EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0786

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/786 tat-8 ta' Mejju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tad-definizzjonijiet ta' ħut mitħun u ta' żejt tal-ħuta (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/2921

ĠU L 119, 9.5.2017, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/786/oj

9.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/786

tat-8 ta' Mejju 2017

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tad-definizzjonijiet ta' ħut mitħun u ta' żejt tal-ħuta

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 jistabbilixxi regoli dwar is-saħħa pubblika u tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom, sabiex jiġu evitati u minimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-animali li ġejjin minn dawn il-prodotti. Dan jassenja dawk il-prodotti f'kategoriji speċifiċi li jirriflettu l-livell ta' dawn ir-riskji, u jipprevedi għal rekwiżiti dwar l-użu u r-rimi tagħhom mingħajr periklu.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2) jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, inklużi definizzjonijiet ta' prodotti sekondarji tal-annimali, bħal ħut mitħun u żejt tal-ħuta.

(3)

Il-ħut mitħun huwa ddefinit fil-punt 7 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 bħala proteina ta' annimali pproċessata ġejja minn annimali akkwatiċi, ħlief minn mammali tal-baħar. Id-definizzjoni ta' żejt tal-ħuta, li huwa prodott tal-istess proċess teknoloġiku bħall-ħut mitħun, hija prevista fil-punt 9 ta' dak l-Anness.

(4)

Skont il-punt 9 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 it-terminu “annimali akkwatiċi” huwa definit permezz ta' referenza għad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (3) bħala ħut li jaqa' taħt is-superklassi Agnatha u taħt il-klassijiet Chondrichthyes u Osteichthyes, mollusk li jaqa' taħt il-Phylum Mollusca, u krustaċju li jaqa' taħt is-Subphylum Crustacea.

(5)

Id-definizzjoni attwali ta' “annimali akkwatiċi” ma tinkludix l-istilla tal-baħar li taqa' taħt il-phylum Echinodermata is-subphylum Asterozoa jew invertebrati akkwatiċi mrobbija għajr il-molluski u l-krustaċji. Konsegwentement, attwalment mhuwiex possibbli li l-istilla tal-baħar jew l-invertebrati akkwatiċi mrobbija għajr il-molluski u l-krustaċji jintużaw għall-produzzjoni tal-ħut mitħun jew taż-żejt tal-ħuta.

(6)

L-istilel tal-baħar huma invertebrati marittimi u huma prevalentement predaturi ta' invertebrati tal-baħar oħra, bħall-molluski. Dawn jinġabru mill-baħar regolarment bħala prodott sekondarju ta' operazzjonijiet li jkabbru l-molluski bivalvi maħsuba għall-konsum mill-bniedem mingħajr impatt negattiv notevoli fuq il-popolazzjoni tal-istilel tal-baħar. Dan il-qbid inċidentali jirrappreżenta sors potenzjalment siewi ta' proteina fl-għalf għall-annimali porċini jew għat-tjur.

(7)

Id-dudu poliket Nereis virens jirrappreżenta sors ta' proteina alternattiv fid-dieta tal-ħut karnivoru mrobbi, u dan jippermetti tnaqqis fl-ispejjeż tal-għalf u tad-dipendenza fuq il-ħut mitħun.

(8)

Il-Premessa (18) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tispjega li l-invertebrati akkwatiċi li mhumiex koperti mid-definizzjoni fil-punt 9 tal-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament, bħalma huma l-istilel tal-baħar u l-invertebrati akkwatiċi mrobbija għajr il-molluski u l-krustaċji, u li ma joħolqu l-ebda riskju li jittieħed xi mard jistgħu jintużaw skont l-istess kundizzjonijiet bħall-annimali akkwatiċi li jaqgħu taħt id-definizzjoni, pereżempju għall-produzzjoni tal-ħut mitħun.

