Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0988

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/988 tas-6 ta' Ġunju 2017 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar formoli, mudelli u proċeduri standard għal arranġamenti ta' kooperazzjoni fir-rigward ta' ċentru ta' negozjar li l-operazzjonijiet tiegħu huma ta' importanza sostanzjali fi Stat Membru ospitanti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/3665

    ĠU L 149, 13.6.2017, p. 3–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/988/oj

    13.6.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 149/3


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/988

    tas-6 ta' Ġunju 2017

    li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar formoli, mudelli u proċeduri standard għal arranġamenti ta' kooperazzjoni fir-rigward ta' ċentru ta' negozjar li l-operazzjonijiet tiegħu huma ta' importanza sostanzjali fi Stat Membru ospitanti

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 79(9) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Sabiex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta' domiċilju u ospitanti jwettqu b'mod effiċjenti l-kompiti tagħhom skont id-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' ċentru ta' negozjar li jkunu saru ta' importanza sostanzjali fl-Istat Membru ospitanti, huwa importanti li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet permezz tal-għoti ta' formoli, mudelli u proċeduri standard għall-istabiliment ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni proporzjonati.

    (2)

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw formoli, mudelli u proċeduri standard bħala bażi għall-arranġamenti ta' kooperazzjoni tagħhom, iżda għandhom ikunu jistgħu jadattawhom fil-forma ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali għaċ-ċirkostanzi individwali ta' kull każ sabiex tiġi stabbilita l-kooperazzjoni superviżorja xierqa.

    (3)

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta' domiċilju u ospitanti għandhom isegwu l-proċeduri standardizzati biex jibgħatu u jipproċessaw talbiet għal kooperazzjoni, għal kondiviżjoni kontinwa ta' informazzjoni, għal konsultazzjoni u l-għoti ta' assistenza, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe tip ta' kooperazzjoni li dawk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaqblu dwarha, inkluża l-koordinazzjoni tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

    (4)

    Jenħtieġ li l-parti l-kbira tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni jseħħu skont il-modalitajiet irregolati mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/589 (2). Formoli, mudelli u proċeduri standard li jippermettu adattament ta' dawn l-arranġamenti għandhom jiġu stabbiliti biex jinkiseb grad ogħla ta' involviment tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti fejn ikun hemm impatt ikbar fuq is-swieq tat-titoli u l-protezzjoni tal-investitur fil-ġurisdizzjoni tagħha.

    (5)

    L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jibnu fuq l-aħjar prattiki, inklużi l-prinċipji stabbiliti fil-linji gwida dwar arranġamenti ta' kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) (3) u l-memorandum ta' qbil dwar Arranġamenti ta' Kooperazzjoni multilaterali u l-Iskambju ta' Informazzjoni (4) biex jiġi żgurat li l-oqsma kollha rilevanti għal kooperazzjoni effiċjenti bejn l-awtoritajiet kompetenti huma inklużi u biex tinstilet l-esperjenza stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA sabiex tiġi aċċertata kooperazzjoni transfruntiera mingħajr ostakli.

    (6)

    Billi l-grad ta' kooperazzjoni superviżorja hija dipendenti fuq in-natura u l-iskala tal-bidliet u l-iżviluppi fl-operazzjonijiet jew l-istruttura taċ-ċentri ta' negozjar relevanti, huwa xieraq li jiġi provdut numru minimu ta' avvenimenti li għalihom l-użu ta' formoli, mudelli u proċeduri standard bejn l-awtoritajiet kompetenti tad-domiċilju u ospitanti jkun il-punt tat-tluq għal impenn f'arranġamenti ta' kooperazzjoni proporzjonati.

    (7)

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom, meta jitolbu assistenza fil-forma ta' teħid ta' dikjarazzjoni, fil-ftuħ ta' investigazzjoni jew it-twettiq ta' spezzjoni fuq il-post, jipprovdu spjegazzjoni ċara dwar għalfejn tali assistenza hija meħtieġa sabiex jaqdu l-kompiti tal-awtorità kompetenti.

