Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0329

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/329 tal-4 ta' Novembru 2016 dwar il-miżura SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija dwar it-taxxa tad-dħul mir-reklamar (notifikata bid-dokument C(2016) 6929) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2016/6929

ĠU L 49, 25.2.2017, p. 36–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/329/oj

25.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/36


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/329

tal-4 ta' Novembru 2016

dwar il-miżura SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija dwar it-taxxa tad-dħul mir-reklamar

(notifikata bid-dokument C(2016) 6929)

(It-test Ungeriż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

F'Lulju 2014, il-Kummissjoni saret taf li l-Ungerija kienet adottat att leġiżlattiv dwar il-bażi li fuqha jiġi intaxxat id-dħul mill-attivitajiet tar-reklamar (minn hawn 'il quddiem: “it-taxxa fuq ir-reklamar”). Permezz ta' ittra tat-13 ta' Awwissu 2014, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet Ungeriżi, li wieġbu bl-ittra tat-2 ta' Ottubru 2014. Bl-ittra tal-1 ta' Diċembru 2014, l-awtoritajiet Ungeriżi ġew mistoqsija sett ieħor ta' mistoqsijiet, li wieġbu billi ppreżentaw informazzjoni addizzjonali bl-ittra tas-16 ta' Diċembru 2014.

(2)

Bl-ittra tat-2 ta' Frar 2015, l-awtoritajiet Ungeriżi ġew infurmati li l-Kummissjoni se tikkunsidra toħroġ deċiżjoni ta' inġunzjoni ta' sospensjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (2). Bl-ittra tas-17 ta' Frar 2015, l-awtoritajiet Ungeriżi ressqu l-kummenti tagħhom dwar dik l-ittra.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni tat-12 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni infurmat lill-Ungerija li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat (minn hawn 'il quddiem: “id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”) u toħroġ inġunzjoni ta' sospensjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 fir-rigward tal-miżura.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ u l-inġunzjoni ta' sospensjoni ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn tliet partijiet interessati. Hija bagħtithom lill-awtoritajiet Ungeriżi li ngħataw l-opportunità jirreaġixxu.

(6)

Fil-21 ta' April 2015, l-awtoritajiet Ungeriżi bagħtu abbozz ta' proposta lill-Kummissjoni għal emenda tat-taxxa fuq ir-reklamar. Fit-8 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-Ungerija rigward l-emenda ppjanata.

(7)

Fl-4 ta' Ġunju 2015, l-Ungerija emendat it-taxxa fuq ir-reklamar, mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni jew awtorizzazzjoni mingħandha. Fil-5 ta' Lulju 2015, l-emendi daħlu fis-seħħ.

(8)

Bl-ittra tas-6 ta' Lulju 2015, l-Ungerija tat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ u dwar il-kummenti tal-partijiet interessati, kif ukoll kjarifiki dwar l-emenda tat-taxxa fuq ir-reklamar.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAT-TAXXA FUQ IR-REKLAMAR

2.1.   AMBITU TAT-TAXXA U L-BAŻI GĦAT-TAXXA

(9)

Fil-11 ta' Ġunju 2014, l-Ungerija adottat l-Att XXII tal-2014 dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar (minn hawn 'il quddiem: “l-Att”), b'emendi oħrajn fl-4 ta' Lulju u fit-18 ta' Novembru 2014. L-Att introduċa taxxa speċjali ġdida fuq id-dħul mill-pubblikazzjoni tar-reklami fl-Ungerija u barra minn hekk japplika wkoll għat-taxxi tan-negozju eżistenti, b'mod partikolari t-taxxa fuq l-introjtu. Skont l-Ungerija, l-iskop tal-Att huwa li jippromwovi l-prinċipju tal-kondiviżjoni tal-piż pubbliku.

(10)

It-taxxa fuq ir-reklamar hija dovuta fuq id-dħul li jiġi mill-pubblikazzjoni tar-reklami fl-ispazji tal-midja speċifikati skont l-Att (eż. fis-servizzi tal-midja; fil-materjali tal-istampa; fuq midja tar-reklamar fuq barra; fuq kull vettura jew proprjetà immobbli; fil-materjal stampat; u fuq l-Internet). It-taxxa tapplika għall-impriżi kollha tal-midja u l-persuna taxxabbli fil-prinċipju hija l-pubblikatur tar-reklam. Il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tat-taxxa huwa l-Ungerija.

(11)

Il-bażi għat-taxxa li għaliha tiġi applikata t-taxxa hija d-dħul tal-pubblikatur li ġej mis-servizzi tar-reklamar ipprovduti minnu, mingħajr it-tnaqqis ta' ebda kost. Il-bażi għat-taxxa tal-kumpaniji affiljati hija aggregata. Għalhekk, ir-rata tat-taxxa applikabbli tiġi ddeterminata mid-dħul mir-reklamar li ġej mill-grupp sħiħ fl-Ungerija.

(12)

Hemm bażi għat-taxxa speċjali għall-awtoreklamar, jiġifieri r-reklamar relatat mal-prodotti, l-oġġetti, is-servizzi, l-attivitajiet, l-isem u d-dehra proprja tal-pubblikatur. F'dan il-każ, il-bażi għat-taxxa li fuqha tiġi applikata t-taxxa hija l-kostijiet li jġarrab il-pubblikatur b'rabta mal-pubblikazzjoni tar-reklam.

2.2.   RATI TAT-TAXXA PROGRESSIVI

(13)

L-Att stabbilixxa struttura ta' rati progressivi b'rati li jvarjaw minn 0 % u 1 % għall-kumpaniji bi dħul mir-reklamar żgħir jew medju għal 50 % għal kumpaniji bi dħul mir-reklamar għoli kif ġej:

Għall-parti tad-dħul taħt HUF 0,5 biljun: 0 %

Għall-parti tad-dħul ta' bejn HUF 0,5 biljun u 5 biljun: 1 %

Għall-parti tad-dħul ta' bejn HUF 5 biljun u 10 biljun: 10 %

Għall-parti tad-dħul ta' bejn HUF 10 biljun u 15 biljun: 20 %

Għall-parti tad-dħul ta' bejn HUF 15-il biljun u 20 biljun: 30 %

Għall-parti tad-dħul 'il fuq minn HUF 20 biljun: 50 %

(14)

Il-kategorija ta' fuq nett ittellgħet minn 40 % għal 50 % mill-1 ta' Jannar 2015 permezz tal-Att LXXIV tal-2014 dwar il-modifika ta' ċerta leġiżlazzjoni dwar it-taxxa u dik relatata u l-Att CXXII tal-2010 dwar l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u d-Dwana, li emenda l-Att.

2.3.   TNAQQIS TAT-TELF RIPORTATI MILL-BAŻI GĦAT-TAXXA TAL-2014

(15)

Skont l-Att, il-kumpaniji jistgħu jnaqqsu mill-bażi għat-taxxa tal-2014 tagħhom 50 % tat-telf riportat mis-snin preċedenti skont il-liġi dwar it-taxxa korporattiva u fuq id-dividendi jew it-taxxa fuq l-introjtu personali.

(16)

Emenda tal-4 ta' Lulju 2014 għal dan l-Att tillimita dan it-tnaqqis għal kumpaniji li ma għamlux profitt fl-2013 (jiġifieri jekk l-ammont tal-profitt qabel it-taxxa fis-sena kontabilistika tal-2013 huwa żero jew negattiv biss). Għalhekk, il-kumpaniji li rriportaw it-telf mis-snin preċedenti, iżda li kienu qed jagħmlu profitt fl-2013, mhumiex eliġibbli għat-tnaqqis. Skont l-Ungerija, l-objettiv tal-emenda huwa li jiġu evitati l-evitar tat-taxxa u ċ-ċirkomvenzjoni tal-obbligi tat-taxxa.

(17)

Il-possibbiltà li jitnaqqas it-telf riportat tapplika biss għat-taxxa dovuta għall-2014. Din ma tapplikax għat-taxxa dovuta għall-2015 jew is-snin ta' wara.

