This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017H0146
Commission Recommendation (EU) 2017/146 of 21 December 2016 regarding the rule of law in Poland complementary to Recommendation (EU) 2016/1374
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/146 tal-21 ta' Diċembru 2016 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja kumplimentari għar-Rakkomandazzjoni (UE) 2016/1374
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/146 tal-21 ta' Diċembru 2016 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja kumplimentari għar-Rakkomandazzjoni (UE) 2016/1374
C/2016/8950
ĠU L 22, 27.1.2017, pp. 65–81
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
27.1.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 22/65 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/146
tal-21 ta' Diċembru 2016
dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja kumplimentari għar-Rakkomandazzjoni (UE) 2016/1374
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-27 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja (1), biex tistabbilixxi t-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali u tirrakkomanda kif dawn għandhom jiġu indirizzati. |
|
(2) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ġiet adottata taħt il-Qafas tal-Istat tad-Dritt (2). Dan il-Qafas tal-Istat tad-Dritt jistabbilixxi kif il-Kummissjoni se tirreaġixxi jekk jitfaċċaw indikazzjonijiet ċari ta' theddida għall-istat tad-dritt fi Stat Membru tal-Unjoni u jispjega l-prinċipji li huma involuti fl-istat tad-dritt. Il-Qafas tal-Istat tad-Dritt jipprovdi gwida għal djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru sabiex jipprevjenu li jseħħ theddid sistemiku għall-istat tad-dritt li jista' jiżviluppa f'“riskju ċar ta' ksur serju” li potenzjalment jiskatta l-użu tal-“Proċedura tal-Artikolu 7 TUE”. Jekk ikun hemm indikazzjonijiet ċari ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt fi Stat Membru, il-Kummissjoni tista' tagħti bidu għal djalogu ma' dak l-Istat Membru taħt il-Qafas tal-Istat tad-Dritt. |
|
(3) |
L-Unjoni Ewropea hi mwaqqfa fuq sett ta' valuri komuni mnaqqxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”), li jinkludu r-rispett għall-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni, lil hinn mill-kompitu tagħha li tiżgura r-rispett tad-dritt tal-UE, hija responsabbli wkoll, flimkien mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri u mal-Kunsill, sabiex tiggarantixxi l-valuri komuni tal-Unjoni. |
|
(4) |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll dokumenti mħejjija mill-Kunsill tal-Ewropa, li jibnu b'mod partikolari fuq l-għarfien espert tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (“Il-Kummissjoni ta' Venezja”), jipprovdu lista mhux eżawrjenti ta' dawn il-prinċipji u għalhekk jiddefinixxu t-tifsira ewlenija tal-istat tad-dritt bħala valur komuni tal-Unjoni skont l-Artikolu 2 TUE. Dawn il-prinċipji jinkludu l-legalità, li timplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralista għall-promulgazzjoni tal-liġijiet; ċertezza tad-dritt; projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; qrati indipendenti u imparzjali; stħarriġ ġudizzjarju effettiv, li jinkludi r-rispett għad-drittijiet fundamentali; u ugwaljanza quddiem il-liġi (3). Minbarra li jsostnu dawn il-prinċipji u valuri, l-istituzzjonijiet tal-Istat għandhom ukoll id-dmir ta' kooperazzjoni leali. |
|
(5) |
Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tas-27 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni spjegat iċ-ċirkostanzi li fihom iddeċidiet, fit-13 ta' Jannar 2016, li teżamina s-sitwazzjoni fil-Qafas tal-Istat tad-Dritt u li fihom adottat, fl-1 ta' Ġunju 2016, Opinjoni dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja. Ir-Rakkomandazzjoni spjegat ukoll li l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk ma rnexxielhomx isolvu t-tħassib tal-Kummissjoni. |
|
(6) |
Fir-Rakkomandazzjoni tagħha, il-Kummissjoni sabet li kien hemm theddida sistemika għall-istat tad-dritt fil-Polonja u rrakkomandat li l-awtoritajiet Pollakki jieħdu azzjoni xierqa sabiex jindirizzaw din it-theddida bħala kwistjoni ta' urġenza. |
|
(7) |
B'mod partikolari, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-awtoritajiet Pollakki: (a) jimplimentaw bis-sħiħ is-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-3 u d-9 ta' Diċembru 2015 li jeżiġu li t-tliet imħallfin li kienu nnominati legalment f'Ottubru 2015 mis-seba' (7) mandat tas-Sejm ikunu jistgħu jibdew jaqdu l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom fit-Tribunal Kostituzzjonali, u li t-tliet imħallfin innominati mit-tmien (8) mandat tas-Sejm mingħajr bażi ġuridika valida ma jistgħux jibdew jaqdu l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom; (b) jippubblikaw u jimplimentaw bis-sħiħ is-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tad-9 ta' Marzu 2016 u jiżguraw li l-pubblikazzjoni tas-sentenzi futuri tkun awtomatika u ma tiddependi fuq l-ebda deċiżjoni tas-setgħat leġiżlattivi jew eżekuttivi; (c) jiżguraw li kull riforma tal-Liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tirrispetta s-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali, inklużi s-sentenzi tat-3 u d-9 ta' Diċembru 2015 u s-sentenza tad-9 ta' Marzu 2016, u jqisu bis-sħiħ l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja; u jiżguraw li l-effettività tat-Tribunal bħala garanti tal-Kostituzzjoni ma tiġix ippreġudikata minn rekwiżiti; (d) jiżguraw li t-Tribunal Kostituzzjonali jkun jista' jirrevedi l-kompatibbiltà tal-liġi l-ġdida adottata fit-22 ta' Lulju 2016 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu u jippubblikaw u jimplimentaw b'mod sħiħ is-sentenza tat-Tribunal f'dan ir-rigward; (e) ma jiħdux azzjonijiet u ma jagħmlux dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistgħu jdgħajfu l-leġittimità u l-effiċjenza tat-Tribunal Kostituzzjonali. |
|
(8) |
Il-Kummissjoni stiednet lill-Gvern Pollakk biex isolvi l-problemi identifikati fir-rakkomandazzjoni fi żmien tliet xhur, u jinforma lill-Kummissjoni bil-passi li ttieħdu f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni saħqet li baqgħet lesta biex tkompli djalogu kostruttiv mal-Gvern Pollakk. |
|
(9) |
Fit-30 ta' Lulju 2016, il-President tar-Repubblika ffirma l-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016, li kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fl-1 ta' Awwissu 2016. |
|
(10) |
Fil-11 ta' Awwissu 2016, it-Tribunal Kostituzzjonali ta sentenza abbażi tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 (4). Is-sentenza kkunsidrat li numru ta' dispożizzjonijiet ta' dik il-liġi, li kollha kienu identifikati wkoll bħala ta' tħassib mill-Kummissjoni fir-Rakkomandazzjoni tagħha, kienu antikostituzzjonali. Il-bażijiet ta' antikostituzzjonalità kienu primarjament il-prinċipji tas-seperazzjoni u l-bilanċ tas-setgħat (5), l-indipendenza tal-qrati u t-tribunali minn fergħat oħra ta' setgħa (5), l-indipendenza tal-imħallfin (6) u l-prinċipju tal-integrità u l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet pubbliċi (7). Madankollu, il-Gvern Pollakk ma rrikonoxxiex il-validità ta' din is-sentenza u ma ppubblikahiex fil-Ġurnal Uffiċjali. |
|
(11) |
Fis-16 ta' Awwissu 2016, il-Gvern Pollakk ippubblika 21 sentenza tat-Tribunal mogħtija f'perjodu mis-6 ta' April 2016 sad-19 ta' Lulju 2016. Il-pubblikazzjoni ta' dawn is-sentenzi tidher li kienet ibbażata fuq l-Artikolu 89 tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 li pprevediet li “Id-deċiżjonijiet tat-Tribunal li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-25 ta' Ġunju 2015 qabel l-20 ta' Lulju 2016 għandhom jiġu ppubblikati fi żmien 30 jum mid-dħul fis-seħħ ta' dan l-Att, bl-eċċezzjoni ta' deċizjonijiet li jikkonċernaw atti normattivi li ma għadhomx effettivi.” Din id-dispożizzjoni kienet fost dawk iddikjarati bħala antikostituzzjonali mit-Tribunal Kostituzzjonali fis-sentenza tiegħu tal-11 ta' Awwissu 2016. Barra minn hekk, la s-sentenzi tad-9 ta' Marzu 2016 u tal-11 ta' Awwissu 2016 u lanqas is-16-il sentenza mogħtija mill-11 ta' Awwissu 2016 ma ġew ippubblikati mill-Gvern. |
|
(12) |
Fit-18 ta' Awwissu 2016, is-Servizz tal-Prosekutur Pollakk informa dwar it-twaqqif ta' investigazzjoni kriminali kontra l-President tat-Tribunal Kostituzzjonali talli ma ħalliex tliet imħallfin li kienu nħatru mil-leġiżlatura l-ġdida f'Diċembru 2015 jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom. |
|
(13) |
Fl-14 ta' Settembru 2016, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja (8), fejn fost l-oħrajn appella lill-Gvern Pollakk sabiex jikkoopera mal-Kummissjoni skont il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera kif stipulat fit-Trattat, u ħeġġu juża t-tliet xhur mogħtija mill-Kummissjoni sabiex jinvolvi ruħu mal-partijiet kollha rrappreżentati fis-Sejm sabiex jinstab kompromess li jsolvi l-kriżi kostituzzjonali kontinwa, b'rispett sħiħ għall-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
(14) |
Fit-30 ta' Settembru 2016, grupp ta' membri tas-Sejm ippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida dwar l-istatus tal-imħallfin tat-Tribunal Kostituzzjonali. Il-proposta fiha dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-imħallfin tat-Tribunal, l-arranġamenti għall-ħatra ta' imħallfin tat-Tribunal, il-mandat u t-terminazzjoni tal-kariga tagħhom u mistoqsijiet dwar l-immunità, l-integrità u l-imputabbiltà personali għal azzjoni dixxiplinari. |
|
(15) |