    (8)

    Sabiex ikun jista' jkun hemm l-involviment tal-awtoritajiet kompetenti relevanti kollha, awtoritajiet kompetenti addizzjonali għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu li jsiru parti għal ftehim ta' kooperazzjoni eżistenti f'każ li ċ-ċentru ta' negozjar li dwaru l-ftehim ta' kooperazzjoni ġie konkluż, minħabba żviluppi kummerċjali sussegwenti, isir ta' importanza sostanzjali għall-Istati Membri ospitanti addizzjonali.

    (9)

    Fejn, f'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni, hija meħtieġa azzjoni urġenti sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi skont id-Direttiva 2014/65/UE jew ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jew biex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq fl-Istat Membru tiegħu, ftehimiet standard għal arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jippermettu lill-awtorità kompetenti li ttul b'mod sodisfaċenti l-issodisfar tal-obbligi tagħha taħt dawn il-ftehimiet.

    (10)

    Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

    (11)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni.

    (12)

    L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-format u l-użu ta' formoli, mudelli u proċeduri standard għall-arranġamenti ta' kooperazzjoni

    1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' domiċilju u ospitanti ta' ċentru ta' negozjar li l-operazzjonijiet tagħhom jkunu saru ta' importanza sostanzjali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 79(2) tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta' kooperazzjoni proporzjonati permezz ta' ftehim ta' kooperazzjoni kif stipulat fl-Anness I.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' domiċilju u ospitanti jistgħu jadattaw jew jikkumplementaw il-ftehim ta' kooperazzjoni standard stabbilit fl-Anness I biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu proporzjonati għaċ-ċirkostanzi partikolari li jagħtu lok għall-ħtieġa għall-kooperazzjoni.

    3.   Jentħieġ li l-awtoritajiet kompetenti ta' domiċilju u ospitanti jibgħatu t-talbiet għal kooperazzjoni billi jużaw il-format stabbilit fl-Anness II u jenħtieġ li jwieġbu għal dawk it-talbiet fil-format stipulat fl-Anness III.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jeħtieġ li jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

    Dan ir-Regolament jeħtieġ li jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

    (2)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/589 tad-19 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti organizzattivi tad-ditti ta' investiment involuti f'negozjar algoritmiku (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 417).

    (3)  ESMA/2014/298. Disponibbli fuq: https://www.esma.europa.eu/databases-library/esma-library.

    (4)  ESMA/2014/608. Disponibbli fuq: https://www.esma.europa.eu/databases-library/esma-library.

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    ANNESS I

    Ftehim standard għal arranġamenti ta' kooperazzjoni f'każ li l-operazzjonijiet ta' ċentru ta' negozjar isiru sostanzjalment importanti fi Stat Membru ospitanti

    Għall-fini li jiġu stabbiliti arranġamenti ta' kooperazzjoni proporzjonati bejn [l-awtorità kompetenti ospitanti] (l-awtorità ospitanti) u [l-awtorità kompetenti ta' domiċilju] (l-awtorità ta' domiċilju) fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' [ċentru ta' negozjar] (iċ-ċentru ta' negozjar) li huma ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq ta' titoli u l-protezzjoni tal-investituri fl-[Istat Membru ospitanti] (l-istat Membru ospitanti), l-awtoritajiet ta' domiċilju u ospitanti (l-Awtoritajiet) laħqu l-ftehim li ġej:

    Artikolu 1

    L-għan u d-dispożizzjonijiet ġenerali

    L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-[awtorità kompetenti ta' domiċilju] u [l-awtorità kompetenti ospitanti] rigward l-użu tas-setgħat rispettivi tagħhom f'rabta mal-operazzjonijiet ta' [ċentru ta' negozjar] li saru ta' importanza sostanzjali fl-[Istat Membru ospitanti]. Dan il-ftehim jista' jikkomplementa arranġamenti ta' kooperazzjoni oħrajn bejn l-Awtoritajiet.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni

    1.   L-Awtoritajiet ftehmu dwar dawn il-forom ta' kooperazzjoni:

     

    [daħħal il-forom ta' kooperazzjoni li dwarhom qablu l-Awtoritajiet].