2.4.   DETERMINAZZJONI TAL-OBBLIGAZZJONI U D-DIKJARAZZJONI TAT-TAXXA

(18)

Skont l-Att, il-kontribwent jiddetermina l-obbligazzjoni tat-taxxa tiegħu permezz ta' awtovalutazzjoni u jirritorna dikjarazzjoni lill-awtorità tat-taxxa sal-aħħar jum tal-ħames xahar wara s-sena tat-taxxa.

2.5.   ĦLAS TAT-TAXXA

(19)

L-Att jipprovdi li l-kontribwent għandu jiddetermina u jiddikjara l-obbligazzjoni tat-taxxa tiegħu, u jħallas it-taxxa sal-aħħar jum tal-ħames xahar wara s-sena tat-taxxa.

(20)

Għall-2014, it-taxxa kienet dovuta pro-rata mid-dħul fis-seħħ tal-Att fit-18 ta' Lulju 2014 fuq il-bażi tad-dħul mir-reklamar tal-2014. Il-kontribwent kellu jiddetermina u jiddikjara taxxa bil-quddiem għall-2014 (skont id-dħul tiegħu mir-reklamar tal-2013) sal-20 ta' Awwissu 2014, u jħallasha f'żewġ ħlasijiet parzjali indaqs sal-20 ta' Awwissu 2014 u l-20 ta' Novembru 2014.

(21)

Skont id-dejta proviżorja riċevuta mill-awtoritajiet Ungeriżi, mit-28 ta' Novembru 2014, inġabar l-ammont totali ta' HUF 2 640 100 000 [~ EUR 8 500 000] f'taxxi bil-quddiem għall-2014. Madwar 80 % tad-dħul mit-taxxa totali miġbur minn dawk it-taxxi bil-quddiem tħallas minn grupp wieħed ta' kumpaniji.

2.6.   L-EMENDI INTRODOTTI BL-ATT LXII TAL-2015 TAL- 4 TA' ĠUNJU 2015

(22)

Permezz tal-Att LXII tal-2015 tal-4 ta' Ġunju 2015, wara li ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-Ungerija emendat l-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar billi ssostitwiet l-iskala progressiva ta' sitt rati tat-taxxa li jvarjaw minn 0 % sa 50 % b'sistema ta' rati doppji kif ġej:

0 % applikabbli fuq il-parti tad-dħul li ma taqbiżx il-HUF 100 miljun; u

5,3 % applikabbli fuq id-dħul li jaqbeż il-HUF 100 miljun.

(23)

L-emenda tintroduċi applikazzjoni retroattiva fakultattiva li tmur lura sad-dħul fis-seħħ tal-Att fl-2014. Fi kliem ieħor, il-kontribwenti jistgħu jagħżlu, għall-passat, li jkunu soġġetti jew għas-sistema l-ġdida ta' rati doppji jew li jibqgħu soġġetti għall-iskala progressiva ta' sitt rati tat-taxxa ta' qabel.

(24)

Id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis mill-bażi għat-taxxa tal-2014 tat-telf riportat, li huwa limitat għall-kumpaniji li fl-2013 ma għamlux profitt, jibqgħu l-istess.

3.   IL-PROĊEDURA TAL-INVESTIGAZZJONI FORMALI

3.1.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(25)

Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali għaliex qieset f'dak l-istadju li l-progressività tar-rati tat-taxxa u d-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tat-telf riportat mill-bażi għat-taxxa kif stabbilit fl-Att kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(26)

Il-Kummissjoni qieset li r-rati tat-taxxa progressivi jiddifferenzjaw bejn impriżi bi dħul mir-reklamar għoli (li huma għalhekk impriżi ta' daqs ikbar) u impriżi bi dħul mir-reklamar baxx (li huma għalhekk impriżi ta' daqs iżgħar), u jagħtu vantaġġ selettiv lil dawn tal-aħħar fuq il-bażi tad-daqs tagħhom. Il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-kapaċità li jħallsu, li saret referenza għaliha mill-Ungerija, tistax isservi bħala l-prinċipju ta' gwida għat-taxxi fuq id-dħul. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset, fuq bażi preliminari, li l-karattru progressiv tar-rata tat-taxxa fuq ir-reklamar skont l-Att kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, minħabba li l-kriterji l-oħra kollha għal kwalifikazzjoni bħal din ukoll dehru ssodisfati.

(27)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Att li jippermettu t-tnaqqis tat-telf tal-passat riportat skont il-liġi tat-taxxa korporattiva u dwar id-dividendi jew it-taxxa fuq l-introjtu personali mit-taxxa dovuta u, b'mod partikolari, il-limitazzjoni għall-impriżi li ma għamlux profitt fl-2013, jiddifferenzjaw bejn kumpaniji li, fid-dawl tat-taxxa bbażata fuq id-dħul, jinsabu f'sitwazzjoni komparabbli. Hija qieset li d-dispożizzjonijiet jidhru li jagħtu vantaġġ selettiv lil impriżi li ma għamlux profitt fl-2013 meta mqabbla ma' impriżi li ma għamlux profitt fis-snin ta' qabel jew li qatt ma għamlu telf. Il-Kummissjoni qieset li t-trattament differenzjali ma kienx iġġustifikat min-natura u l-loġika tas-sistema fiskali, b'mod partikolari minħabba li l-Ungerija sostniet li t-taxxa fuq ir-reklamar hija bbażata fuq l-idea li s-sempliċi riċeviment ta' dħul mir-riklamar jiġġustifika t-tassazzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni qieset li dawk id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, għaliex il-kriterji l-oħra kollha għal kwalifikazzjoni bħal din dehru ssodisfati.

(28)

Il-miżuri ma dehrux li huma kompatibbli mas-suq intern.

3.2.   IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(29)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn tliet partijiet interessati.

(30)

Il- Hungarian Advertising Association iddeskriviet l-istat tal-industrija tar-reklamar fl-Ungerija u esprimiet tħassib dwar it-taxxa fuq ir-reklamar kif inhi. Hija qieset li t-taxxa tqiegħed piż addizzjonali fuq settur diġà milqut minn dħul dejjem jonqos. Hija indikat li kull taxxa fuq ir-reklamar fuq kumpaniji tal-midja żgħar tista' toħroġ lil dawk il-kumpaniji barra mis-suq minħabba l-marġnijiet ta' profitt baxxi tagħhom.

(31)

TV2, operatur tat-TV privat Ungeriż, ressaq kummenti biss dwar it-tnaqqis tat-telf tal-passat riportat għal skopijiet ta' taxxa fuq l-introjtu korporattiv u personali. TV2 iqis li d-dispożizzjoni li tikkonċerna t-tpaċija tat-telf tal-passat mhijiex selettiva għaliex huwa fl-ambitu tad-diskrezzjoni ta' Stat Membru li jfassal taxxa bbażata fuq id-dħul filwaqt li fl-istess ħin jikkunsidra elementi ta' taxxa abbażi tal-kapaċità tal-ħlas. Li kieku l-Kummissjoni kellha ssib element ta' selettività fir-regoli dwar it-tnaqqis tat-telf tal-passat, dan l-element jista' jkun biss ir-restrizzjoni ulterjuri għal kumpaniji li ma għamlux profitt fl-2013, iżda mhux ir-regola ġenerali li tippermetti t-tnaqqis tat-telf tal-passat.

(32)

RTL jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Dan sostna li hemm żewġ elementi addizzjonali ta' selettività maħluqa mit-taxxa fuq ir-reklamar: (i) it-taxxa tibbenefika x-xandara pubbliċi fuq ix-xandara kummerċjali, għaliex dawn ta' qabel huma allegatament iffinanzjati primarjament permezz tal-finanzjament mill-Istat u għalhekk huma inqas affettwati mit-taxxa; (ii) it-taxxa tibbenefika x-xandara ta' sjieda Ungeriża fuq atturi internazzjonali għaliex ix-xandara ta' sjieda Ungeriża allegatament tipikament ikollhom dħul mir-reklamar aktar baxx minn dak ta' atturi internazzjonali kbar.

