Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0400

Regolament (UE) 2016/400 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja u l-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra

ĠU L 77, 23.3.2016, pp. 53–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/400/oj

23.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/53


REGOLAMENT (UE) 2016/400 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Marzu 2016

dwar l-implimentazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja u l-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ġunju 2009 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Moldova għall-konklużjoni ta’ ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova.

(2)

Dawn in-negozjati ġew finalizzati u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 u ġie applikat b’mod provviżorju mill-1 ta’ Settembru 2014.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri li jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tal-klawżola ta’ salvagwardja li ġiet miftiehma mar-Repubblika tal-Moldova.

(4)

Il-Ftehim jinkludi wkoll mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni għas-sospensjoni temporanja tad-dazji preferenzjali fuq prodotti speċifiċi. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan il-mekkaniżmu.

(5)

Il-miżuri ta’ salvagwardja jistgħu jitqiesu biss jekk il-prodott ikkonċernat jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal, f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni, u f’tali kundizzjonijiet li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jkunu f’kompetizzjoni diretta kif stabbilit fl-Artikolu 165(1) tal-Ftehim.

(6)

Ċerti termini bħal “dannu serju”, “theddida ta’ dannu serju” u “perjodu tranżitorju” kif imsemmija fl-Artikolu 169 tal-Ftehim għandhom jiġu definiti.

(7)

Il-kompiti ta’ segwitu u ta’ rieżami tal-Ftehim u tat-twettiq ta’ investigazzjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, tal-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja għandhom isiru bl-aktar mod trasparenti possibbli.

(8)

Il-Kummissjoni għandha tirċievi tagħrif, li jinkludi l-evidenza disponibbli, mill-Istati Membri dwar kull xejra fl-importazzjonijiet li tista’ teħtieġ l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja.

(9)

Għalhekk, l-affidabilità tal-istatistika dwar l-importazzjonijiet kollha mir-Repubblika tal-Moldova lejn l-Unjoni hija kruċjali biex jiġi determinat jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja.

(10)

Jekk ikun jidher li jkun hemm evidenza prima facie suffiċjenti li tiġġustifika li jinbdew proċedimenti, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-bidu ta’ investigazzjonijiet, aċċess għal tagħrif miġbur u spezzjonijiet imwettqa mill-partijiet interessati ta’ tali tagħrif, seduti ta’ smigħ għall-partijiet interessati involuti u opportunità għal dawk il-partijiet biex iressqu l-fehmiet tagħhom.

(12)

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lir-Repubblika tal-Moldova bil-miktub dwar il-bidu ta’ investigazzjoni u tikkonsulta lir-Repubblika tal-Moldova kif stipulat fl-Artikolu 166(1) tal-Ftehim.

(13)

Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-limiti taż-żmien sabiex tinbeda investigazzjoni u sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri ta’ salvagwardja humiex xierqa, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn il-kunsiderazzjonijiet isiru malajr, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

(14)

Għandu jkun hemm investigazzjoni qabel l-applikazzjoni ta’ kull miżura ta’ salvagwardja, bir-riżerva li l-Kummissjoni titħalla tapplika miżuri ta’ salvagwardja provviżorji f’ċirkostanzi kritiċi kif imsemmi fl-Artikolu 167 tal-Ftehim.

(15)

Miżuri ta’ salvagwardja għandhom jiġu applikati biss sa fejn, u għal tant żmien li jista’ jinħtieġ biex ma biex ma jitħalliex isir jew biex jiġi rrimedjat dannu serju u biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament. It-tul massimu taż-żmien tal-miżuri tas-salvagwardja għandu jiġi stabbilit u għandhom jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni u r-rieżami ta’ dawn il-miżuri.

(16)

L-Artikolu 148 tal-Ftehim jipprevedi mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni għal ċerti prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati. Dan ir-Regolament għandu jipprevedi wkoll il-possibilità li jiġu sospiżi d-dazji preferenzjali għal perjodu massimu ta’ sitt xhur meta l-importazzjonijiet ta’ tali prodotti jilħqu volumi ta’ importazzjoni annwali definiti fl-Anness XV-C għall-Ftehim.