    2.   L-Awtoritajiet qablu li jikkooperaw fir-rigward ta' deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kwalunkwe minn dawn l-avvenimenti fejn dawk l-avvenimenti huma rilevanti għaċ-ċentru ta' negozjar: [agħżel l-għażliet ta' hawn taħt bħala rilevanti għall-kamp ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni]

    alleanzi, mergers, akkwisti ewlenin, ftuħ jew għeluq ta' ċentru ta' negozjar jew ta' parti sinifikanti ta' ċentru ta' negozjar

     

    it-tibdil, l-għoti, iċ-ċaħda jew it-terminazzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' aċċess għal kontropartijiet ċentrali u ċ-ċentru ta' negozjar

     

    bidla fis-sjieda li tammonta għal bidla fil-kontroll, struttura korporattiva, governanza korporattiva u integrazzjoni oħra jew passi ta' ristrutturar li jikkonċernaw iċ-ċentru ta' negozjar

     

    tneħħija jew ħatriet għal karigi maniġerjali jew superviżorji taċ-ċentru ta' negozjar

     

    regoli ta' kummerċ ġodda sinifikanti jew modifikazzjoni tar-regoli ta' kummerċ eżistenti dwar, b'mod partikolari, aċċess għas-suq għal investituri mill-Istat Membru ospitanti jew għall-elenkar ta' titoli minn kumpaniji elenkati mill-Istat Membru ospitanti

     

    tibdil sinifikanti għal sistemi u kontrolli taċ-ċentru ta' negozjar, inklużi sistemi tal-IT, kontrolli tal-awditjar u arranġamenti tal-ġestjoni tar-riskju

     

    tibdil sinifikanti, inkluż permezz ta' esternalizzazzjoni, lir-riżorsi finanjarji, umani jew teknoloġiċi taċ-ċentru ta' negozjar

     

    eżerċizzju ta' setgħat ta' sorveljanza kif deskritt fil-punti (e), (f), (h), (k), (l), (m) sa (q), (s) u (t) tal-Artikolu 69(2) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), b'impatt sinifikanti u materjali fuq iċ-ċentru ta' negozjar jew il-parteċipanti tiegħu

     

    l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/65/UE li jkollu impatt sinifikanti u materjali fuq iċ-ċentru ta' negozjar jew il-parteċipanti tiegħu

     

    kwalunkwe avveniment ieħor [deskrizzjoni tal-avveniment]

     

    Artikolu 3

    Proċeduri biex jintbagħtu u jiġu pproċessati talbiet għal kooperazzjoni

    1.   Talba għal kooperazzjoni u tweġiba għal talba għal kooperazzjoni għandha ssir bil-miktub f'mezz li jservi. It-tnejn jiġu indirizzata lill-persuni ta' kuntatt maħtura skont il-paragrafu 3.

    2.   Il-komunikazzjoni bejn l-awtorità kompetenti li tressaq talba għal kooperazzjoni (l-Awtorità Rikjedenti) u l-awtorità kompetenti li ssirilha t-talba għal kooperazzjoni (l-Awtorità li Ssirilha t-Talba) ssir bil-mezzi l-iktar espedjenti, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ta' kunfidenzjalità, ħinijiet ta' korrispondenza, il-volum tal-materjal li għandu jiġi kkomunikat u l-faċilità ta' aċċess għall-informazzjoni mill-Awtorità Rikjedenti.

    3.   Għall-iskop ta' dan il-ftehim, kull Awtorità għandha taħtar persuna jew bosta persuni ta' kuntatt għal fini ta' komunikazzjoni.

    4.   L-Awtorit Rikjedenti għandha tibgħat it-talba tagħha għal kooperazzjoni fil-format stipulat fl-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/988 (2) u jinkludi l-informazzjoni li fih l-Anness, li tidentifika b'mod partikolari r-relevanza tal-kooperazzjoni mixtieqa għall-funzjonament tas-swieq jew il-protezzjoni ta' investituri fl-Istat Membru ospitanti u kwalunkwe kwistjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tista' tinkiseb. L-Awtorità li Ssirilha t-Talba għandha tipprovdi minnufih kwalunkwe kjarifika mitluba skont il-paragrafu 5(b).

