Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0140

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/140 tas-26 ta' Jannar 2017 li jinnomina laboratorju ta' referenza tal-UE għal mard ikkawżat minn viruses tal-capripox (il-marda tal-infafet fil-ġilda u l-ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż), filwaqt li jistipula responsabbiltajiet u ħidmiet supplementari għal dak il-laboratorju u jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/0282

    ĠU L 22, 27.1.2017, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/140/oj

    27.1.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 22/10


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/140

    tas-26 ta' Jannar 2017

    li jinnomina laboratorju ta' referenza tal-UE għal mard ikkawżat minn viruses tal-capripox (il-marda tal-infafet fil-ġilda u l-ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż), filwaqt li jistipula responsabbiltajiet u ħidmiet supplementari għal dak il-laboratorju u jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) u (6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-ħidmiet, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali għal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għas-saħħa tal-annimali u għall-annimali ħajjin huma elenkati fit-taqsima II tal-Anness VII ta' dak ir-Regolament.

    (2)

    Għad m'hemmx laboratorju ta' referenza tal-UE għal mard ikkawżat minn viruses tal-capripox (il-marda tal-infafet fil-ġilda u tal-ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż). Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għandhom ikopru l-oqsma tal-liġi dwar l-għalf u l-ikel u s-saħħa tal-annimali meta jkunu meħtieġa riżultati analitiċi u dijanjostiċi preċiżi. L-imxijiet tal-mard ikkawżat mill-viruses tal-capripox jirrikjedu riżultati analitiċi u dijanjostiċi preċiżi.

    (3)

    Fit-30 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni nediet sejħa għal applikazzjonijiet biex tagħżel u tinnomina laboratorju ta' referenza tal-UE fil-qasam ta' mard ikkawżat mill-viruses tal-capripox (il-marda tal-infafet fil-ġilda u l-ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż). Il-laboratorju magħżul “Veterinary and Agrochemical Research Centre — CODA-CERVA” għandu jiġi nnominat bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE fil-qasam ta' mard ikkawżat mill-viruses tal-capripox (il-marda tal-infafet fil-ġilda u l-ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż).

    (4)

    Barra mill-funzjonijiet u l-ħidmiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-laboratorju magħżul għandu jiġi assenjata ċerti kompiti u responsabbiltajiet speċifiċi.

    (5)

    It-taqsima II tal-Anness VII mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Veterinary and Agrochemical Research Centre — CODA-CERVA ta' Brussell huwa permezz ta' dan ir-Regolament innominat bħala l-laboratorju ta' referenza tal-Unjoni (UE) fil-qasam ta' mard ikkawżat mill-viruses tal-capripox (il-marda tal-infafet fil-ġilda u l-ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż).

    Ir-responsabbiltajiet u l-ħidmiet għal dak il-laboratorji huma stipulati fl-Anness.

    Artikolu 2

    Fit-taqsima II tal-Anness VII mar-Regolament (KE) Nru 882/2004, jiżdied il-punt 19 li ġej:

    “19.

    Il-laboratorju ta' referenza tal-UE għal mard ikkawżat minn viruses tal-capripox (il-marda tal-infafet fil-ġilda u tal-ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż).

    Veterinary and Agrochemical Research Centre — CODA-CERVA

    Operational Directorate Viral Diseases

    Unit Vesicular and Exotic Diseases

    Groeselenberg 99

    1180 Brussels

    Il-Belġju”.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Jannar 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.


    ANNESS

    Ir-responsabbiltajiet u l-ħidmiet tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għal mard ikkawżat mill-viruses TAL-capripox (il-marda tal-infafet fil-ġilda u tal-ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż)

    Barra mill-funzjonijiet u l-ħidmiet ġenerali tal-laboratorji ta' referenza tal-UE fis-settur tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-laboratorju ta' referenza tal-UE għal mard ikkawżat mill-viruses tal-capripox (il-marda tal-infafet fil-ġilda u tal-ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż) għandu jkollu r-responsabbiltajiet u l-ħidmiet li ġejjin:

    1.

    Li jiżgura l-kollegament bejn il-laboratorji nazzjonali tal-Istati Membri u jipprovi metodi ottimali għad-djanjożi ta' mard ikkawżat mill-viruses tal-capripox (il-marda tal-infafet fil-ġilda u tal-ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż) fil-bhejjem, speċifikament billi:

    (a)

    jwettaq il-karatterizzazzjoni ġenomika, jagħmel analiżi filoġenetika (ir-relazzjoni ma' razez oħrajn tal-istess virus) u jaħżen razez tal-viruses tal-capripox sabiex jiffaċilita s-servizzi djanjostiċi fl-Unjoni u, fejn hu xieraq u meħtieġ, pereżempju sabiex isiru segwiti epidemjoloġiċi jew verifika ta' djanjożi;