(17)

Għal raġunijiet ta’ trasparenza, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim u dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja u l-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

(18)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta’-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji u definittivi, għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza preventivi, għat-tmiem ta’ investigazzjoni mingħajr miżuri u għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni previsti fil-Ftehim, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(19)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza preventivi u ta’ salvagwardja provviżorji minħabba l-effetti li għandhom dawn il-miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom f’rabta mal-adozzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja definittivi.. Għandhom jiġu adottati miżuri ta’ salvagwardja provviżorji fejn dewmien fl-impożizzjoni ta’ tali miżuri jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa jew sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq is-suq tal-Unjoni bħala riżultat ta’ żieda fl-importazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih li jimponu miżuri ta’ salvagwardja provviżorji f’każijiet debitament ġustifikati, fejn raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jirrikjedu dan.

(20)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża’ ukoll għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni għad-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tad-dazji preferenzjali taħt il-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni, minħabba li dawk l-atti jridu jiġu implimentati malajr ladarba l-limitu rilevanti għall-kategoriji ta’ prodotti elenkati fl-Anness XV-C għall-Ftehim ikun intlaħaq billi għandhom biss perjodu qasir ħafna ta’ applikazzjoni. Sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq is-suq tal-Unjoni bħala riżultat ta’ żieda fl-importazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih fejn, f’każijiet debitament ġustifikati raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jirrikjedu dan.

(21)

Il-proċedura ta’ eżami għandha tintuża’ għall-adozzjoni ta’ miżuri definittivi ta’ salvagwardja u għar-rieżamijiet ta’ dawn il-miżuri,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-klawżola tas-salvagwardja u l-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni previsti fil-Ftehim.

2.   Dan ir-Regolament japplika għal prodotti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

“prodott” tfisser oġġett li joriġina fl-Unjoni jew fir-Repubblika tal-Moldova, prodott soġġett għal investigazzjoni jista’ jkopri linja tariffarja waħda jew diversi linji tariffarji jew subsegment tagħhom skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq, jew kwalunkwe segmentazzjoni tal-prodott li tkun applikata b’mod komuni fl-industrija tal-Unjoni;

(2)

“partijiet interessati” tfisser il-partijiet milquta mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat;

(3)

“industrija tal-Unjoni” tfisser il-produtturi tal-Unjoni kollha flimkien ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti f’kompetizzjoni diretta, li jkunu joperaw fit-territorju tal-Unjoni, jew produtturi tal-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti f’kompetizzjoni diretta tikkostitwixxi proporzjon maġġur tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ dawk il-prodotti, jew, fejn prodott simili jew prodott f’kompetizzjoni diretta jkun biss wieħed minn fost diversi prodotti magħmulin minn produtturi tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni hi mifhuma fir-rigward tal-operazzjonijiet speċifiċi li huma involuti fil-produzzjoni tal-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta;

(4)

“dannu serju” jfisser, meta tirreferi għall-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, ħsara ġenerali sinifikanti lilha;

(5)

“theddida ta’ dannu serju” tfisser, meta tirreferi għall-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, dannu serju li jkun imminenti b’mod ċar;

(6)

“perjodu ta’ tranżizzjoni” tfisser perjodu ta’ 10 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET TA’ SALVAGWARDJA

Artikolu 3

Prinċipji

1.   Miżura ta’ salvagwardja tista’ tiġi imposta f’konformità ma’ dan ir-Regolament fejn prodott li joriġina fir-Repubblika tal-Moldova, bħala riżultat tat-tnaqqis jew it-tneħħija tad-dazji fuq dan il-prodott, jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet tant ikbar minn qabel, f’termini assoluti jew relattivi mal-produzzjoni tal-Unjoni, u taħt kundizzjonijiet tali li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni.

2.   Miżura ta’ salvagwardja tista’ tieħu waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

is-sospensjoni ta’ aktar tnaqqis fir-rata tad-dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat stipulat fil-Ftehim;

(b)

żieda fir-rata ta’ dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat sa livell li ma jaqbiżx l-inqas minn dawn:

ir-rata applikata ta’ dazju doganali tan-nazzjon l-aktar iffavorit (MFN) fuq il-prodott ikkonċernat li tkun effettiva fiż-żmien meta tittieħed il-miżura; jew

ir-rata ta’ bażi ta’ dazju ta’ dwana speċifikata fl-Iskemi inklużi fl-Anness XV skont l-Artikolu 147 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Il-bidu ta’ proċedimenti

1.   Proċedimenti għandhom jinbdew mill-Kummissjoni fuq talba ta’ Stat Membru jew minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika li tkun qed taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess, jekk il-Kummissjoni jidhrilha li hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5), li tiġġustifika tali bidu.

