Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1800

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1800 tad-29 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/4408

    ĠU L 259, 7.10.2017, p. 14–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1800/oj

    7.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 259/14


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1800

    tad-29 ta' Ġunju 2017

    li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 81(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-applikazzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2013 (2) wera li n-nuqqas ta' standards speċifiċi għal aċċess tad-dejta u aggregazzjoni tad-dejta u ta' tqabbil iwassal għal nuqqasijiet strutturali. In-nuqqas ta' dejta standardizzata, funzjonalità uniformi u format standardizzat ta' messaġġi impedew l-aċċess dirett u immedjat għad-dejta u, konsegwentement, ostakolaw lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 milli jivvalutaw ir-riskju sistemiku b'mod effettiv u b'hekk jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom.

    (2)

    Sabiex jiġu rimedjati dawn l-impedimenti, huwa meħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013 jiġi emendat billi jkomplu jiġu speċifikati l-istandards operazzjonali meħtieġa biex tiġi aggregata u mqabbla d-dejta fir-repożitorji tad-dejta sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ikunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni meħtieġa sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom.

    (3)

    Sabiex it-tqabbil u l-aggregazzjoni effiċjenti tad-dejta jiġu ffaċilitati fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha, il-mudelli b'format XML u l-messaġġi XML żviluppati f'konformità mal-metodoloġija ISO 20022 jenħtieġ li jintużaw għal aċċess għad-dejta u għall-komunikazzjoni bejn l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Hu mistenni li dan ma jeskludix il-possibiltà li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-entitajiet rilevanti jkunu jistgħu jiftiehmu bejniethom biex jipprovdu aċċess jew jikkomunikaw permezz ta' format differenti, apparti dak XML.

    (4)

    Jenħtieġ li l-mudelli tal-format XML jintużaw biex jipprovdu dejta lill-entitajiet rilevanti b'mod li jiffaċilita l-aggregazzjoni tagħha, filwaqt li jenħtieġ li l-messaġġi XML jintużaw biex jissimplifikaw il-proċess ta' skambju ta' dejta bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-entitajiet rilevanti. Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013 ma jeskludix l-użu addizzjonali separat ta' mudelli b'format mhux XML, bħal valuri separati b'virgola (csv) jew fajls ta' test (txt), sakemm dawn jippermettu lill-entitajiet rilevanti jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom. Jenħtieġ li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, għalhekk, jiġu permessi jkomplu jużaw dawk il-formati flimkien mal-użu ta' mudelli b'format XML, iżda qatt ma għandhom ikunu sostitut għalihom. Bħala minimu, jenħtieġ li mudelli b'format XML u messaġġi XML bbażati fuq il-metodoloġija tal-ISO 20022 jintużaw għar-rapporti u l-iskambji kollha tal-output biex jiġu żgurati l-komparabilità u l-aggregazzjoni ta' dejta fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha.

    (5)

    L-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu jiddelegaw il-kompiti u r-responsabbiltajiet lill-ESMA skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 (3), inkluż l-aċċess għal dejta rrapportata lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. L-użu ta' delegazzjoni bħal din ma jenħtieġx li jaffettwa bi kwalunkwe mod l-obbligu tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet biex l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jingħataw aċċess dirett u immedjat għal dik id-dejta.

    (6)

    Sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità, jenħtieġ li kwalunkwe tip ta' skambju ta' dejta bejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u entitajiet rilevanti jitwettaq permezz ta' konnessjoni minn magna għal magna u bl-użu ta' protokolli ta' kriptaġġ tad-dejta. Sabiex jiġu żgurati standards minimi komuni, jenħtieġ li jintuża Protokoll tat-Trasferiment tal-Fajls SSH (SFTP) bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dan ma għandux jeskludi l-possibiltà li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-entitajiet rilevanti jkunu jistgħu jaqblu bejniethom biex jistabbilixxu konnessjonijiet minn magna għal magna sikuri bl-użu ta' kanali addizzjonali, distinti mill-SFTP. Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, għalhekk, jenħtieġ li jiġu permessi jkomplu jużaw konnessjonijiet sikuri oħrajn minn magna għal magna barra l-SFTP, iżda qatt bħala sostitut għalih.

