EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1425

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1425 tal-4 ta' Awwissu 2017 dwar azzjoni ta' stabbilizzazzjoni mill-Unjoni Ewropea f'Mopti u Segou

ĠU L 204, 5.8.2017, p. 90–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/01/2019: This act has been changed. Current consolidated version: 15/10/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1425/oj

5.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/90


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1425

tal-4 ta' Awwissu 2017

dwar azzjoni ta' stabbilizzazzjoni mill-Unjoni Ewropea f'Mopti u Segou

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-21 ta' Marzu 2011, il-Kunsill laqa' l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fir-reġjun tas-Saħel (“l-Istrateġija tal-UE għas-Saħel”), waqt li ssottolinja li l-Unjoni għandha interess, minn żmien twil, li tnaqqas l-insigurtà u ttejjeb l-iżvilupp fir-reġjun tas-Saħel.

(2)

Fid-9 ta' Frar 2015, il-Kunsill tenna l-impenn tiegħu li jappoġġa lill-Mali fit-triq lejn l-iżvilupp, il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni u l-istabbiltà. Huwa integrali għal dan li jsir progress mill-Gvern tal-Mali f'termini ta' governanza, demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-riforma tas-setturi tal-ġustizzja u tas-sigurtà u l-ġlieda kontra l-impunità.

(3)

Fi Frar 2017, il-Gvern tal-Mali adotta l-“Plan de Sécurisation Intégrée des Régions du Centre” (“PSIRC”) sabiex jikkumbatti n-nuqqas ta' sigurtà li qed jikber u jistabbilixxi mill-ġdid il-preżenza tal-amministrazzjoni ċivili fir-reġjun ċentrali (Mopti u Segou) tal-Mali.

(4)

Fis-26 ta' Ġunju 2017, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) qabel dwar in-Nota ta' Kunċett għal azzjoni ta' stabbilizzazzjoni f'Mopti u Segou implimentata minn tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE, taħt il-patroċinju tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Mali.

(5)

Fl-10 ta' Lulju 2017, il-Mali bagħat ittra lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ), li tistieden lill-Unjoni tappoġġa l-istabbiliment mill-ġdid tal-amministrazzjoni ċivili fir-reġjun ċentrali tal-Mali permezz tal-istazzjonament ta' tim ta' stabbilizzazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Azzjoni ta' stabbilizzazzjoni mill-UE

1.   L-Unjoni għandha twettaq azzjoni ta' stabbilizzazzjoni f'Mopti u Segou. L-azzjoni għandha tiġi implimentata minn tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE, taħt il-patroċinju tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Mali, għal fażi operattiva ta' 12-il xahar.

2.   It-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jopera skont l-objettivi mogħtija fl-Artikolu 2 u għandu jwettaq il-kompiti mogħtija fl-Artikolu 3.

3.   Ir-RGħ għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Objettivi

It-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jappoġġa l-pjanijiet u l-politika nazzjonali Maljani permezz ta' pariri lill-awtoritajiet Maljani dwar l-istabbiliment mill-ġdid u l-espansjoni tal-amministrazzjoni ċivili fir-reġjun ċentrali tal-Mali, f'konformità mal-istandards internazzjonali, bl-objettiv primarju tal-konsolidazzjoni u l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi billi tissaħħaħ il-governanza ġenerali f'dan ir-reġjun.

Artikolu 3

Kompiti

Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-azzjoni ta' stabbilizzazzjoni mill-UE, it-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu:

(a)

jagħti pariri lill-awtoritajiet Maljani f'Mopti u Segou dwar il-pjanijiet u l-politika nazzjonali Maljani inkluż fuq kwistjonijiet relatati mal-governanza, u jappoġġa l-ippjanar mill-awtoritajiet Maljani ta' attivitajiet maħsuba għar-ritorn tal-amministrazzjoni ċivili fir-reġjun, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-atturi kollha tal-Unjoni u l-programmi rilevanti tal-Unjoni fil-Mali;

(b)

jagħti pariri lill-awtoritajiet tal-Mali f'Mopti u Segou dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ippjanati msemmija fil-punt (a), inkluż billi jappoġġa djalogu msaħħaħ bejn l-awtoritajiet Maljani u l-popolazzjonijiet lokali, b'enfasi speċjali fuq l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

(c)

jiffaċilita l-koordinazzjoni interministerjali fuq kwistjonijiet relatati mal-governanza li jikkonċernaw lil Mopti u Segou, kif ukoll il-koordinazzjoni bejn il-ministeri rilevanti Maljani u l-provinċji ta' Mopti u Segou.

Artikolu 4

L-istruttura tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE

1.   It-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jikkomplementa l-azzjoni tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Mali u l-missjonijiet tal-PSDK stazzjonati fil-Mali. It-tim għandu jopera f'Bamako, Mopti u Segou.

2.   Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Mali għandu jkun il-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE.

3.   Il-kap tat-tim ta' stabilizzazzjoni tal-UE għandu jkun assistit minn viċi kap tat-tim għall-implimentazzjoni ta' kuljum tal-azzjoni ta' stabbilizzazzjoni tal-UE.

4.   Is-SEAE għandu jidentifika punt ta' kuntatt għat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE fil-kwartieri ġenerali.

5.   Id-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Mali għandha tipprovdi appoġġ loġistiku lit-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE fir-reġjun.

Artikolu 5

Il-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE

1.   Il-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tal-kompiti tat-tim, inkluż permezz tal-ħruġ ta' struzzjonijiet lill-viċi kap tat-tim.

2.   Il-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jitwettaq korrettament.

3.   Il-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq it-tim. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinari għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali li tissekonda f'konformità mar-regoli nazzjonali tagħha jew mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata li tissekonda jew mis-SEAE.

