Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1068

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1068 tal-1 ta' Lulju 2016 li japprova l-N-ċiklopropil-1,3,5-triażina-2,4,6-triammina (iċ-ċiromażina) bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 18 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/4029

ĠU L 178, 2.7.2016, pp. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1068/oj

2.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 178/13


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1068

tal-1 ta' Lulju 2016

li japprova l-N-ċiklopropil-1,3,5-triażina-2,4,6-triammina (iċ-ċiromażina) bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 18

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) jistabbilixxi lista ta' sustanzi attivi eżistenti li għandhom jiġu vvalutati biex possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Dik il-lista tinkludi l-N-ċiklopropil-1,3,5-triażina-2,4,6-triammina (iċ-ċiromażina).

(2)

Iċ-ċiromażina ġiet evalwata għall-użu fi prodotti tat-tip 18, Insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra, kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

Il-Greċja ntgħażlet bħala l-awtorità kompetenti tal-valutazzjoni u, fit-28 ta' Awwissu 2014, ressqet ir-rapporti tal-valutazzjoni flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tagħha.

(4)

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1062/2014, il-Kumitat tal-Prodotti Bijoċidali tal-Aġenżija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta' Diċembru 2015, filwaqt li qies il-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-valutazzjoni.

(5)

Skont dik l-opinjoni, il-prodotti bijoċidali li huma fil-kategorija tal-prodotti tat-tip 18 u li fihom iċ-ċiromażina, jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, diment li jkun hemm konformità ma' ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tagħhom.

(6)

Għaldaqstant, jixraq li l-użu taċ-ċiromażina għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 18 jiġi approvat, soġġett għall-konformità ma' ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet.

(7)

Minħabba li ċ-ċiromażina tissodisfa l-kriterji għax hija persistenti ħafna (vP) skont l-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (3), l-artikoli ttrattati biċ-ċiromażina jew li jinkorporawha għandhom jiġu ttikkettjati b'mod adegwat meta jitqiegħdu fis-suq.

(8)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu ta' żmien raġonevoli qabel ma tiġi approvata sustanza attiva, biex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri preparatorji meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-N-ċiklopropil-1,3,5-triażina-2,4,6-triammina (iċ-ċiromażina) hija approvata bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 18, soġġetta għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta' Awwissu 2014 dwar il-programm ta' ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC

Numri ta' Identifikazzjoni

Grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva (1)

Data tal-approvazzjoni

Data tal-iskadenza tal-approvazzjoni

Tip ta' prodott

Kundizzjonijiet speċifiċi

Ċiromażina

Isem tal-IUPAC:

N-Ċiklopropil-1,3,5-triażin-2,4,6-triammina

Nru tal-KE: 266-257-8

Nru tal-CAS: 66215-27-8

950 g/kg

l-1 ta' Jannar 2018

il-31 ta' Diċembru 2027

18

L-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali huma soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Fil-valutazzjoni tal-prodott għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-esponimenti, lir-riskji u lill-effikaċja marbutin ma' kull użu kopert minn applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, iżda li ma jkunx indirizzat fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni tas-sustanza attiva.

(2)

Fid-dawl tar-riskji identifikati għall-użi vvalutati, il-valutazzjoni tal-prodott għandha tagħti attenzjoni partikolari lil:

(a)

l-utenti professjonali;

(b)

l-ilma tal-wiċċ, is-sediment u l-kompartiment tal-ħamrija għall-prodotti użati fil-binjiet fejn jinżammu l-annimali.

(3)

Għal prodotti li jistgħu jwasslu għar-residwi fl-ikel jew fl-għalf, il-ħtieġa li jitfasslu jew li jiġu emendati l-livelli massimi tar-residwi (MRLs) skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament u tal-Kunsill (2) jew ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha tiġi vverifikata u għandha tittieħed kull miżura xierqa ta' mitigazzjoni tar-riskju biex jiġi żgurat li l-MRLs applikabbli ma jinqabżux.

It-tqegħid fis-suq ta' oġġetti ttrattati huwa soġġett għal din il-kundizzjoni:

Il-persuna responsabbli mit-tqegħid fis-suq ta' oġġett ittrattat biċ-ċiromażina, jew li jkun jinkorporaha, għandha tiżgura li t-tikketta ta' dak l-oġġett ittrattat ikun fiha l-informazzjoni mniżżla fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.


(1)  Il-purità indikata f'din il-kolonna kienet il-grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva li ntuża għall-valutazzjoni li saret b'konformità mal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Is-sustanza attiva fil-prodott imqiegħed fis-suq jista' jkollha l-istess purità jew purità differenti jekk ikun ġie ppruvat teknikament li din hija ekwivalenti għas-sustanza attiva vvalutata.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta' limiti ta' residwi ta' sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).


Top