3.3.   IL-POŻIZZJONI TAL-AWTORITAJIET UNGERIŻI

(33)

L-awtoritajiet Ungeriżi jikkontestaw li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Essenzjalment, dawn jargumentaw li l-kapaċità tal-ħlas mhijiex biss riflessa mill-profittabilità ta' impriża, iżda wkoll mis-sehem mis-suq tagħha u għalhekk mid-dħul tagħha. L-Ungerija ssostni li r-rati tat-taxxa progressivi għal taxxa bbażata fuq id-dħul huma ġustifikati mill-kapaċità ta' ħlas u li hija fil-kompetenza nazzjonali li tiddefinixxi l-l-iskala preċiża tar-rati. L-Ungerija tqis li l-miżura tranżitorja għal kumpaniji li ma għamlux profitt fl-2013 hija ġustifikata għaliex għal dawk il-kumpaniji l-piż tat-taxxa jkun għoli wisq mingħajr din il-miżura.

(34)

L-Ungerija tikkontesta n-natura selettiva tal-iskema tat-taxxa, b'mod partikolari, billi targumenta li ma hemm l-ebda deroga mis-sistema ta' referenza, għaliex is-sistema ta' referenza fil-każ tat-taxxi progressivi hija l-kombinazzjoni tal-bażi għat-taxxa u r-rati tat-taxxa korrispondenti. Għalhekk, il-kumpaniji fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali (li għandhom l-istess bażi għat-taxxa) huma soġġetti għall-istess ammont ta' taxxa.

3.4.   IL-KUMMENTI MILL-UNGERIJA DWAR IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(35)

L-Ungerija stqarret li s-sottomissjoni tal-Hungarian Advertisement Association tiddeskrivi b'mod korrett il-funzjonament tas-suq tar-reklamar Ungeriż u, b'mod partikolari, tasal għall-konklużjonijiet li l-impriżi ta' daqs iżgħar u dawk li għadhom kemm daħlu fis-suq huma f'pożizzjoni aktar diffiċli minn impriżi ta' daqs ikbar bi dħul ogħla. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-atturi ta' daqs iżgħar fis-suq tar-reklamar ma tistax titqabbel ma' dik tal-pubblikaturi ta' daqs ikbar li għandhom il-kapaċità li jħallsu iżjed u għalhekk jenħtieġ li jkollhom piż tat-taxxa progressivament ogħla.

(36)

L-Ungerija taqbel mal-kummenti ta' TV2 u tindika li mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta' Ġibiltà jirriżulta li l-profittabilità bħala kriterju tat-tassazzjoni hija miżura ta' tassazzjoni ġenerali għaliex tirriżulta minn fatt każwali.

(37)

L-Ungerija ma taqbilx mal-argumenti tal-RTL għar-raġunijiet spjegati diġà fis-sottomissjonijiet preċedenti tagħha. L-Ungerija tispjega wkoll li l-Att jittratta x-xandara pubbliċi u kummerċjali b'mod ugwali u kull pubblikazzjoni ta' reklamar għal remunerazzjoni hija soġġetta għall-istess obbligazzjoni tat-taxxa.

4.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

4.1.   IL-PREŻENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT FIS-SENS TAL-ARTIKOLU 107(1) TAT-TFUE

(38)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(39)

Il-kwalifika ta' miżura bħala għajnuna fis-sens ta' din id-dispożizzjoni għalhekk teħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura għandha tkun attribwibbli lill-Istat u ffinanzjata permezz tar-riżorsi tal-Istat; (ii) għandha tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dak il-vantaġġ għandu jkun selettiv; u (iv) il-miżura għandha tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

4.1.1.   IR-RIŻORSI TAL-ISTAT U L-ATTRIBWIBILITÀ LILL-ISTAT

(40)

Sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun attribwibbli lil Stat Membru u ffinanzjata permezz tar-riżorsi tal-Istat.

(41)

Minħabba li l-miżuri kkontestati jirriżultaw minn Att tal-Parlament Ungeriż, dawn huma attribwibbli b'mod ċar lill-Istat Ungeriż.

(42)

Fir-rigward tal-finanzjament tal-miżura permezz tar-riżorsi tal-Istat, fejn ir-riżultat ta' miżura jkun li l-Istat jirrinunzja għad-dħul li kieku jiġbor minn impriża f'ċirkostanzi normali, dik il-kundizzjoni hija ssodisfata wkoll (4). F'dan il-każ, l-Ungerija tirrinunzja r-riżorsi li kieku kienet tiġbor mill-impriżi b'livell aktar baxx ta' dħul rilevanti (li huma impriżi ta' daqs iżgħar), kieku dawn kienu soġġetti għall-istess livell ta' taxxa bħall-impriżi bi dħul ogħla (li huma impriżi ta' daqs ikbar).

4.1.2.   VANTAĠĠ

(43)

Skont il-każistika tal-Qrati tal-Unjoni, il-kunċett tal-għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, iżda anke miżuri li, f'forom differenti, jimmitigaw l-imposti li normalment huma inklużi fil-baġit ta' impriża (5). Vantaġġ jista' jingħata permezz ta' tipi differenti ta' tnaqqis fil-piż tat-taxxa ta' kumpanija u, b'mod partikolari, permezz ta' tnaqqis fir-rata tat-taxxa applikabbli, fil-bażi għat-taxxa jew fl-ammont tat-taxxa dovuta (6). Għalkemm tnaqqis fit-taxxa ma jinvolvix trasferiment pożittiv tar-riżorsi mill-Istat, joħloq vantaġġ minħabba l-fatt li jqiegħed l-impriżi li japplika għalihom f'pożizzjoni finanzjarja aktar favorevoli u jirriżulta f'telf ta' dħul għall-Istat (7).

(44)

L-Att jistabbilixxi rati ta' tassazzjoni progressivi li japplikaw għad-dħul annwali li jiġi mill-pubblikazzjoni tar-reklami fl-Ungerija skont il-kategorija li d-dħul ta' impriża jaqa' fiha. Il-karattru progressiv ta' dawk ir-rati għandu l-effett li l-perċentwal tat-taxxa impost fuq id-dħul ta' impriża jiżdied progressivament skont in-numru ta' kategoriji li d-dħul jaqa' fihom. Dan iwassal biex l-impriżi li għandhom dħul baxx (l-impriżi ta' daqs iżgħar) jiġu intaxxati b'rata medja sostanzjalment aktar baxxa mill-impriżi bi dħul għoli (l-impriżi ta' daqs ikbar). L-intaxxar b'din ir-rata tat-taxxa medja sostanzjalment aktar baxxa jimmitiga l-imposti li l-impriżi bi dħul aktar baxx ikollhom iġarrbu meta mqabbla mal-impriżi bi dħul għoli u għalhekk jikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċċji ta' impriżi ta' daqs iżgħar fuq impriżi ta' daqs ikbar għall-fini tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(45)

Bl-istess mod, il-possibbiltà skont l-Att li jitnaqqas it-telf riportat għall-fini tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv jew personali tikkostitwixxi vantaġġ għal dawk l-impriżi li ma għamlux profitt fl-2013, għaliex din tnaqqas il-bażi għat-taxxa tagħhom u b'hekk il-piż tat-taxxa tagħhom meta mqabbla mal-impriżi li ma jistgħux jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis.

