruport ta' Aarhus mhuwiex indipendenti mis-sidien pubbliċi tiegħu (jiġifieri l-awtoritajiet pubbliċi). SAS jiddikjara li l-maġġoranza tal-membri tal-bord huma maħturin u eletti mis-sidien pubbliċi tal-ajruport. SAS jemmen li, għalhekk, il-membri tal-bord mhumiex indipendenti mill-impjegaturi tagħhom u s-sidien li jirrappreżentaw. |
|
(59) |
Fir-rigward tal-qagħda finanzjarja tal-ajruport, SAS josserva li l-ajruport ta' Aarhus iddikjara li s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu hija soda u li Ryanair tipprovdi kontribuzzjoni netta annwali lill-ajruport ta' madwar DKK 5 sa 6 miljun. SAS jiddikjara li, anki li kieku din il-figura kienet korretta, l-ajruport ta' Aarhus wera riżultat negattiv ta' DKK 2 311 410 għas-sena 2007 minkejja żieda ta' 12,5 % fid-dħul. |
|
(60) |
SAS jargumenta wkoll li l-prestazzjoni finanzjarja dgħajfa tal-maniġer tal-ajruporttidher ukoll fil-fatt li r-riżultati negattivi akkumulati għall-aħħar ħames snin jammontaw għal aktar minn DKK 20 miljun. SAS jemmen li mingħajr is-sussidji mogħtijin lil Ryanair, il-pożizzjoni finanzjarja tal-maniġer tal-ajruport kienet tkun ferm aħjar. |
|
(61) |
SAS huwa tal-fehma li Ryanair ingħatat trattament preferenzjali mill-ajruport ta' Aarhus fil-forma ta' tariffi għas-servizzi tal-passiġġieri ferm imraħħsin kif ukoll tariffi għat-tlugħ u l-illandjar imraħħsin. SAS jargumenta li, bl-għoti ta' trattament preferenzjali lil Ryanair, qiegħda ssir diskriminazzjoni kontra operaturi oħrajn li joperaw fl-ajruport. |
|
(62) |
Barra minn hekk, SAS jiddikjara li dawn it-tnaqqisiet lanqas ma jikkonformaw mal-kriterji ta' kompatibbiltà għall-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni. Skont SAS, jidher li ma hemm ebda forma ta' garanzija ta' volum jew oħra simili offruta minn Ryanair fil-ftehimiet tal-1999 mal-maniġer tal-ajruport. Barra minn hekk, SAS jargumenta li jidher li ma hemm ebda sanzjoni penali f'każ li Ryanair tonqos milli żżomm il-volumi jew l-impenji ddikjarati minnha fil-ftehim oriġinali tal-ajruport meta dan ġie nnegozjat lura fl-1999. Barra minn hekk, SAS jiddikjara li Ryanair ilha tiftaħ u tagħlaq rotot għal dawn l-aħħar ftit snin bla ma jidher li ġarrbet l-ebda impatt negattiv apparenti fuq il-benefiċċji finanzjarji mogħtijin lilha mill-maniġer tal-ajruport. |
|
(63) |
Fl-opinjoni ta' SAS, l-għajnuna mogħtija lil Ryanair mill-maniġer tal-ajruport mhijiex immirata lejn l-iżvilupp ta' reġjun sottożviluppat, iżda li tattira operazzjonijiet addizzjonali f'kompetizzjoni ma' ajruporti oħrajn. |
|
(64) |
Finalment, SAS jiddikjara li l-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair issa ilhom fis-seħħ għal kważi għaxar snin. SAS jemmen li, anki li kieku jista' jiġi argumentat li l-ftehimiet tal-1999 jissodisfaw il-kriterji għall-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru kif stipulati fil-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni, minnu nnifsu, il-perjodu ta' żmien innifsu għandu jrendi l-ftehimiet tal-1999 inkompatibbli fid-dawl tal-kundizzjonijiet stretti sabiex tiġi approvata għajnuna bħal din. |
|
(65) |
Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq, SAS huwa tal-fehma li l-ftehimiet tal-1999 bejn Ryanair u l-ajruport ta' Aarhus jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli mill-Istat. |
4.3. L-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej
|
(66) |
L-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej (Association of European Airlines,“AEA”) issottomettiet il-kummenti tagħha fl-4 ta' Lulju 2008. Il-kummenti tal-AEA kienu jaqblu għalkollox mal-kummenti pprovduti minn SAS. |
5. KUMMENTI MID-DANIMARKA DWAR IL-KUMMENTI TA' TERZI PERSUNI
|
(67) |
Id-Danimarka rċiviet il-kummenti tat-tliet partijiet interessati. |
|
(68) |
Id-Danimarka bdiet l-osservazzjonijiet tagħha billi ddikjarat li l-linji gwida msemmijin minn SAS huma irrilevanti għall-valutazzjoni tal-eżistenza ta' għajnuna rigward il-ftehimiet tal-1999. |