Fl-14 ta' Ottubru 2016, il-Kummissjoni ta' Venezja adottat l-opinjoni tagħha dwar il-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 (9). L-opinjoni nnotat li l-Liġi fiha xi titjib meta kkumparata mal-Liġi tat-22 ta' Diċembru 2015 li kienet is-suġġett tal-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja ta' Marzu 2016. Madankollu, ikkunsidrat li dan it-titjib għandu ambitu wisq limitat, peress li dispożizzjonijiet oħra tal-Liġi kif adottati jwasslu għal dewmien konsiderevoli u jostakolaw il-ħidma tat-Tribunal, possibilment jagħmlu l-ħidma tiegħu ineffettiva, kif ukoll idgħajfu l-indipendenza tiegħu billi jeżerċitaw kontroll leġiżlattiv u eżekuttiv eċċessiv fuq l-operat tiegħu. Dispożizzjonijiet oħra ta' dan it-tip jinkludu pereżempju dawk dwar il-posponiment ta' każ sa sitt xhur fuq talba ta' erba' mħallfin, dwar il-permess lill-Prosekutur-Ġenerali sabiex iwaqqaf seduta fil-każ tan-nuqqas tiegħu jew tagħha, jew dwar is-sospensjoni tal-każijiet istituzzjonali kollha għal sitt xhur, segwita minn reġistrazzjoni mill-ġdid. L-opinjoni kkritikat ukoll is-sistema li kandidati jkunu proposti għall-pożizzjoni ta' President tat-Tribunal lill-President tar-Repubblika, li tista' twassal għal sitwazzjoni fejn kandidat maħtur ma jgawdix minn appoġġ ta' numru sostanzjati ta' mħallfin. Barra minn hekk, mingħajr ebda bażi kostituzzjonali jew ġuridika, il-kanċellerija tal-Prim Ministru allegat li se tikkontrolla l-validità tas-sentenzi tat-Tribunali billi tirrifjuta li tippubblika s-sentenzi tiegħu. L-opinjoni enfasizzat ukoll li l-problema tal-ħatra tal-imħallfin ma ġietx solvuta kif irrakkomandat u li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni fil-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 li teħtieġ li l-President tat-Tribunal jassenja kawżi lill-imħallfin ta' Diċembru tkun kuntrarja għas-sentenzi tat-Tribunal, li huma universalment vinkolanti u għalhekk jorbtu lill-awtoritajiet tal-Istat kollha, inkluż it-Tribunal u l-President tiegħu. L-opinjoni kkonkludiet li permezz tal-adozzjoni tal-liġi, il-Parlament Pollakk assuma setgħat ta' reviżjoni kostituzzjonali li ma kellux meta kien jimxi mal-leġiżlatura ordinarja. Hi kkunsidrat li l-Parlament Pollakk u l-Gvern komplew jisfidaw il-pożizzjoni tat-Tribunal bħala l-arbitru finali ta' kwistjonijiet kostituzzjonali u attribwew din l-awtorità lilhom infushom: ħolqu ostakli ġodda għall-funzjonament effettiv tat-Tribunal, u aġixxew sabiex idgħajfu iktar l-indipendenza tiegħu. Bil-prolongament tal-kriżi kostituzzjonali, huma ostakolaw it-Tribunal Kostituzzjonali, li ma jistax jaqdi l-irwol kostituzzjonali tiegħu bħala gwardjan tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem skont l-opinjoni. Il-Gvern Pollakk iddeċieda li ma jipparteċipax fis-seduta tal-Kummissjoni ta' Venezja fl-14 ta' Ottubru 2016 għax qies li l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja kienet unilaterali u ma kkunsidratx il-pożizzjoni tal-Gvern. |
|
(16) |
Fis-26 ta' Ottubru 2016, grupp ta' membri tas-Sejm ippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti quddiem it-Tribunal Kostituzzjonali. Il-proposta fiha dispożizzjonijiet iddettaljati dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti quddiem it-Tribunal Kostituzzjonali, inklużi regoli ġodda dwar l-elezzjoni tal-President u l-Viċi President tat-Tribunal. Il-proposta tikkumplimenta l-proposta leġiżlattiva dwar l-istatus tal-imħallfin tat-Tribunal Kostituzzjonali, ippreżentata lis-Sejm fit-30 ta' Settembru 2016 (ara hawn fuq); iż-żewġ proposti leġiżlattivi huma interkonnessi mill-qrib u huma maħsuba sabiex jieħdu post il-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016. |
|
(17) |
Fis-27 ta' Ottubru 2016, fil-limitu ta' żmien ta' tliet xhur stabbilit fir-Rakkomandazzjoni, il-Gvern Pollakk wieġeb għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. It-tweġiba ma taqbilx fuq il-punti kollha mal-pożizzjoni espressa fir-Rakkomandazzjoni u ma tħabbar l-ebda miżuri ġodda sabiex ittaffi t-tħassib tal-istat tad-dritt indirizzat mill-Kummissjoni. |
|
(18) |
Fil-31 ta' Ottubru 2016, il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU adotta Osservazzjonijiet konklużivi dwar is-seba' rapport perjodiku tal-Polonja. Huwa esprima tħassib dwar l-impatt negattiv ta' riformi leġiżlattivi, inklużi l-emendi fil-Liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali ta' Novembru u Diċembru 2015 u Lulju 2016, u n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tas-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali; il-funzjonament u l-indipendenza tat-Tribunal u l-implimentazzjoni tal-Patt. Il-Kumitat esprima wkoll it-tħassib tiegħu dwar ir-rifjut tal-Prim Ministru li jippubblika s-sentenzi ta' Marzu u ta' Awwissu 2016 tat-Tribunal u l-isforzi tal-Gvern sabiex ibiddel il-kompożizzjoni tat-Tribunal b'modi li t-Tribunal qies bħala antikostituzzjonali, u dwar il-proċedimenti legali mnedija kontra l-President tat-Tribunal għall-allegat abbuż ta' poter. Il-Kumitat ikkonkluda li l-Polonja għandha tiżgura rispett għal u l-protezzjoni tal-integrità u l-indipendenza tat-Tribunal Kostituzzjonali u tal-imħallfin tiegħu u jiżgura l-implimentazzjoni tas-sentenzi kollha tiegħu. Il-Kumitat ħeġġeġ lill-Polonja biex tippubblika immedjatament b'mod uffiċjali s-sentenzi kollha tat-Tribunal, biex ma tintroduċix miżuri li jostakolaw il-funzjonament effettiv tiegħu u biex tiżgura proċess trasparenti u imparzjali għall-ħatra tal-membri tiegħu u għas-sigurtà tal-pussess, li jissodisfa r-rekwiżiti ta' legalità kollha skont il-liġi domestika u internazzjonali. |
|
(19) |
Fis-7 ta' Novembru 2016, it-Tribunal Kostituzzjonali ta sentenza dwar il-kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 dwar l-għażla tal-President u l-Viċi President tat-Tribunal (10). Ta' min jinnota li minħabba r-rifjut tat-tliet imħallfin tat-Tribunal sabiex jipparteċipaw fil-kawża (11) u fid-dawl tal-fatt li t-tliet imħallfin li kienu nnominati legalment f'Ottubru 2015 mis-seba' (7) mandat tas-Sejm ma kinux jaqdu d-dmirijiet ġudizzjarji tagħhom fit-Tribunal, it-Tribunal Kostituzzjonali kellu jbiddel il-kompożizzjoni tiegħu mill-formazzjoni plenarja għall-formazzjoni b'ħames imħallfin. Mill-11 ta' Awwissu 2016, it-Tribunal ma setax joqgħod fil-formazzjoni plenarja sabiex jagħti s-sentenzi tiegħu. Fl-10 ta' Novembru 2016 is-smigħ ta' każ fi plenarja kellu jkun aġġornat għax il-kworum għall-formazzjoni plenarja ma setax jintlaħaq. Barra minn hekk, fit-30 ta' Novembru u fit-8 ta' Diċembru 2016, l-Assemblea Ġenerali ma setgħetx tadotta riżoluzzjoni dwar il-preżentazzjoni ta' kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal Kostituzzjonali minħabba li l-kworum preskritt mil-liġi ma setax jintlaħaq. |
|
(20) |
Fl-1 ta' Diċembru 2016, is-Senat adotta l-Liġi tat-30 ta' Novembru 2016 dwar l-istatus legali tal-imħallfin tat-Tribunal Kostituzzjonali (“Liġi dwar l-istatus tal-imħallfin”). |
|
(21) |
Fit-2 ta' Diċembru 2016, is-Senat adotta l-Liġi tat-30 ta' Novembru 2016 dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti quddiem it-Tribunal Kostituzzjonali (“Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti”). |
|
(22) |
Fl-14 ta' Diċembru 2016, il-Parlament Ewropew organizza dibattitu dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja. Matul dan id-dibattitu, il-Kummissjoni talbet b'mod urġenti lill-awtoritajiet Pollakki biex ma jpoġġux fis-seħħ il-liġijiet il-ġodda qabel ma t-Tribunal Kostituzzjonali jkollu l-okkażjoni li jeżamina l-kostituzzjonalità tagħhom. |
|
(23) |
Fil-15 ta' Diċembru 2016, is-Senat adotta l-Liġi tat-13 ta' Diċembru 2016 li timplimenta l-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti u l-Liġi dwar l-istatus tal-imħallfin (“Implimentazzjoni tal-Liġi”). |
|
(24) |
Fid-19 ta' Diċembru 2016, il-President tar-Repubblika ffirma t-tliet liġijiet imsemmija hawn fuq li kienu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. Fl-istess ġurnata, il-President tar-Repubblika ħatar lill-Imħallef Julia Przylębska, imħallef eletta mis-Sejm il-ġdid għall-pożizzjoni ta' Aġent President tat-Tribunal Kostituzzjonali. |
|
(25) |
Fl-20 ta' Diċembru 2016, l-Imħallef Julia Przylębska ħatret lit-tliet imħallfin nominati mit-tmien (8) terminu tas-Sejm mingħajr bażi ġuridika valida biex jibdew jaqdu dmirijiethom fit-Tribunal u sejħet laqgħa tal-Assemblea Ġenerali għall-istess ġurnata. Fid-dawl taż-żmien qasir, imħallef wieħed ma setax jipparteċipa u talab li tiġi posposta l-laqgħa għall-ġurnata ta' wara. L-Imħallef Julia Przyłębska rrifjutat u seba' mħallfin oħra wkoll ma pparteċipawx fil-laqgħa. Sitt imħallfin biss, inklużi t-tliet imħallfin innominati illegalment, ħadu sehem fil-laqgħa u eleġġew żewġ kandidati, Julia Przyłębska u Mariusz Muszyński, li kienu ppreżentati bħala kandidati lill-President tar-Repubblika. |
|
(26) |
Fil-21 ta' Diċembru 2016, il-President tar-Repubblika ħatar lill-Imħallef Julia Przyłębska fil-kariga ta' President tat-Tribunal Kostituzzjonali. |
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
|
1. |
Jenħtieġ li r-Repubblika tal-Polonja tqis kif xieraq l-analiżi tal-Kummissjoni deskritta hawn taħt u tieħu l-miżuri li jidhru fit-Taqsima 7 ta' din ir-Rakkomandazzjoni sabiex il-problemi identifikati jiġu solvuti fil-limitu ta' żmien stabbilit. |
1. SKOP TAR-RAKKOMANDAZZJONI
|
2. |
Din ir-Rakkomandazzjoni tissuplimenta r-Rakkomandazzjoni tas-27 ta' Lulju 2016. Teżamina liema fost it-tħassib imqajjem f'dik ir-rakkomandazzjoni ġie indirizzat, tistabbilixxi t-tħassib li għad fadal u telenka għadd ta' punti ta' tħassib ġdid tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt fil-Polonja li tqajjem sa minn dak iż-żmien. Abbażi ta' dan, tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet Pollakki dwar kif għandu jiġi indirizzat dan it-tħassib. Dan it-tħassib jikkonċerna l-kwistjonijiet li ġejjin:
|
2. ĦATRA TAL-IMĦALLFIN TAT-TRIBUNAL KOSTITUZZJONALI
|
3. |
Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tas-27 ta' Lulju 2016 (12), il-Kummissjoni rrakkomandat li l-awtoritajiet Pollakki jimplimentaw bis-sħiħ is-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-3 u d-9 ta' Diċembru 2015 li jeżiġu li t-tliet imħallfin li ġew innominati legalment f'Ottubru 2015 mis-seba' (7) mandat tas-Sejm jistgħu jibdew jaqdu l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom fit-Tribunal Kostituzzjonali, u li t-tliet imħallfin innominati mit-tmien (8) mandat tas-Sejm mingħajr bażi ġuridika valida ma jibdewx jaqdu l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom. |
|
4. |
F'dak li jikkonċerna l-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, il-Kummissjoni osservat li din il-liġi hi kuntrarja għas-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-3 u d-9 ta' Diċembru. L-Artikolu 90 (13) jeħtieġ li l-President tat-Tribunal Kostituzzjonali jassenja każijiet lill-imħallfin kollha li jkunu ħadu l-ġurament quddiem il-President tar-Repubblika, iżda li jkunu għadhom ma bdewx jaqdu dmirijiethom bħala mħallfin. Din id-dispożizzjoni tidher immirata lejn is-sitwazzjoni tat-tliet imħallfin li kienu nnominati illegalment mit-tmien (8) mandat tas-Sejm f'Diċembru 2015. Din tippermetti lil dawn l-imħallfin jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom filwaqt li jużaw il-postijiet vakanti li għalihom il-leġiżlatura preċedenti tas-Sejm kienet diġà nnominat legalment tliet imħallfin, kif kien ġie deċiż fis-sentenzi tat-3 u d-9 ta' Diċembru 2015. |