4.1.3.   SELETTIVITÀ

(46)

Miżura hija selettiva jekk din tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Għall-iskemi fiskali l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li s-selettività tal-miżura jenħtieġ li fil-prinċipju tiġi vvalutata permezz ta' analiżi fi tliet stadji (8). L-ewwel, jiġi identifikat ir-reġim tat-taxxa komuni jew normali applikabbli fl-Istat Membru: “is-sistema ta'referenza”. It-tieni, jenħtieġ li jiġi ddeterminat jekk miżura speċifika tikkostitwixxix deroga minn dik is-sistema sa fejn din tiddifferenzja bejn l-operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-objettivi intrinsiċi għas-sistema, huma f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Jekk il-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix deroga mis-sistema ta' referenza, din mhijiex selettiva. Jekk iva (u għalhekk hija selettiva prima facie), fit-tielet stadju tal-analiżi, irid jiġi ddeterminat jekk il-miżura derogatorja hijiex ġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali ta' referenza (9). Jekk miżura selettiva prima facie tkun ġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema, din ma titqiesx bħala selettiva u għalhekk se taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

4.1.3.1.    Is-sistema ta' referenza

(47)

Is-sistema ta' referenza tikkostitwixxi l-qafas li skontu tiġi vvalutata s-selettività ta' miżura.

(48)

F'dan il-każ, is-sistema ta' referenza hija l-applikazzjoni ta' taxxa speċjali fuq ir-reklamar fuq id-dħul li jiġi mill-provvista tas-servizzi ta' reklamar, jiġifieri, ir-remunerazzjoni sħiħa li jirċievu l-pubblikaturi għall-pubblikazzjoni tar-reklami, mingħajr it-tnaqqis ta' ebda kost. Il-Kummissjoni ma tqisx li l-istruttura tar-rati progressivi tat-taxxa fuq ir-reklamar tista' tifforma parti minn din is-sistema ta' referenza.

(49)

Kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja (10), mhux dejjem huwa biżżejjed li l-analiżi tas-selettività tkun limitata għal jekk miżura tidderogax mis-sistema ta' referenza kif definit mill-Istat Membru. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi evalwat jekk il-limiti ta' dik is-sistema ġewx imfassla mill-Istat Membru b'mod konsistenti jew, għall-kuntrarju, b'mod li huwa arbitrarju jew preġudikat b'mod ċar, sabiex jiffavorixxi impriżi speċifiċi fuq oħrajn. Inkella, minflok jiġu stabbiliti regoli ġenerali li japplikaw għall-impriżi kollha u li minnhom issir deroga għal impriżi speċifiċi, l-Istat Membru jista' jikseb l-istess riżultat, u jevita r-regoli tal-għajnuna mill-Istat, billi jaġġusta jew jikkombina r-regoli tiegħu b'tali mod li l-applikazzjoni tagħhom tirriżulta f'piż differenti għal impriżi differenti (11). Huwa partikolarment importanti li jiġi mfakkar f'dak ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li l-Artikolu 107(1) tat-Trattat ma jiddistingwix bejn miżuri ta' intervent tal-Istat b'referenza għall-kawżi tagħhom jew l-għanijiet tagħhom, iżda tiddefinixxihom fir-rigward tal-effetti tagħhom, u għalhekk indipendentement mit-tekniki użati (12).

(50)

L-istruttura tat-taxxi progressivi introdotta mill-Att tidher imfassla deliberatament mill-Ungerija biex tiffavorixxi ċertu impriżi fuq oħrajn. Skont l-istruttura tat-taxxi progressivi introdotta skont l-Att, l-impriżi li jippubblikaw reklami huma soġġetti għal rati tat-taxxa differenti li jiżdiedu b'mod progressiv minn 0 % għal 50 %, skont il-kategoriji li l-dħul jaqa' fihom. Konsegwentement, tapplika rata tat-taxxa medja differenti għal impriżi soġġetti għat-taxxa fuq ir-reklamar skont il-livell tad-dħul tagħhom.

(51)

L-effett tal-istruttura ta' rati progressivi introdotta mill-Att għalhekk huwa li impriżi differenti huma soġġetti għal livelli differenti ta' tassazzjoni (espressi bħala proporzjon tad-dħul annwali globali tagħhom mir-reklamar) skont id-daqs tagħhom, billi l-ammont ta' dħul mir-reklamar miksub minn impriża sa ċertu punt jikkorrelata mad-daqs ta' dik l-impriża.

(52)

Minħabba li kull kumpanija hija intaxxata b'rata differenti, mhuwiex possibbli għall-Kummissjoni li tidentifika rata ta' referenza unika waħda fit-taxxa fuq ir-reklamar. L-Ungerija ma ppreżentatx rata speċifika bħala r-rata ta' referenza jew ir-rata “normali” u la spjegat għaliex rata ogħla tkun ġustifikata għal impriżi b'livell għoli ta' dħul, u lanqas għaliex rati aktar baxxi għandhom japplikaw għal impriżi b'livelli aktar baxxi ta' dħul mir-reklamar.

(53)

L-objettiv iddikjarat tat-taxxa fuq ir-reklamar huwa li jiġi promoss il-prinċipju tal-kondiviżjoni tal-piż pubbliku. Fid-dawl ta' dak l-objettiv, il-Kummissjoni tqis li l-operaturi kollha soġġetti għat-taxxa fuq ir-reklamar qegħdin f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli. Konsegwentement, sakemm ma jkunx debitament ġustifikati, l-operaturi kollha jenħtieġ li jkunu ttrattati b'mod ugwali u jħallsu l-istess proporzjon tad-dħul tagħhom irrispettivament mil-livell ta' dħul tagħhom. Il-Kummissjoni tosserva li minħabba l-applikazzjoni ta' rata tat-taxxa unika għall-operaturi kollha, dawk bi dħul ogħla diġà jikkontribwixxu aktar għall-baġit tal-Istat minn dawk bi dħul baxx. L-Ungerija ma tat l-ebda argument konvinċenti li jiġġustifika d-diskriminazzjoni bejn dawk it-tipi ta' impriżi bl-impożizzjoni progressiva ta' piż tat-taxxa proporzjonalment ogħla fuq dawk bi dħul ogħla mir-reklamar. Għalhekk, l-Ungerija fasslet deliberatament it-taxxa fuq ir-reklamar b'tali mod li jiffavorixxi arbitrarjament ċerti impriżi, jiġifieri dawk b'livell aktar baxx ta' dħul (li huma impriżi ta' daqs iżgħar), u jqiegħed lil oħrajn fi żvantaġġ, jiġifieri lil impriżi ta' daqs ikbar (13).

(54)

Is-sistema ta' referenza għalhekk hija selettiva fit-tfassil b'mod li mhuwiex ġustifikat fid-dawl tal-objettiv tat-taxxa fuq ir-reklamar, li huwa li jiġi promoss il-prinċjipju tal-kondiviżjoni tal-piż pubbliku u li jinġabru l-fondi għall-baġit tal-Istat.

(55)

Bl-istess mod, il-possibbiltà li jitnaqqas it-telf tal-passat riportat għal skopijiet ta' taxxa fuq l-introjtu korporattiv u personali mill-bażi għat-taxxa tal-2014, ma tistax titqies bħala parti mis-sistema ta' referenza f'dan il-każ mill-inqas għal żewġ raġunijiet. Minn naħa waħda, it-taxxa hija bbażata fuq it-tassazzjoni tad-dħul għall-kuntrarju ta' taxxa bbażata fuq il-profitt, li jfisser li l-kostijiet normalment ma jiġux imnaqqsa mill-bażi għat-taxxa ta' taxxa fuq il-dħul. L-awtoritajiet Ungeriżi ma setgħux jispjegaw f'dan il-każ kif din il-possibbiltà tat-tnaqqis tal-kostijiet tista' tkun konnessa mal-objettiv jew in-natura tat-taxxa fuq id-dħul. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà tat-tnaqqis hija offruta biss lill-impriżi li ma għamlux profitt fl-2013. Din mhix regola ġenerali tat-tnaqqis u din il-possibbiltà ta' tnaqqis tidher li hija arbitrarja jew mill-inqas mhux konsistenti biżżejjed biex tkun parti minn sistema ta' referenza.