|
(69) |
Id-Danimarka tiddikjara li ma taqbilx mal-osservazzjonijiet ta' SAS li l-ftehimiet tal-1999 huma imputabbli lil dak l-Istat Membru. Id-Danimarka tiddikjara li sabiex tintwera l-imputabbiltà tal-ftehimiet tal-1999 mhuwiex biżżejjed li l-ajruport ta' Aarhus ikun ta' sjieda pubblika, iżda jrid jintwera l-involviment effettiv fid-deċiżjonijiet tal-maniġer tal-ajruport. Id-Danimarka tiddikjara li l-awtoritajiet pubbliċi fl-ebda ħin ma kienu involuti fin-negozjati tal-ftehimiet tal-1999. |
|
(70) |
Barra minn hekk, id-Danimarka tiċħad l-osservazzjonijiet ta' SAS li l-ftehimiet ma fihomx “garanzija ta' volum” jew mekkaniżmu ta' penali f'każ ta' nuqqas ta' konformità minn Ryanair. Id-Danimarka tispjega li l-ftehimiet tal-1999 jinkludu l-possibbiltà li l-patti tal-ftehim jerġgħu jiġu nnegozjati jekk Ryanair tonqos milli tiġġenera l-volum minimu ta' […] passiġġier fl-ewwel ftit snin wara li jiġu konklużi l-ftehimiet. Skont id-Danimarka, dan huwa mekkaniżmu ta' penali. Barra minn hekk, id-Danimarka hija tal-fehma li l-kundizzjonijiet tal-għajnuna tal-bidu stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni mhumiex applikabbli għall-ftehimiet tal-1999. |
|
(71) |
Fir-rigward tal-kummenti ta' Ryanair, id-Danimarka tispjega li l-ftehim tal-1999 bejn l-ajruport ta' Aarhus u Ryanair jirrifletti żvilupp ġenerali eżemplari fis-suq tal-ajruporti reġjonali. |
6. EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA
|
(72) |
Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE “… kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.” |
|
(73) |
Il-kriterji previsti fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi determinat jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, għandhom jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet kollha. Jiġifieri, l-appoġġ finanzjarju għandu:
|
|
(74) |
Peress li l-ajruport ta' Aarhus għandu sjieda pubblika, huwa ċar li għandu riżorsi pubbliċi għad-dispożizzjoni tiegħu. Għaldaqstant, ma hemmx bżonn li jiġi stabbilit kemm ibbenefika minn għajnuna mill-Istat fl-imgħoddi. Meta ġew konklużi l-ftehimiet tal-1999, il-Linji Gwida tal-1994 dwar l-Avjazzjoni xorta waħda kienu jqisu l-finanzjament tal-ajruporti u l-infrastruttura tal-ajruporti mill-Istat bħala miżura ġenerali tal-politika ekonomika li ma tistax tkun ikkontrollata mir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat. Fis-sentenza tagħha fil-kawża Aéroports de Paris tat-12 ta' Diċembru 2000 (7), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dik l-interpretazzjoni u ddikjarat li l-operat ta' ajruport jikkostitwixxi attività ekonomika. Sas-sentenza fil-kawża Aéroports de Paris, l-awtoritajiet pubbliċi setgħu b'mod leġittimu jqisu li l-finanzjament pubbliku tal-ajruporti ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Minħabba l-inċertezza li kienet teżisti qabel din il-kjarifika tal-liġi, il-miżuri ta' finanzjament li ngħataw qabel ma nqatgħet is-sentenza ma setgħux jinxteħtu aktar f'dubju fuq il-bażi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. |
|
(75) |
Sabiex tistabbilixxi jekk il-ftehimiet tal-1999 tawx vantaġġ lil Ryanair, il-Kummissjoni trid teżamina jekk f'ċirkustanzi simili ajruport li jopera f'kundizzjonijiet normali tal-ekonomija tas-suq u ggwidat mill-prospetti ta' profittabilità fit-terminu twil kienx jidħol fl-istess ftehim kummerċjali xi ieħor simili bħall-ajruport ta' Aarhus (8). Normalment, l-eżistenza ta' vantaġġ tista' tkun eskluża jekk (a) il-prezz mitlub għas-servizzi tal-ajruport jikkorrispondi għall-prezz tas-suq jew (b) jekk jista' jintwera permezz ta' analiżi ex ante li l-ftehimiet mal-linja tal-ajru jikkontribwixxu b'mod inkrimentali għall-profittabilità tal-ajruport u huma parti mill-istrateġija ġenerali li twassal għall-profittabilità fit-tul. Barra minn hekk, l-infrastruttura tal-ajruport trid tkun miftuħa għal-linji tal-ajru kollha (din tinkludi infrastruttura li hija iktar probabbli li tintuża minn ċerti kategoriji ta' linji tal-ajru, bħal operaturi low cost jew noleġġi). |