    5.   L-Awtorità li Ssirilha t-Talba għandha tagħmel dan kollu meta tirċievi t-talba għal kooperazzjoni:

    (a)

    tikkonferma r-riċevuta ta' talba għal kooperazzjoni malajr kemm jista' jkun u mill-inqas fi żmien sebat'ijiem kalendarji wara r-riċevuta, billi tindika d-dettalji ta' kuntatt ta' persuna ta' kuntatt u, jekk possibbli f'dan l-istadju, stima ta' data tat-tweġiba;

    (b)

    titlob kjarifiki ulterjuri fi kwalunkwe format malajr kemm jista' jkun, f'każ ta' dubji fir-rigward tal-kontenut tal-kooperazzjoni preċiża mitluba;

    (c)

    twieġeb minnufih għat-talba għal kooperazzjoni fil-format stabbilit fl-Anness III, billi tipprovdi dik l-informazzjoni meħtieġa minn dak il-format.

    6.   Hekk kif ikun jidher li se jkun hemm dewmien ta' iktar minn sebat'ijiem kalendarji lil hinn mill-istima tad-data tat-tweġiba kif ikkomunikat skont il-paragrafu 5(a), l-Awtorità li Ssirilha t-Talba għandha tinnotifika lill-Awtorità Rikjedenti skont dan. Fejn it-talba tkun ġiet deżinjata mill-Awtorità Rikjedenti bħala urġenti, l-Awtoritajiet għandhom jaqblu dwar il-frekwenza tal-aġġornamenti dwar dik it-talba.

    7.   L-Awtoritajiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin mingħajr telf ta' żmien sabiex isibu soluzzjoni għal kwalunwe diffilutajiet li jistgħu jirriżultaw fl-eżekuzzjoni ta' talba, inkluż kwistjonijiet ta' spejjeż.

    8.   Sabiex jiġu żgurat titjib kostanti fil-kooperazzjoni, l-Awtoritajiet għandhom, fejn xieraq, jipprovdu feedback lil xulxin dwar l-utilità tal-kooperazzjoni li jkunu rċevew, l-eżitu tal-każ li dwaru ġiet mitluba l-kooperazzjoni u kwalunkwe problemi li rriżultaw fl-għoti ta' tali kooperazzjoni.

    Artikolu 4

    Tweġiba għal talba għal kooperazzjoni

    1.   L-awtorità li Ssirilha t-Talba għandha tieħu l-passi kollha xierqa biex tipprovdi l-kooperazzjoni mitluba mingħajr dewmien. L-Awtorità li Ssirilha t-Talba għandha tiżgura li kwalunkwe azzjoni meħtieġa tipproċedi b'mod espedjenti, filwaqt li jittieħed kont dovut tal-kumplessità tat-talba u l-ħtieġa, fejn xieraq, tal-involviment ta' partijiet terzi jew Awtorità oħra.

    2.   L-Awtorità li Ssirilha t-Talba tista' tirrifjuta li taġixxi fuq talba għall-kooperazzjoni fejn tqis li tali azzjoni tinvolvi miżura li tmur kontra l-liġi. F'każ li l-Awtorità li Ssirilha t-Talba tirrifjuta li taġixxi, għandha tinnotifika lill-Awtorità Rikjedenti billi tuża l-mudell stipulat fl-Anness III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/988, u tinkludi deskrizzjoni dettaljata taċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha.

    Artikolu 5

    Proċeduri għal arranġamenti ta' kooperazzjoni li jkunu għaddejjin

    1.   L-Awtoritajiet għandhom jistabbilixxu proċeduri għal laqgħat regolari u ad hoc, fejn jattendu l-persuni ta' kuntatt iddeżinjati biex jamministraw l-arranġamenti ta' kooperazzjoni b'mod effettiv.