(56)

Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-sistema ta' referenza għat-tassazzjoni tad-dħul mir-reklamar jenħtieġ li tkun taxxa fuq id-dħul mir-reklamar li tikkonforma mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, jiġifieri fejn:

id-dħul mir-reklamar huwa soġġett għall-istess rata tat-taxxa (unika);

l-ebda element ieħor ma huwa miżmum jew introdott jekk jista' jagħti vantaġġ selettiv lil ċerti impriżi

4.1.3.2.    Deroga mis-sistema ta' referenza

(57)

Bħala t-tieni stadju, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-miżura tidderogax mis-sistema ta' referenza favur ċertu impriżi li huma f'sitwazzjoni fattwali u legali simili fid-dawl tal-objettiv intrinsiku tas-sistema ta' referenza.

(58)

Il-progressività tal-istruttura tar-rati tat-taxxi fuq ir-reklamar toħloq differenzjazzjoni fost l-impriżi li jwettqu l-attività ta' pubblikazzjoni ta' reklami fl-Ungerija abbażi tal-iskala tal-attività tar-reklamar tagħhom, kif rifless fid-dħul tagħhom mir-reklamar.

(59)

Tabilħaqq, minħabba l-karattru progressiv tar-rati stabbiliti mill-Att, l-impriżi bi dħul li jaqa' fil-kategoriji aktar baxxi huma soġġetti għal tassazzjoni sostanzjalment aktar baxxa mill-impriżi bi dħul li jaqa' fil-kategoriji aktar għoljin. B'riżultat ta' dan, l-impriżi bi dħul baxx huma soġġetti kemm għal rati tat-taxxa marġinali sostanzjalment aktar baxxi kif ukoll għal rati tat-taxxi medji sostanzjalment aktar baxxi meta mqabbla ma' impriżi b'livelli għoljin ta' dħul, u għalhekk għal tassazzjoni sostanzjalment aktar baxxa għall-istess attivitajiet. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota li għal impriżi bi dħul mir-reklamar ogħla t-tassazzjoni tad-dħul li taqa' fl-ogħla kategoriji (30 %/40 %/50 %) hija eċċezzjonalment għolja u għalhekk tirriżulta fi trattament sostanzjalment differenzjali.

(60)

Barra minn hekk, id-dejta fuq il-ħlasijiet bil-quddiem tat-taxxa sottomessa mill-awtoritajiet Ungeriżi fis-17 ta' Frar 2015 turi li r-rati tat-taxxa ta' 30 % u 40 %/50 % applikabbli għad-dħul mir-reklamar li jaqa' fl-ogħla żewġ kategoriji effettivament applikaw biss għal impriża waħda fl-2014 u li din l-impriża ħallset madwar 80 % tad-dħul totali mit-taxxi bil-quddiem li rċieva l-Istat Ungeriż. Dawk iċ-ċifri juru l-effetti konkreti tat-trattament differenzjali tal-impriżi skont l-Att u l-karattru selettiv tar-rati progressivi stabbiliti minnu.

(61)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-istruttura ta' rati progressivi introdotta mill-Att tidderoga mis-sistema ta' referenza li tikkonsisti mill-impożizzjoni ta' taxxa fuq ir-reklamar fuq l-operaturi kollha involuti fil-pubblikazzjoni ta' reklami fl-Ungerija favur impriżi bi dħul aktar baxx.

(62)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-possibbiltà għal impriżi li ma għamlux profitt fl-2013 li jnaqqsu mill-bażi għat-taxxa tal-2014 it-telf tal-passat riportat għal skopijiet ta' taxxa fuq l-introjtu korporattiva u personali biex jidderogaw mis-sistema ta' referenza, jiġifieri mir-regola ġenerali li l-operaturi jkunu intaxxati fuq il-bażi tad-dħul tagħhom mir-reklamar. It-taxxa hija bbażata fuq it-tassazzjoni tad-dħul għall-kuntrarju ta' taxxa bbażata fuq il-profitt, li jfisser li l-kostijiet normalment ma jitnaqqsux mill-bażi għat-taxxa ta' taxxa fuq il-dħul.

(63)

B'mod partikolari, ir-restrizzjoni tat-tnaqqis tat-telf għal impriżi li ma għamlux profitt fl-2013 tiddifferenzja bejn, minn naħa waħda, impriżi li kellhom it-telf riportat, u li ma għamlux profitt fl-2013 u, min-naħa l-oħra, impriżi li għamlu profitt fl-2013 iżda setgħu kellhom telf riportat minn snin fiskali preċedenti. Barra dan, id-dispożizzjoni ma tillimitax it-telf li jista' jiġi paċat mal-obbligazzjoni ta' taxxa fuq ir-reklamar għal dak li sar fl-2013, iżda tippermetti impriża li ma għamlitx profitt fl-2013 tuża wkoll it-telf riportat mis-snin preċedenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis tat-telf li jkun diġà jeżisti fi żmien l-adozzjoni tal-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar jinvolvi s-selettività għaliex il-benefiċċju ta' dak it-tnaqqis jista' jiffavorixxi ċertu impriżi li jkunu rriportaw telf sostanzjali.

(64)

Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Att li jippermettu — skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att — it-tnaqqis tat-telf riportat jiddifferenzjaw bejn impriżi li huma f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli fid-dawl tal-objettiv tat-taxxa fuq ir-reklamar Ungeriża.

(65)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri huma prima facia selettivi.

4.1.3.3.    Il-ġustifikazzjoni skont in-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali

(66)

Miżura li tidderoga mis-sistema ta' referenza mhijiex selettiva jekk tkun ġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali ta' dik is-sistema. Dan huwa l-każ fejn din tkun ir-riżultat ta' mekkaniżmi inerenti li huma meħtieġa għall-funzjonament u l-effettività tas-sistema (14). Huwa f'idejn l-Istat Membru li jipprovdi tali ġustifikazzjoni.

Il-progressività tar-rati

(67)

L-awtoritajiet Ungeriżi argumentaw li d-dħul u d-daqs tal-impriża jirriflettu l-kapaċità ta' dik l-impriża li tħallas u għalhekk impriża bi dħul mir-reklamar għoli għandha kapaċità ogħla li tħallas minn impriża li għandha dħul mir-reklamar aktar baxx. Il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni pprovduta mill-Ungerija la stabbiliet li d-dħul ta' grupp ta' kumpaniji huwa indikatur tajjeb tal-kapaċità tagħhom li jħallsu u lanqas li l-mudell tal-progressività tat-taxxa huwa ġustifikat min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali.

(68)

Hija konsegwenza naturali tat-taxxi fuq id-dħul (b'rata unika) li aktar ma jkun kbir id-dħul ta' kumpanija, aktar trid tħallas taxxa. Għall-kuntrarju tat-taxxi bbażati fuq il-profitt (15), taxxa bbażata fuq id-dħul madankollu mhix maħsuba biex tikkunsidra — u tabilħaqq ma tikkunsidrax — kostijiet imġarrba fil-ġenerazzjoni ta' dak id-dħul. Għalhekk, fin-nuqqas ta' evidenza speċifika għall-kuntrarju, il-livell ta' dħul iġġenerat ma jistax jitqies b'mod awtomatiku bħala li jirrifletti l-kapaċità tal-ħlas tal-impriża. L-Ungerija ma urietx l-eżistenza tar-relazzjoni allegata bejn id-dħul u l-kapaċità tal-ħlas u lanqas li t-tali relazzjoni hija riflessa b'mod korrett fil-mudell tal-progressività (minn 0 % għal 50 % tad-dħul) tat-taxxa fuq ir-reklamar.

(69)

Il-Kummissjoni tqis li r-rati progressivi għat-taxxi fuq id-dħul jistgħu jkunu ġustifikati biss b'mod eċċezzjonali, jiġifieri jekk l-objettiv speċifiku segwit mit-taxxa tabilħaqq jeħtieġx rati progressivi. It-taxxi fuq id-dħul progressivi jistgħu, pereżempju, jkunu ġustifikati jekk l-esternalitajiet maħluqa minn attività li t-taxxa suppost tittratta jiżdiedu wkoll b'mod progressiv — jiġifieri aktar milli b'mod proporzjonali — mad-dħul tagħha. Madankollu, l-Ungerija ma tat l-ebda ġustifikazzjoni tal-progressività tat-taxxa bl-esternalitajiet li jistgħu jinħolqu mir-reklamar.