|
5. |
Fis-sentenza tiegħu tal-11 ta' Awwissu 2016, it-Tribunal Kostituzzjonali sab l-Artikolu 90 tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 bħala antikostituzzjonali u l-Kummissjoni ta' Venezja fl-opinjoni tagħha tal-14 ta' Ottubru 2016 ikkonfermat li dik id-dispożizzjoni mhix soluzzjoni konformi mal-prinċipju tal-istat tad-dritt (14). |
|
6. |
Madankollu, il-Gvern Pollakk ikompli jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità tas-sentenza tal-11 ta' Awwissu 2016 u li jippubblikaha fil-Ġurnal Uffiċjali (ara t-Taqsima 3 ta' hawn taħt). |
|
7. |
Barra minn hekk, il-Liġi l-ġdida dwar l-istatus tal-imħallfin tintroduċi mill-ġdid dispożizzjoni (15) simili għall-Artikolu 90 tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 li kienet iddikjarata antikostituzzjonali fis-sentenza tal-11 ta' Awwissu 2016. Bl-istess mod, dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jwasslu għal effett simili jistgħu jinstabu fil-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti (16) u fil-Liġi tal-Implimentazzjoni (17). |
|
8. |
Fit-tweġiba tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016, il-Gvern Pollakk jikkunsidra li s-sentenzi tat-3 u tad-9 ta' Diċembru 2015 tat-Tribunal ma speċifikawx liema mħallfin kellhom jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom u jikkunsidra li l-leġiżlatura l-ġdida tas-Sejm innominat b'mod legali l-ħames imħallfin f'Diċembru 2015. Dan ir-raġunament iqajjem tħassib serju dwar l-istat tad-dritt għax jiċħad kwalunkwe effett taż-żewġ sentenzi ta' Diċembru u jikkontradixxi r-raġunament tat-Tribunal kif imtenni b'mod konsistenti, inkluż fis-sentenza tal-11 ta' Awwissu 2016. It-tweġiba timplika li, bis-sentenzi tat-Tribunal jew mingħajrhom, is-sitwazzjoni tibqa' l-istess. |
|
9. |
It-tweġiba tirrikonoxxi li fid-dispożittiv tas-sentenza tat-3 ta' Diċembru 2015, it-Tribunal Kostituzzjonali indirizza d-dmir tal-President tar-Repubblika li b'mod immedjat jieħu l-ġurament minn imħallef elett fit-Tribunal mis-Sejm. Madankollu ssostni li s-sentenza ma tistax torbot lil awtoritajiet oħra biex japplikaw dispożizzjonijiet bil-mod speċifikat f'każ partikolari. Din l-interpretazzjoni tillimita l-impatt tas-sentenzi tat-3 u d-9 ta' Diċembru 2015 għal sempliċi obbligu għall-Gvern li jippubblikahom iżda jiċħdilhom kwalunkwe effett legali u operazzjonali ulterjuri, b'mod partikolari fir-rigward tal-obbligu tal-President tar-Repubblika li jieħu l-ġurament tal-imħallfin inkwistjoni. Din l-interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn il-korpi tal-Istat li hu, kif enfasizzat fl-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, prekundizzjoni kostituzzjonali fi stat demokratiku rregolat bl-istat tad-dritt. |
|
10. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li anki l-Kummissjoni ta' Venezja tqis li soluzzjoni għall-kunflitt attwali fuq il-kompożizzjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali “għandha tkun ibbażata fuq l-obbligu li s-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali jiġu rispettati u implimentati bis-sħiħ” u “b'hekk tistieden lill-korpi kollha tal-Istat u b'mod partikolari lis-Sejm biex jirrispettaw b'mod sħiħ u jimplimentaw is-sentenzi” (18). |
|
11. |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li l-awtoritajiet Pollakki jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ is-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-3 u d-9 ta' Diċembru 2015. Dawn is-sentenzi jeħtieġu li l-istituzzjonijiet tal-Istat jikkooperaw b'mod leali sabiex, b'mod konformi mal-istat tad-dritt, jiżguraw li t-tliet imħallfin li kienu nnominati mis-seba' (7) mandat tas-Sejm jistgħu jibdew jaqdu l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom fit-Tribunal Kostituzzjonali, u li t-tliet imħallfin innominati mit-tmien (8) mandat tas-Sejm mingħajr bażi ġuridika valida ma jibdewx jaqdu l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom. Id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali jqajmu tħassib serju fir-rigward tal-istat tad-dritt u bis-sentenza tal-11 ta' Awwissu 2016 tat-Tribunal Kostituzzjonali nstab li huma antikostituzzjonali. Barra minn hekk, jinħtieġ li din is-sentenza tiġi rispettata, ippublikata u implimentata mill-awtoritajiet Pollakki. Barra minn hekk, dispożizzjonijiet (19) inklużi fil-Liġi dwar l-istatus tal-imħallfin li għandhom l-għan li jipproduċu riżultat simili, fil-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti u fil-Liġi tal-Implimentazzjoni, huma wkoll inkonsistenti ma' dawn is-sentenzi u ma għandhomx jiġu applikati. |
3. NUQQAS TA' PUBBLIKAZZJONI U IMPLIMENTAZZJONI TAS-SENTENZA TAT-TRIBUNAL KOSTITUZZJONALI TAD-9 TA' MARZU 2016 U TAS-SENTENZI MOGĦTIJA MID-9 TA' MARZU 2016
|
12. |
Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tas-27 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-awtoritajiet Pollakki jippubblikaw u jimplimentaw bis-sħiħ is-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali tad-9 ta' Marzu 2016 u s-sentenzi sussegwenti tiegħu u jiżguraw li l-pubblikazzjoni tas-sentenzi futuri tkun awtomatika u ma tiddependi fuq l-ebda deċiżjoni tas-setgħat leġiżlattivi jew eżekuttivi. |
|
13. |
Fis-16 ta' Awwissu 2016, il-Gvern Pollakk, abbażi tal-Artikolu 89 tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016, ippubblika 21 sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali mogħtija f'perjodu mis-6 ta' April 2016 sad-19 ta' Lulju 2016. Madankollu, iż-żewġ sentenzi tad-9 ta' Marzu u l-11 ta' Awwissu 2016 għadhom ma ġewx ippubblikati mill-Gvern Pollakk, kuntrarju għal dak li kien mitlub fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, sa issal-ebda waħda mis-16-il sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali mogħtija wara l-11 ta' Awwissu 2016 għadha ma ġiet ippubblikata. |
|
14. |
L-Artikolu 89 tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 ġie ddikjarat bħala antikostituzzjonali mit-Tribunal Kostituzzjonali fis-sentenza tiegħu tal-11 ta' Awwissu 2016 minħabba n-nuqqas ta' konsistenza tiegħu mal-prinċipji tas-separazzjoni u l-bilanċ tas-setgħat u l-indipendenza tal-qrati u t-tribunali minn fergħat oħra ta' setgħa. |
|
15. |
Ir-risposta tal-Gvern Pollakk tas-27 ta' Ottubru tikkonferma li l-Gvern għadu jikkunsidra li għandu l-poter li jivverifika l-legalità tas-sentenzi tat-Tribunal u li l-pubblikazzjoni awtomatika tas-sentenzi ma tistax tkun żgurata. |
|
16. |
L-Artikolu 114(1) u (2) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċeduri jipprevedi li “Aġġudikazzjonijiet huma ppubblikati fil-ġurnal uffiċjali xieraq, skont il-prinċipji u kif stipulat fil-Kostituzzjoni u fl-Att tal-20 ta' Lulju 2000 dwar il-pubblikazzjoni tal-atti normattivi u ċerti atti legali oħra […]”. Barra minn hekk, huwa previst li “Il-President tat-Tribunal jordna pubblikazzjoni ta' dawn l-aġġudikazzjonijiet.” Din id-dispożizzjoni hija pass importanti fid-direzzjoni t-tajba. |
|
17. |
Madankollu, l-Artikolu 19 tal-Liġi ta' Implimentazzjoni jipprevedi li “Sentenzi tat-Tribunal u deċiżjonijiet tat-Tribunal adottati bi ksur tal-Att tat-Tribunal Kostituzzjonali tal-25 ta' Ġunju 2015 […] jew l-Att tat-Tribunal Kostituzzjonali tat-22 ta' Lulju 2016 u maħruġa qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Att li hemm referenza għalih fl-Artikolu 1 għandhom jiġu ppubblikati fil-gazzetti uffiċjali relevanti wara li l-pubblikazzjoni tagħhom tkun ordnata mill-Aġent President tat-Tribunal, sakemm ma jkunux jikkonċernaw strumenti regolatorji li ma għadhomx japplikaw.” Dispożizzjoni simili kienet diġà meqjusa antikostituzzjonali mit-Tribunal fis-sentenza tiegħu tal-11 ta' Awwissu 2016. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni enfasizzat li l-indikazzjoni li s-sentenzi ġew mogħtija illegalment tmur kontra l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat billi mhuwiex il-kompitu tas-Sejm li tiddetermina l-legalità tas-sentenzi (20). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ta' Venezja kkonfermat din il-pożizzjoni fiż-żewġ opinjonijiet tagħha (21). Apparti minn hekk, l-esklużjoni mill-pubblikazzjoni ta' sentenzi li għandhom x'jaqsmu ma' atti normattivi li ma għadhomx applikabbli, kif previst fl-Artikolu 19 tal-Liġi ta' Implimentazzjoni, teskludi b'mod partikolari s-sentenzi tad-9 ta' Marzu, tal-11 ta' Awwissu u tas-7 ta' Novembru 2016. Sakemm ma jinħatarx il-President tat-Tribunal Kostituzzjonali, din id-dispożizzjoni tipprevjeni l-pubblikazzjoni sħiħa tas-sentenzi kollha. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda garanzija li l-Artikolu 114(2) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedura jiżgura li l-President tat-Tribunal futur se jippubblika s-sentenzi kollha li ġew adottati qabel il-mandat tiegħu. |
|
18. |
Bħala konklużjoni, il-fatt li l-Gvern Pollakk sa issa rrifjuta li jippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali s-sentenzi tad-9 ta' Marzu 2016 u l-11 ta' Awwissu 2016 li għandhom x'jaqsmu ma' atti leġiżlattivi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, u s-sentenzi l-oħra kollha mogħtija mit-Tribunal Kostituzzjonali mill-11 ta' Awwissu 2016, joħloq inċertezza dwar il-bażi ġuridika għall-attività ġudizzjarja tat-Tribunal u dwar l-effetti legali tad-deċiżjonijiet tiegħu. Din l-inċertezza ddgħajjef l-effettività ta' reviżjoni kostituzzjonali u tqajjem tħassib serju fir-rigward tal-istat tad-dritt. Il-konformità mas-sentenzi finali hija rekwiżit essenzjali inerenti fl-istat tad-dritt. Ir-rifjut li tkun ippubblikata sentenza vinkolanti u finali jiċħad l-effett legali u operazzjonali awtomatiku ta' dan tal-aħħar u jmur kontra l-prinċipji ta' legalità u separazzjoni tas-setgħat. |
4. REVIŻJONI TAL-LIĠI DWAR IT-TRIBUNAL KOSTITUZZJONALI U L-EFFETTIVITÀ TAR-REVIŻJONI KOSTITUZZJONALI TAL-LEĠIŻLAZZJONI L-ĠDIDA
|
19. |
Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tas-27 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni kkunsidrat fid-dettall il-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 u l-impatt tagħha, u qieset l-effett tad-dispożizzjonijiet kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq livell kollettiv, kif ukoll il-ġurisprudenza preċedenti tat-Tribunal Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja. Il-Kummissjoni rrakkomandat li l-awtoritajiet Pollakki jiżguraw li kull riforma tal-Liġi dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tirrispetta s-sentenzi tat-Tribunal Kostituzzjonali, inklużi dawk tat-3 u d-9 ta' Diċembru 2015 u tad-9 ta' Marzu 2016, u jqisu bis-sħiħ l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-11 ta' Marzu 2016. B'mod partikolari, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-awtoritajiet Pollakki jiżguraw li l-ħtiġijiet bħal dawk li għandhom x'jaqsmu mal-kworum ta' attendenza, l-immaniġġar tal-każijiet f'ordni kronoloġika, il-possibilità li l-Prosekutur Ġenerali Pubbliku jipprevjeni l-eżami tal-każijiet, il-posponiment ta' deliberazzjonijiet jew miżuri tranżizzjonali li jaffettwaw kawżi pendenti u s-sospensjoni ta' kawżi, ma jdgħajfux, separatament jew permezz tal-effett kumulattiv tagħhom, l-effettività tat-Tribunal Kostituzzjonali bħala garanti tal-Kostituzzjoni. |
|
20. |
Fit-tweġiba tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016, il-Gvern Pollakk naqas milli jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tat-tħassib espress mill-Kummissjoni u mill-Kummissjoni ta' Venezja ma tqisx fil-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016. It-tweġiba tikkontesta li t-Tribunal jitwaqqaf milli jeżerċita reviżjoni effettiva billi tirreferi għall-fatt li t-Tribunal kellu l-possibbiltà li jieħu deċiżjonijiet waqt l-hekk imsejħa kriżi kostituzzjonali. Madankollu, dan l-argument huwa irrelevanti għax it-Tribunal irnexxielu jagħmel dan preċiżament billi ma japplikax ir-rekwiżiti proċedurali involuti (sentenza tal-11 ta' Awwissu 2016) u l-Gvern qed jirrifjuta li jippubblika dawn l-istess deċiżjonijiet tat-Tribunal f'tentattiv li jwaqqafhom milli jkollhom effett legali. |
|
21. |
It-tweġiba tippreżenta wkoll spjegazzjonijiet fil-qosor dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq mad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni tosserva li dawn l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern ma jneħħux il-bżonn ta' reviżjoni kostituzzjonali ġenwinament effettiva mit-Tribunal Kostituzzjonali. |
|
22. |
It-tweġiba tiċħad ukoll l-irwol fundamentali tat-Tribunal Kostituzzjonali li jiżgura l-istat tad-dritt fil-Polonja. Il-Kummissjoni tikkontesta dik l-istqarrija. It-Tribunal Kostituzzjonali huwa tabilħaqq wieħed mill-garanti ewlenin tal-istat tad-dritt fil-Polonja, b'mod partikolari għaliex għandu l-kompitu li jiddeċiedi dwar il-kostituzzjonalità tal-liġijiet Pollakki. Jidher biċ-ċar mill-kostituzzjoni Pollakka li t-Tribunal Kostituzzjonali huwa kompetenti sabiex jieħu deċiżjonijiet dwar il-konformità tal-istatuti u l-ftehimiet internazzjonali mal-kostituzzjoni, dwar il-konformità ta' statut ma' ftehimiet internazzjonali ratifikati li r-ratifika tagħhom teħtieġ kunsens minn qabel mogħti mill-istatut, dwar il-konformità ta' dispożizzjonijiet legali maħruġa minn korpi tal-Istat ċentrali għall-kostituzzjoni, ftehimiet u statuti internazzjonali ratifikati, dwar il-konformità mal-kostituzzjoni tal-iskopijiet jew attivitajiet ta' partiti politiċi, u dwar ilmenti li għandhom x'jaqsmu ma' ksur kostituzzjonali (22). It-Tribunal Kostituzzjonali għandu jsolvi wkoll tilwim dwar l-awtorità bejn korpi kostituzzjonali ċentrali tal-Istat (23). Il-fatt li skont il-Kostituzzjoni, it-Tribunal tal-Istat għandu jisma' kawżi ta' vjolazzjoni tal-Kostituzzjoni jew ta' statut imwettqa minn ċerti persuni (24), u li l-President tar-Repubblika għandu jiżgura l-osservanza tal-Kostituzzjoni (25), ma jaffettwax dan l-irwol fundamentali tat-Tribunal. |
|
23. |
Il-Kummissjoni tosserva li l-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti ma għadx fiha d-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 identifikati bħala ta' tħassib fir-Rakkomandazzjoni. L-Artikolu 26(1)(1 g) dwar ir-riferiment ta' kawżi lill-formazzjoni plenarja (26), l-Artikolu 38(3) dwar il-ġestjoni tal-kawżi f'ordni kronoloġika (27), l-Artikolu 68(5)-(8) dwar il-posponiment tad-deliberazzjonijiet (28), l-Artikolu 61(6) dwar il-possibbiltà li l-Prosekutur Ġenerali Pubbliku jipprevjeni l-eżaminazzjoni tal-każijiet (29) u l-Artikoli 83-86 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji għal każijiet pendenti (30). Il-Kummissjoni tosserva li s-sempliċi pubblikazzjoni tas-sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali tal-11 ta' Awwissu 2016 li kienet diġà ddikjarat dawn id-dispożizzjonijiet bħala antikostituzzjonali kienet tkun biżżejjed sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet mingħajr in-neċessità ta' liġi ġdida. |
|
24. |
Minkejja dan it-titjib, il-Kummissjoni tinnota madankollu, li għad hemm ċertu tħassib. B'mod partikolari, in-numru ta' mħallfin meħtieġa jipparteċipaw f'formazzjoni plenarja jibqa' ta' ħdax filwaqt li kien ta' disgħa fl-Att tal-1997 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali u fil-Liġi tal-25 ta' Ġunju 2015. Kif indikat fir-Rakkomandazzjoni (31) dan jirrappreżenta restrizzjoni fuq il-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali, b'mod partikolari fiċ-ċirkostanzi attwali fejn it-Tribunal Kostituzzjonali għandu biss 12-il imħallef (peress li t-tliet imħallfin li ġew legalment innominati f'Ottubru 2015 mis-seba' (7) mandat tas-Sejm għadhom ma bdewx jaqdu l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom). Ir-riskju identifikat fir-Rakkomandazzjoni li l-kworum ta' attendenza għal formazzjoni plenarja jista' f'xi okkażjonijiet ma jintlaħaqx diġà seħħ (32). |
|
25. |
Barra minn hekk, il-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċediment, il-Liġi dwar l-istatus tal-imħallfin u l-Liġi tal-Implimentazzjoni fihom dispożizzjonijiet oħra li aggravaw ċertu tħassib identifikat fir-Rakkomandazzjoni (ara t-Taqsima 2 dwar il-ħatra tal-imħallfin u t-Taqsima 3 dwar il-pubblikazzjoni ta' sentenzi), jew li introduċew tħassib ġdid dwar is-sitwazzjoni tal-imħallfin (ara t-Taqsima 4.1) u dwar il-ħatra tal-President, il-Viċi President u l-Aġent President tat-Tribunal (ara t-Taqsima 5). |
4.1. Tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-imħallfin
4.1.1. Proċedimenti dixxiplinari
|
26. |
L-Artikolu 26 tal-Liġi dwar l-istatus tal-imħallfin jistipula: “Il-kummissjoni minn imħallef tat-Tribunal tal-imġiba ħażina msemmija fl-Artikolu 24(1) tista' tiġi rrappurtata lill-President tat-Tribunal minn […] il-President tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-mozzjoni tal-Prosekutur-Ġenerali, wara li jikkonsulta mal-Ewwel President tal-Qorti Suprema.” (33) L-Artikolu 27(5) jistipula: “Jekk l-uffiċjal dixxiplinari ma jsibx raġunijiet sabiex jagħti bidu għal proċedimenti dixxiplinari fuq talba ta' entità awtorizzata, hu għandu joħroġ ordni li tirrifjuta li jibdew il-proċedimenti. L-awtorità li ppreżentat ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 26 tista' tilmenta mal-qorti dixxiplinari tal-prim'istanza fi żmien sebat ijiem mill-għoti ta' din l-ordni.” Skont l-Artikolu 27(6) il-qorti għandha teżamina l-ilment sa mhux aktar minn 14-il jum wara d-data li fiha jkun ġie ppreżentat. Jekk l-ordni li tirrifjuta li jingħata bidu għal proċedimenti dixxiplinari tiġi mħassra, l-istruzzjonijiet tal-qorti dixxiplinari fir-rigward ta' aktar proċedimenti għandha tkun vinkolati dwar l-uffiċjal dixxiplinari. |
|
27. |
Fir-Rakkomandazzjoni tal-Istat tad-Dritt tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat fir-rigward tal-Liġi tat-22 ta' Diċembru 2015 li l-President tar-Repubblika ma għandux ikollu s-setgħa li jagħti bidu għal proċedimenti dixxiplinari u osservat li t-tneħħija ta' tali dispożizzjoni fil-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 kienet kambjament pożittiv. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li d-dispożizzjoni tal-Liġi tat-22 ta' Diċembru 2015 li kienet tinvolvi istituzzjonijiet oħra tal-Istat fi proċedimenti dixxiplinari li jirrigwardaw imħallfin tat-Tribunal kienet iddikjarata antikostituzzjonali mit-Tribunal fis-sentenza tiegħu tad-9 ta' Marzu 2016 u kienet ikkritikata mill-Kummissjoni ta' Venezja fl-opinjoni tagħha tal-11 ta' Marzu 2016. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hi mħassba dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta' dispożizzjoni li tagħti lill-President tar-Repubblika s-setgħa li jagħti bidu għal proċedimenti dixxiplinari. Il-fatt li dawn il-proċedimenti jistgħu jingħataw bidu minn istituzzjonijiet barra mill-ġudikatura, kif ukoll il-fatt li tali istituzzjonijiet jistgħu jilmentaw mal-qorti dixxiplinari tal-prim'istanza jekk l-uffiċjal dixxiplinari ma jsibx raġunijiet biex jagħti bidu għal proċedimenti dixxiplinari, jista' jkollhom impatt fuq l-indipendenza tat-Tribunal. |
4.1.2. Possibilità ta' rtirar kmieni
|
28. |
L-Artikolu 10 tal-Liġi ta' Implimentazzjoni jistipula: “1. Imħallfin tat-Tribunal li l-mandat tagħhom beda qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-[Liġi dwar l-istatus tal-imħallfin] jistgħu, fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tagħha, jissottomettu lill-President tat-Tribunal dikjarazzjoni li qed jirtiraw b'konsegwenza tal-introduzzjoni tar-regoli l-ġodda li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' imħallef tat-Tribunal stabbiliti fl-Artikoli 11(3), 13 u 14 ta' dan l-Att (34) waqt il-mandat tagħhom. 2. L-irtirar ta' imħallef taħt il-paragrafu 1 għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara x-xahar li fih id-dikjarazzjoni tkun ġiet ippreżentata. L-irtirar għandu jkun ikkonfermat b'ordni tal-President tat-Tribunal.” |
|
29. |
Din id-dispożizzjoni tidher li hi ta' inċentiv għall-irtirar kmieni għax tippermetti lill-imħallfin tat-Tribunal — bħala eċċezzjoni — jieħdu benefiċċju sħiħ mill-vantaġġi tal-istatus ta' mħallef irtirat, inkluż li jirċievu pensjoni tal-irtirar, mingħajr ma jkunu temmew il-mandat kollu tagħhom. Għal imħallef li ma jkunx irid ikompli jaħdem taħt ir-regoli l-ġodda, din il-possibbiltà ta' rtirar kmieni tkun aktar vantaġġjuża milli sempliċiment jirriżenja. Li jkun offrut reġim daqstant vantaġġuż jirrappreżenta interferenza mis-setgħa leġiżlattiva fir-rigward tal-indipendenza tat-Tribunal għaliex għandha l-għan li tinkoraġġixxi lill-imħallfin tat-Tribunal attwali biex jirriżenjaw qabel it-tmiem tal-mandat tagħhom u li tinfluwenza d-deċiżjoni tagħhom f'dan ir-rigward. |