|
(76) |
Skont is-sentenza ta' Charleroi (9), meta tivvaluta l-miżuri inkwistjoni l-Kummissjoni trid tqis il-karatteristiċi rilevanti kollha tal-miżuri u l-kuntest tagħhom. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni trid tanalizza l-impatt mistenni tal-ftehimiet tal-1999 fuq l-ajruport ta' Aarhus filwaqt li tqis il-karatteristiċi rilevanti kollha tal-miżura inkwistjoni. |
|
(77) |
Il-Qorti ddikjarat fis-sentenza ta' Stardust Marine li, “… sabiex ikun eżaminat jekk l-Istat adottax jew le l-aġir ta' investitur prudenti li jopera f'ekonomija tas-suq, huwa meħtieġ li wieħed iqiegħed lilu nnifsu fil-kuntest tal-perjodu li matulu kienu mwettqa l-miżuri ta' sostenn finanzjarju sabiex tkun evalwata r-razjonalità ekonomika tal-kondotta tal-Istat, u għalhekk m'għandha ssir ebda evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti [traduzzjoni mhux uffiċjali].” (10) |
|
(78) |
Sabiex tkun tista' tapplika t-test tal-operatur f'ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni trid tpoġġi lilha nnifisha fiż-żmien meta ġew konklużi l-ftehimiet tal-1999 bejn l-ajruport ta' Aarhus u Ryanair (jiġifieri fit-2 ta' Novembru 1999). Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni u s-suppożizzjonijiet li kienu għad-dispożizzjoni tal-ajruport meta ġew iffirmati l-ftehimiet tal-1999 għal durata ta' għaxar snin. |
Tqabbil mal-prezz tas-suq: valutazzjoni komparattiva
|
(79) |
Ryanair targumenta li sabiex jiġi eskluż vantaġġ ekonomiku li ma kienx jinkiseb f'kundizzjonijiet normali tas-suq, it-tariffi fil-ftehimiet tal-1999 iridu jitqabblu mat-tariffi tal-ajruport applikati f'ajruporti Ewropej oħrajn lil linji tal-ajru low cost. |
|
(80) |
Il-Kummissjoni tqis li, tabilħaqq, valutazzjoni komparattiva tat-tariffi tal-ajruporti hija approċċ possibbli sabiex tiġi vvalutata l-preżenza ta' għajnuna lil-linji tal-ajru. Madankollu, l-identifikazzjoni ta' valur referenzjarju l-ewwel titlob li jkun jista' jintgħażel għadd suffiċjenti ta' ajruporti komparabbli li jipprovdu servizzi komparabbli f'kundizzjonijiet normali tas-suq. |
|
(81) |
F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li fiż-żmien meta ġew konklużi l-ftehimiet tal-1999, l-ajruporti tal-UE ma kinux jitqiesu bħala impriżi. |
|
(82) |
Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, anki jekk xi ajruporti huma proprjetà privata jew amministrati mill-privat mingħajr kunsiderazzjonijiet soċjali jew reġjonali, il-prezzijiet mitluba minn dawn l-ajruporti jistgħu jkunu influwenzati ħafna mill-prezzijiet mitluba mill-maġġoranza ta' maniġers ta' ajruporti ssussidjati minn fondi pubbliċi, hekk kif dawn il-prezzijiet imsemmijin l-aħħar jittieħdu f'kunsiderazzjoni mil-linji tal-ajru matul in-negozjati tagħhom mal-ajruporti li huma proprjetà privata jew amministrati mill-privat. |
|
(83) |
F'dan il-każ, l-ajruporti komparattivi għandhom sjieda pubblika jew inkella rċivew finanzjament minn fondi pubbliċi fl-imgħoddi. Barra minn hekk, il-livell tas-servizzi pprovduti mill-ajruporti komparaturi jidher li jvarja wkoll, pereżempju bħall-parkeġġ għall-inġenji tal-ajru bbażati, il-parkeġġ għall-karozzi għall-persunal ta' Ryanair, l-uffiċċju bażi, il-ħangar, il-faċilitajiet ta' forniment tal-ikel, il-kamra ta' taħriġ, eċċ.; u l-ftehimiet għandhom durata differenti wkoll. |
|
(84) |
F'dawk iċ-ċirkustanzi (ara l-premessi minn 79 sa 83), il-Kummissjoni tqis li bħalissa ma jistax jiġi identifikat valur referenzjarju adatt sabiex jiġi stabbilit il-prezz tas-suq għas-servizzi pprovduti mill-maniġer tal-ajruport. |
Analiżi tal-profittabilità tal-ftehimiet tal-1999
|
(85) |
Fin-nuqqas ta' valur referenzjarju tas-suq identifikabbli, il-Kummissjoni tqis li l-analiżi ex ante tal-profittabilità inkrimentali hija l-kriterju rilevanti għall-valutazzjoni tal-arranġamenti konklużi mill-ajruport ma' linji tal-ajru individwali. |
