Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0561

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/561 tal-21 ta' Marzu 2017 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-Messiku fir-rigward tal-emendi għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt KE-Messiku tat-23 ta' Marzu 2000 li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti oriġinarji u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva (Andorra u San Marino, u ċerti regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott għas-sustanzi kimiċi)

ĠU L 80, 25.3.2017, pp. 26–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/561/oj

25.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/26


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/561

tal-21 ta' Marzu 2017

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-Messiku fir-rigward tal-emendi għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt KE-Messiku tat-23 ta' Marzu 2000 li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti oriġinarji u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva (Andorra u San Marino, u ċerti regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott għas-sustanzi kimiċi)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt KE-Messiku (1) stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fit-8 ta' Diċembru 1997 (2) (“il-Ftehim”) jistipula regoli tal-oriġini għall-prodotti li joriġinaw fit-territorju tal-Partijiet għall-Ftehim. Permezz tal-Artikolu 38 tal-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000, il-Kumitat Konġunt UE-Messiku jista' jemenda dak l-Anness.

(2)

L-Unjoni Ewropea għandha fis-seħħ unjoni doganali mal-Prinċipat ta' Andorra għall-prodotti li jaqgħu fl-ambitu tal-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata u mar-Repubblika ta' San Marino għall-prodotti li jaqgħu fl-ambitu tal-Kapitoli 1 sa 97 tas-Sistema Armonizzata. Permezz ta' din l-unjoni doganali l-oġġetti li joriġinaw fil-Messiku jistgħu jibbenefikaw minn trattament preferenzjali skont id-Deċiżjoni Nru 2/2000 anki meta jiġu esportati lejn Andorra u San Marino.

(3)

Ġie miftiehem li l-Messiku issa se jaċċetta l-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata li joriġinaw fil-Prinċipat ta' Andorra u l-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 1 sa 97 tas-Sistema Armonizzata oriġinarji mir-Repubblika ta' San Marino bħala prodotti li joriġinaw fl-UE skont it-tifsira tal-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000.

(4)

Għalhekk għandu jiżdied Appendiċi VI għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 sabiex dawk il-prodotti jkunu jistgħu jiġu trattati, meta jiġu importati lejn il-Messiku, b'mod simili għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni, u biex jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Anness III għal dawk il-prodotti.

(5)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta V (3) tad-Deċiżjoni Nru 2/2000, tistipula li l-Kumitat Konġunt KE-Messiku stabbilit bil-Ftehim għandu jirrevedi l-ħtieġa li l-applikazzjoni tar-regoli ta' oriġini mniżżla fin-Noti 2 u 3 tal-Appendiċi II(a) tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2/2000 (“Noti 2 u 3”), tiġi estiża lil hinn mit-30 ta' Ġunju 2003. Dan ir-rieżami jikkonċerna r-regoli speċifiċi għall-prodott fl-Appendiċi II tal-Anness III tad-Deċiżjoni Nu 2/2000 għal ċerti prodotti kimiċi taħt l-intestaturi 2914 u 2915 tas-Sistema Armonizzata.

(6)

Il-Kumitat Konġunt UE-Messiku għandu jadotta Deċiżjoni, li testendi, għar-raba' darba, l-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini stabbiliti fin-Noti 2 u 3. Dik id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2019.

(7)

Huwa xieraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini stabbiliti fin-Noti 2 u 3 fuq bażi permanenti, minħabba li huma konformi mal-prinċipji tal-modernizzazzjoni tal-Ftehim.

(8)

L-Appendiċi II għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 għandu għalhekk jiġi emendat sabiex l-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini stabbiliti fin-Noti 2 u 3 tiġi estiża fuq bażi permanenti.

(9)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-Messiku għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt UE-Messiku fir-rigward tal-emendi għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt KE-Messiku għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-Messiku mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

2.   Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt UE-Messiku jistgħu jaqblu dwar tibdil minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-Messiku msemmi fil-paragrafu 1 mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Id- Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-Messiku fir-rigward tal-emendi għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt KE-Messiku għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCICLUNA


(1)  Id-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt KE-Messiku tat-23 ta' Marzu 2000 (ĠU L 157, 30.6.2000, p. 10).

(2)   ĠU L 276, 28.10.2000, p. 45.