2.   It-talba għandha ġeneralment tinkludi t-tagħrif li ġej: ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f’termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud minn importazzjonijiet miżjuda u l-bidliet fil-livelli ta’ bejgħ, produzzjoni, produttività, użu tal-kapaċità, qligħ u telf, u impjiegi fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni.

3.   Proċedimenti jistgħu jinbdew ukoll fil-każ li jkun hemm żieda qawwija fl-importazzjonijiet ikkonċentrata fi Stat Membru wieħed jew f’diversi Stati Membri, bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5), sabiex tiġġustifika tali bidu.

4.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni f’każ li x-xejriet fl-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Moldova jidhru li jeħtieġu miżuri ta’ salvagwardja. Dan it-tagħrif għandu jinkludi l-evidenza msemmija fil-paragrafi 1 u 2, u fil-paragrafu 3 jekk applikabbli.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri meta tirċievi talba biex tibda proċedimenti jew meta tikkunsidra li jkun xieraq li jinbdew proċedimenti fuq inizjattiva tagħha stess skont il-paragrafu 1.

6.   Fejn ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza prima facie li tiġġustifika l-bidu ta’ proċedimenti, il-Kummissjoni għandha tibda tali proċedimenti u għandha tippubblika avviż tal-bidu tal-investigazzjonijiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-bidu tal-proċedimenti għandu jseħħ fi żmien xahar minn meta l-Kummissjoni tirċievi t-talba jew it-tagħrif skont il-paragrafu 1.

7.   L-avviż imsemmi fil-paragrafu 6 għandu:

(a)

jinkludi sommarju tat-tagħrif li jasal, u jeżiġi li t-tagħrif rilevanti kollu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni;

(b)

jiddikjara l-perjodu ta’ żmien li fih il-partijiet interessati jgħarrfu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw it-tagħrif lill-Kummissjoni, jekk iridu li dawn il-fehmiet u t-tagħrif jitqiesu matul il-proċedimenti;

(c)

jiddikjara l-perjodu ta’ żmien li fih il-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jinstemgħu bil-fomm mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5(9).

Artikolu 5

Investigazzjonijiet

1.   Wara l-pubblikazzjoni tal-avviż imsemmi fl-Artikolu 4(6), il-Kummissjoni għandha twettaq investigazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob li l-Istati Membri jipprovdu tagħrif u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex din it-talba ssir effettiva. Jekk dan it-tagħrif ikun ta’ interess ġenerali u ma jkunx kunfidenzjali skont l-Artikolu 11, għandu jiżdied mal-fajl mhux kunfidenzjali kif previst fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, fejn ikun possibbli, fi żmien sitt xhur mill-bidu tagħha. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ tliet xhur f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħall-involviment ta’ għadd aktar għoli mis-soltu ta’ partijiet interessati jew sitwazzjonijiet kumplessi tas-suq. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-partijiet interessati kollha dwar kull estensjoni ta’ dan it-tip u tispjega r-raġunijiet li wasslu għaliha.

4.   Il-Kummissjoni għandha titlob it-tagħrif kollu li jidhrilha li hu meħtieġ biex tkun tista’ tiddetermina dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), u fejn ikun xieraq, għandha tfittex li tivverifika dak it-tagħrif.

5.   Fl-investigazzjoni biex jiġi determinat jekk l-importazzjonijiet miżjuda ikkawżawx jew qed jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-fatturi rilevanti kollha ta’ natura oġġettiva u kwantifikabbli li għandhom impatt fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari, ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f’termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet miżjuda u t-tibdil fil-livelli tal-bejgħ, tal-produzzjoni, tal-produttività, tal-użu tal-kapaċità, tal-qligħ u tat-telf, u tal-impjiegi. Din il-lista mhijiex eżawrjenti u l-Kummissjoni tista’ tqis fatturi oħra rilevanti, bħalma huma l-istokkijiet, il-prezzijiet, ir-redditu fuq il-kapital użat u l-likwidità, meta tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu serju jew theddida ta’ dannu serju.

