Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1838

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1838 tal-10 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

ĠU L 261, 11.10.2017, p. 17–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1838/oj

11.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 261/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1838

tal-10 ta' Ottubru 2017

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849.

(2)

Fil-11 ta' Settembru 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta r-Riżoluzzjoni 2375 (2017) (“UNSCR 2375 (2017)”), li fiha jesprimi t-tħassib l-aktar serju kemm dwar it-test nukleari mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (“RDPK”) fit-2 ta' Settembru 2017 kif ukoll dwar il-periklu għall-paċi u l-istabbiltà tar-reġjun u lil hinn minnu minħabba l-attivitajiet nukleari u b'rabta mal-missili ballistiċi kontinwi tar-RDPK. Il-KSNU ddetermina wkoll li għadha teżisti theddida ċara għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

(3)

Il-UNSCR 2375 (2017) testendi wkoll il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' ċerti prodotti lejn u mir-RDPK u r-restrizzjonijiet fuq l-investiment fir-RDPK.

(4)

Il-UNSCR 2375 (2017) tipprojbixxi wkoll il-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet ta' xogħol għaċ-ċittadini tar-RDPK fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri.

(5)

Il-UNSCR 2375 (2017) tipprevedi wkoll interdizzjoni marittima msaħħa fuq il-bastimenti tal-merkanzija.

(6)

Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri f'din id-Deċiżjoni.

(7)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

l-oġġetti, il-materjali, it-tagħmir, il-prodotti u t-teknoloġija kollha kif determinati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat stabbilit bis-saħħa tal-paragrafu 12 tal-UNSCR 1718 (2006) (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”) f'konformità mal-paragrafu 8(a)(ii) tal-UNSCR 1718 (2006), il-paragrafu 5(b) tal-UNSCR 2087 (2013), il-paragrafu 20 tal-UNSCR 2094 (2013), il-paragrafu 25 tal-UNSCR 2270 (2016) u l-paragrafu 4 tal-UNSCR 2375 (2017), li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħra ta' qerda massiva;”;

(2)

fl-Artikolu 1(1), il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(i)

kwalunkwe oġġett ieħor elenkat fil-lista ta' armi konvenzjonali b'użu doppju adottata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bis-saħħa tal-paragrafu 7 tal-UNSCR 2321 (2016) u l-paragrafu 5 tal-UNSCR 2375 (2017).”;

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 6c

1.   L-akkwist ta' tessuti (inkluż iżda mhux limitat għal materjali u prodotti tal-ħwejjeġ parzjalment jew totalment lesti) mir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti jew ta' inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, għandu jkun ipprojbit, irrispettivament minn jekk dawn joriġinawx mit-territorju tar-RDPK.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ta l-approvazzjoni minn qabel skont il-każ.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-importazzjonijiet ta' tessuti (inkluż iżda mhux limitat għal materjali u prodotti tal-ħwejjeġ parzjalment jew totalment lesti) li għalihom ġew iffinalizzati kuntratti bil-miktub qabel il-11 ta' Settembru 2017, sal-10 ta' Diċembru 2017, dment li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiġi avżat sal-24 ta' Jannar 2018 bid-dettalji dwar dawk l-importazzjonijiet.”;

(4)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   L-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment mir-RDPK ta' prodotti petrolifiċi għandhom ikunu pprojbiti.

2.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett lejn ir-RDPK, miċ-ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, u irrispettivament minn jekk dawn joriġinawx mit-territorji tagħhom, tal-prodotti petrolifiċi raffinati kollha.

3.   Il-paragrafu 2 m'għandux japplika fir-rigward tal-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett lejn ir-RDPK, miċ-ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, u irrispettivament minn jekk dawn joriġinawx mit-territorji tagħhom, tal-prodotti petrolifiċi raffinati kollha li jammontaw sa 500 000 bettija tul perijodu inizjali ta' tliet xhur li jibda fl-1 ta' Ottubru 2017 u li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2017, u prodotti petrolifiċi raffinati li jammontaw sa 2 000 000 bettija fis-sena tul perijodu ta' 12-il xahar li jibda mill-1 ta' Jannar 2018 u kull sena wara dak, dment li:

(a)

l-Istat Membru għandu javża lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kull 30 jum bl-ammont ta' tali forniment, bejgħ jew trasferiment lejn ir-RDPK ta' prodotti petrolifiċi raffinati flimkien ma' informazzjoni dwar il-partijiet kollha fit-tranżazzjoni; u

(b)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' prodotti petrolifiċi raffinati ma jkun jinvolvi ebda individwu jew entità li tkun assoċjata mal-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tar-RDPK jew attivitajiet oħra pprojbiti mill-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017) jew 2375 (2017), inkluż individwi jew entitajiet iddeżinjati, jew individwi jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jkunu proprjetà tagħhom jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minnhom jew individwi jew entitajiet li jassistu fl-evażjoni tas-sanzjonijiet; u

(c)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' prodotti petrolifiċi raffinati jkun esklużivament għal finijiet ta' għajxien ta' ċittadini tar-RDPK u ma jkunx relatat mal-ġenerazzjoni ta' introjtu għall-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tar-RDPK jew għal attivitajiet oħra pprojbiti mill-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017) jew 2375 (2017).