(3)   ĠU L 245, 29.9.2000, p. 1167.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 2/2017 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-MESSIKU

tal-…

fir-rigward tal-emendi għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt KE-Messiku tat-23 ta' Marzu 2000 li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti oriġinarji u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva (Andorra u San Marino, u ċerti regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott għas-sustanzi kimiċi)

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt KE-Messiku tat-23 ta' Marzu 2000 (1), u l-Anness III tagħha, u b'mod partikolari l-Artikolu 38 tal-Anness III,

Billi:

(1)

L-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 (“Anness III”) jistabbilixxi regoli tal-oriġini għall-prodotti li joriġinaw fit-territorju tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fit-8 ta' Diċembru 1997 (2) (“il-Ftehim”).

(2)

L-Unjoni Ewropea għandha fis-seħħ unjonijiet doganali mal-Prinċipat ta' Andorra u mar-Repubblika ta' San Marino, rispettivament, u, b'riżultat ta' dan, il-prodotti li joriġinaw fil-Messiku jibbenefikaw minn trattament preferenzjali meta jiġu esportati lejn dawn iż-żewġ pajjiżi.

(3)

Ġie miftiehem li l-Messiku ser jaċċetta l-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata oriġinarji li joriġinaw fil-Prinċipat ta' Andorra u l-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 1 sa 97 tas-Sistema Armonizzata li joriġinaw ffir-Repubblika ta' San Marino bħala prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Anness III.

(4)

Għandu għalhekk jiżdied Appendiċi VI għall-Anness III sabiex dawk il-prodotti jkunu jistgħu jiġu trattati, meta jiġu importati lejn il-Messiku, b'mod simili għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, u biex jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Anness III għal dawk il-prodotti.

(5)

Fil-… il-Kumitat Konġunt adotta d-Deċiżjoni Nru 1/2017 (3) (1) li testendi, għar-raba' darba, l-applikazzjonitar-regoli tal-oriġini stabbiliti fin-Noti 2 u 3 tal-Appendiċi II(a) għall-Anness III (“Noti 2 u 3”). L-estensjoni stipulata fid-Deċiżjoni Nru 1/2017 tapplika sal-31 ta' Diċembru 2019.

(6)

Huwa xieraq li tiġi estiża l-applikazzjonitar-regoli tal-oriġini stabbiliti fin-Noti 2 u 3 fuq bażi permanenti, minħabba li huma konformi mal-prinċipji tal-immodernizzar tal-Ftehim.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness III jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Appendiċi II għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 huwa emendat kif indikat fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

2.   Jiżdied Appendiċi VI għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 kif indikat fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri neċessarji għal dan l-iskop.

Magħmul fi …,

Għall-Kumitat Konġunt


(1)   ĠU L 157, 30.6.2000, p. 10.

(2)   ĠU L 276, 28.10.2000, p. 45.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2017 tal-Kumitat Konġunt UE-Messiku ta' … fir-rigward tal-emendi għall-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt KE-Messiku tat-23 ta' Marzu 2000 li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti oriġinarji u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva (ċerti regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott għas-sustanzi kimiċi) (ĠU L …).

(1)  

+

ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test id-data tad- Deċiżjoni Nru 1/2017 tal-Kumitat Konġunt UE-Messiku u imla n-nota ta' qiegħ il-paġna korrispondenti.

ANNESS I

Fl-Appendiċi II tal-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000, l-entrati għall-intestaturi 2914 u 2915 tas-Sistema Armonizzata (SA) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Intestatura SA

Deskrizzjoni tal-prodott

Ħidma jew ipproċessar imwettqa fuq materjali mhux oriġinarji li jagħti l-istatus ta' oriġini

(1)

(2)

(3) jew (4)

ex 2914

Alkoħol diaċetun

Metil isubutil keton

Ossidu tal-mesitil

Manifattura mill-aċetun

Manifattura li fiha sseħħ reazzjoni kimika (*1)

2915

Aċti aċikliċi monokarboksiliċi saturati u l-anidridi tagħhom, alidi, perossidi u peroksi aċti; id-derivattivi aloġenati, sulfonati, nitrati jew nitrosati tagħhom, ħlief għal:

Manifattura minn materjali ta' kwalunkwe intestatura. Madankollu, il-valur tal-materjali kollha tal-intestaturi 2915 u 2916 użati ma jistax jaqbeż 20 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott

Il-manifattura li fiha l-valur tal-materjal kollu użat ma jaqbiżx 40 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott

 

Anidride aċetiku, etil u aċetat n-butiliku, aċetat viniliku, aċetat isopropil u metilamil, aċti mono-, di- jew trikloroaċetiċi, il-melħ u l-esteri tagħhom

Manifattura minn materjali ta' kwalunkwe intestatura. Madankollu, il-valur tal-materjali kollha tal-intestatura 2916 użati ma jistax jaqbeż 20 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott

Manifattura li fiha sseħħ reazzjoni kimika (*1)


(*1)  Ir-“reazzjoni kimika” hija proċess (inkluż proċess bijokimiku) li jirriżulta f'molekula bi struttura ġdida bit-tkissir ta' rabtiet intramolekulari u bl-iffurmar ta' rabtiet intramolekulari ġodda, jew bl-alterazzjoni tal-arranġament spazjali tal-atomi ġo molekula.