    2.   L-Awtorità li Ssirilha t-Talba għandha tinnotifika lill-Awtorità Rikjedenti malajr kemm jista' jkun dwar l-eżistenza ta' kwalunkwe ċirkostanza eċċezzjonali li tista' tipprekludiha milli tissodisfa l-obbligi skont dan il-Ftehim u dwar l-azzjonijiet, jekk ikunu ttieħdu, f'dak ir-rigward.

    Artikolu 6

    Proċeduri għall-konsultazzjoni

    1.   Jeħtieġ li l-Awtoritajiet jikkonsultaw lil xulxin qabel ma jieħdu deċiżjonijiet fil-kuntest ta' avvenimenti magħżula skont l-Artikolu 2(2).

    2.   Fejn l-Awtorità li Ssirilha t-Talba tinnotifika lill-Awtorità Rikjedenti f'konformità mal-Artikolu 5(2) fir-rigward tal-avvenimenti magħżula skont l-Artikolu 2(2), l-Awtoritajiet għandhom mill-inqas jikkonsultaw lil xulxin dwar l-approċċ superviżorju u l-eżitu li mistenni jittieħed biex jiġi indirizzat l-avveniment rilevanti.

    Artikolu 7

    Proċeduri għall-assistenza: talbiet għall-kumpilazzjoni ta' dikjarazzjoni minn persuna

    1.   Fejn l-Awtorità Rikjedenti jkollha l-intenzjoni li titlob dikjarazzjoni mingħand xi persuna, għandha tikkoordina mal-awtorità fejn ikollha l-intenzjoni li tibgħat it-talba fir-rigward ta' dan li ġej:

    (a)

    Kwalunkwe limitazzjonijiet jew restrizzjonijiet legali u kwalunkwe differenzi fir-rekwiżiti proċedurali;

    (b)

    id-drittijiet tal-persuni li minn għandhom ikunu se jittieħdu d-dikjarazzjonijiet, inkluż, fejn applikabbli, kwalunkwe kwistjonijiet ta' awtoinkriminazzjoni;

    (c)

    il-ħtieġa tal-parteċipazzjoni tal-persunal tal-Awtorità Rikjedenti bħala osservaturi jew bħala parteċipanti attivi;

    (d)

    ir-rwol tal-persunal tal-Awtorità li Ssirilha t-Talba u tal-Awtorità Rikjedenti fit-teħid tad-dikjarazzjoni;

    (e)

    il-kwistjoni ta' jekk il-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni għandhiex id-dritt li tkun assistita minn rappreżentant legali, u jekk iva, l-ambitu tal-intervent mir-rappreżentant matul it-teħid tad-dikjarazzjoni, inkluż fir-rigward ta' kwalunkwe reġistrazzjoni jew rapport tad-dikjarazzjoni;

    (f)

    il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjoni hijiex se tittieħed fuq bażi volontarja jew imġiegħla;

    (g)

    il-kwistjoni dwar jekk il-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni hijiex xhud jew persuna suspettata;

    (h)

    il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjoni tistax tintuża fi proċedimenti kriminali u, jekk dan ikun magħruf, jekk se tkun użata fi proċedimenti kriminali;

    (i)

    l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni fil-ġurisdizzjoni tal-Awtorità Rikjedenti;

    (j)

    ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni u l-proċeduri applikabbli;

    (k)

    proċeduri dwar iċ-ċertifikazzjoni jew il-konferma tad-dikjarazzjoni tal-persuna li tipprovdi d-dikjarazzjoni, inkluż jekk dik iċ-ċertifikazzjoni jew il-konferma għandhiex issir wara li ttitieħed id-dikjarazzjoni;

    (l)

    Il-proċedura ta' konsenja tad-dikjarazzjoni mill-Awtorità li Ssirilha t-Talba lill-Awtorità Rikjedenti, inkluż fil-format mitlub u fi ħdan il-perjodu ta' żmien.