|
(86) |
Il-Kummissjoni tqis li d-differenzazzjoni fil-prezz hija prattika standard tan-negozju. Minkejja dan, tali politiki ta' pprezzar iddifferenzjat għandhom jiġu ġustifikati mil-lat kummerċjali li jissodisfaw it-test tal-operatur f'ekonomija tas-suq (11). |
|
(87) |
Id-Danimarka targumenta li l-ajruport ta' Aarhus aġixxa b'mod razzjonali u ssostni l-argumenti tagħha b'kopja tal-kalkoli ex ante tal-ajruport. |
|
(88) |
F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-infrastruttura tal-ajruport li tuża Ryanair hija miftuħa għal-linji tal-ajru kollha l-oħrajn. |
|
(89) |
Il-Kummissjoni trid tivvaluta wkoll jekk il-ftehimiet tal-1999 jistgħux jitqiesu li huma konformi mat-test ta' operatur f'ekonomija tas-suq. |
|
(90) |
F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li ftehim konkluż bejn linja tal-ajru u ajruport jista' jitqies li huwa konformi mat-test ta' operatur f'ekonomija tas-suq meta jikkontribwixxi b'mod inkrimentali, minn perspettiva ex ante, għall-profittabilità tal-ajruport. L-ajruport għandu juri li tul id-durata tal-ftehim jiflaħ ikopri l-kostijiet kollha li jirriżultaw mill-ftehim ma' linja tal-ajru b'marġni ta' profitt raġonevoli (12) fuq il-bażi ta' prospetti fit-tul solidi (13) meta jidħol fil-ftehim. |
|
(91) |
Sabiex ikun ivvalutat jekk ftehim konkluż minn ajruport ma' linja tal-ajru jikkonformax mat-test ta' operatur f'ekonomija tas-suq, id-dħul mistenni minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi li jirriżultaw mill-attività tal-linja tal-ajru għandhom jitqiesu flimkien mat-tariffi tal-ajruporti, netti minn kwalunkwe tnaqqis, sostenn għall-kummerċjalizzazzjoni u skema ta' inċentivi. B'mod simili, għandhom jiġu kkunsidrati l-kostijiet kollha mistennijin imġarrbin b'mod inkrimentali mill-ajruport fir-rigward tal-attività tal-linja tal-ajru fl-ajruport. Tali kostijiet inkrimentali jistgħu jinkludu l-kategoriji kollha ta' spejjeż jew investimenti, bħal persunal, tagħmir u kostijiet ta' investiment inkrementali mġarrbin minħabba l-preżenza tal-linja tal-ajru fl-ajruport. Għall-kuntrarju, il-kostijiet li l-ajruport ikollu jħallas xorta waħda, indipendentement mill-arranġament mal-linja tal-ajru, ma għandhomx jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tal-MEOP. |
|
(92) |
Fil-kalkoli tal-profittabilità mwettqin mill-maniġment tal-ajruport, qieset l-impenji ta' Ryanair kif stipulati fil-ftehimiet tal-1999 u ż-żieda mistennija fil-passiġġieri. Skont il-ftehimiet tal-1999, Ryanair ħadet impenn li tniedi l-operazzjoni tagħha fl-ajruport ta' Aarhus b'tal-inqas […] rotazzjoni. Fl-istess ħin, Ryanair ħadet impenn li fl-2001 tiġġenera tal-inqas […] passiġġier fis-sena fl-ajruport ta' Aarhus. Il-ftehim ewlieni tal-1999 jipprovdi għal skeda tat-tariffi għal kull rotazzjoni (ara t-Tabella 2). L-ajruport ta' Aarhus kien qiegħed jistenna li jiġġenera madwar 150 000 passiġġier fis-sena matul l-ewwel snin mill-bidu tal-attività ta' Ryanair fl-ajruport b'distribuzzjoni supponuta nofs b'nofs bejn il-passiġġieri tielqa u li ġejjin fuq il-bażi ta' […] rotazzjoni. |
|
(93) |
B'mod proporzjonat għaż-żieda fil-passiġġieri, l-ajruport ta' Aarhus kien qiegħed jistenna li jżid id-dħul tiegħu minn attivitajiet mhux ajrunawtiċi li ġej b'mod partikolari mill-parkeġġ għall-karozzi wkoll. Barra minn hekk, l-ajruport kien qiegħed jistenna li tul id-durata tal-ftehim ma' Ryanair anki d-dħul mix-xiri fl-ajruport kien sejjer jiżdied. |
|
(94) |
Fir-rigward tal-kostijiet mistennijin miġjuba mill-preżenza ta' Ryanair fl-ajruport, l-ajruport ta' Aarhus kien qiegħed jistenna li ma kien se jkun hemm bżonn ebda investiment addizzjonali sabiex jiġu pprovduti s-servizzi lil Ryanair. Minn qabel ma bdiet l-attività ta' Ryanair fl-ajruport, kienet tintuża 40 % biss mill-kapaċità tal-ajruport ta' Aarhus. Għaldaqstant, l-ajruport ta' Aarhus assuma li ma kien sejjer jirriżulta ebda kost operatorju addizzjonali marbut mat-tlugħ/mal-illandjar u mas-servizzi fuq l-art. |