4.1.3. Dispożizzjonijiet oħra
|
30. |
Il-Liġi dwar l-istatus tal-imħallfin tintroduċi rekwiżiti ġodda għall-imħallfin tat-Tribunal fir-rigward ta' parteċipazzjoni finanzjarja f'kumpaniji (35), dikjarazzjonijiet tal-assi (36) u dikjarazzjonijiet dwar l-attività ekonomika tal-konjuġi tagħhom (37). Barra minn hekk, il-Liġi tistipula konsegwenzi estensivi fil-każ ta' nuqqas ta' konformità: in-nuqqas ta' sodisfazzjon tal-obbligi kkonċernati għandu jkun ekwivalenti għar-riżenja mill-kariga ta' imħallef tat-Tribunal. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jqajmu kwistjonijiet ta' proporzjonalità u kif osservat mill-Qorti Suprema, kwistjonijiet ta' kostituzzjonalità (38). Għal dawn ir-raġunijiet, reviżjoni kostituzzjonali effettiva ta' dawn id-dispożizzjonijiet hi partikolarment importanti. |
|
31. |
Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti tbiddel b'mod sinifikanti l-organizzazzjoni interna tat-Tribunal Kostituzzjonali, u tissostitwixxi l-Mandat tat-Tribunal Kostituzzjonali b'żewġ korpi ġodda: a. Reġistru u Mandat tas-Servizz Legali tat-Tribunal (39). Il-Liġi ta' Implimentazzjoni tistipula li l-Mandat tat-Tribunal Kostituzzjonali se jkun abolit sal-31 ta' Diċembru 2017 (40) u li l-ebda garanzija ma tingħata lill-impjegati attwali biex jibqgħu impjegati mat-Tribunal wara dik id-data (41). Fil-kuntest attwali tat-tilwim kontinwu dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, flimkien mat-tħassib espress fit-Taqsima 5 ta' din ir-Rakkomandazzjoni dwar il-ħatra ta' President ġdid u Aġent President tat-Tribunal, riorganizzazzjoni ta' dan it-tip tista' twassal għal aktar instabbiltà tat-Tribunal u taffettwa l-effettività tar-reviżjoni kostituzzjonali. |
4.2. Vacatio legis
|
32. |
Id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-Liġi ta' Implimentazzjoni jidħlu fis-seħħ mingħajr vacatio legis (42), ġurnata wara l-pubblikazzjoni tal-liġi. Anki d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti u dwar l-istatus tal-imħallfin jidħlu fis-seħħ mingħajr vacatio legis, fil-ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-“imħallfin ta' Diċembru” li nħatru illegalment jibdew jaqdu l-funzjoni tagħhom (43). Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali jieqfu japplikaw fil-ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-Liġi ta' Implimentazzjoni (44). |
|
33. |
B'konsegwenza, it-Tribunal Kostituzzjonali mhux se jkun jista' jagħmel skrutinju tal-kostituzzjonalità ta' dawn id-dispożizzjonijiet ewlenin qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom. Reviżjoni kostituzzjonali f'dawn iċ-ċirkostanzi ma tistax tibqa' titqies bħala effettiva. F'dan ir-rigward qed jiġi mfakkar li fl-Opinjoni tagħha tal-11 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ta' Venezja enfasizzat li t-Tribunal Kostituzzjonali għandu jkollu l-possibbiltà li jirrevedi statut ordinarju li jirregola l-funzjonament tat-Tribunal qabel ma l-istatut jidħol fis-seħħ. |
4.3. Konsegwenzi tan-nuqqas ta' effettività ta' reviżjoni Kostituzzjonali fuq leġiżlazzjoni ġdida
|
34. |
Għadd ta' atti leġiżlattivi ġodda partikolarment sensittivi ġew adottati mis-Sejm, ħafna drabi permezz ta' proċeduri leġiżlattivi aċċellerati, bħal, b'mod partikolari, liġi tal-midja (45), Att ġdid dwar is-Servizz Pubbliku (46), liġi li temenda l-liġi dwar il-Pulizija u ċerti liġijiet oħra (47) u liġijiet dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (48), u liġi ġdida dwar l-Ombudsman u li temenda ċerti liġijiet oħrajn (49). Il-Kummissjoni staqsiet lill-Gvern Pollakk dwar is-sitwazzjoni u l-kontenut ta' dawn ir-riformi leġiżlattivi fl-ittri tagħha tal-1 ta' Frar 2016 u t-3 ta' Marzu 2016, iżda sa issa din l-informazzjoni għadha ma ġietx ipprovduta. Is-Sejm adotta għadd ta' abbozzi ta' atti leġiżlattivi sensittivi oħra, bħal-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Midja (50) u liġi ġdida kontra t-terroriżmu (51). |
|
35. |
Il-Kummissjoni tqis li sakemm it-Tribunal Kostituzzjonali ma jkunx jista' jiżgura bis-sħiħ reviżjoni kostituzzjonali effettiva, mhu se jkun hemm l-ebda skrutinju effettiv tal-konformità mal-Kostituzzjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali, ta' atti leġiżlattivi bħal dawk imsemmija hawn fuq. |
|
36. |
Il-Kummissjoni pereżempju tinnota li l-leġiżlazzjoni l-ġdida (b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar il-midja (52)) tqajjem tħassib dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. B'mod aktar speċifiku, il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-midja timmodifika r-regoli għall-ħatra tal-Bordijiet tat-Tmexxija u tas-Superviżjoni tax-xandara tas-servizz pubbliku, billi tqegħedhom taħt il-kontroll tal-Gvern (il-Ministru tat-Teżor), minflok korp indipendenti. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tistipula wkoll it-tkeċċija immedjata tal-Bordijiet tat-Tmexxija u tas-Superviżjoni eżistenti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tistaqsi, b'mod partikolari, dwar il-possibbiltajiet ta' rimedju ġudizzjarju għall-persuni affettwati mil-liġi. Fit-13 ta' Diċembru 2016, it-Tribunal Kostituzzjonali ta sentenza f'formazzjoni ta' ħames imħallfin (53) li fiha ddeċieda li ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni huma antikostituzzjonali. |
|
37. |
Leġiżlazzjoni bħall-Att il-ġdid dwar is-Servizz Pubbliku (54) hija daqstant ieħor importanti mill-perspettiva tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. F'dan ir-rigward, fl-ittri tagħha tal-1 ta' Frar u t-3 ta' Marzu 2016 (55), il-Kummissjoni talbet lill-Gvern Pollakk dwar il-possibbiltajiet ta' rimedju ġudizzjarju għall-persuni affettwati mil-liġi. Il-Gvern Pollakk sa issa għadu ma weġibx lill-Kummissjoni dwar dan il-punt. |
|
38. |
Il-liġi li temenda l-liġi dwar il-Pulizija u ċerti liġijiet oħra (56) jistgħu wkoll iqajmu mistoqsijiet dwar il-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali, inklużi l-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta. Fit-28-29 ta' April 2016, delegazzjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja żaret Varsavja sabiex tiddiskuti l-emendi lil-Liġi dwar il-Pulizija u ċerti liġijiet oħra, u ppreżentat opinjoni fis-sessjoni tagħha tal-10-11 ta' Ġunju 2016 (57). L-opinjoni tiddikjara, fost l-oħrajn, li s-salvagwardji proċedurali u l-kundizzjonijiet materjali stabbiliti fil-Liġi għadhom insuffiċjenti sabiex jipprevjenu l-użu eċċessiv tagħha u l-interferenza mhux iġġustifikata fil-privatezza tal-individwi. |
|
39. |
Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni l-ġdida kontra t-terroriżmu tista' tqajjem mistoqsijiet relatati mal-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali (58) u hija s-suġġett ta' reviżjoni kostituzzjonali. |
|
40. |
Apparti minn hekk, il-Liġi tat-13 ta' Diċembru li temenda l-liġi dwar il-ġemgħat (59) tista' tqajjem mistoqsijiet relatati mal-kompatibbiltà tiegħu ma' drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà tal-ġemgħa kif stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (60). |
|
41. |
Fl-14 ta' Diċembru 2016, l-Uffiċċju tal-Istampa tal-Kanċellerija tas-Sejm ħareġ dikjarazzjoni dwar it-tibdil fil-kundizzjonijiet li skonthom il-midja tista' taħdem fis-Sejm u fis-Senat li ġie espress tħassib dwaru fir-rigward tal-libertajiet tal-espressjoni u l-informazzjoni. Fis-16 ta' Diċembru 2016, il-Liġi Baġitarja għall-2017 ġiet ivvutata mis-Sejm f'ċirkustanzi kontroversjali, b'mod partikulari billi kien allegat li ma ntlaħaqx il-kworum, membru tas-Sejm ġie eskluż mill-votazzjoni u l-midja twaqqfet milli tirreġistra l-vot. Hemm ħtieġa għal stħarriġ ġudizzajrju effettiv, inkluż fejn applikabbli stħarriġ kostituzzjonali, ta' dawk il-miżuri u tal-kundizzjonijiet li ġew adottati taħthom. |
|
42. |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li sakemm it-Tribunal Kostituzzjonali ma jkunx jista' jiżgura bis-sħiħ reviżjoni kostituzzjonali effettiva, mhu se jkun hemm l-ebda skrutinju effettiv tal-konformità ta' atti leġiżlattivi mad-drittijiet fundamentali. Dan iqajjem tħassib serju fir-rigward tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari billi reċentement is-Sejm adotta għadd ta' atti leġiżlattivi ġodda partikolarment sensittivi li għalihom jinħtieġ li tkun disponibbli reviżjoni kostituzzjonali. |
5. ĦATRA TAL-PRESIDENT, IL-VIĊI PRESIDENT U L-AĠENT PRESIDENT TAT-TRIBUNAL
|
43. |
Il-Liġi l-ġdida dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti fiha dispożizzjonijiet ġodda dwar l-għażla tal-kandidati għall-kariga ta' President u Viċi President tat-Tribunal li għandhom jiġu ppreżentati mill-Assemblea Ġenerali lill-President tar-Repubblika. Il-Liġi ta' Implimentazzjoni ġdida fiha wkoll dispożizzjonijiet dwar l-għażla tal-kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal u dispożizzjonijiet li jippermettu li l-President tar-Repubblika jinkariga mħallef li b'mod temporanju jwettaq id-dmirijiet tal-President tat-Tribunal (“Aġent President tat-Tribunal”). |
|
44. |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 194(2) tal-Kostituzzjoni jistipula li l-President u l-Viċi President tat-Tribunal Kostituzzjonali jinħatru mill-President tar-Repubblika “minn fost kandidati proposti mill-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tat-Tribunal Kostituzzjonali”. Il-mandat tal-President tat-Tribunal intemm fid-19 ta' Diċembru 2016. Il-mandat tal-Viċi President tat-Tribunal attwali jispiċċa fis-26 ta' Ġunju 2017. Iż-żewġ liġijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti diġà ġew adottati u ffirmati mill-President tar-Repubblika. Barra minn hekk, ġew adottati b'ħeffa kbira (l-abbozz tal-Liġi ta' Implimentazzjoni kienet ippreżentata lis-Sejm fl-24 ta' Novembru 2016) mingħajr vacatio legis li jkun jista' jippermetti reviżjoni kostituzzjonali effettiva. Fil-mument tal-adozzjoni tagħhom, it-Tribunal kien diġà beda l-proċess li jagħżel il-kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal sabiex ikunu proposti lill-President tar-Repubblika kif rekwiżit bil-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 (61). Madankollu, l-Assemblea Ġenerali ma setgħetx tadotta riżoluzzjoni dwar il-preżentazzjoni tal-kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal Kostituzzjonali għax il-kworum preskritt bil-liġi ma setgħax jintlaħaq (62). |
