Välj vilka experimentfunktioner du vill testa

Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats

Dokument 32017D1860

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1860 tas-16 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    ĠU L 265I, 16.10.2017, s. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dokumentets rättsliga status Gällande

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1860/oj

    16.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 265/8


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1860

    tas-16 ta' Ottubru 2017

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-27 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK).

    (2)

    Fis-17 ta' Lulju 2017, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet dwar ir-RDPK li kkundannaw il-programmi nukleari u ta' missili ballistiċi aċċellerati u kontinwi tar-RDPK, ħadu nota tal-opzjoni ta' sanzjonijiet awtonomi addizzjonali tal-UE, u wrew tħassib li l-attivitajiet tar-RDPK jibqgħu jiġbru munita aċċettata minn kulħadd biex jiġu ffinanzjati l-programmi nukleari u ballistiċi tagħha.

    (3)

    Il-Kunsill afferma mill-ġdid ukoll il-politika tiegħu ta' Involviment Kritiku mar-RDPK li tagħmel pressjoni b'sanzjonijiet u b'miżuri oħra waqt li fl-istess ħin iżżomm miftuħa l-komunikazzjoni u l-mezzi ta' djalogu.

    (4)

    Fil-5 ta' Awwissu 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2371 (2017), li timponi aktar sanzjonijiet fuq ir-RDPK b'reazzjoni għat-tfigħ tal-missili ballistiċi mir-RDPK fit-3 u t-28 ta' Lulju 2017. F'dik ir-Riżoluzzjoni, il-KSNU espressa t-tħassib li, fost oħrajn, iċ-ċittadini tar-RDPK ta' spiss jaħdmu fi Stati oħrajn bil-għan li jiġġeneraw dħul barrani għall-esportazzjoni li r-RDPK tuża biex tappoġġa l-programmi nukleari u tal-missili ballistiċi pprojbiti tagħha.

    (5)

    Fil-11 ta' Settembru 2017, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 2375 (2017), li timponi aktar miżuri restrittivi b'reazzjoni għat-test nukleari mir-RDPK tat-2 ta' Settembru 2017 u l-periklu kontinwu li qed tikkawża għall-paċi u l-istabbiltà tar-reġjun.

    (6)

    Minħabba t-theddida kontinwa għall-paċi u l-istabbiltà internazzjonali li qed tikkawża r-RDPK, jenħtieġ li jiġu adottati aktar miżuri restrittivi biex issir pressjoni fuq ir-RDPK sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha, kif stipulat f'diversi Riżoluzzjonijiet tal-KSNU. Barra minn hekk, jenħtieġ li tliet persuni u sitt entitajiet jinżdiedu mal-lista ta' persuni u entitajiet fl-Anness II u III tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849.

    (7)

    Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri f'din id-Deċiżjoni.

    (8)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 9

    1.   L-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment ta' prodotti petrolifiċi mir-RDPK għandhom ikunu pprojbiti.

    2.   Il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett tal-prodotti petrolifiċi raffinati kollha lejn ir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri, bi transitu fi jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, għandu jkun ipprojbit, irrispettivament minn jekk dawk il-prodotti petrolifiċi raffinati joriġinawx jew le mit-territorji ta' dawk l-Istati Membri.

    3.   B'deroga mill-projbizzjoni fil-paragrafu 2, fejn l-ammont ta' prodotti petrolifiċi raffinati fornuti, mibjugħa jew ittrasferiti lejn ir-RDPK ma jaqbiżx 500 000 barmil matul il-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2017 sal-31 ta' Diċembru 2017, jew 2 000 000 barmil fis-sena għal perijodu ta' tnax-il xahar li jibda mill-1 ta' Jannar 2018, u kull sena minn dakinhar 'il quddiem, l-Awtorità Kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza, skont il-każ, il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment lejn ir-RDPK ta' prodotti petrolifiċi raffinati fejn l-Awtorità Kompetenti tkun iddeterminat li l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment tagħhom ikun esklużivament għal finijiet umanitarji u dment li:

    (a)

    l-Istat Membru javża lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kull 30 jum bl-ammont ta' tali forniment, bejgħ jew trasferiment lejn ir-RDPK ta' prodotti petrolifiċi raffinati flimkien ma' informazzjoni dwar il-partijiet kollha fit-tranżazzjoni;

    (b)

    il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' tali prodotti petrolifiċi raffinati ma jkun jinvolvi ebda individwu jew entità li tkun assoċjata mal-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tar-RDPK jew ma' attivitajiet oħra pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017) jew 2375 (2017), inklużi individwi jew entitajiet indikati; u

    (c)

    it-tranżazzjoni ma tkunx relatata mal-ġenerazzjoni ta' introjtu għall-programmi nukleari jew tal-missili ballistiċi tar-RDPK jew ma' attivitajiet oħrajn ipprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017) jew 2375 (2017).

    4.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”.