    2.   L-Awtoritajiet għandhom jiżguraw li jkun hemm l-arranġamenti meħtieġa sabiex il-persunal operazzjonali jipproċedi b'mod effiċjenti u, b'mod partikolari, li jaqblu dwar dawn kollha li ġejjin:

    (a)

    l-ippjanar ta' dati;

    (b)

    kwalunkwe informazzjoni oħra li tista' tkun utli:

    (c)

    il-lista ta' mistoqsijiet li għandhom isiru lill-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni u r-rieżami tagħha;

    (d)

    arranġamenti tal-ivvjaġġar, inkluż l-iżgurar li l-Awtoritajiet ikunu jistgħu jiltaqgħu biex jiddiskutu l-kwistjoni qabel ma tittieħed id-dikjarazzjoni;

    (e)

    arranġamenti lingwistiċi.

    Artikolu 8

    Proċeduri għall-assistenza: talbiet sabiex Awtorità tiftaħ investigazzjoni jew twettaq spezzjoni fuq il-post

    1.   Meta l-Awtorità li Ssirilha t-Talba tiddeċiedi li tiftaħ investigazzjoni jew li twettaq spezzjoni fuq il-post fuq talba mill-Awtorità Rikjedenti, il-passi superviżorji u investigattivi meħuda mill-Awtorità li Ssirilha t-Talba għandhom jibqgħu r-responsabbiltà u fi ħdan il-kontroll kumplessiv tal-Awtorità li Ssirilha t-Talba. “L-Awtorità Rikjedenti u l-Awtorità li Ssirilha t-Talba jistgħu jikkonsultaw lil xulxin dwar l-aħjar mod kif jista” jingħata effett utli għat-talba li tinfetaħ investigazzjoni jew li titwettaq spezzjoni fuq il-post. L-Awtorità li Ssirilha t-Talba għandha żżomm l-Awtorità Rikjedenti informata dwar il-progress tal-investigazzjoni jew l-ispezzjoni fuq il-post u tikkonsenja s-sejbiet tagħha malajr kemm jista' jkun.

    2.   Meta talba għall-ftuħ ta' investigazzjoni jew għal spezzjoni fuq il-post tkun ġiet sottomessa, l-Awtorità Rikjedenti u l-Awtorità li Ssirilha t-Talba għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar il-merti li titwettaq investigazzjoni konġunta jew spezzjoni fuq il-post konġunta.

    3.   Meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbeda investigazzjoni konġunta jew spezzjoni fuq il-post konġunta, l-Awtorità Rikjedenti u l-Awtorità li Ssirilha t-Talba għandha jikkunsidraw tal-inqas dan kollu li ġej:

    (a)

    kwalunkwe talbiet oħra għal kooperazzjoni magħmula mill-Awtorità Rikjedenti li jistgħu jissuġġerixxu li jkun xieraq li titwettaq investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post;

    (b)

    jekk humiex jew jagħmlu inkjesti b'mod separat f'kwistjoni b'implikazzjonijiet transfruntiera li tkun iktar xierqa għal investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post;

    (c)

    Kwistjonijiet relatati ma' ne bis idem;

    (d)

    il-qafas ġuridiku u regolatorju f'kull waħda mill-ġurisdizzjonijiet tagħhom sabiex jiġi żgurat li għandhom fehim tajjeb tal-limitazzjonijiet potenzjali u l-limitazzjonijiet ġuridiċi tat-twettiq ta' investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post u kwalunkwe proċedimenti li jistgħu jsegwu, inkluż kwalunkwe kwistjoni relatata mal-prinċipju ta' ne bis in idem

    (e)

    il-miżuri meħtieġa fir-rigward tal-ġestjoni u direzzjoni tal-investigazzjoni l-ispezzjoni fuq il-post;

    (f)

    passi għal missjonijiet konġunti għat-tfittxija tal-fatti;

    (g)

    l-allokazzjoni ta' riżorsi u l-ħatra ta' investigaturi;

    (h)

    l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, b'mod konġunt jew b'mod individwali, minnhom;

    (i)

    jekk huwiex possibbli li jiġu stabbiliti pjan ta' azzjoni konġunta u l-iskedar tal-ħidma miż-żewġ Awtoritajiet;

    (j)

    il-kondiviżjoni reċiproka tal-informazzjoni miġbura u tar-rappurtar dwar ir-riżultati tal-azzjonijiet individwali meħuda;

    (k)

    kwistjonijiet speċifiċi għall-każ.