5.1. Proċedura tal-għażla għall-President u l-Viċi President tat-Tribunal
|
45. |
Il-Liġi ta' Implimentazzjoni u l-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti fihom regoli ġodda dwar il-proċedura għall-preżentazzjoni ta' kandidati għall-karigi ta' President u Viċi President tat-Tribunal. Il-proċedura tal-Liġi ta' Implimentazzjoni (63) hi mfassla speċifikament għall-proċedura ta' elezzjoni tal-President tat-Tribunal attwali u tapplika fis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 16(1) tagħha (ara t-Taqsima 5.3 hawn taħt). Il-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti (64) tistipula proċedura li tapplika b'mod ġenerali għall-proċeduri ta' elezzjoni futuri għall-kariga ta' President u Viċi President tat-Tribunal u li hi fil-biċċa l-kbira simili għall-proċedura stabbilita fil-Liġi ta' Implimentazzjoni. |
|
46. |
Il-proċedura l-ġdida għall-għażla ta' kandidati għal President tat-Tribunal teħtieġ li t-tliet “imħallfin ta' Diċembru” li ġew innominati illegalment permezz tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tas-Sejm jipparteċipaw fil-proċedura (65). Il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-ħtieġa tagħmel il-proċedura kollha tal-għażla antikostituzzjonali (ara t-Taqsima 2 hawn taħt). Bl-istess mod, il-fatt li “l-imħallfin ta' Ottubru” li ġew innominati legalment ma jistgħux jipparteċipaw fil-proċedura jista' ugwalment ikollu impatt fuq ir-riżultat, u għaldaqstant jirrovina l-proċess. |
|
47. |
Barra minn hekk, il-proċedura l-ġdida ma tiżgurax li kandidati li għandhom l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Assemblea Ġenerali tat-Tribunal (66) biss huma ppreżentati lill-President tar-Repubblika. Skont is-sentenza tat-Tribunal tas-7 ta' Novembru 2016, l-Artikolu 194(2) tal-Kostituzzjoni jrid ikun mifhum li jistipula li l-President tat-Tribunal għandu jkun maħtur mill-President tar-Repubblika minn fost kandidati li kisbu vot ta' maġġoranza fl-Assemblea Ġenerali tat-Tribunal. Dan jagħmel il-proċedura l-ġdida inkompatibbli mas-sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali tas-7 ta' Novembru 2016. Fl-opinjoni tagħha tal-14 ta' Ottubru 2016, il-Kummissjoni ta' Venezja enfasizzat ukoll l-importanza li l-proċess tal-għażla jiżgura li kandidati b'sostenn sostanzjali fit-Tribunal biss jistgħu jkunu eletti bħala kandidati biex ikunu proposti lill-President tar-Repubblika (67). |
|
48. |
L-istess tħassib għandu x'jaqsam mal-proċedura għall-preżentazzjoni tal-kandidati għall-kariga ta' Viċi President tat-Tribunal (68); din il-proċedura hi identika għall-proċedura tal-preżentazzjoni ta' kandidati għall-kariga ta' President kif stipulat fil-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti. |
5.2. Rwol tal-Viċi President tat-Tribunal
|
49. |
Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-Liġi ta' Implimentazzjoni u l-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti fihom għadd ta' dispożizzjonijiet li jiċħdu l-funzjoni tal-Viċi President tat-Tribunal Kostituzzjonali. L-Artikolu 12(3) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti jippermetti lill-President tat-Tribunal Kostituzzjonali jawtorizza mħallef ieħor apparti l-Viċi President sabiex jeżegwixxi ċerti kompetenzi dwar il-ġestjoni tax-xogħol tat-Tribunal. L-Artikolu 37 jistipula li l-President tat-Tribunal jista' jaħtar imħallef ieħor sabiex joħodlu postu waqt seduti plenarji (il-Viċi President mhuwiex imsemmi). Barra minn hekk, jekk il-mandat tal-President tat-Tribunal jispiċċa, ċerti funzjonijiet ewlenin jiġu assunti mill-imħallef bl-“akbar anzjanità aggregata” (l-Artikolu 11(2)) jew mill-imħallef “l-inqas anzjan” (l-Artikolu 11(4)) u mhux mill-Viċi President. Apparti hekk, l-Artikolu 8(2) jistipula li l-President tat-Tribunal irid ikun preżenti waqt l-Assemblea Ġenerali sabiex deċiżjoni li jippreżenta tkun leġittima (ħlief f'każ ta' elezzjoni ta' President tat-Tribunal ġdid bħal hawn fuq), filwaqt li skont il-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 huwa l-President jew il-Viċi President tat-Tribunal li huwa meħtieġ li jkun preżenti waqt l-Assemblea Ġenerali. Barra minn hekk, il-Liġi ma għadhiex tipprevedi li l-Viċi President jista' jmexxi l-Assemblea Ġenerali, għall-kuntrarju tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(1) tal-Liġi ta' Implimentazzjoni jistipula li għall-perjodu wara l-pubblikazzjoni tal-liġi sal-ħatra formali tal-President tat-Tribunal il-ġdid, it-Tribunal ikun immexxi mill-imħallef li l-President tar-Repubblika ħatar bil-kompitu li jaqdi d-dmirijiet tal-President tat-Tribunal (ara t-Taqsima 5.3 hawn taħt). |
|
50. |
L-effett konġunt ta' dawn id-dispożizzjonijiet iċaħħad il-pożizzjoni speċifika tal-Viċi President bħala d-deputat tal-President tat-Tribunal Kostituzzjonali. Il-pożizzjoni ta' Viċi President tat-Tribunal hi rikonoxxuta fil-Kostituzzjoni. Anki jekk il-Kostituzzjoni ma tispeċifikax l-irwol tal-Viċi President, id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti jdgħajfu l-pożizzjoni tal-Viċi President u potenzjalment iqajmu kwistjoni ta' kostituzzjonalità li teħtieġ reviżjoni kostituzzjonali effettiva. |
5.3. Ħatra ta' “Aġent President tat-Tribunal”
|
51. |
L-Artikolu 17(1) tal-Liġi ta' Implimentazzjoni jistipula: “Jekk ikun neċessarju li tiġi implimentata proċedura għall-preżentazzjoni ta' kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal imsemmija fl-Artikolu 21, għall-perjodu bejn il-ġurnata wara d-data li fiha dan l-Att jiġi ppubblikat u l-ħatra tal-President tat-Tribunal, it-Tribunal għandu jitmexxa mill-imħallef tat-Tribunal li l-President tar-Repubblika, permezz ta' deċiżjoni, ikun ħatar bil-kompitu li jaqdi d-dmirijiet tal-President tat-Tribunal.” L-Artikolu 21 jistabbilixxi proċedura speċifika għall-għażla ta' kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal li għandha tkun ippreżentata mill-Assemblea Ġenerali lill-President tar-Repubblika (ara hawn fuq). |
|
52. |
L-Artikolu 17(2) jistipula: “Il-President tar-Repubblika għandu jagħżel lill-imħallef tat-Tribunal maħtur bil-kompitu li jaqdi d-dmirijiet tal-President tat-Tribunal minn fost l-imħallfin tat-Tribunal bl-itwal perjodu ta' servizz fil-qrati ta' ġudikatura ordinarja jew f'karigi tal-gvern ċentrali li jinvolvu l-applikazzjoni tal-liġi.” L-Artikolu 17(3) jistipula li l-proċedura l-ġdida stabbilita fil-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti għall-għażla tal-kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal ma tkunx tapplika f'dan il-każ. |
|
53. |
L-Artikolu 16(1) tal-Liġi ta' Implimentazzjoni jistipula: “Jekk, fid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-Att, l-Assemblea Ġenerali: 1) ma titlaqqax mill-President tat-Tribunal, jew 2) titlaqqa' mill-President tat-Tribunal b'mod inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-Att imsemmi fl-Artikolu 3, jew 3) ma tkunx ippreżentat kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal lill-President tar-Repubblika, jew 4) tkun ippreżentat kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal lill-President tar-Repubblika, iżda l-President tar-Repubblika ma ħatarx il-President tat-Tribunal, jew 5) gtkun ħażlet kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal bi ksur tal-Att imsemmi fl-Artikolu 3, — il-proċedura għall-preżentazzjoni tal-kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal għandha titwettaq b'konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 21 ta' dan l-Att.” |
|
54. |
L-Artikolu 16(2) jistipula: “Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1(1)-(5), l-azzjonijiet u l-istrumenti kollha implimentati fil-qafas tal-proċedura għall-preżentazzjoni tal-kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal lill-President tar-Repubblika għandhom jiġu revokati.” |
|
55. |
L-Aġent President tat-Tribunal jingħata firxa wiesgħa ta' setgħat sakemm ma jkun hemm l-ebda President tat-Tribunal ġdid. B'mod partikolari, skont l-Artikolu 18 tal-Liġi ta' Implimentazzjoni, l-Aġent President jippermetti lill-“imħallfin ta' Diċembru” li kienu innominati illegalment biex jaqdu dmirijiethom bħala mħallfin (ara t-Taqsima 2 hawn fuq) u jmexxu l-proċess ta' għażla ġdid u jeżerċitaw bis-sħiħ is-setgħat tal-President tat-Tribunal sakemm ma jkun hemm l-ebda President ġdid maħtur formalment (69). |
|
56. |
Dawn id-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-President tar-Repubblika biex jaħtar b'mod dirett Aġent President iqajmu tħassib serju dwar il-prinċipji ta' separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura kif imħarsa mill-Kostituzzjoni Pollakka. B'mod partikolari, il-Kostituzzjoni ma tistipulax il-funzjoni tal-Aġent President tat-Tribunal. Barra minn hekk, is-setgħa mogħtija lill-President tar-Repubblika li jaħtar Aġent President tat-Tribunal tidher li tmur kontra l-Artikolu 194(2) tal-Kostituzzjoni li jistipula li l-President u l-Viċi President tat-Tribunal għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika “minn fost kandidati proposti mill-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tat-Tribunal Kostituzzjonali”, filwaqt li l-proċedura fil-Liġi ta' Implimentazzjoni tiċħad kwalunkwe rwol ta' dan it-tip lill-Assemblea Ġenerali. Is-sentenza tat-Tribunal tas-7 ta' Novembru 2016 tikkonferma li l-kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal għandhom jiġu proposti mill-Assemblea Ġenerali. |
|
57. |
Barra minn hekk, il-kriterji li għandhom jintużaw mill-President tar-Repubblika sabiex jagħżel lill-Aġent President jidhru arbitrarji. Jinħtieġ li l-għażla ssir minn fost l-imħallfin tat-Tribunal bl-itwal perjodu fil-qrati ta' ġudikatura ordinarja jew f'karigi tal-gvern ċentrali. Dawn il-kriterji jidhru arbitrarji għax jista' jintgħażel xi ħadd mingħajr ebda esperjenza siewja fil-ġudikatura iżda fil-gvern ċentrali biss, filwaqt li xi ħadd b'esperjenza twila fit-Tribunal innifsu iżda mhux fil-qrati ta' ġudikatura ordinarja ma jistax jintgħażel.