Il-proċessi li ġejjin ma għandhomx jitqiesu għal skopijiet ta' oriġini:

(a)

taħlil fl-ilma jew solventi oħra;

(b)

l-eliminazzjoni ta' solventi inkluż ilma solventi; jew

(c)

iż-żieda jew l-eliminazzjoni ta' ilma tal-kristallizzazzjoni.”.

ANNESS II

L-Appendiċi li ġej huwa miżjud mal-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000:

“Appendiċi VI

IL-PRINĊIPAT TA' ANDORRA U R-REPUBBLIKA TA' SAN MARINO

1.

Il-prodotti li joriġinaw fil-Prinċipat ta' Andorra li jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata għandhom ikunu aċċettati mill-Messiku taħt l-istess reġim doganali bħal dak applikabbli għall-prodotti importati u li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, sakemm l-unjoni doganali stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/680/KEE tas-26 ta' Novembru 1990 (1) tibqa' fis-seħħ.

2.

Il-prodotti li joriġinaw fil-Messiku li jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata jibbenefikaw mill-istess trattament tariffarju preferenzjali meta jiġu importati lejn Andorra bħal dak li jirċievu meta jiġu importati lejn l-Unjoni Ewropea, sakemm tibqa' fis-seħħ l-unjoni doganali stabbilita bid-Deċiżjoni 90/680/KEE.

3.

Il-prodotti li joriġinaw fir-Repubblika ta' San Marino li jaqgħu taħt il-Kapitoli 1 sa 97 tas-Sistema Armonizzata għandhom ikunu aċċettati mill-Messiku taħt l-istess reġim doganali bħal dak applikabbli għall-prodotti importati u li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, sakemm jibqa' fis-seħħ il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta' San Marino, magħmul fi Brussell fis-16 ta' Diċembru 1991 (2).

4.

Il-prodotti li joriġinaw fil-Messiku li jaqgħu taħt il-Kapitoli 1 sa 97 tas-Sistema Armonizzata jistgħu jibbenefikaw mill-istess trattament tariffarju preferenzjali meta jiġu importati lejn San Marino bħal dak li jirċievu meta jiġu importati lejn l-Unjoni Ewropea, sakemm jibqa' fis-seħħ il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta' San Marino, magħmul fi Brussell fis-16 ta' Diċembru 1991.

5.

L-Anness III għandu japplika mutatis mutandis għall-kummerċ tal-prodotti msemmija fil-punti 1 sa 4.

6.

L-esportatur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jniżżel “il-Messiku” kif ukoll “il-Prinċipat ta' Andorra” jew “ir-Repubblika ta' San Marino” fil-Kaxxa 2 taċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew fid-dikjarazzjoni fuq fattura. Barra minn hekk, din l-informazzjoni għandha tiddaħħal fil-Kaxxa 4 taċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1, jew fid-dikjarazzjoni fuq fattura fil-każ ta' prodotti li joriġinaw fil-Prinċipat ta' Andorra jew mir-Repubblika ta' San Marino.

7.

L-Unjoni Ewropea għandha tibgħat lill-Messiku kampjuni taċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1, it-timbri li jridu jintużaw mill-Prinċipat ta' Andorra u mir-Repubblika ta' San Marino, u l-indirizzi tal-awtoritajiet responsabbli għall-proċess ta' verifika fil-Prinċipat ta' Andorra u fir-Repubblika ta' San Marino.

8.

Jekk l-awtorità governattiva kompetenti tal-Prinċipalità ta' Andorra jew tar-Repubblika ta' San Marino ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Anness III, il-Messiku jista' jressaq il-każ quddiem il-Kumitat Speċjali dwar il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini, stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Nru 2/2000, sabiex jiġu ddeterminati l-miżuri xierqa biex tissolva l-kwistjoni.
”.

(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/680/KEE tas-26 ta' Novembru 1990 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-għamla ta' skambju tal-ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipalità ta' Andorra (ĠU UE L 374, 31.12.1990, p. 13).

(2)   ĠU UE L 84, 28.3.2002, p. 43.


Top