Tnaqqis tat-telf riportat

(70)

Fir-rigward tat-tnaqqis tat-telf riportat għal impriżi li ma għamlux profitt fl-2013, tnaqqis bħal dan ma jistax ikun ġustifikat bħala miżura li tipprevjeni l-evitar tat-taxxa u ċ-ċirkomvenzjoni tal-obbligazzjonijiet tat-taxxa. Il-miżura tintroduċi distinzjoni arbitrarja bejn żewġ gruppi ta' kumpaniji li huma f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli. Minħabba li d-distinzjoni hija arbitrarja u mhux konformi man-natura tat-taxxa bbażata fuq id-dħul, kif deskritt fil-premessi 62 u 63, din ma tistax titqies bħala regola konsistenti kontra l-abbuż li tiġġustifika trattament differenzjali.

Konklużjoni dwar il-ġustifikazzjoni

(71)

Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tqis li l-abilità tal-ħlas ma tistax isservi bħala prinċipju ta' gwida għat-taxxa Ungeriża fuq id-dħul mir-reklamar. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tqisx il-miżuri bħala ġustifikati min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali. Għalhekk, il-miżuri jagħtu vantaġġ selettiv lill-kumpaniji tar-reklamar b'livell aktar baxx ta' dħul (li huma impriżi ta' daqs iżgħar) u lill-impriżi li ma għamlux profitt fl-2013 u setgħu jnaqqsu t-telf riportat mill-bażi għat-taxxa tal-2014.

4.1.4.   TGĦAWWIĠ POTENZJALI TAL-KOMPETIZZJONI U L-EFFETT FUQ IL-KUMMERĊ INTRA-UE

(72)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, miżura trid tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni u jkollha effett fuq il-kummerċ intra-UE biex din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(73)

Il-miżuri japplikaw għall-impriżi kollha li jagħmlu dħul mill-pubblikazzjoni tar-reklami fl-Ungerija. Is-suq tar-reklamar Ungeriż huwa miftuħ għall-kompetizzjoni u kkaratterizzat mill-preżenza ta' operaturi minn Stati Membri oħra, u għaldaqstant kull għajnuna favur ċerti operaturi tar-reklamar taffettwa l-kummerċ intra-UE. Tabilħaqq, il-miżuri għandhom influwenza fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-impriżi soġġetti għat-taxxa. Il-miżuri jeħilsu lil impriżi b'livelli aktar baxxi ta' dħul u impriżi li ma għamlux profitt fl-2013 minn obbligazzjoni ta' taxxa li kieku kien ikollhom iħallsu, li kieku kienu soġġetti għall-istess taxxa fuq ir-reklamar bħal impriżi b'livell għoli ta' dħul u/jew impriżi li għamlu profitt fl-2013. Għalhekk, l-għajnuna mogħtija taħt dawk il-miżuri tikkostitwixxi għajnuna operattiva għaliex teħles lil dawk l-impriżi minn imposta li normalment kien ikollhom iġarrbu fil-ġestjoni ta' kuljum jew fl-attivitajiet normali tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja regolarment sostniet li l-għajnuna operattiva tgħawweġ il-kompetizzjoni, (16) u għaldaqstant kull għajnuna mogħtija lil dawk l-impriżi jenħtieġ li titqies bħala li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi ssaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom fuq is-suq tar-reklamar Ungeriż. Konsegwentement, il-miżuri jgħawġu jew jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni u għandhom effett fuq il-kummerċ intra-UE.

4.1.5.   KONKLUŻJONI

(74)

Billi l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti bl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma ssodisfati, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-taxxa fuq ir-reklamar li tistabbilixxi struttura ta' rati tat-taxxa progressivi u l-limitazzjoni tat-tnaqqis tat-telf riportat mill-bażi għat-taxxa tal-2014 għal kumpaniji li ma għamlux profitt fl-2013, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira ta' din id-dispożizzjoni.

4.2.   IL-KOMPATIBILITÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ INTERN

(75)

L-għajnuna mill-Istat għandha titqies kompatibbli mas-suq intern jekk din taqa' f'xi waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 107(2) tat-Trattat (17) u tista' titqies kompatibbli mas-suq intern jekk il-Kummissjoni ssib li din taqa' f'xi waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 107(3) tat-Trattat (18). Madankollu, huwa l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna li jrid jagħti l-prova li l-għajnuna mill-Istat mogħtija hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107(2) jew 107(3) tat-Trattat (19).

(76)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Ungeriżi ma taw l-ebda argument li jista' jistabbilixxi li l-miżuri huma kompatibbli mas-suq intern u li l-Ungerija ma tatx kummenti dwar id-dubji espressi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ fir-rigward tal-kompatibilità tal-miżuri. Il-Kummissjoni tqis li l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fid-dispożizzjonijiet imsemmija tat-Trattat ma tapplika, għaliex il-miżuri ma jidhrux li għandhom l-għan li jiksbu xi wieħed mill-objettivi elenkati f'dawk id-dispożizzjonijet.

(77)

Konsegwentement, il-miżuri ma jistgħux ikunu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern.

4.3.   L-IMPATT TAL-EMENDA TAL-2015 TAT-TAXXA FUQ IR-REKLAMAR FUQ IL-VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(78)

It-taxxa fuq ir-reklamar introdotta bl-Att XXII tal-2014 — kif deskritta fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ — ma baqgħetx tapplika sa mid-data tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali u toħroġ inġunzjoni ta' sospensjoni. Madankollu, it-taxxa fuq ir-reklamar tal-2014 kienet modifikata mill-awtoritajiet Ungeriżi f'Ġunju 2015, mingħajr notifika preċedenti u/jew approvazzjoni mill-Kummissjoni, u għalhekk it-taxxa baqgħet tapplika fil-verżjoni emendata tagħha. Il-Kummissjoni tqis li l-verżjoni emendata tat-taxxa fuq ir-reklamar hija bbażata fuq l-istess prinċipji bħat-taxxa inizjali u fiha — mill-inqas sa ċertu livell — l-istess karatteristiċi deskritti fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li wasslu l-Kummissjoni biex tiftaħ investigazzjoni formali. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tqis li l-verżjoni emendata tat-taxxa fuq ir-reklamar taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. F'din it-taqsima, il-Kummissjoni tivvaluta jekk — u sa liema livell — il-verżjoni emendata tat-taxxa ttaffi d-dubji espressi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ rigward it-taxxa fuq ir-reklamar inizjali.

(79)

Filwaqt li l-emenda tal-2015 tindirizza parti mit-tħassib dwar l-għajnuna mill-Istat espress mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, din ma tindirizzax it-tħassib kollu għal kollox.

(80)

L-ewwel, l-istruttura tar-rati tat-taxxa l-ġdida għadha tipprovdi għal eżenzjoni għal kumpaniji (gruppi) bi dħul taħt il-HUF 100 miljun, madwar EUR 325 000 (fejn tapplika r-rata ta' 0 %) filwaqt li l-oħrajn iħallsu 5,3 % għall-parti tad-dħul tagħhom li taqbeż il-HUF 100 miljun. Fil-prattika dan ifisser li tinżamm il-progressività fit-tassazzjoni tal-kumpaniji bi dħul mir-reklamar li jaqbeż il-livell limitu.

(81)

Il-livell limitu l-ġdid li skontu tapplika r-rata ta' 0 % (HUF 100 miljun) huwa aktar baxx minn dak li skontu tiġi applikata r-rata tat-taxxa ta' 0 % skont il-leġiżlazzjoni l-qadima (li kien ta' HUF 500 miljun). Madankollu, dan jirriżulta f'nuqqas ta' ġbir ta' taxxi ta' madwar EUR 17 000 fis-sena (5,3 % × EUR 325 000).