Dawn id-dispożizzjonijiet jeskludu wkoll kwalunkwe pass li jittieħed qabel mit-Tribunal fil-proċess tal-għażla qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida. L-Artikolu 16(3) tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 kien jeħtieġ li t-Tribunal jagħti bidu għall-proċess tal-għażla tal-kandidat bejn it-30 u l-15-il ġurnata qabel it-tmiem tal-mandat tal-okkupant. L-Artikolu 16(2) tal-Liġi ta' Implimentazzjoni jirrevoka kwalunkwe pass li ttieħed mit-Tribunal biex jissoddisfa dan l-obbligu. Interferenza bħal din mis-setgħa leġiżlattiva ma' kwalunkwe deċiżjoni possibbli meħuda qabel mit-Tribunal tqajjem tħassib dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn il-korpi tal-istat. |
5.4. Ħatra ta' President tat-Tribunal fil-21 ta' Diċembru 2016
|
58. |
Fid-19 ta' Diċembru 2016, il-President tar-Repubblika ħatar lill-Imħallef Julia Przylębska fil-kariga ta' Aġent President tat-Tribunal Kostituzzjonali. Fl-20 ta' Diċembru 2016, l-Imħallef Julia Przylębska ħatret lit-tliet imħallfin nominati mit-tmien (8) terminu tas-Sejm mingħajr bażi ġuridika valida biex jibdew jaqdu dmirijiethom fit-Tribunal u sejħet laqgħa tal-Assemblea Ġenerali għall-istess ġurnata. Fid-dawl tal-avviż qasir, imħallef wieħed ma setax jipparteċipa u talab li tiġi posposta l-laqgħa għall-ġurnata ta' wara. L-Imħallef Julia Przyłębska rrifjutat u seba' mħallfin oħra wkoll ma pparteċipawx fil-laqgħa. Sitt imħallfin biss, inklużi t-tliet imħallfin innominati illegalment, ħadu sehem fil-laqgħa u eleġġew żewġ kandidati, Julia Przyłębska u Mariusz Muszyński, li kienu ppreżentati bħala kandidati lill-President tar-Repubblika. Fil-21 ta' Diċembru 2016, il-President tar-Repubblika ħatar lill-Imħallef Julia Przyłębska fil-kariga ta' President tat-Tribunal Kostituzzjonali. |
|
59. |
Il-Kummissjoni tqis il din il-proċedura li wasslet għall-ħatra ta' President ġdid tat-Tribunal hija fundamentalment żbaljata fir-rigward tal-istat tad-dritt. Kif spjegat hawn fuq, il-proċedura kienet immexxija minn Aġent President li l-ħatra tiegħu tqajjem tħassib serju dwar il-prinċipji ta' separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura kif imħarsa mill-Kostituzzjoni Pollakka. Barra minn hekk, il-fatt li l-proċedura ppermettiet li t-tliet “imħallfin ta' Diċembru” li ġew innominati illegalment bil-leġiżlatura l-ġdida tas-Sejm jipparteċipaw fil-proċess jagħmel il-proċedura tal-għażla waħda mhux kostituzzjonali (ara t-Taqsima 2 hawn taħt). Bl-istess mod, il-fatt li “l-imħallfin ta' Ottubru” li ġew innominati legalment ma setgħux jipparteċipaw fil-proċess ugwalment kellu impatt fuq ir-riżultat, u għaldaqstant irrovina l-proċess. Barra minn hekk, iż-żmien qasir għall-konvokazzjoni tal-Assemblea Ġenerali u r-rifjut li tiġi posposta l-laqgħa ħoloq tħassib serju. Fl-aħħar nett, l-elezzjoni tal-kandidati minn sitt imħallfin biss hija inkompatibbli mas-sentenza tat-Tribunal tas-7 ta' Novembru 2016 li skontha l-Artikolu 194(2) tal-Kostituzzjoni jrid ikun mifhum li jistipula li l-President tat-Tribunal għandu jkun maħtur mill-President tar-Repubblika minn fost kandidati li kisbu vot ta' maġġoranza fl-Assemblea Ġenerali tat-Tribunal. |
|
60. |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra ta' Aġent President tat-Tribunal u ta'President tat-Tribunal, u l-implimentazzjoni tagħhom fid-19, 20 u 21 ta' Diċembru 2016 huma ta' theddida serja għal-leġittimità tat-Tribunal Kostituzzjonali u b'konsegwenza għall-effettività tar-reviżjoni kostituzzjonali. |
6. SEJBA TA' THEDDIDA SISTEMIKA GĦALL-ISTAT TAD-DRITT
|
61. |
Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li, filwaqt li ġew indirizzati wħud mill-kwistjonijiet elenkati fir-Rakkomandazzjoni tagħha tas-27 ta' Lulju 2016, kwistjonijiet importanti għadhom mhux solvuti, u sadanittant tqajjem tħassib ġdid. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li s-sitwazzjoni ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt fil-Polonja ppreżentata fir-Rakkomandazzjoni tagħha tas-27 ta' Lulju 2016 tibqa'. B'mod partikolari:
|
|
62. |
Il-Kummissjoni hi partikolarment imħassba dwar il-konsegwenzi ta' din is-sitwazzjoni li hi ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt:
|
|
63. |
Il-Kummissjoni tosserva li, fi żmien sena, sitt atti leġiżlattivi konsekuttivi ġew promulgati fir-rigward tat-Tribunal Kostituzzjonali. Attiviżmu leġiżlattiv ta' dan it-tip mingħajr konsultazzjoni xierqa tal-partijiet ikkonċernati kollha u mingħajr spirtu ta' kooperazzjoni leali meħtieġ bejn l-awtoritajiet tal-Istat, huwa ta' detriment għall-istabbiltà, l-integrità u l-funzjonament xieraq tat-Tribunal Kostituzzjonali. |
7. AZZJONI RAKKOMANDATA
|
64. |
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet Pollakki jieħdu azzjoni xierqa sabiex jindirizzaw din it-theddida sistemika għall-istat tad-dritt bħala kwistjoni ta' urġenza. |
|
65. |
B'mod partikolari l-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet Pollakki jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin li kienu diġà ġew mitluba fir-Rakkomandazzjoni tagħha tas-27 ta' Lulju 2016:
|
|
66. |
Flimkien ma' dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet Pollakki:
|
|
67. |
Il-Kummissjoni tenfasizza li l-kooperazzjoni leali li hi meħtieġa fost l-istituzzjonijiet differenti tal-Istat fi kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt hija essenzjali sabiex tinstab soluzzjoni tas-sitwazzjoni attwali. |
|
68. |
Il-Kummissjoni tistieden lill-Gvern Pollakk biex isolvi l-problemi identifikati f'din ir-rakkomandazzjoni fi żmien xahrejn minn meta jirċievi din ir-rakkomandazzjoni, u biex jinforma lill-Kummissjoni bil-passi li ttieħdu f'dan ir-rigward. |
|
69. |
Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li r-Rakkomandazzjonijiet skont il-Qafas tal-Istat tad-Dritt ma jipprevjenux il-mekkaniżmi stabbiliti fl-Artikolu 7 TUE milli jiġu attivati direttament, f'każ li deterjorament f'salt fi Stat Membru jkun jeħtieġ reazzjoni aktar b'saħħitha mill-UE (79). |
|
70. |
Abbażi ta' din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tinsab lesta biex tkompli djalogu kostruttiv mal-Gvern Pollakk. |
Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Diċembru 2016.
Għall-Kummissjoni
Frans TIMMERMANS
L-Ewwel Viċi President
(1) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1374 tas-27 ta' Lulju 2016 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja (ĠU L 217, 12.8.2016, p. 53).
(2) Il-Komunikazzjoni “ Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt ”, COM(2014) 158 finali.
(3) Ara COM(2014) 158 finali, Taqsima 2, Anness I.
(4) K 39/16.
(5) L-Artikoli 38(3)-(6), 61(6), 83(2), 84-87 u 89 tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016.
(6) L-Artikoli 26(1)(1)(g) u 68(5)-(7) tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016.
(7) L-Artikoli 38(3)-(6), 61(3), 61(6), 68(5)-(7), 83(2) tal-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016.
(8) Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2016 dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2016/2774(RSP)).
(9) L-opinjoni Nru 860/2016, CDL-AD(2016)026.
(10) K 44/16.
(11) Ara l-Ordinanza tal-President tat-Tribunal Kostituzzjonali tas-7 ta' Novembru 2016.
(12) It-Taqsima 2.
(13) Ara wkoll l-Artikolu 6(7).
(14) L-Opinjoni Nru 860/2016, CDL-AD(2016)026, paragrafu 106.
(15) Ara l-Artikolu 5.
(16) Ara l-Artikoli 6(1) u 11(5).
(17) Ara l-Artikoli 18(2) u 21(2).
(18) L-opinjoni Nru 833/2015, CDL-AD(2016)001, paragrafu 136.