(9)

Ir-regoli eżistenti tal-Unjoni dwar prodotti sekondarji tal-annimali u dwar l-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (4) ma jipprojbixxux l-użu tal-istilel tal-baħar u tal-invertebrati akwatiċi mrobbija għajr il-molluski u l-krustaċji fil-produzzjoni ta' għalf għall-annimali mrobbija.

(10)

Peress li l-użu ta' proteini tal-annimali pproċessati minn annimali akkwatiċi selvaġġi, bħalma huma l-istilel tal-baħar u l-invertebrati akkwatiċi mrobbija għajr il-molluski u l-krustaċji, fl-għalf għall-annimali mhux ruminanti ma jirrappreżentax riskju ogħla minn dak tal-użu tal-ħut mitħun f'dan l-għalf, huwa xieraq li d-definizzjonijiet ta' “ħut mitħun” u ta' “żejt tal-ħuta” jiġu mmodifikati sabiex jiġu inklużi ċerti annimali invertebrati akkwatiċi.

(11)

Għall-fini tal-protezzjoni ambjentali u sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' aktar pressjoni fuq il-popolazzjonijiet selvaġġi tal-istilel tal-baħar, l-użu tagħhom għall-produzzjoni tal-ħut mitħun għandu jkun ristrett għal każijiet fejn l-istilel tal-baħar jinġabru f'żona ta' produzzjoni tal-molluski kif definit fid-Direttiva 2006/88/KE.

(12)

Id-definizzjonijiet ta' ħut mitħun u ta' żejt tal-ħuta stabbiliti fil-punti 7 u 9 rispettivament tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għandhom jiġu emendati skont dan.

(13)

L-istandards tal-ipproċessar għaż-żejt tal-ħuta kif stabbiliti fl-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għandhom jiġu estiżi permezz ta' referenza għall-Artikolu 10(l) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 biex jippermettu l-użu ta' invertebrati akkwatiċi u terrestri, minbarra speċijiet patoġeniċi għall-bnedmin jew għall-annimali fil-produzzjoni ta' żejt tal-ħuta, li jinkludi l-istilel tal-baħar u l-invertebrati akkwatiċi mrobbija għajr il-molluski u l-krustaċji.

(14)

L-Annessi I u X tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jenħtieġ għalhekk li jiġu emendati skont dan.

(15)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I u X tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1).


ANNESS

Ir-Regolament (UE) Nru 142/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt 7 jinbidel b'dan li ġej:

“7.

ħut mitħun” tfisser proteina tal-annimali pproċessata li ġejja minn annimali akkwatiċi għajr mammali tal-baħar, inklużi invertebrati akkwatiċi mrobbija, inklużi dawk koperti mill-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (*1), u stilel tal-baħar tal-ispeċi Asterias rubens li jiġu miġbura f'żona għall-produzzjoni tal-molluski;

(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE ta' l-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa ta' l-annimali għall-annimali ta' l-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14).”;"

(b)

Il-punt 9 jinbidel b'dan li ġej:

“9.

żejt tal-ħuta” tfisser żejt li ġej mill-ipproċessar ta' annimali akkwatiċi, għajr mammali tal-baħar, inklużi invertebrati akkwatiċi mrobbija, inklużi dawk koperti mill-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2006/88/KE u stilel tal-baħar tal-ispeċi Asterias rubens li jiġu miġbura f'żona għall-produzzjoni tal-molluski, jew żejt li ġej mill-ipproċessar ta' ħut għall-konsum mill-bniedem, maħsub mill-operaturi għal għanijiet oħra minbarra dak tal-konsum mill-bniedem;”.

(2)

Fl-Anness X, il-punt 2 tat-Taqsima 3(A) tal-Kapitolu II, jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Żejt tal-ħuta

Il-materjal tal-Kategorija 3 biss imsemmi fl-Artikolu 10(i), (j) u (l) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, u l-materjal tal-Kategorija 3 ta' oriġini ta' annimali akkwatiċi msemmi fl-Artikolu 10(e) u (f) ta' dak ir-Regolament jistgħu jintużaw għall-produzzjoni taż-żejt tal-ħuta.”.



Top