    (2)

    L-Artikolu 9b huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 9b

    1.   Il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett ta' żejt mhux maħdum lejn ir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri jew bi transitu fi jew mit-territorju tal-Istati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, għandu jkun ipprojbit.

    2.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 m'għandhiex tapplika fejn Stat Membru jiddetermina li l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' żejt mhux maħdum lejn ir-RDPK ikun esklużivament għal finijiet umanitarji u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun approva dik il-konsenja minn qabel skont il-każ f'konformità mal-paragrafu 15 tal-UNSCR 2375 (2017).

    3.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”.

    (3)

    L-Artikolu 11(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Dawn li ġejjin għandhom ikunu pprojbiti:

    (a)

    l-akkwist, iż-żamma jew l-estensjoni ta' parteċipazzjoni fi kwalunkwe entità fir-RDPK, jew entitajiet tar-RDPK jew entitajiet li huma proprjetà tar-RDPK barra mir-RDPK, inkluż l-akkwist b'mod sħiħ ta' tali entitajiet u l-akkwist ta' ishma jew titoli oħrajn ta' natura parteċipattiva, jew f'attivitajiet jew assi fir-RDPK;

    (b)

    l-għoti ta' kwalunkwe finanzjament jew assistenza finanzjarja lil entitajiet fir-RDPK jew entitajiet tar-RDPK jew entitajiet li huma proprjetà tar-RDPK barra mir-RDPK, jew għall-fini dokumentat tal-finanzjament ta' tali entitajiet fir-RDPK;

    (c)

    il-ftuħ, iż-żamma u l-operat tal-impriżi konġunti jew l-entitajiet kooperattivi kollha, kemm dawk ġodda kif ukoll dawk eżistenti, miċ-ċittadini tal-Istati Membri jew fit-territorji tagħhom ma' entitajiet jew individwi tar-RDPK, irrispettivament minn jekk jaġixxux għall-gvern tar-RDPK jew f'ismu; u

    (d)

    l-għoti ta' servizzi ta' investiment relatati direttament għall-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (c).”.

    (4)

    Fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “5.   Il-punt a tal-paragrafu 2 a m'għandux japplika għal investimenti li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tkun iddeterminat li jkunu esklussivament għal finijiet umanitarji, u dment li ma jkunux fis-setturi tal-industrija tat-tħaffir tal-minjieri, tar-raffinar u dawk kimiċi, il-metallurġija u x-xogħol tal-metall u ajruspazjali.”.

    (5)

    Il-punt (4) tal-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(4)

    Kwalunkwe trasferiment ta' fondi lejn jew mir-RDPK għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt (3)(a) u l-punti (3)(c) sa (g) għandu jirrikjedi l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jekk jeċċedi EUR 15 000. Kwalunkwe trasferiment ta' fondi lejn jew mir-RDPK għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt (3)(b) għandu jirrikjedi l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jekk jeċċedi EUR 5 000. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija.”.

    (6)

    Fl-Artikolu 26a, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   Bil-għan li jiġu eliminati r-rimessi lejn ir-RDPK, u soġġetti għal rekwiżiti u proċeduri legali nazzjonali applikabbli, l-Istati Membri m'għandhomx iġeddu awtorizzazzjonijiet ta' xogħol għaċ-ċittadini tar-RDPK preżenti fit-territorju tagħhom, ħlief għal refuġjati u persuni oħra li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali.”.

    (7)

    L-Annessi II u III huma emendati kif imniżżel fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ottubru 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79.


    ANNESS

    (1)

    L-Anness II għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849, taħt l-intestatura “I. Persuni u entitajiet responsabbli għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma' armi oħrajn tal-qerda massiva jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew fuq id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jappartjenu lilhom jew huma kkontrollati minnhom”, subintestatura “A. Persuni”, hija emendata kif ġej:

    (a)

    l-entrati eżistenti jiġu nnumerati mill-ġdid 1-30;

    (b)

    jinżdiedu l-entrati li ġejjin:

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Data tad-deżinjazzjoni

    Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

    “31.

    Kim Jong Sik

    Viċi Direttur, Dipartiment tal-Industrija tal-Munizzjon fil-Ministeru tal-Industrija Militari.

    16.10.2017

    Bħala Viċi Direttur tad-Dipartiment tal-Industrija tal-Munizzjon jipprovdi appoġġ għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari jew mal-missili ballistiċi u dan jinkludi l-preżenza tiegħu f'avvenimenti relatati ma' armi nukleari u missili ballistiċi fl-2016, u preżentazzjoni f'Marzu 2016 ta' dak li r-RDPK allegat li kien apparat nukleari f'minjatura.

    32.

    RI Pyong Chol

    Data tat-twelid: 1948

    L-Ewwel Viċi Direttur, Dipartiment tal-Industrija tal-Munizzjon

    16.10.2017

    Bħala l-ewwel Direttur tad-Dipartiment tal-Industrija tal-Munizzjon jaqdi pożizzjoni ċentrali fi ħdan il-programm tal-missili ballistiċi tar-RDPK. Preżenti waqt bosta testijiet ta' missili ballistiċi u jipprovdi tagħrif lil Kim Jong Un, inklużi t-test u ċ-ċerimonja nukleari f'Jannar 2016.”