6.   Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw tagħrif skont il-punt (b) tal-Artikolu 4(7) u r-rappreżentanti tal-pajjiż ikkonċernat jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw it-tagħrif kollu li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni b’konnessjoni mal-investigazzjoni għajr id-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dan it-tagħrif ikun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u mhux kunfidenzjali skont l-Artikolu 11 u li jintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati jistgħu jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-fehmiet tagħhom dwar it-tagħrif disponibbli. Fejn ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li ssostni dawk il-fehmiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidraha.

7.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dejta u l-istatistika kollha li jintużaw għall-investigazzjoni jkunu rappreżentattivi, disponibbli, jinftiehmu, ikunu trasparenti u verifikabbli.

8.   Il-Kummissjoni għandha, hekk kif jitwaqqaf il-qafas tekniku neċessarju, tiżgura l-aċċess bl-Internet b’password ta’ protezzjoni għall-fajl mhux kunfidenzjali (“pjattaforma onlajn”), li hija għandha tiġġestixxi u li permezz tiegħu jitqassam it-tagħrif kollu rilevanti u mhux kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 11. Il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-partijiet interessati għandhom jingħataw aċċess għal dik il-pjattaforma.

9.   Il-Kummissjoni għandha tisma’ lill-partijiet interessati, b’mod partikolari meta jkunu għamlu applikazzjoni bil-miktub fil-perjodu ta’ żmien stipulat fl-avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn juru li x’aktarx ikunu sejrin jintlaqtu mir-riżultat tal-investigazzjoni u li jeżistu raġunijiet speċjali biex jinstemgħu oralment. Il-Kummissjoni għandha tisma’ lill-partijiet interessati f’okkażjonijiet oħra jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għal dan.

10.   Fejn it-tagħrif ma jitressaqx fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew meta l-investigazzjoni tiġi mxekkla b’mod sinifikanti, il-Kummissjoni tista’ tislet riżultati abbażi tal-fatti disponibbli. Fejn il-Kummissjoni ssib li xi parti interessata jew xi parti terza tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieqi, hija għandha ma tagħtix kas ta’ dan it-tagħrif u tista’ tagħmel użu mill-fatti disponibbli.

11.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika bil-miktub lir-Repubblika tal-Moldova bill-bidu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 6

Miżuri ta’ sorveljanza preventivi

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, miżuri ta’ sorveljanza preventivi fir-rigward ta’ importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Moldova fejn ix-xejra fl-importazzjonijiet ta’ prodott tkun tali li tkun tista’ twassal għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3(1) u 4(1) u (3). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(3).

2.   Il-miżuri ta’ sorveljanza preventivi għandu jkollhom perjodu ta’ validità limitat. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, dawn ma jibqgħux validi fi tmiem it-tieni perjodu ta’ sitt xhur li jsegwi l-ewwel sitt xhur wara l-introduzzjoni tagħhom.

Artikolu 7

Impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja provviżorji

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, miżuri ta’ salvagwardja provviżorji f’ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien fl-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja jista’ jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa, skont determinazzjoni preliminari abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5) li hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet ta’ prodott li joriġina mir-Repubblika tal-Moldova jkunu żdiedu bħala riżultat tat-tnaqqis jew tal-eliminazzjoni ta’ dazju doganali skont l-Iskeda ta’ Tneħħija tat-Tariffi tal-Ftehim inkluża fl-Anness XV skont l-Artikolu 147 tal-Ftehim u li dawn l-importazzjonijiet jikkawżaw dannu serju, jew theddida ta’ dannu serju, lill-industrija tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, inkluż fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih li jimponu miżuri ta’ salvagwardja provviżorji f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(5).

3.   Fejn Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni u fejn il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.

4.   Il-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji ma għandhomx japplikaw għal aktar minn 200 jum tal-kalendarju.

5.   Jekk il-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji jiġu mħassra minħabba li l-investigazzjoni turi li ma ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1), kull dazju doganali miġbur bħala riżultat ta’ dawn il-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji għandu jintradd lura awtomatikament.

6.   Il-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji għandhom japplikaw għal kull prodott li jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni libera wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawk il-miżuri.