(82)

Il-Kummissjoni tat lill-Ungerija l-opportunità li tiġġustifika l-applikazzjoni ta' rata tat-taxxa ta' 0 % għal dħul mir-reklamar ta' inqas minn HUF 100 miljun bil-loġika tas-sistema fiskali (eż il-piż amministrattiv). Madankollu, l-Ungerija ma offrietx raġunijiet li juru li l-kost tal-ġbir tat-taxxa (il-piż amministrattiv) ikun akbar mill-ammonti tat-taxxa miġbura (sa madwar EUR 17 000 ta' taxxa fis-sena).

(83)

It-tieni, l-emenda tintroduċi applikazzjoni retroattiva fakultattiva li tmur lura sad-dħul fis-seħħ tat-taxxa fl-2014; għall-passat, il-kontribwenti jistgħu jagħżlu li japplikaw jew is-sistema l-ġdida jew dik ta' qabel.

(84)

Dan ifisser li, fil-prattika, il-kumpaniji li kienu soġġetti għar-rata tat-taxxa ta' 0 % u 1 % fil-passat mhux se jiġu intaxxati b'mod retroattiv bir-rata ta' 5,3 % għaliex mhux probabbli li dawn jagħżlu li jħallsu iżjed taxxi. Għalhekk, taħt is-sistema l-ġdida, l-effett retroattiv fakultattiv tat-taxxa modifikata jippermetti lill-kumpaniji jevitaw il-ħlas tat-taxxa, u dan jagħti vantaġġ ekonomiku lil dawk li ma jagħżlux ir-rata ta' 5,3 %.

(85)

It-tielet, it-tnaqqis mill-bażi għat-taxxa tal-2014 tat-telf tal-passat riportat limitat għal kumpaniji li ma għamlux profitt fl-2013 jibqa' l-istess. It-tħassib dwar l-għajnuna mill-Istat espress fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ għalhekk mhuwiex indirizzat fl-iskema emendata u jibqa' validu.

(86)

B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni tqis li l-emendi tal-2015 għall-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar jindirizzaw biss parzjalment it-tħassib imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ rigward l-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar tal-2014. Tabilħaqq l-att emendat fih l-istess elementi li l-Kummissjoni tqis bħala li jinvolvu għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-iskema preċedenti. Anke jekk in-numru tar-rati u tal-kategoriji applikabbli ġie mnaqqas minn 6 għal 2 u l-ogħla rata ġiet sostanzjalment imnaqqsa minn 50 % għal 5,3 %, it-taxxa baqgħet progressiva, il-progressività tagħha baqgħet mhux ġustifikata u t-tnaqqis tat-telf riportat ikompli japplika bħal qabel. Din il-valutazzjoni hija valida għall-futur iżda anke għall-passat, jiġifieri mid-dħul fis-seħħ tal-Att emendat fil-5 ta' Lulju 2015 u possibbilment, b'effett retroattiv lura għad-dħul fis-seħħ tal-Att fl-2014.

(87)

Għalhekk, l-emendi tal-2015 għat-taxxa dwar ir-reklamar ma jaffettwawx il-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-taxxa fuq ir-reklamar għadha tinvolvi għajnuna mill-Istat illegali u mhux kompatibbli.

4.4.   L-IRKUPRU TAL-GĦAJNUNA

(88)

Kif diġà ġie ddikjarat fil-premessa 78, il-Kummissjoni tqis li d-Deċiżjoni tal-Ftuħ tkopri wkoll l-iskema emendata. Għalhekk, din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar kif kien fis-seħħ fi żmien id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, jiġifieri fit-12 ta' Marzu 2015, kif ukoll l-emendi tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2015.

(89)

Il-miżuri ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni, jew iddikjarati minnha bħala kompatibbli mas-suq intern. Dawk il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament (UE) 2015/1589. Minħabba li dawk il-miżuri ġew implimentati bi ksur tal-obbligu ta' waqfien stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jikkostitwixxu wkoll għajnuna illegali fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (UE) 2015/1589.

(90)

Il-konsegwenza tas-sejba li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali u mhux kompatibbli hija li l-għajnuna trid tiġi rkuprata mill-benefiċjarji tagħha skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/1589.

(91)

Fir-rigward tal-progressività tar-rata tat-taxxa, l-irkupru tal-għajnuna jfisser li l-Ungerija teħtieġ tittratta lill-impriżi kollha b'mod ugwali daqslikieku kienu soġġetti għal rata fissa unika. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis ir-rata fissa unika bħala 5.3 % kif iddeterminat mill-Ungerija fil-verżjoni emendata tat-taxxa sakemm l-Ungerija ma tiddeċidiex, fi żmien xahrejn mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, li tistabbilixxi livell differenti għar-rata tat-taxxa unika li tkun tapplika b'mod retroattiv għall-impriżi kollha tul il-perjodu sħiħ tal-applikazzjoni tat-taxxa fuq ir-reklamar (il-verżjonijiet oriġinali u emendati) jew li tabolixxi t-taxxa fuq ir-reklamar b'mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

(92)

Rigward l-għajnuna mogħtija lill-impriżi li ma għamlux profitt fl-2013 li tirriżulta mit-tnaqqis tat-telf riportat, l-Ungerija trid tirkupra d-differenza bejn it-taxxa dovuta bl-applikazzjoni tar-rata tat-taxxa fissa għad-dħul mir-reklamar sħiħ tal-kumpaniji soġġetti għat-taxxa mingħajr ebda tnaqqis tat-telf, u t-taxxa mħallsa effettivament. Din id-differenza tikkorrispondi għat-taxxa li ġiet evitata wara t-tnaqqis.

(93)

Kif sostnut fil-premessa 56, is-sistema ta' referenza għat-tassazzjoni tad-dħul mir-reklamar tkun taxxa fejn:

id-dħul kollu mir-reklamar ikun soġġett għat-taxxa (l-ebda alternattiva), mingħajr it-tnaqqis ta' xi telf riportat.

id-dħul huwa soġġett għall-istess rata tat-taxxa (unika); b'mod awtomatiku, din ir-rata unika hija stabbilita għal 5,3 %;

l-ebda element ieħor ma huwa miżmum jew introdott li jista' jagħti vantaġġ selettiv lil ċertu impriżi

(94)

Fir-rigward tal-irkupru, dan ifisser li għall-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ tat-taxxa fuq ir-reklamar fl-2014 u d-data tal-abolizzjoni tagħha jew tas-sostituzzjoni tagħha bi skema li tikkonforma bis-sħiħ mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, l-ammont tal-għajnuna riċevut mill-kumpaniji li jagħmlu dħul mir-reklamar jenħtieġ li jkun ikkalkulat bħala d-differenza bejn:

minn naħa waħda, l-ammont tat-taxxa (1) li l-impriża suppost tkun ħallset taħt l-applikazzjoni tas-sistema ta' referenza b'konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat (b'rata tat-taxxa unika ta', b'mod awtomatiku, 5,3 % għad-dħul kollu mir-reklamar mingħajr it-tnaqqis ta' kwalunkwe telf riportat);

min-naħa l-oħra, l-ammont ta' taxxa (2) li l-impriża kellha tħallas jew kienet ħallset diġà.

(95)

Sabiex id-differenza bejn l-ammont ta' taxxa (1) u l-ammont ta' taxxa (2) tkun pożittiva, l-ammont tal-għajnuna jenħtieġ li jiġi rkuprat inkluż l-imgħax tal-irkupru mid-data li fiha kienet dovuta t-taxxa.

(96)

Ma jkunx hemm ħtieġa ta' rkupru jekk l-Ungerija tabolixxi s-sistema fiskali b'effett retroattiv li jmur lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tat-taxxa fuq ir-reklamar fl-2014. Dan ma jipprevjenix lill-Ungerija milli fil-futur, eż. mill-2017, tintroduċi sistema fiskali li mhijiex progressiva u li ma tiddifferenzjax bejn operaturi ekonomiċi soġġetti għat-taxxa.