4.   Il-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jkollu r-responsabbiltà li jiżgura li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tkun parti integrali mill-azzjoni ta' stabbilizzazzjoni tal-UE u li din il-ħidma tiġi kkoordinata mal-uffiċċju tal-konsulent prinċipali tas-SEAE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi.

5.   Il-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tat-tim ma' dawk imwettqa mill-Istati Membri u l-Missjonijiet tal-PSDK tal-Unjoni stazzjonati fil-Mali.

Artikolu 6

Persunal

1.   It-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE, inkluż il-viċi kap tat-tim, għandu jkun magħmul prinċipalment minn persunal issekondat mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mis-SEAE. Il-persunal jista' jiġi rreklutat ukoll mill-kap tat-tim, kif meħtieġ, fuq bażi ta' kuntratt, b'mod partikolari jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux ipprovduti mill-persunal issekondat mill-awtorità li tissekonda.

2.   Kull awtorità li tissekonda għandha terfa' l-ispejjeż ta' kwalunkwe membru tal-persunal issekondat minnha lit-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post fejn jiġi stazzjonat, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances, minbarra allowances per diem applikabbli, kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju.

3.   Kull awtorità li tkun issekondat membru tal-persunal għandha tkun responsabbli biex twieġeb għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mal-issekondar, mill-membru tal-persunal jew dwaru, u għandha tkun responsabbli biex tieħu kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

4.   Il-persunal kollu għandu jaqdi dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-azzjoni ta' stabbilizzazzjoni mill-UE. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tar-RGħ 2013/C 190/01 (1).

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet

Ir-RGħ għandu jiżgura li l-persunal tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE jibbenefika mill-istess privileġġi u immunitajiet bħal dawk tal-persunal tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Mali.

Artikolu 8

Direzzjoni politika u monitoraġġ mill-KPS

Il-KPS għandu jipprovdi direzzjoni politika lill-azzjoni ta' stabbilizzazzjoni mill-UE u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tagħha, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tar-RGħ.

Artikolu 9

Rappurtar

1.   Il-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jipprovdi rapporti bil-miktub lir-RGħ, lill-KPS u lil korpi preparatorji oħrajn tal-Kunsill kull erba' xhur wara l-bidu tal-fażi operattiva. Għandu wkoll jirrapporta lill-KPS u lil korpi preparatorji oħrajn tal-Kunsill fuq talba. Jekk ikun meħtieġ, is-servizzi tas-SEAE għandhom jipprovdu rapporti lill-KPS u lil korpi preparatorji oħrajn tal-Kunsill.

2.   Il-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa tmiem il-mandat tiegħu.

Artikolu 10

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jkun ta' EUR 3 250 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tkun amministrata f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist mill-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Minbarra dan, ma għandha tapplika ebda regola għall-oriġini tal-prodotti mixtrija għat-tim ta' stabbilizzazzjoni.

3.   Il-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn il-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE u l-Kummissjoni.

Artikolu 11

Sigurtà

1.   Id-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Mali għandha tkun responsabbli għas-sigurtà tal-membri tat-tim u biex tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti minimi tas-sigurtà li huma applikabbli għall-persunal tad-Delegazzjoni.

2.   Il-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jikkonforma mal-gwida pprovduta mill-Uffiċjal tas-Sigurtà Reġjonali fil-Mali għall-ippjanar tal-miżuri tas-sigurtà kif ukoll l-implimentazzjoni korretta u effettiva tagħhom mit-tim.

3.   Il-persunal tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jingħata taħriġ obbligatorju dwar is-sigurtà qabel ma jibda dmirijietu. Għandu jingħata wkoll taħriġ ta' aġġornament regolari fuq il-post tal-operazzjonijiet organizzat mill-Uffiċjal tas-Sigurtà Reġjonali fil-Mali.

Artikolu 12

Rilaxx ta' informazzjoni

1.   It-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jikkonforma mal-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni 2013/C 190/01.

2.   Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-NU għall-Istabbilizzazzjoni fil-Mali (“MINUSMA”) kif adatt u f'konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-azzjoni ta' stabbilizzazzjoni mill-UE, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, f'konformità mar-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE fid-Deċiżjoni 2013/C 190/01. Jistgħu jitfasslu arranġamenti lokali għal dan il-għan.

3.   Ir-RGħ jista' jiddelega l-awtorizzazzjonijiet għar-rilaxx ta' informazzjoni kif ukoll il-kapaċità għall-konklużjoni tal-arranġamenti msemmija f'dan l-Artikolu lill-kap tat-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE.

Artikolu 13

Koordinazzjoni

1.   Ir-RGħ għandu jiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni inġenerali, inklużi l-programmi ta' żvilupp tal-Unjoni, ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel (RSUE għas-Saħel), kif ukoll il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (“EUCAP Sahel Mali”) u l-Missjoni tal-UE ta' Taħriġ fil-Mali (“EUTM Mali”).

2.   It-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jipprovdi aġġornamenti regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri fil-Mali.

3.   It-tim ta' stabbilizzazzjoni tal-UE għandu jikkoopera mal-atturi internazzjonali rilevanti kollha, kif meħtieġ, inkluża l-MINUSMA.

Artikolu 14

Reviżjoni

Is-SEAE għandha twettaq reviżjoni ta' wara l-azzjoni, abbażi wkoll tar-rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat imsemmi fl-Artikolu 9(2), li għandu jiġi ppreżentat lill-KPS.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u perijodu ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta' Ottubru 2018.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-19 ta' April 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU C 190, 29.6.2013, p. 1).


Top