|
(95) |
Fil-kalkolu tiegħu, l-ajruport ta' Aarhus qies il-kostijiet għas-servizzi fuq l-art. Dawn il-kostijiet kienu previżjoni fuq il-bażi tal-pagi għal tliet membri tal-persunal għal sagħtejn għal kull tluq għaċ-check-in u t-tlugħ abbord tal-passiġġieri ta' Ryanair, anki jekk seta' jiġi supponut li mhuwiex sejjer ikun hemm bżonn tal-membri kollha għas-sagħtejn sħaħ taċ-check-in. Barra minn hekk, Ryanair topera titjiriet barra l-eqqel sigħat ta' filgħodu u filgħaxija. Għaldaqstant, il-persunal tas-servizzi fuq l-art tal-ajruport ta' Aarhus għandu ħin liberu sabiex jipprovdi servizzi lil Ryanair u ma kienx hemm bżonn li jdaħħal persunal addizzjonali. Barra minn hekk, is-servizzi ta' fuq l-art għall-inġenji tal-ajru ta' Ryanair huma limitati wkoll. L-ajruport ta' Aarhus ma jipprovdi ebda servizz ta' manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru, u lanqas ma jnaddaf l-inġenji tal-ajru ta' Ryanair. Barra minn hekk, lanqas ma hemm bżonn ta' servizz ta' mbottar lura tal-inġenji tal-ajru, u lanqas trasport tal-passiġġieri lejn u mill-inġenju tal-ajru. Il-passiġġieri ta' Ryanair jimxu mill-inġenju tal-ajru għat-terminal. |
|
(96) |
Minbarra l-kostijiet marbutin mas-servizzi fuq l-art, l-ajruport ta' Aarhus inkluda fil-kalkolu tiegħu l-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni li jirriżultaw mal-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni tal-1999. |
|
(97) |
It-Tabella 4 tiġbor il-kalkoli tad-dħul u l-kostijiet b'rabta mal-ftehimiet tal-1999 u l-kontribuzzjoni pożittiva tagħhom għall-profittabilità tal-ajruport ta' Aarhus matul id-durata tiegħu. Dawn il-kalkoli huma bbażati fuq il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju pprovdut mid-Danimarka u s-suppożizzjonijiet deskritti hawn fuq. Tabella 4 Kalkolu tal-profittabilità inkrimentali f'termini tal-Valur Preżenti Nett tal-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair
|
|
(98) |
Il-Kummissjoni tosserva li l-kalkolu tal-profittabilità mwettaq mill-maniġment tal-ajruport ta' Aarhus qies il-kostijiet kollha indotti mill-preżenza ta' Ryanair fl-ajruport (jiġifieri l-kostijiet inkrimentali kollha). Il-kostijiet indotti mill-preżenza ta' Ryanair kienu l-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni u l-kostijiet għas-servizzi fuq l-art. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li ma kienx hemm bżonn li jinħatar persunal addizzjonali għas-servizzi fuq l-art sabiex jiġu operati t-titjiriet ta' Ryanair. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-operar tat-titjiriet ta' Ryanair barra l-eqqel sigħat jippermetti lill-ajruport juża aħjar il-kapaċità inutilizzata u jsir iktar effiċjenti. Konsegwentement, anki l-kostijiet għas-servizzi fuq l-art jidhru li fil-parti l-kbira mhumiex kostijiet inkrimentali. |
|
(99) |
Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, minħabba l-kapaċità żejda wara t-tnaqqis tal-frekwenzi u l-għeluq tar-rotot minn SAS, il-kostijiet operatorji kollha l-oħrajn tqiesu bħala kostijiet mhux inkrimentali, li kienu jiġġarrbu indipendentement mill-ftehimiet ma' Ryanair. Fid-dawl tal-kapaċità żejda fl-ajruport, lanqas ma kien hemm bżonn ta' investimenti infrastrutturali sabiex jiġu akkomodati l-passiġġieri ta' Ryanair. |
|
(100) |
F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva li fl-1999, meta ġew konklużi l-ftehimiet inkwistjoni ma' Ryanair, l-ajruport kien għadu qiegħed ibati mit-tnaqqis fil-passiġġieri minħabba l-bini tal-Pont tal-Great Belt. L-għadd ta' passiġġieri kien naqas b'iktar minn 200 000 mill-1996 sal-1999, b'tendenza ta' iktar tnaqqis. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li fl-1999 SAS għalaq ir-rotta ta' Londra tiegħu. Konsegwentement, l-ajruport kien operat f'kapaċità ta' madwar 40 % biss. Barra minn hekk, il-parti militari tal-ajruport kienet ingħalqet, u dan ifisser li l-kostijiet operatorji mhux inkrimentali mhux koperti tal-ajruport ta' Aarhus kienu sejrin jiżdiedu b'mod sinifikanti. |