    (7)

    Id-dejta li tikkonċerna l-istat tan-negozju l-aktar reċenti tal-kuntratti tad-derivattivi b'interess miftuħ hija essenzjali għall-monitoraġġ tal-istabbiltà finanzjarja u tar-riskju sistemiku. L-entitajiet rilevanti, għalhekk, jenħtieġ li jkollhom aċċess għal din id-dejta.

    (8)

    Huwa essenzjali li jiġi ffaċilitat aċċess dirett u immedjat għal settijiet ta' dejta speċifiċi u għalhekk, li jiġi stabbilit sett ta' talbiet ad-hoc kombinabbli li jirreferu għall-partijiet tan-negozju, it-termini ekonomiċi, il-klassifikazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kuntratt tad-derivattivi, l-orizzont tal-ħin ta' eżekuzzjoni, ir-rapportar u l-maturità, kif ukoll in-negozju u l-avveniment taċ-ċiklu tal-ħajja.

    (9)

    L-iskadenza sa meta d-dejta tiġi pprovduta mill-entitajiet rilevanti mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li tiġi armonizzata biex jitjieb l-aċċess dirett u immedjat għad-dejta tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet u l-awtoritajiet rilevanti u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jkunu jistgħu jtejbu l-iskedar tal-proċessi tad-dejta interni tagħhom.

    (10)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013 jiġi emendat sabiex ikompli jiġi speċifikat u mtejjeb il-qafas operazzjonali għall-aċċess, l-aggregazzjoni u t-tqabbil tad-dejta fir-repożitorji kollha tad-dejta.

    (11)

    L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament Delegat għandha tiġi diferita sabiex tiffaċilita l-adattamenti ta' sistemi mir-repożitorji tat-trażazzjonijiet għall-ispeċifikazzjonijiet imniżżla f'dan ir-Regolament Delegat.

    (12)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

    (13)

    F'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament u analizzat il-kosti u l-benefiċċji relatati mal-potenzjal. Dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi ppermettew lill-ESMA tikseb l-opinjonijiet tal-awtoritajiet rilevanti u tal-membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), li ġew ippreżentati mill-BĊE. Barra minn hekk, l-ESMA talbet l-opinjonijiet tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq (SMSG) stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013

    1.   L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    a)

    Il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   Ir-Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 aċċess dirett u immedjat, inkluż fejn teżisti d-delegazzjoni taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, għad-dettalji ta' kuntratti ta' derivattivi f'konformità mal-Artikoli 2 u 3 ta' dan ir-Regolament.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu juża format XML u mudell żviluppat f'konformità mal-metodoloġija tal-ISO 20022. Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jista', addizzjonalment, wara ftehim mal-entità kkonċernata, jipprovdi aċċess għal detalji tal-kuntratti tad-derivattivi f'format ieħor li jkun sar qbil reċiproku dwaru.”

    b)

    Il-paragrafu 2 jitħassar.

    2.   Fl-Artikolu 5, il-paragrafi 3 sa 9 li ġejjin huma miżjuda:

    “3.   Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jmantni l-arranġamenti tekniċi meħtieġa biex jiffaċilita lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jikkonettjaw bl-użu ta' interfaċċa sikura minn magna għal magna sabiex jissottometti talbiet tad-dejta u jirċievi d-dejta.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu juża l-Protokoll tat-Trasferiment tal-Fajls SSH. Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu juża messaġġi XML standardizzati żviluppati f'konformità mal-metodoloġija tal-ISO 20022 biex jikkomunika permezz ta' dik l-interfaċċa. Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jista', addizzjonalment, wara ftehim mal-entità kkonċernata, jistabbilixxi konnessjoni bl-użu ta' protokoll ieħor li sar qbil reċiproku dwaru.

    2.4.   F'konformità mal-Artikoli 2 u 3 ta' dan ir-Regolament, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 b'aċċess għall-informazzjoni li ġejja:

    a)

    ir-rapporti kollha dwar kuntratti tad-derivattivi;

    b)

    l-aħħar stati ta' tranżazzjonijiet ta' kuntratti tad-derivattivi li ma mmaturawx jew li ma kinux soġġetti għal rapport b'tip ta' Azzjoni “E”, “C”, “P” jew “Z” kif imsemmi fil-parti 93 tat-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1247/2012 (*1).

