Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1588

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1588 tad-19 ta' Settembru 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2535/2001 f'dak li għandu x'jaqsam mal-konċessjonijiet fuq prodotti tal-ħalib li joriġinaw mill-Kanada

C/2017/6179

ĠU L 241, 20.9.2017, pp. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Impliċitament imħassar minn 32020R0760

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1588/oj

20.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1588

tad-19 ta' Settembru 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2535/2001 f'dak li għandu x'jaqsam mal-konċessjonijiet fuq prodotti tal-ħalib li joriġinaw mill-Kanada

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 (2), il-Kunsill, f'isem l-Unjoni Ewropea awtorizza l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Kanada, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”).

(2)

L-Artikolu 2.4 tal-Ftehim jipprovdi għat-tnaqqis u l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq importazzjonijiet ta' oġġetti li joriġinaw fil-Kanada f'konformità mal-Anness 2-A tiegħu. Il-paragrafu 2 ta' dak l-Anness jipprovdi li l-Partijiet tal-Ftehim għandhom jeliminaw id-dazji doganali fuq ċerti prodotti ta' oriġini fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dak il-Ftehim. Din ir-regola jenħtieġ li tapplika għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib importati fl-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001 (3) jistabbilixxi regoli fir-rigward tal-kwota tat-tariffa Nru 09.4513 fuq l-importazzjoni għall-ġobon Ċeddar (Cheddar) li joriġina fil-Kanada. Billi l-Ftehim jipprovdi għall-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq il-prodotti tal-ħalib, dik il-kwota tat-tariffa fuq l-importazzjoni għandha tiġi abolita. Għalhekk, jenħtieġ li jitħassru d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001 li jikkonċernaw l-amministrazzjoni ta' dik il-kwota tat-tariffa. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu aġġornati ċerti dispożizzjonijiet fl-Anness XI ta' dak ir-Regolament.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2535/2001 jiġi emendat skont dan. Jenħtieġ li l-emendi proposti japplikaw mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim u għalhekk dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2535/2001 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-Artikolu 29, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-kaxxa 3 taċ-ċertifikati tal-IMA 1, rigward ix-xerrej, u l-kaxxa 6 rigward il-pajjiż tad-destinazzjoni m'għandhomx jimtlew.”

(b)

fil-Parti III.B tal-Anness III, l-annotazzjoni dwar in-numru tal-kwota 09.4513 hija mħassra.

(c)

l-Anness XI huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

(d)

fl-Anness XII, l-annotazzjoni dwar il-Kanada hija mħassra.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-21 ta' Settembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38, tat-28 ta' Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1080).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001 tal-14 ta' Diċembru 2001 li jipprovdi regoli dettaljati biex ikun applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward l-arranġamenti tal-importazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u biex jinfetħu kwoti tat-tariffa (ĠU L 341, 22.12.2001, p. 29).


ANNESS

L-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Parti A hija mħassra;

(b)

Il-Partijiet B, C u D huma sostitwiti b'dan li ġej:

“B.

Rigward il-ġobon Ċeddar li jaqa' fi ħdan il-kodiċi tan-NM bin-numru ex 0406 90 21 u elenkat taħt in-numru tal-kwota 09.4514 fl-Anness I.K u taħt in-numru tal-kwota 09.4521 fl-Anness III.B:

(1)

il-kaxxa 7, billi jkun speċifikat ‘il-ġobon sħiħ taċ-Ċeddar’;

(2)

il-kaxxa 10, billi jkun speċifikat ‘il-ħalib tal-baqra prodott id-dar esklussivament’;

(3)

il-kaxxa 11, billi jkun speċifikat ‘mill-anqas 50 %’;

(4)

il-kaxxa 14, billi jkun speċifikat ‘mill-anqas tliet xhur’;

(5)

il-kaxxa 16, billi jkun speċifikat il-perjodu li għalih il-kwota hija valida.

C.

Rigward il-ġobon taċ-Ċeddar maħsub għall-ipproċessar kopert bil-kodiċi NM ex 0406 90 01 u elenkat taħt in-numru tal-kwota 09.4515 fl-Anness I.K u taħt in-numru tal-kwota 09.4522 fl-Anness III.B:

(1)

il-kaxxa 7, billi jkun speċifikat ‘il-ġobon sħiħ taċ-Ċeddar’;

(2)

il-kaxxa 10, billi jkun speċifikat ‘il-ħalib tal-baqra prodott id-dar esklussivament’;

(3)

il-kaxxa 16, billi jkun speċifikat il-perjodu li għalih il-kwota hija valida.

D.

Rigward il-ġobon in ġenerali għajr il-ġobon taċ-Ċeddar maħsub għall-ipproċessar bil-kodiċi NM ex 0406 90 01 elenkat taħt in-numru tal-kwota 09.4515 fl-Anness I.K u taħt in-numru tal-kwota 09.4522 fl-Anness III.B:

(1)

il-kaxxa 10, billi jkun speċifikat ‘il-ħalib tal-baqra prodott id-dar esklussivament’;

(2)

il-kaxxa 16, billi jkun speċifikat il-perjodu li għalih il-kwota hija valida.”


Top