|
(101) |
Il-kalkolu tal-profittabilità qies id-dħul kollu li rriżulta mill-ftehimiet ma' Ryanair u proporzjon ta' dħul mhux minn attivitajiet ajrunawtiċi (bħal tariffi għall-parkeġġ, dħul tal-konċessjoni minn ħwienet u ristoranti) b'mod proporzjonat għas-sehem mill-passiġġieri ta' Ryanair għall-għadd totali ta' passiġġieri fl-ajruport. Il-profitti inkrimentali kkalkolati tul id-durata tal-ftehim ġew skontati għat-termini tal-valur preżenti b'rata ta' skont ta' bejn 8,5 % u 15 % sabiex jingħata kont lil marġni ta' profitt raġonevoli. |
|
(102) |
Il-Kummissjoni tosserva li l-maniġment tal-ajruport ta' Aarhus, wara li qies il-kostijiet u d-dħul inkrimentali kollha bħala riżultat tal-attività ta' Ryanair fl-ajruport, kien qiegħed jistenna li tul id-durata tagħhom il-ftehimiet tal-1999 kienu sejrin jiġġeneraw kontribuzzjoni pożittiva għall-profittabilità tal-ajruport ta' Aarhus b'VPN ta' DKK 32,5 miljun (rata ta' skont = 8,5 %) u DKK 22,0 miljun (rata ta' skont = 15 %). Minħabba l-kontribuzzjoni pożittiva mistennija kien mistenni li anke l-attività globali tal-ajruport ta' Aarhus issir aktar profittabbli tul id-durata tal-ftehimiet tal-1999. Peress li l-ftehimiet tal-1999 ikopru l-kostijiet inkrimentali kollha u saħansitra jipprovdu wkoll kontribuzzjoni pożittiva għall-profittabilità tal-ajruport ta' Aarhus, mingħajr dawn il-ftehimiet il-maniġer tal-ajruport kien ikun inqas profittabbli. |
|
(103) |
Dan ir-riżultat huwa sostnut ukoll mill-analiżijiet tas-sensittività tal-espert tal-Kummissjoni, filwaqt li qies il-kostijiet addizzjonali (bħall-ilma, id-dawl, is-sigurtà u d-deprezzament). Il-Kummissjoni tosserva li għad li ċerti kostijiet, bħall-ilma, jistgħu jitqiesu li huma inkrimentali għall-ftehimiet tal-1999, il-kostijiet l-oħrajn (id-dawl, is-sigurtà u d-deprezzament) mhumiex inkrimentali għall-ftehimiet tal-1999. It-Tabella 5 tiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-analiżijiet tal-profittabilità tal-ftehimiet tal-1999 filwaqt li tqis dawn il-kostijiet addizzjonali. Tabella 5 Analiżijiet tas-sensittività tal-kalkolu tal-profittabilità inkrimentali (f'termini tal-VPN) tal-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair
|
|
(104) |
Il-Kummissjoni tosserva li anki wara li tqis il-kostijiet addizzjonali (inklużi l-kostijiet mhux inkrimentali), bħall-kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ilma, tad-dawl, tas-sigurtà u tad-deprezzament b'mod proporzjonat għall-passiġġieri ttrasportati (14), il-ftehimiet tal-1999 xorta waħda jipprovdi kontribuzzjoni pożittiva għall-profittabilità tal-operatur tal-ajruport. Barra minn hekk, skont il-valutazzjoni mwettqa mill-espert tal-Kummissjoni, minħabba l-persentaġġ għoli ta' kostijiet mhux inkrimentali u kapaċità żejda, li kieku l-ajruport ma daħalx fi ftehim ma' Ryanair, kien iġarrab telf operatorju. |
|
(105) |
Il-Kummissjoni tossera wkoll li, meta tiġi biex tivvaluta l-arranġamenti tal-ajruport/linji tal-ajru, għandha tivvaluta wkoll kemm l-arranġamenti vvalutati jistgħu jitqiesu li huma parti mill-implimentazzjoni ta' strateġija globali tal-ajruport li twassal għal profittabilità, għall-inqas fit-tul. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tieħu f'kunsiderazzjoni l-evidenza fattwali li kienet disponibbli, u l-iżviluppi li b'mod raġonevoli setgħu jkunu mistennija, fiż-żmien meta saru l-ftehimiet tal-1999, b'mod partikolari l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq, notevolment il-bidliet fis-suq xprunati mil-liberalizzazzjoni fis-suq tat-trasport bl-ajru, id-dħul fis-suq u l-iżvilupp ta' trasportaturi low cost u trasportaturi oħrajn li joperaw minn punt sa punt, il-bidliet fl-istruttura organizzattiva u ekonomika tal-industrija tal-ajruporti; il-livell ta' diversifikazzjoni u l-kumplessità tal-funzjonijiet imwettqa mill-ajruporti, it-tisħiħ tal-kompetizzjoni bejn il-linji tal-ajru u l-ajruporti, l-ambjent ekonomiku inċert minħabba l-bidliet fil-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq jew kwalunkwe inċertezza oħra fl-ambjent ekonomiku. |