5.   KONKLUŻJONI

(97)

Il-Kummissjoni ssib li l-Ungerija implimentat b'mod illegali l-għajnuna inkwistjoni bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(98)

L-Ungerija trid jew tabolixxi l-iskema ta' għajnuna illegali jew tissostitwiha bi skema ġdida li tikkonforma mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

(99)

L-Ungerija għandha tirkupra l-għajnuna.

(100)

Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-benefiċċju fuq it-taxxa, jiġifieri, t-taxxa ffrankata, li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-livell limitu ta' HUF 100 miljun tista' tikkonforma mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (20) (minn hawn 'il quddiem: “ir-Regolamentde minimis”). Il-livell massimu li grupp ta' kumpaniji jista' jirċievi huwa EUR 200 000 għal kull perjodu ta' 3 snin, bl-appoġġ kollu de minimis meħud inkunsiderazzjoni. Sabiex ikun hemm konformità mar-regoli de minimis, il-kundizzjonijiet l-oħra kollha stabbiliti fir-Regolament de minimis jenħtieġ li jiġu ssodisfati. Fil-każ li l-vantaġġ li jirriżulta mill-eżenzjoni kien jikkonforma mar-regoli de minimis, dan ma għandux jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat illegali u mhux kompatibbli u ma għandux jiġi rkuprat.

(101)

Din id-deċiżjoni hija adottata mingħajr ħsara għall-investigazzjonijiet li jistgħu jsiru dwar il-konformità tal-miżuri mal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat, notevolment il-libertà tal-istabbiliment kif iggarantit mill-Artikolu 49 tat-Trattat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat mogħtija skont l-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar Ungeriż, inkluż wara l-emenda tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2015, permezz tal-applikazzjoni ta' taxxa fuq id-dħul b'rati progressivi u l-possibbiltà, għall-kumpaniji li ma jkunux għamlu profitt fl-2013, li jnaqqsu t-telf riportat mill-bażi għat-taxxa tal-2014 tagħhom, li ġiet implimentata b'mod illegali mill-Ungerija bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxix għajnuna jekk, fiż-żmien meta tingħata, din tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (21) jew mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 (22) skont liema minnhom japplika fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna.

Artikolu 3

L-għajnuna individwali mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li, fiż-żmien li tingħata, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta' Regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 imħassar u sostitwit bir-Regolament (UE) 2015/1588 jew permezz ta' kull skema ta' għajnuna oħra approvata, hija kompatibbli mas-suq intern, sal-intensitajiet tal-għajnuna massimi applikabbli għal din it-tip ta' għajnuna.

Artikolu 4

1.   L-Ungerija għandha tirkupra l-għajnuna mhux kompatibbli mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarji, kif sostnut fil-premessi minn 88 sa 95.

2.   Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru effettiv tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (23) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 271/2008 (24).

4.   L-Ungerija għandha tikkanċella l-pagamenti kollha dovuti tal-għajnuna skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   L-Ungerija għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, l-Ungerija għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-lista tal-benefiċjarji li rċevew l-għajnuna skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali tal-għajnuna riċevut minn kull wieħed minnhom skont l-iskema;

(b)

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħaxxijiet tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat minn kull benefiċjarju;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħudin u ppjanati għall-konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(d)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

(2)   L-Ungerija għandha żżomm il-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 jitlesta. Hija għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri meħudin diġà u ppjanati għall-konformità ma' din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata li tikkonċerna l-ammonti ta' għajnuna u imgħax tal-irkupru diġà rkuprati mill-benefiċjarji.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 136, 24.4.2015, p. 7.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1), imħassar u sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(3)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 1.

(4)  Il-Kawża C-83/98 P ir-Repubblika Franċiża vs Ladbroke Racing Ltd u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ECLI:EU:C:2000:248 u ECLI:EU:C:1999:577, il-paragrafi 48 sa 51. Bl-istess mod, miżura li tagħti lil ċerti impriżi tnaqqis fit-taxxa jew li tippermettilhom jipposponu l-pagamenti tat-taxxa normalment dovuti tista' tammonta għal għajnuna mill-Istat, ara l-Kawżi Magħquda minn C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos et, il-paragrafu 46.

(5)  Il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline, EU: C: 2001:598, il-paragrafu 38.

(6)  Ara l-Kawża C-66/02, L-Italja vs Il-Kummissjoni, UE: C: 2005:768, il-paragrafu 78; il-Kawża C-222/04, Cassa di Risparmio di Firenze et, EU: C: 2006:8, il-paragrafu 132; Case C-522/13, Ministerio de Defensa u Navantia, eu: C: 2014:2262, il-paragrafi minn 21 sa 31. Ara wkoll il-punt 9 tal-avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3).

(7)  Il-Kawżi Magħquda C-393/04 u C-41/05, Air, Air Liquide Industries Belgium EU: C: 2006:403 u EU: C: 2006:216, il-paragrafu 30 u l-Kawża C-387/92 Banco Exterior de España EU: C: 1994:100, il-paragrafu 14.

(8)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-279/08 P Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (Nox) ECLI:EU:C:2011:551; il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline EU: C: 2001:598, il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos et ECLI:EU:C:2011;550 u ECLI:EU:C:2010:411, il-Kawża C-308/01 GIL Insurance ECLI:EU:C:2004:252 u ECLI:EU:C:2003;481.

(9)  L-Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna tal-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett.

(10)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u r-Renju Unit ECLI:EU:C:2011:732.

(11)  Ibid, il-paragrafu 92.

(12)  Il-Kawża C-487/06 P British Aggregates vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:2008:757, il-paragrafi 85 u 89 u l-każistika ċċitata, u l-Kawża C-279/08 P Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (NOx) ECLI:EU:C:2011:551, il-paragrafu 51.

(13)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit ECLI:EU:C:2011:732.

(14)  Ara pereżempju l-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos et ECLI:EU:C:2011;550 u ECLI:EU:C:2010:411, il-paragrafu 69.

(15)  Ara l-avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett, para. 24. Id-dikjarazzjoni dwar l-iskop ridistributtiv li jista' jiġġustifika rata tat-taxxa progressiva issir biss espliċitament fir-rigward tat-taxxi fuq il-profitti jew l-introjtu (nett), mhux fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul.

(16)  Il-Kawża C-172/03 Heiser ECLI:EU:C:2005:130, il-paragrafu 55. Ara wkoll il-Kawża C-494/06 P Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam ECLI:EU:C:2009:272, il-paragrafu 54 u l-każistika ċitata u C-271/13 P Rousse Industry vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:2014:175, il-paragrafu 44. Il-Kawżi Magħquda C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:2011:368, il-paragrafu 136. Ara wkoll il-Kawża C-156/98 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:2000:467, il-paragrafu 30, u l-każistika ċċitata.

(17)  L-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE jikkonċernaw: (a) għajnuna ta' karattru soċjali mogħtija lil konsumaturi individwali; (b) għajnuna li tikkumpensa għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali; u (c) għajnuna mogħtija lil ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

(18)  L-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 107(3) tat-TFUE jikkonċernaw: (a) għajnuna li tippromwovi l-iżvilupp ta' ċertu żoni; (b) għajnuna għal ċerti proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni jew li tirrimedja tfixkil serju fl-ekonomija tal-Istat Membru; (c) għajnuna għall-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew żoni ekonomiċi; (d) għajnuna għall-promozzjoni tal-konservazzjoni kulturali u tal-wirt; u (e) għajnuna speċifikata permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill.

(19)  Il-Kawża T-68/03 Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni EU:T:2007:253, il-paragrafu 34.

(20)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(21)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2015/1588 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1).

(23)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140 30.4.2004, p. 1).

(24)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).


Top