    (b)

    jibni u jżomm kollezzjoni aġġornata ta' razez u iżolati tal-viruses tal-capripox u sjeri speċifiċi u reaġenti oħra meħtieġa għad-dijanjosi tal-mard meta u jekk ikunu disponibbli;

    (c)

    jarmonizza d-djanożi u l-iżgurar tal-profiċjenza tal-ittestjar fl-Unjoni billi jorganizza u jħaddem provi komparattivi bejn il-laboratorji perjodiċi u eżerċizzji assikurattivi esterni ta' kwalità dwar id-djanjożi ta' dak il-mard fil-livell tal-Unjoni u permezz ta' trażmissjoni perjodika tar-riżultati ta' provi bħal dawn lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-laboratorji nazzjonali nominati għad-djanjożi ta' dawk il-mardiet;

    (d)

    iżomm l-għarfien espert dwar dak il-mard biex jippermetti djanjożi differenzjali rapida, b'mod partikolari, viżavì mardiet virali rilevanti oħrajn;

    (e)

    iwettaq studji ta' riċerka bl-għan li jiżviluppa metodi aħjar ta' kontroll tal-marda b'kollaborazzjoni mal-Laboratorji Nazzjonali nnominati għad-djanjożi ta' dak il-mard kif miftiehem mal-Kummissjoni;

    (f)

    jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar aspetti xjentifiċi relatati mal-viruses tal-capripox u, b'mod partikolari, dwar l-għażla u l-użu ta' varjetajiet tat-tilqim bil-viruses tal-capripox.

    2.

    Li jsostni l-funzjonijiet tal-laboratorji nazzjonali tal-Istati Membri nnominati għad-djanjożi tal-mard ikkawżat mill-viruses tal-capripox (il-marda tal-infafet fil-ġilda u tal-ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż), b'mod partikolari billi:

    (a)

    jaħżen, u jipprovdi sjeri standard u reaġenti oħra ta' referenza, bħal viruses, antiġeni inattivati jew linji taċ-ċelloli, lil dawk il-laboratorji djanjostiċi sabiex jiġu standardizzati t-testijiet u r-riaġenti użati f'kull Stat Membru, meta l-identifikazzjoni tal-aġent u/jew l-użu ta' testijiet seroloġiċi huma meħtieġa;

    (b)

    jassisti b'mod attiv fid-dijanjożi tal-mard b'rabta ma' suspett u konferma ta' tifqigħat fi Stati Membri billi jirċievi iżolati tal-viruses tal-capripox għall-finijiet ta' djanjożi konfermatorja, karatterizzazzjoni tal-virus, filwaqt li jikkontribwixxi għal investigazzjonijiet u studji epidemjoloġiċi. jikkomunika r-riżultati ta' dawn l-attivitajiet mingħajr dewmien lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-laboratorji nazzjonali nnominati għad-djanjożi ta' dak il-mard ikkonċernat.

    3.

    Li jipprovdi informazzjoni u jwettaq taħriġ ulterjuri, b'mod partikolari billi:

    (a)

    jiffaċilita l-provvista ta' taħriġ u korsijiet ta' aġġornament u gruppi ta' ħidma għall-benefiċċju tal-laboratorji nazzjonali nnominati għad-djanjożi ta' mard ikkawżat mill-viruses tal-capripox u ta' esperti fid-djanjożi tal-laboratorju bil-ħsieb li jiġu armonizzati t-tekniki djanjostiċi għal dak il-mard fl-Unjoni kollha;

    (b)

    jieħu sehem f'fora internazzjonali li jikkonċernaw b'mod partikolari l-istandardizzazzjoni ta' metodi analitiċi għal dak il-mard u l-implimentazzjoni tagħhom;

    (c)

    jikkollabora ma' laboratorji kompetenti rilevanti f'pajjiżi terzi fejn dawn il-mardiet huma prevalenti fir-rigward ta' metodi djanjostiċi għal mard ikkawżat mill-viruses tal-capripox;

    (d)

    jirrevedi fil-laqgħa annwali tal-laboratorji nazzjonali nnominati għad-djanjożi ta' mard ikkawżat mill-viruses tal-capripox ir-rekwiżiti rilevanti għall-ittestjar stabbiliti fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri u l-Manwal tat-Testijiet Djanjostiċi u t-Tilqim għall-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE);

    (e)

    jgħin lill-Kummissjoni fir-reviżjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OIE stabbiliti fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri u l-Manwal tat-Testijiet Djanjostiċi u t-Tilqim tal-Annimali Terrestri;

    (f)

    iżomm ruħu aġġornat dwar l-iżviluppi fl-epidemjoloġija tal-mard ikkawżat mill-viruses tal-capripox.


    Top