|
(106) |
Kif intqal fil-premessa 74, il-ftehimiet tal-1999 ġew konklużi fi żmien meta l-finanzjament tal-ajruporti u l-infrastruttura tal-ajruporti mill-Istat kien meqjus mill-Kummissjoni stess li huwa miżura ġenerali tal-politika ekonomika li ma setgħetx tkun ikkontrollata mir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, sas-sentenza fil-kawża “Aéroports de Paris”, l-awtoritajiet pubbliċi setgħu b'mod leġittimu jqisu li l-finanzjament pubbliku tal-ajruporti ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
|
(107) |
Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-liberalizzazzjoni tat-trasport tal-ajru fl-1997 (15) wasslet għall-feġġa ta' operaturi low cost li joperaw b'mudell tan-negozju ġdid. Fiż-żmien li fih ġew konklużi l-ftehimiet tal-1999, is-sehem mis-suq tal-UE tal-operaturi low cost kien jammonta għal madwar 5 %, b'potenzjal ta' tkabbir mistenni. |
|
(108) |
F'dan il-każ, il-Kummissjoni tosserva wkoll li, minħabba l-ftuħ tal-Pont tal-Great Belt, l-ajruport ta' Aarhus iddeċieda li jimmodifika l-mudell tan-negozju tiegħu u jeqleb minn titjiriet domestiċi għal dawk internazzjonali. |
|
(109) |
Barra minn hekk, kif intqal fil-premessa 102, il-ftehimiet tal-1999 jikkontribwixxu għall-profittabilità tal-ajruport. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li skont id-Danimarka, minħabba ż-żieda gradwali fil-passiġġieri u l-qlib fit-tul minn titjiriet domestiċi għal dawk internazzjonali wara l-ftuħ tal-Pont tal-Great Belt, l-ajruport ta' Aarhus għamel profitti netti ta' madwar DKK 2 miljun fl-2010 u għas-snin li ġejjin qiegħed jistenna riżultati pożittivi wkoll. |
|
(110) |
Konsegwentement, il-ftehimiet tal-1999 jistgħu jitqiesu li huma parti minn strateġija ġenerali tal-ajruport li twassal għall-profittabilità tal-inqas fit-tul. |
|
(111) |
Finalment, il-Kummissjoni tosserva li l-infrastruttura tal-ajruport li tuża Ryanair hija miftuħa għal-linji tal-ajru kollha l-oħrajn ukoll. |
Konklużjoni
|
(112) |
Fid-dawl tal-kalkolu tal-profittabilità inkrimentali li għamlet (ara l-premessi 82 sa 103), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ftehimiet tal-1999 (16) bejn l-ajruport ta' Aarhus u Ryanair jirrispettaw l-MEOP, peress li jikkontribwixxu b'mod inkrimentali, minn perspettiva ex ante, għall-profittabilità tal-ajruport. Fi kliem ieħor, il-kostijiet kollha tal-ajruport li jirriżultaw mill-ftehim ma' Ryanair huma koperti mid-dħul inkrimentali (minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi) b'marġni ta' profitt raġonevoli. Barra minn hekk, il-ftehimiet tal-1999 jistgħu jitqiesu li huma parti minn strateġija ġenerali tal-ajruport li twassal għall-profittabilità tal-inqas ft-tul, u l-infrastruttura użata minn Ryanair hija miftuħa għal-linji tal-ajru kollha l-oħrajn ukoll. |
|
(113) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-deċiżjoni tal-ajruport ta' Aarhus li jidħol fil-ftehimiet tal-1999 ma' Ryanair ma tagħti ebda vantaġġ ekonomiku lil-linja tal-ajru li ma kinitx tikseb f'kundizzjonijiet normali tas-suq. |
7. KONKLUŻJONI
|
(114) |
Peress li mhuwiex issodisfat wieħed mill-kriterji kumulattivi skont l-Artikolu 107 (1) tat-TFUE, il-Kummissjoni tqis li l-ftehimiet tal-1999 li bdew fit-2 ta' Novembru 1999 bejn l-ajruport ta' Aarhus u Ryanair ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-ftehim ewlieni u l-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi fit-2 ta' Novembru 1999 bejn Aarhus Lufthavn A/S u Ryanair Ltd. ma jikkostitwixxux għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.