4.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”;

(5)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9b

1.   Il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment lejn ir-RDPK minn Stat Membru fi kwalunkwe perijodu ta' 12-il xahar wara l-11 ta' Settembru 2017 ta' ammont ta' żejt mhux raffinat li jaqbeż l-ammont li l-Istat Membru jkun forna, bejgħ jew ittrasferixxa fil-perijodu ta' 12-il xahar qabel din id-data għandu jkun ipprojbit.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun approva minn qabel skont il-każ li konsenja ta' żejt mhux raffinat tkun esklużivament għal finijiet ta' għajxien ta' ċittadini tar-RDPK u ma tkunx relatata mal-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tar-RDPK jew ma' tkunx relatata ma' attivitajiet oħra pprojbiti mill-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017) jew 2375 (2017).

3.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9c

Il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett lejn ir-RDPK, minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, tal-kondensati u l-gassijiet naturali likwifikati kollha għandu jkun ipprojbit, irrispettivament minn jekk joriġinawx mit-territorji tal-Istati Membri. L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”;

(7)

fl-Artikolu 11(2), il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

il-ftuħ, manutenzjoni u l-operazzjoni tal-impriżi konġunti jew l-entitajiet kooperattivi kollha, kemm dawk ġodda kif ukoll dawk eżistenti, miċ-ċittadini tal-Istati Membri jew fit-territorji tal-Istati Membri ma' entitajiet jew individwi tar-RDPK, irrispettivament minn jekk jaġixxux għall-gvern tar-RDPK jew f'ismu;”;

(8)

fl-Artikolu 11, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Il-paragrafu 2, punt c, m'għandux japplika għall-impriżi konġunti jew l-entitajiet kooperattivi, b'mod partikolari dawk li huma proġetti infrastrutturali ta' servizzi pubbliċi mhux kummerċjali u li ma jiġġenerawx profitt, li ġew approvati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet minn qabel skont il-każ.

4.   L-Istati Membri għandhom jagħlqu kwalunkwe impriża konġunta jew entità kooperattiva bħal din eżistenti sa mhux aktar tard mid-9 ta' Jannar 2018 jekk tali impriża konġunta jew entità kooperattiva ma tkunx ġiet approvata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-każ. L-Istati Membri għandhom jagħlqu wkoll kwalunkwe impriża konġunta jew entità kooperattiva bħal din eżistenti fi żmien 120 ġurnata wara li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ċaħad talba għal approvazzjoni.”;

(9)

fl-Artikolu 16, il-paragrafu (3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(3)   L-Istati Membri għandhom jispezzjonaw il-bastimenti fl-ibħra internazzjonali, bil-kunsens tal-Istat tal-bandiera, jekk ikollhom informazzjoni li tipprovdi raġunijiet ġustifikati biex wieħed jemmen li l-merkanzija ta' tali bastimenti tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita taħt din id-Deċiżjoni.

Jekk Stat Membru li jkun Stat tal-bandiera ma jagħtix kunsens għall-ispezzjoni fl-ibħra internazzjonali, huwa għandu jidderieġi l-bastiment biex jipproċedi għal port adatt u konvenjenti għall-ispezzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet lokali skont il-paragrafu 18 tal-UNSCR 2270 (2016).

Meta l-Istat tal-bandiera la jagħti kunsens għall-ispezzjonijiet fl-ibħra internazzjonali u lanqas jidderieġi lill-bastiment biex jipproċedi għal port adatt u konvenjenti għall-ispezzjoni meħtieġa, jew jekk il-bastiment jirrifjuta li jikkonforma mal-istruzzjonijiet tal-Istat tal-bandiera biex jippermetti l-ispezzjoni fl-ibħra internazzjonali jew biex jipproċedi għal tali port, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw fil-pront rapport li jkun fih id-dettalji rilevanti fir-rigward tal-inċident, il-bastiment u l-Istat tal-bandiera lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.”;