    4.   Fejn l-Awtorità Rikjedenti u l-Awtorità li Ssirilha t-Talba jiftħu investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta, għandhom jagħmlu l-affarijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    jaqblu dwar il-proċeduri għat-twettiq u l-konklużjoni tagħha;

    (b)

    jidħlu fi djalogu kontinwu biex jikkoordinaw il-proċess tal-ġbir tal-informazzjoni u t-tfittxija tal-fatti;

    (c)

    jaħdmu mill-qrib u jikkooperaw ma' xulxin fir-rigward tal-investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post;

    (d)

    jipprovdu assistenza lil xulxin f'dak li għandu x'jaqsam ma' proċedimenti ta' eżekuzzjoni sussegwenti safejn ikun legalment permissibbli, inkluż bil-koordinazzjoni ta' kwalunkwe proċedimenti jew azzjoni ta' infurzar relatati mal-eżitu tal-investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunti fuq il-post (amministrattiva, ċivili jew kriminali) jew, fejn xieraq, il-prospetti ta' soluzzjoni.

    5.   Fil-bidu ta' investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post, l-Awtorità Rikjedenti u l-Awtorità li Ssirilha t-Talba għandhom jikkunsidraw tal-inqas dan kollu li ġej:

    (a)

    il-liġijiet speċifiċi li se jkunu s-suġġett tal-investigazzjoni jew l-ispezzjoni fuq il-post;

    (b)

    it-tfassil ta' pjan ta' azzjoni konġunt, inkluż il-kisbiet ewlenin u l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet fit-twassil tal-prodott tal-ħidma u b'kont meħud tal-prijoritajiet rispettivi ta' kull Awtorità;

    (c)

    l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta' kwalunkwe limitazzjoni jew restrizzjoni legali u kwalunkwe differenzi fil-proċeduri fir-rigward ta' azzjoni investigattiva jew ta' infurzar jew kwalunkwe proċediment ieħor, inklużi d-drittijiet ta' kwalunkwe persuna soġġetta għal investigazzjoni;

    (d)

    l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-privileġġi legali professjonali speċifiċi li jista' jkollhom impatt fuq il-proċedimenti ta' investigazzjoni kif ukoll dwar il-proċeduri ta' infurzar;

    (e)

    l-istrateġija mal-pubbliku u mal-istampa;

    (f)

    L-użu ta' informazzjoni pprovduta jew skambjata.

    Artikolu 9

    Restrizzjonijiet ta' kunfidenzjalità u l-użi permissibbli ta' informazzjoni

    1.   L-Awtoritajiet jirrikonoxxu li kwalunkwe informazzjoni li hija skambjata bejn l-Awtoritajiet hija soġġetta għall-Artikoli 76 u 78 tad-Direttiva 2014/65/UE.

    2.   L-Awtoritajiet għandhom, soġġetti għal-liġi u r-regolamenti applikabbli fl-Istat Membru rilevanti, iżommu kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni mhux pubblika relatata mal-arranġamenti ta' kooperazzjoni jew ta' skambju ta' informazzjoni taħt dan il-ftehim, inklużi dan kollu li ġej:

    (a)

    it-talba għal kooperazzjoni innifisha u l-kontenut ta' dik it-talba;

    (b)

    kwalunkwe kwistjoni wara li ssir talba bħal din, inklużi xi konsultazzjonijiet bilaterali bejn l-Awtoritajiet u fejn xieraq, l-informazzjoni kollha rigward rifjut li jiġu stabbiliti arranġamenti għal kooperazzjoni;

    (c)

    Informazzjoni mhux mitluba pprovduta minn awtorità u l-fatt li din l-informazzjoni tkun ingħatat.