Magħmul fi Brussel, l-20 ta' Frar 2014.
Għall-Kummissjoni
Joaquín ALMUNIA
Viċi President
(1) ĠU C 109, 30.4.2008, p. 15.
(2) B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Iż-żewġ settijiet ta' Artikoli huma, fis-sustanza tagħhom, identiċi. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE, fejn xieraq. It-TFUE introduċa wkoll ċerti bidliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta' “Komunità” b'“Unjoni” u “suq komuni” b'“suq intern”. It-terminoloġija tat-TFUE sejra tintuża tul din id-Deċiżjoni kollha.
(3) ĠU C 109, 30.4.2008, p. 15.
(4) L-operatur tal-ajruport huwa proprjetà tal-muniċipalitajiet/kontej li ġejjin: Il-Muniċipalità ta' Århus (64,60 %), il-Muniċipalità ta' Randers (16,70 %), il-Muniċipalità ta' Grenå (4,80 %), il-Muniċipalità ta' Ebeltoft (3,00 %), u l-Kontea ta' Århus (10,90 %).
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Linji gwida tal-Komunità dwar l-iffinanzjar tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1).
(6) Din l-informazzjoni hija koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali msemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2003) 4582 tal-1 ta' Diċembru 2003 dwar is-sigriet professjonali f'deċiżjonijiet ta' għajnuna mill-Istat (ĠU C 297, 9.12.2003, p. 6).
(7) Sentenza tat-12 ta' Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, T-128/98, ECLI:EU:T:2000:290.
(8) Sabiex twettaq il-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkummissjonat studju minn Moore Stephens ukoll (“l-espert tal-Kummissjoni”). L-espert tal-Kummissjoni analizza d-dejta finanzjarja u l-ftehimiet tal-1999 konklużi minn Ryanair u l-ajruport ta' Aarhus.
(9) Sentenza tas-17 ta' Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T-196/04, ECLI:EU:T:2008:585, il-paragrafu 59 (“is-sentenza ta' Charleroi”).
(10) Sentenza tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-paragrafu 71 (“is-sentenza ta' Stardust Marine”).
(11) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/60/UE tas-27 ta' Jannar 2010 dwar għajnuna mill-Istat C 12/08 (ex NN 74/07) — Is-Slovakkja – Ftehim bejn l-Ajruport ta' Bratislava u Ryanair (ĠU L 27, 1.2.2011, p. 24), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża C25/2007 – Il-Finlandja – L-ajruport ta' Tampere Pirkkala u Ryanair, għadha mhijiex ippubblikata fil-ĠU.
(12) Marġni ta' profitt raġonevoli huwa rata “normali” ta' redditu fuq il-kapital, jiġifieri rata ta' redditu li tkun meħtieġa minn kumpanija tipika għal investiment b'riskju simili.
(13) Dan ma jipprekludix it-tbassir li benefiċċji futuri tul id-durata tal-arranġamenti jistgħu jpattu għal telf inizjali.
(14) Is-sehem mill-passiġġieri ta' Ryanair fl-ajruport ta' Aarhus jammonta għal madwar 30 %.
(15) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar liċenzjar ta' air carriers (ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1), ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tal-Kunsill, tat-23 ta' Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (ĠU L 240, 24.8.1992, p. 8), u r-Regolament (KEE) Nru 2409/92 tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1992 dwar nollijiet u rati għal servizzi tal-ajru (ĠU L 240, 24.8.1992, p. 15).
(16) Dan huwa mingħajr ħsara għal kwalunkwe emenda jew sostituzzjoni tal-ftehimiet tal-1999 jew kwalunkwe ftehim supplimentari ieħor konkluż bejn Ryanair direttament jew kwalunkwe entità oħra kkontrollata minn Ryanair u l-maniġer tal-ajruport ta' Aarhus.