(10)

l-Artikolu 16(6) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonfiskaw u jarmu, bħal bil-qerda, jew billi jagħmluhom inoperabbli jew li ma jistgħux jintużaw, jaħżnuhom, jew jittrasferuhom lejn Stat ieħor għajr l-Istat ta' oriġini jew ta' destinazzjoni għar-rimi, oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti mill-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2371 (2017) jew 2375 (2017) li jiġu identifikati fi spezzjonijiet, b'mod li hu konsistenti mal-obbligi tagħhom taħt id-dritt internazzjonali applikabbli.”;

(11)

fl-Artikolu 16, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu liċ-ċittadini tagħhom, il-persuni soġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħhom, l-entitajiet inkorporati fit-territorji tagħhom jew soġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħhom, u l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, milli jiffaċilitaw jew jinvolvu ruħhom fi trasferimenti bejn vapuri lejn jew minn bastimenti li jtajru l-bandiera tar-RDPK ta' kwalunkwe prodott jew oġġett li jkun qed jiġi fornut, mibjugħ jew trasferit lejn jew mir-RDPK.”;

(12)

l-Artikolu 18a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 18a

1.   Stat Membru li jkun Stat tal-bandiera ta' bastiment iddeżinjat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għandu, jekk dan ikun speċifikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ineħħi l-bandiera tiegħu mill-bastiment.

2.   Stat Membru li jkun l-Istat tal-bandiera ta' bastiment iddeżinjat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għandu, jekk dan ikun speċifikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, jidderieġi l-bastiment lejn port identifikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, f'koordinazzjoni mal-Istat tal-port.

3.   Stat Membru li jkun l-Istat tal-bandiera ta' bastiment iddeżinjat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għandu, jekk dan ikun speċifikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ineħħi l-bastiment mir-reġistru immedjatament.

4.   L-Istati Membri għandhom, jekk id-deżinjazzjoni mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tkun speċifikat hekk, jipprojbixxu milli bastiment jidħol fil-portijiet tagħhom, ħlief f'każ ta' emerġenza jew f'każ ta' ritorn fil-port ta' oriġini tiegħu, jew sakemm il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jiddeterminax minn qabel li tali dħul ikun meħtieġ għal finijiet umanitarji jew għal kwalunkwe skop ieħor konsistenti mal-objettivi tal-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017) jew 2371 (2017).

5.   L-Istati Membri għandhom, jekk id-deżinjazzjoni mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tkun speċifikat hekk, iwasslu biex bastiment jiġi soġġett għal iffriżar tal-assi.

6.   L-Anness IV għandu jinkludi l-bastimenti msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta' dan l-Artikolu ddeżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet f'konformità mal-paragrafu 12 tal-UNSCR 2321 (2016), il-paragrafu 6 tal-UNSCR 2371 (2017) u l-paragrafi 6 u 8 tal-UNSCR 2375 (2017).”;

(13)

l-Artikolu 26a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 26a

1.   L-Istati Membri m'għandhomx jipprovdu awtorizzazzjonijiet ta' xogħol liċ-ċittadini tar-RDPK fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom b'rabta mal-ammissjoni fit-territorji tagħhom.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet japprova minn qabel skont il-każ li l-impjieg ta' ċittadini tar-RDPK fil-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru jkun meħtieġ għall-għoti ta' għajnuna umanitarja, għad-denuklearizzazzjoni jew kwalunkwe għan ieħor konsistenti mal-objettivi tal-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017) jew 2375 (2017).

3.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet ta' xogħol li għalihom ġew iffinalizzati kuntratti bil-miktub qabel il-11 ta' Settembru 2017.”;

(14)

L-Artikolu 32 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 32

Ebda pretensjoni f'rabta ma' kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni li t-twettiq tagħhom kien ġie affettwat, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont l-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) jew 2375 (2017), inklużi miżuri tal-Unjoni jew ta' kwalunkwe Stat Membru skont, kif meħtieġ minn jew b'konnessjoni ma', l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew miżuri koperti minn din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni koperta minn garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe forma, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk issir minn:

(a)

persuni jew entitajiet iddeżinjati elenkati fl-Annessi I, II jew III;

(b)

kwalunkwe persuna jew entità oħra fir-RDPK, inkluż il-Gvern tar-RDPK, il-korpi, korporazzjonijiet u aġenziji pubbliċi tiegħu; jew

(c)

kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi permezz ta', jew f'isem, kwalunkwe waħda mill-persuni jew entitajiet imsemmija fil-punti (a) jew (b).”;

(15)

l-intestatura tal-Anness IV hija sostitwita b'dan li ġej:

“Lista ta' bastimenti msemmija fl-Artikolu 18a(6)”;

(16)

l-Anness VI jitħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79.


Top