Artikolu 8

Tmiem tal-investigazzjonijiet u proċedimenti mingħajr miżuri

1.   Fejn il-fatti kif finalment stabbiliti juru li l-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 3(1) ma jkunux issodisfati, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, deċiżjoni li ttemm l-investigazzjoni u l-proċedimenti u tippubblika dik id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformitàmal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(4).

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika, bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 11, rapport li jippreżenta r-riżultati tagħha u l-konklużjonijiet motivati li tkun waslet għalihom fil-kwistjonijiet rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi.

Artikolu 9

Impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja definittivi

1.   Fejn il-fatti kif finalment stabbiliti juru li l-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 3(1) ikunu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 160(2) tal-Ftehim. Fejn l-ebda soluzzjoni sodisfaċenti ma tkun intlaħqet fi żmien 30 jum, il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, miżuri ta’ salvagwardja definittivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(4) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika, bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali skont l-Artikolu 11, rapport li jkun fih sommarju tal-fatti materjali u l-kunsiderazzjonijiet rilevanti għad-deċiżjoni.

Artikolu 10

Tul ta’ żmien u rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja

1.   Miżura ta’ salvagwardja għandha tibqa’ fis-seħħ biss għall-perjodu taż-żmien meħtieġ biex ma jitħalliex li jsir jew biex jiġi rrimedjat dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u biex ikun iffaċilitat l-aġġustament. Dan il-perjodu ma għandux jaqbeż is-sentejn, għajr jekk jiġġedded skont il-paragrafu 3.

2.   Miżura ta’ salvagwardja għandha tibqa’ fis-seħħ, sakemm joħroġ ir-riżultat tar-rieżami skont il-paragrafu 3.

3.   It-tul ta’ żmien inizjali ta’ miżura ta’ salvagwardja jista’ jiġi estiż b’mhux iktar minn sentejn kemm-il darba il-Kummissjoni tiddetermina li l-miżura ta’ salvagwardja tibqa’ meħtieġa biex ma jitħalliex isir jew biex jiġi rrimedjat dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u jkun hemm evidenza li l-industrija tal-Unjoni tkun qed taġġusta ruħha.

4.   Qabel kull estensjoni skont il-paragrafu 3, għandu jkun hemm investigazzjoni li tinbeda fuq talba ta’ Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika li tkun qed taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess, jekk ikun hemm biżżejjed provi prima facie li huma ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 5(5).

5.   Avviż tal-bidu ta’ investigazzjoni għandu jkun ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 4(6) u (7) mutatis mutandis. L-investigazzjoni għandha titwettaq u kull deċiżjoni dwar estensjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandha ssir skont l-Artikoli 5, 8 u 9 mutatis mutandis.

6.   It-tul ta’ żmien totali ta’ miżura ta’ salvagwardja ma għandux jaqbeż l-erba’ snin, inkluż il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ kull miżura ta’ salvagwardja proviżorja, il-perjodu inizjali tal-applikazzjoni u l-estensjoni tiegħu.

7.   Miżura ta’ salvagwardja ma għandhiex tiġi applikata lil hinn mill-iskadenza tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, għajr bil-kunsens tar-Repubblika tal-Moldova.

Artikolu 11

Kunfidenzjalità

1.   Tagħrif li jasal skont dan ir-Regolament għandu jintuża biss għall-għan li għalih tkun saret it-talba.

2.   L-ebda tagħrif ta’ natura kunfidenzjali jew xi tagħrif li jintbagħat fuq bażi kunfidenzjali skont dan ir-Regolament ma għandu jiġi żvelat mingħajr il-kunsens espress ta’ min jipprovdi dan it-tagħrif.

3.   Kull talba għall-kunfidenzjalità għandha tagħti r-raġunijiet għaliex it-tagħrif ikun kunfidenzjali. Madankollu, jekk min jipprovdi t-tagħrif jitlob li t-tagħrif ma jsirx pubbliku jew ma jiġix żvelat, fil-forma sħiħa tiegħu jew fil-qosor, u jekk dik it-talba ma tkunx iġġustifikata, it-tagħrif jista’ jitwarrab.