(19) Ara n-noti f'qiegħ il-paġna paragrafu 7.
(20) Ara l-paragrafu 23 tar-Rakkomandazzjoni.
(21) L-Opinjoni Nru 860/2016, paragrafu 101; L-Opinjoni Nru 833/2015, paragrafi 43, 142 u 143.
(22) L-Artikolu 188 tal-kostituzzjoni.
(23) L-Artikolu 189 tal-kostituzzjoni.
(24) L-Artikolu 198 tal-Kostituzzjoni jirreferi għall-President tar-Repubblika, il-Prim Ministru u l-membri tal-Kunsill tal-Ministri, il-President tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja, il-President tal-Awla Suprema tal-Kontroll, il-membri tal-Kunsill Nazzjonali tax-Xandir bir-Radju u t-Televiżjoni, persuni li l-Prim Ministru tahom setgħat ta' ġestjoni ta' ministeru, u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati.
(25) L-Artikolu 126 tal-kostituzzjoni.
(26) Ara t-Taqsima 4.2.1 tar-Rakkomandazzjoni.
(27) Ara t-Taqsima 4.2.3 tar-Rakkomandazzjoni.
(28) Ara t-Taqsima 4.2.7 tar-Rakkomandazzjoni.
(29) Ara t-Taqsima 4.2.6 tar-Rakkomandazzjoni.
(30) Ara t-Taqsima 4.2.8 tar-Rakkomandazzjoni.
(31) Ara l-paragrafu 43 tar-Rakkomandazzjoni.
(32) Ara l-premessa 19 hawn fuq.
(33) L-Artikolu 24(1) jistipula: “Imħallfin tat-Tribunal għandhom ikunu soġġetti għal proċedimenti dixxiplinari mit-Tribunal għall-ksur tal-liġi, il-kompromess tad-dinjità tal-kariga ta' imħallef, il-vjolazzjoni tal-Kodiċi tal-Etika għall-Imħallfin tat-Tribunal Kostituzzjonali jew imġiba mhux etika oħra li tista' ddgħajjef il-fiduċja fl-imparzjalità jew fl-indipendenza tagħhom”.
(34) L-Artikolu 11(3) tal-Liġi dwar l-istatus ta' imħallfin jirreferi għar-regoli dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja f'kumpaniji mill-imħallfin tat-Tribunal; L-Artikolu 13 jirreferi għall-obbligu tal-imħallfin tat-Tribunal li jippreżentaw dikjarazzjoni tal-attività tal-konjuġi tiegħu/tagħha; L-Artikolu 14 jirreferi għall-obbligu tal-imħallfin tat-Tribunal li jippreżentaw dikjarazzjoni tal-assi.
(35) L-Artikolu 11(3).
(36) L-Artikolu 14.
(37) L-Artikolu 13.
(38) Ara l-opinjoni tal-Qorti Suprema dwar l-abbozz ta' liġi dwar l-istatus tal-imħallfin tat-12 ta' Ottubru 2016.
(39) L-Artikoli 16 — 32 jipprovdu dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-Reġistru u l-Mandat tas-Servizz Legali tat-Tribunal.
(40) L-Artikolu 11.
(41) L-Artikolu 13.
(42) L-Artikolu 23 jiddikjara li l-Artikoli li ġejjin għandhom jidħlu fis-seħħ fil-ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni: L-Artikoli 1-3, 12 u 16-22. L-Artikoli li ġejjin jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2018. L-Artikoli 4-5 u 8. L-Artikoli l-oħrajn tal-abbozz tal-liġi jidħlu fis-seħħ 14-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħha. L-Artikoli li jidħlu fis-seħħ fil-ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni jikkonċernaw, fost l-oħrajn, il-ħatra ta' “Aġent President tat-Tribunal Kostituzzjonali”, l-integrazzjoni tat-tliet “imħallfin ta' Diċembru” li ġew eletti illegalment u l-proċedura ta' elezzjoni ġdida għal kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal Kostituzzjonali.
(43) Ara l-Artikolu 1 u 2 tal-Liġi ta' Implimentazzjoni. Dispożizzjonijiet oħrajn taż-żewġ liġijiet jidħlu fis-seħħ 14-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni. L-Artikoli 16 — 32 biss tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2018.
(44) Ara l-Artikoli 3 u 23. L-Artikoli 18(1), (4) u (5) biss tal-Liġi tat-22 ta' Lulju dwar l-organizzazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol amministrattiv fit-Tribunal Kostituzzjonali u l-Mandat tat-Tribunal Kostituzzjonali jibqgħu fis-seħħ sal-1 ta' Jannar 2018.
(45) Il-Liġi tat-30 ta' Diċembru 2015 li temenda l-Liġi dwar ix-Xandir, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fis-7 ta' Jannar 2016, il-punt 25.
(46) Il-Liġi tat-30 ta' Diċembru 2015 li temenda l-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku u ċerti atti oħra, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-8 ta' Jannar 2016, il-punt 34.
(47) Il-Liġi tal-15 ta' Jannar 2016 li temenda l-Liġi dwar il-Pulizija u liġijiet oħra, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fl-4 ta' Frar 2016, il-punt 147.
(48) Il-Liġi tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fil-15 ta' Frar 2016, il-punt 177. Il-Liġi tat-28 ta' Jannar 2016 — ir-Regolamenti li jimplimentaw l-Att — il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fil-15 ta' Frar 2016, il-punt 178.
(49) Il-Liġi tat-18 ta' Marzu 2016 dwar l-Ombudsman u li temenda ċerti liġijiet oħra. Il-Liġi ġiet iffirmata mill-President tar-Repubblika fl-4 ta' Mejju 2016.
(50) Il-Liġi tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Midja. Il-Liġi ġiet iffirmata mill-President tar-Repubblika fis-27 ta' Ġunju 2016.
(51) Il-Liġi tal-10 ta' Ġunju 2016 kontra t-terroriżmu. Il-Liġi ġiet iffirmata mill-President tar-Repubblika fit-22 ta' Ġunju 2016. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija konxja li liġi ġdida li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali u ċerti liġijiet oħra ġew ippreżentati fil-5 ta' Mejju 2016 mill-Ministru tal-Ġustizzja għaċ-Ċentru Leġiżlattiv Nazzjonali.
(52) Il-Liġi tat-30 ta' Diċembru 2015 li temenda l-Liġi dwar ix-Xandir, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fis-7 ta' Jannar 2016, il-punt 25 u l-Liġi tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Midja. Il-Liġi ġiet iffirmata mill-President tar-Repubblika fis-27 ta' Ġunju 2016.
(53) K13/16.
(54) Il-Liġi tat-30 ta' Diċembru 2015 li temenda l-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku u ċerti atti oħra, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-8 ta' Jannar 2016, il-punt 34.
(55) L-ittra tal-1 ta' Frar 2016 mill-Ewwel Viċi President Timmermans lill-Ministru tal-Ġustizzja Ziobro. L-ittra tat-3 ta' Marzu 2016, mill-Ewwel Viċi President Timmermans lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Waszczykowski.
(56) Il-Liġi tal-15 ta' Jannar 2016 li temenda l-Liġi dwar il-Pulizija u liġijiet oħra, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fl-4 ta' Frar 2016, il-punt 147.
(57) L-Opinjoni Nru 839/2016. CDL-AD(2016)012.
(58) Il-Liġi tal-10 ta' Ġunju 2016 kontra t-terroriżmu. Il-Liġi ġiet iffirmata mill-President tar-Repubblika fit-22 ta' Ġunju 2016.
(59) Il-Liġi tat-13 ta' Diċembru 2016 li temenda l-Liġi dwar il-Ġemgħat li għadha ma ġietx iffirmata mill-President tar-Repubblika.
(60) L-Artikolu 11.
(61) Fis-sentenza tiegħu tas-7 ta' Novembru 2016, it-Tribunal eżamina l-kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet fil-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 relatata mal-għażla tal-kandidati għall-kariga ta' President tat-Tribunal. Ara l-paragrafu 46
(62) Ara l-premessa 19.
(63) L-Artikolu 21.
(64) L-Artikolu 11.
(65) L-Artikolu 21(2) tal-Liġi ta' Implimentazzjoni; L-Artikolu 11(5) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti.
(66) L-Artikolu 21(7)-(12) u l-Artikolu 22 tal-Liġi ta' Implimentazzjoni; L-Artikolu 11(7)-(15) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti.
(67) L-Opinjoni Nru CDL-AD(2016)026, il-paragrafi 30 u 124.
(68) L-Artikolu 11(15) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti.
(69) L-Artikolu 18 tal-Liġi ta' Implimentazzjoni jistipula li l-Aġent President tat-Tribunal għandu jidderieġi x-xogħol tat-Tribunal Kostituzzjonali, jirrappreżenta t-Tribunal Kostituzzjonali esternament, jattribwixxi każijiet lill-imħallfin tat-Tribunal li ħadu l-ġurament, jeżegwixxi azzjonijiet f'każijiet tal-liġi tax-xogħol li jinvolvu impjegati tal-Uffiċċju tat-Tribunal u jeżerċita setgħat u dmirijiet oħra mogħtija lill-President jew l-Aġent President tat-Tribunal permezz tal-Liġi ta' Implimentazzjoni.
(70) L-Artikolu 5 tal-Liġi dwar l-istatus tal-imħallfin, l-Artikoli 6(1) u 11(5) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedimenti u l-Artikoli 18(2) u 21(2) tal-Liġi ta' Implimentazzjoni.
(71) L-Artikolu 114(2).
(72) L-Artikolu 19.
(73) Skont l-Artikolu 188 tal-Kostituzzjoni, it-Tribunal Kostituzzjonali għandu jiddeċiedi dwar il-konformità ta' statuti u ftehim internazzjonali mal-Kostituzzjoni, dwar il-konformità ta' statut ma' ftehim internazzjonali ratifikat li r-ratifika tiegħu kienet teħtieġ kunsens minn qabel mogħti minn statut, dwar il-konformità ta' dispożizzjonijiet legali stabbiliti minn korpi tal-Istat ċentrali mal-kostituzzjoni, ftehimiet u statuti internazzjonali ratifikati, dwar il-konformità mal-kostituzzjoni tal-għanijiet jew l-attivitajiet ta' partiti politiċi, u dwar ilmenti li għandhom x'jaqsmu ma' ksur kostituzzjonali. Skont l-Artikolu 189 tal-Kostituzzjoni, it-Tribunal Kostituzzjonali għandu jsolvi wkoll tilwim dwar l-awtorità bejn korpi kostituzzjonali ċentrali tal-Istat.
(74) Ir-Riżoluzzjoni tas-26 ta' April 2016 tal-Assemblea Ġenerali tal-Qorti Suprema tal-Polonja.
(75) Ir-Riżoluzzjoni tas-27 ta' April 2016 tal-Kap tal-Kunsill tal-Qorti Amministrattiva Suprema.
(76) Id-Dikjarazzjoni tas-7 ta' April 2016 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura tal-Polonja.
(77) Ir-Riżoluzzjoni tat-12 ta' Marzu 2016 tal-Kamra tal-Avukati Nazzjonali.
(78) Id-Dikjarazzjoni tat-12 ta' Marzu 2016 tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Avukati.
(79) It-Taqsima 4.1 tal-Komunikazzjoni “ Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt ”, COM(2014) 158 final.