    (2)

    Fl-Anness II għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849, taħt l-intestatura “I. Persuni u entitajiet responsabbli għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma' armi oħrajn tal-qerda massiva jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew fuq id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jappartjenu lilhom jew huma kkontrollati minnhom”, is-subintestatura “B. Entitajiet”, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

     

    Isem

    Lokalità

    Data tad-deżinjazzjoni

    Informazzjoni oħra

    “5.

    Ministeru għall-Forzi Armati tal-Poplu

     

    16.10.2017

    Responsabbli biex jipprovdi appoġġ u direzzjoni lill-Forza tal-Missili Strateġiċi tar-RDPK li tikkontrolla l-unitajiet tal-missili strateġiċi konvenzjonali u nukleari tar-RDPK. Il-Forza tal-Missili Strateġiċi ġiet elenkata mir-Riżoluzzjoni 2356 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    6.

    Armata tal-Poplu Korean

     

    16.10.2017

    L-Armata tal-Poplu Korean tinkludi l-Forza tal-Missili Strateġiċi, li tikkontrolla l-unitajiet tal-missili strateġiċi konvenzjonali u nukleari tar-RDPK. Il-Forza tal-Missili Strateġiċi ġiet elenkata mir-Riżoluzzjoni 2356 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.”

    (3)

    It-test li ġej jinżdied fl-Anness III għad- Deċiżjoni (PESK) 2016/849, wara l-intestatura “Lista ta' persuni u entitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 23(1) u l-punt (c) tal-Artikolu 27(1)”:

    “A.

    Persuni

     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Data tad-deżinjazzjoni

    Raġunijiet

    1.

    KIM Hyok Chan

    Data tat-twelid: 9.6.1970

    Numru tal-passaport: 563410191 Segretarju tal-Ambaxxata tar-RDPK f'Luanda

    16.10.2017

    Kim Hyok Chan serva bħala rappreżentant ta' Green Pine, entità elenkata min-NU, inkluż in-negozjar ta' kuntratti għar-rinnovament ta' bastimenti navali tal-Angola bi ksur tal-projbizzjonijiet imposti mir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    B.

    Entitajiet

     

    Isem

    (u prewdonimi possibbli)

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Data tad-deżinjazzjoni

    Raġunijiet

    1.

    Korea International Exhibition Corporation

     

    16.10.2017

    Il-Korea International Exhibition Corporation għenet entitajiet iddeżinjati fl-evażjoni tas-sanzjonijiet billi ospitat il-Fiera Kummerċjali Internazzjonali ta' Pyongyang li tipprovdi lil entitajiet elenkati l-opportunità li jiksru s-sanzjonijiet tan-NU billi jissoktaw bl-attività ekonomika.

    2.

    Korea Rungrado General Trading Corporation

    magħrufa wkoll bħala: Rungrado Trading Corporation

    Indirizz: Segori-dong, Pothonggang District, Pyongyang, RDPK

    Numru tat-telefon: 850 218111-3818022

    Numru tal-fax: 850 23814507

    Posta elettronika: rrd@co.chesin.com

    16.10.2017

    Il-Korea Rungrado General Trading Corporation għenet biex jinkisru s-sanzjonijiet imposti bir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti permezz tal-bejgħ ta' missili Scud lill-Eġittu.

    3.

    Maritime Administrative Bureau

    magħruf ukoll bħala North Korea Maritime Administration Bureau

    Indirizz: Ryonhwa-2Dong, Central District, Pyongyang, RDPK

    PO Box 416

    Numru tat-telefon: 850 218111 Ex 8059

    Numru tal-fax: 850 23814410

    Posta elettronika: mab@silibank.net.kp

    Sit tal-internet: www.ma.gov.kp

    16.10.2017

    Il-Maritime Administrative Bureau għen fl-evażjoni tas-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti inkluż permezz tal-għoti ta' isem ġdid u tar-reġistrazzjoni mill-ġdid ta' assi ta' entitajiet elenkati u billi pprovda dokumentazzjoni falza għall-bastimenti soġġetti għal sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.

    4.

    Pan Systems Pyongyang

    magħrufa wkoll bħala Wonbang Trading Co.

    Indirizz: Room 818, Pothonggang Hotel, Ansan-Dong, Pyongchon district, Pyongyang, RDPK.

    16.10.2017

    Pan Systems assistiet fl-evażjoni ta' sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti permezz tat-tentattiv ta' bejgħ ta' armi jew materjal relatat lill-Eritrea.

    Pan Systems hija wkoll ikkontrollata minn, u taħdem f'isem, Reconnaissance General Bureau li ġie elenkat min-Nazzjonijiet Uniti.”.


    Upp