    3.   L-Awtoritajiet għandhom jiżguraw li l-uffiċjali tagħhom ikunu konformi mal-obbligi ta' kunfidenzjalità applikabbli.

    4.   Fejn, sabiex tiġi eżegwita talba għall-kooperazzjoni, l-Awtorità li Ssirilha t-Talba tqis neċessarju jew mixtieq li tiddivulga l-fatt li l-Awtorità Rikjedenti tkun għamlet it-talba, l-Awtorità li Ssirilha t-Talba għandha tiddivulga dan biss wara li tkun iddiskutiet in-natura u l-kobor tad-divulgazzjoni neċessarja mal-Awtorità Rikjedenti u tkun kisbet il-kunsens tagħha għad-divulgazzjoni. Fejn l-Awtorità Rikjedenti ma tagħtix il-kunsens tagħha għad-divulgazzjoni, l-Awtorità Rikjedenti minflok tingħata l-possibbiltà li tirtira t-talba.

    Artikolu 10

    Emendar, dispożizzjonijiet supplimentari u rieżami ta' dan il-ftehim

    1.   Dan il-ftehim jista' jiġi emendat jew supplementat bil-kunsens komuni miktub tal-Awtoritajiet.

    2.   L-Awtoritajiet għandhom jimmonitorjaw u jirrivedu l-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim u jwettqu konsultazzjonijiet ma' xulxin sabiex jittejjeb it-tħaddim tiegħu u biex isolvu diffikultajiet potenzjali.

    Artikolu 11

    Partijiet addizzjonali

    Awtorità li ssir Awtorità Ospitanti wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-ftehim tista' titlob li tissieħeb f'dan.

    Artikolu 12

    Riżoluzzjoni tat-tilwim

    L-Awtoritajiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu tilwima bejniethom dwar il-kooperazzjoni mitluba jew ipprovduta skont dan il-ftehim jew dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri stipulati fih. Jekk tilwim b'rabta mal-kooperazzjoni mitluba jew ipprvoduta ma jistax jiġi solvut bejn l-Awtorità li Ssirilha t-Talba u l-Awtorità Rikjedenti, dawn l-awtoritajiet għandhom isolvuhom taħt mekkaniżmu ta' medjazzjoni mhux vinkolanti skont l-Artikolu 31(c) tar-Regolament (UE) 1095/1095 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistabbilixxi l-ESMA.

    Artikolu 13

    Terminazzjoni

    1.   Dan il-Ftehim għandu jibqa' validu għal perjodu bla limitu. Il-Ftehim jintemm jekk iċ-ċentru ta' negozjar li miegħu ikun relatat ma jibqax ta' importanza sostanzjali fl-Istat Membru ospitanti.

    2.   Awtorità li tfittex biex tirtira minn dan il-ftehim għandha tipprovdi notifika minn qabel ta' mill-inqas tletin jum kalendarju lill-awtorità l-oħra.

    3.   Kull talba għal informazzjoni kkomunikata qabel id-data effettiva tal-irtirar tiegħu tiġi pproċessata skont dan il-Ftehim sakemm l-awtorità li tirtira titlob mod ieħor.

    4.   Wara li awtorità tirtira minn dan il-ftehim, l-awtorità għandha tkompli tapplika l-protezzjonijiet ta' kunfidenzjalità stabbiliti f'dan il-ftehim.

    Artikolu 14

    Pubblikazzjoni

    L-Awtoritajiet għandhom jippubblikaw dan il-Ftehim ta' Kooperazzjoni fuq il-websajts rispettivi tagħhom. Għandhom ukoll jiġu ppubblikati kull emenda jew supplement magħmulin skont l-Artikolu 10..

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Dan il-ftehim għandu jidħol fis-seħħ mid-data tal-iffirmar mill-Awtoritajiet.

    Artikolu 16

    Firem

    [awtorità ta' domiċilju]

    [Awtorità ospitanti]


    (1)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/988 tas-6 ta' Ġunju 2017 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar formoli, mudelli u proċeduri standard għal arranġamenti ta' kooperazzjoni fir-rigward ta' ċentru ta' negozjar li l-operazzjonijiet tiegħu huma ta' importanza sostanzjali fi Stat Membru ospitanti (ĠU L 149, 13.6.2017, p. 3).

    (3)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    ANNESS II

    Formola standard għal talba għall-kooperazzjoni

    Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

    ANNESS III

    Formola standard għal talba għall-kooperazzjoni

    Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

    Top