4.   It-tagħrif għandu f’kull każ jitqies bħala kunfidenzjali jekk l-iżvelar tiegħu x’aktarx li jkollu impatt negattiv sinifikanti fuq min jipprovdih jew fuq is-sors ta’ dan it-tagħrif.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx jipprekludu referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal tagħrif ġenerali u b’mod partikolari għar-raġunijiet li fuqhom jissejsu d-deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet, madankollu, għandhom iqisu l-interess leġittimu tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati li ma jiġux żvelati s-sigrieti

KAPITOLU III

IL-MEKKANIŻMU TA’ KONTRA Ċ-ĊIRKOMVENZJONI

Artikolu 12

Mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni għal ċerti prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati

1.   Volum medju ta’ importazzjonijiet annwali huwa stabbilit għall-importazzjonijiet ta’ prodotti elenkati fl-Anness XV-C tal-Ftehim, li huma soġġetti għal mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni stipulat fl-Artikolu 148 tiegħu. Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, relatata mal-volum ta’ importazzjonijiet ta’ kategorija waħda ta’ prodotti jew aktar kategoriji jilħqu l-volum indikat fl-Anness XV-C ta’ dan il-Ftehim fi kwalunkwe sena mill-1 ta’ Jannar, u sakemm ma tkunx irċeviet ġustifikazzjoni valida mir-Repubblika tal-Moldova, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(5) ta’ dan ir-Regolament. Permezz ta’ tali att, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi jew li tissospendi temporanjament id-dazju preferenzjali applikat għall-prodott jew prodotti kkonċernati jew inkella li tali sospensjoni mhijiex xierqa.

2.   Is-sospensjoni temporanja tad-dazju preferenzjali għandha tkun applikabbli għal perjodu massimu ta’ sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li jiġi sospiż id-dazju preferenzjali. Qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ sitt xhur u għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati relatati mas-sospensjoni tad-dazji preferenzjali, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(5) sabiex titneħħa s-sospensjoni temporanja tad-dazju preferenzjali jekk tkun sodisfatta li l-volum tal-kategorija rilevanti ta’ prodotti importati li jaqbżu l-volum imsemmi fl-Anness XV-C tal-Ftehim jirriżulta minn bidla fil-livell ta’ produzzjoni u l-kapaċità ta’ esportazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova għall-prodott jew prodotti kkonċernati.

3.   L-applikazzjoni tal-mekkaniżmu stabbilit f’dan il-Kapitolu hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura definita fil-Kapitolu II. Miżuri li jittieħdu skont id-dispożizzjonijiet taż-żewġ kapitoli ma għandhomx jiġu, madankollu, applikati b’mod simultanju għall-istess prodott jew prodotti.

KAPITOLU IV

PROĊEDURA TA’ KUMITAT U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Proċedura ta’ kumitat

1.   Għall-finijiet tal-Artikoli 6 sa 10, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit permezz tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 12, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, stabbilit permezz tal-Artikolu 229(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u fir-rigward tal-prodotti agrikoli pproċessati, mill-Kumitat dwar mistoqsijiet orizzontali li jirrigwardaw il-kummerċ fi prodotti agrikoli pproċessati mhux elenkati fl-Anness I, stabbilit permezz tal-Artikolu 44(1) tal-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dawk il-Kumitati għandhom ikunu kumitati fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

5.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

6.   Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, fejn isir rikors għall-proċedura bil-miktub għall-adozzjoni ta’ miżuri skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, din il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta’ żmien stipulat mill-president, jiġi deċiż mill-president jew hekk jintalab minn maġġoranza tal-membri tal-kumitat kif definit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 14

Rapport

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u t-Titolu V tal-Ftehim u dwar il-konformità mal-obbligi stabbiliti fih.

2.   Ir-rapport għandu, inter alia, jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza proviżorji u definittivi, miżuri ta’ sorveljanza preventivi, it-tmiem ta’ investigazzjonijiet u proċedimenti mingħajr miżuri u l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

3.   Ir-rapport għandu jippreżenta wkoll ġabra qasira tal-istatistika u tal-evoluzzjoni tal-kummerċ mar-Repubblika tal-Moldova.

4.   Il-Parlament Ewropew jista’, fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa ad hoc tal-kumitat reponsabbli tiegħu, sabiex tippreżenta u tispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.   Mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tippubblikah.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-9 ta’ Marzu 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J. A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Frar 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2016.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet(ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).

(5)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(6)  Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 1).


Top