    5.   Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jmantni l-arranġamenti tekniċi biex jippermetti lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistabbilixxu talbiet perjodiċi predefiniti biex jaċċessaw id-dettalji ta' kuntratti tad-derivattivi, kif iddeterminat fil-paragrafu 4, neċessarji għal dawk l-entitajiet biex jissodisfaw ir-reponsabbiltajiet u l-mandati tagħhom.

    2.6.   Jekk jintalab, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 b'aċċess għad-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi skont kwalunkwe kombinazzjoni ta' dawn it-taqsimiet li ġejjin kif imsemmi fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1247/2012:

    a)

    kronogramma tar-rappurtar;

    b)

    ID tal-Kontroparti li tirrapporta;

    c)

    ID tal-kontroparti l-oħra;

    d)

    settur korporattiv tal-kontroparti li tirrapporta;

    e)

    natura tal-kontroparti li tirrapporta;

    f)

    ID tas-sensar;

    g)

    ID tal-entità li qed tissottometti r-rapport;

    h)

    ID tal-benefiċjarju;

    i)

    klassi tal-assi;

    j)

    klassifikazzjoni tal-prodott;

    k)

    identifikazzjoni tal-prodott;

    l)

    identifikazzjoni tas-sottostanti;

    m)

    ċentru tal-eżekuzzjoni;

    n)

    kronogramma tal-eżekuzzjoni;

    o)

    data tal-maturità;

    p)

    data tat-terminazzjoni;

    q)

    CCP; u

    r)

    tip ta' azzjoni.

    2.7.   Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jmantni l-kapaċità teknika li jipprovdi aċċess dirett u immedjat għal dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi meħtieġa għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 sabiex jissodisfaw il-mandati u r-responsabbiltajiet tagħhom. Dan l-aċċess għandu jiġi pprovdut kif ġej:

    a)

    fejn entità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 titlob aċċess għad-dettalji ta' kuntratti tad-derivattivi pendenti jew ta' kuntratti ta' derivattivi li mmaturaw jew li għalihom hemm rapporti bit-tipi ta' azzjoni “E”, “C”, “Z” or “P” kif imsemmi fil-parti 93 fit-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1247/2012 li saru mhux aktar minn sena qabel id-data li fiha ġiet sottomessa t-talba, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jissodisfa dik it-talba mhux aktar tard minn 12:00 ħin universali koordinat fl-ewwel jum kalendarju wara l-jum li fih ġiet sottomessa t-talba għal aċċess.

    b)

    fejn entità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 titlob aċċess għal dettaljit ta' kuntratti tad-derivattivi li mmaturaw jew li għalihom hemm rapporti bit-tipi ta' azzjoni “E”. “C”, “Z”, jew “P” kif imsemmi fil-parti 93 tat-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1247/2012 li saru aktar minn sena qabel id-data li fiha ġiet sottomessa t-talba, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jissodisfa dik it-talba mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara li tkun ġiet sottomessa t-talba għal aċċess.

    c)

    fejn talba għal dejta ta' aċċess minn entità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tirrigwarda kuntratti tad-derivattivi li jaqgħu taħt iż-żewġ punti (a) u (b), ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi d-dettalji ta' dawk il-kuntratti tad-derivattivi mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara li tkun ġiet sottomessa dik it-talba għal aċċess.

    8.   Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jikkonferma l-irċevuta u jivverifika l-korrettezza u l-kompletezza ta' kwalunkwe talba għal dejta tal-aċċess imressqa mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Huwa għandu jinnotifka lil dawn l-entitajiet dwar ir-riżultat tal-verifika mhux aktar tard minn sittin minuta wara s-sottomissjoni tat-talba.

    9.   Ir-repożitorju tad-dejta għandu juża firma elettronika u protokolli ta' kriptaġġ tad-dejta biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-protezzjoni tad-dejta li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Novembru 2017.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dejta li trid tiġi ppubblikata u li għandha tkun disponibbli minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u standards operazzjonali biex tiġi aggregata, imqabbla u aċċessata d-dejta (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 33)

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    Top