This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016H0193
Commission Recommendation (EU) 2016/193 of 10 February 2016 addressed to the Hellenic Republic on the urgent measures to be taken by Greece in view of the resumption of transfers under Regulation (EU) No 604/2013 of the European Parliament and of the Council
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/193 tal-10 ta' Frar 2016 indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja fid-dawl tat-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/193 tal-10 ta' Frar 2016 indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja fid-dawl tat-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
ĠU L 38, 13.2.2016, pp. 9–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
13.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 38/9 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/193
tal-10 ta' Frar 2016
indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja fid-dawl tat-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
It-trasferiment ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament ta' Dublin”) ġie sospiż mill-Istati Membri sa mill-2011, wara żewġ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (2) li identifikaw defiċjenzi sistemiċi fis-sistema ta' ażil Griega li kienu jirriskjaw li jikkostitwixxu ksur tad-drittjiet fundamentali tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali trasferiti mill-Istati Membri għall-Greċja skont ir-Regolament (KE) Nru 343/2003 (3). |
|
(2) |
Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa ilu jsegwi s-sitwazzjoni fil-Greċja mindu s-sentenza M.S.S vs il-Belġju u l-Greċja ingħatat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2011 abbażi ta' rapporti tal-progress li l-Greċja hija mitluba tissottometti bħala evidenza tal-eżekuzzjoni tas-sentenza u abbażi tal-evidenza minn NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), li joperaw fil-Greċja. |
|
(3) |
B'riżultat tas-sentenza M.S.S, il-Greċja impenjat ruħha li tirriforma s-sistema ta' ażil tagħha abbażi ta' Pjan ta' Azzjoni nazzjonali dwar ir-Riforma tal-Ażil u l-Ġestjoni tal-Migrazzjoni ppreżentat f'Awwissu 2010 u rivedut f'Jannar 2013 (minn hawn 'il quddiem “il-Pjan ta' Azzjoni Grieg”). |
|
(4) |
L-awtoritajiet Griegi talbu wkoll lill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) sabiex jipprovdi appoġġ ta' emerġenza lill-Greċja fl-2011, bil-ħsieb li jindirizzaw in-nuqqasijiet serji fis-sistema ta' ażil Griega. L-EASO pprovda appoġġ operattiv mill-1 ta' April 2011 sal-31 ta' Diċembru 2014. Matul dan il-perjodu, l-iskjerament tat-Timijiet ta' Appoġġ għall-Ażil assista lill-Greċja sabiex tappoġġa l-istabbiliment tat-tliet servizzi ġodda, kif ukoll fl-akkoljenza ta' persuni vulnerabbli, it-trattament tal-applikazzjonijiet pendenti għal protezzjoni internazzjonali, b'mod partikulari fit-tieni istanza, u b'bini ta' kapaċità fl-assorbiment tal-fondi tal-Unjoni Ewropea. Fl-4 ta' Diċembru 2014, il-Greċja talbet ukoll Appoġġ Speċjali mill-EASO, li issa huwa impenjat li jipprovdi l-appoġġ sa tmiem l-aħħar ta' Mejju 2016. |
|
(5) |
Is-sitwazzjoni fil-Greċja wasslet ukoll biex il-Kummissjoni tressaq għadd ta' proċedimenti ta' ksur kontra l-Greċja, fost affarijiet oħra, fir-rigward ta' aċċess insuffiċjenti għall-proċedura ta' ażil, kapaċità ta' akkoljenza insuffiċjenti u kundizzjonijiet ta' akkoljenza ħżiena, inklużi f'faċilitajiet ta' detenzjoni, nuqqas li jittieħdu l-marki tas-swaba' ta' migranti irregolari u tal-applikanti għall-ażil, in-nuqqas ta' trattament xieraq ta' minorenni mhux akkumpanjati, u n-nuqqas ta' assistenza legali adegwata għall-appelli. Ir-rakkomandazzjoni preżenti hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċediment ta' ksur pendenti jew futur li l-Kummissjoni tista' tressaq b'relazzjoni ma' kwistjonijiet imsemmija fir-rakkomandazzjoni preżenti. |
|
(6) |
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni kienet qed tieħu azzjoni kollettiva sabiex tgħin issewwi n-nuqqasijiet fis-sistema ta' ażil Griega. Il-Kummissjoni ssorveljat l-implimentazzjoni mill-Greċja tal-miżuri previsti fil-Pjan ta' Azzjoni Grieg u pprovdiet appoġġ finanzjarju u tekniku, b'enfasi, fost oħrajn, fuq l-azzjonijiet immirati li jindirizzaw it-tħassib li tqajjem rigward il-proċedimenti ta' ksur tagħha. F'Ottubru 2014 ġie ppreżentat Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni lill-Kunsill (4) li pprovda valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Grieg u li jenfasizza l-bqija tan-nuqqasijiet fis-sistema ta' ażil Griega li kien jeħtiġilhom attenzjoni urġenti. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib ħafna mal-Istati Membri interessati kollha u man-Norveġja, permezz ta' laqgħat ad hoc regulari tal-hekk imsejjaħ Grupp “Ħbieb tal-Greċja”, ippresedut mill-Kummissjoni. Dan il-Grupp huwa forum għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Grieg, li fost oħrajn jippermetti lil Stati Membri interessati jipproponu miżuri prattiċi ta' kooperazzjoni u ltaqa' l-aħħar fis-27 ta' Frar 2015. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tal-EASO, ta' Frontex, u tal-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) għandha l-għan li tiżgura d-disponibbiltà ta' informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni fil-post. |
|
(8) |
Il-Greċja ġiet allokata ammont sinifikanti ta' fondi tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 sabiex tiġi assistita bil-miżuri nazzjonali meħuda fil-qasam tal-ażil u l-migrazzjoni. Mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni ġiet allokata total ta' EUR 294,5 miljun, u mill-Fond għas-Sigurtà Interna — Fruntieri u Visas, total ta' EUR 214,8 miljun. EUR 133 miljun oħra ingħataw lill-Greċja bħala assistenza ta' emerġenza mill-2014. Barra minn hekk, finanzjament sinifikanti ġie pprovdut lill-Greċja mill-Fond Ewropew għar-Refuġjati fis-snin 2008-2013, inkluż finanzjament ta' emerġenza ta' iktar minn EUR 50,6 miljun. |
|
(9) |
L-isfidi li qed taffaċċja l-Greċja iggravaw b'mod sinifikanti minħabba ż-żieda kbira ħafna fil-wasliet ta' migranti matul l-2015, li poġġew pressjonijiet enormi fuq ir-riżorsi u l-kapaċità tal-Greċja biex titratta mal-fluss kbir ta' migranti minn barra l-Unjoni Ewropea, inkluż għadd kbir ta' persuni li aktarx ikunu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali. Fl-2015, iktar minn 868 000 migrant irregolari waslu fil-gżejjer Griegi, fejn ħolqu kriżi umanitarja u migratorja bla preċedent li teħtieġ azzjoni immedjata. |
|
(10) |
F'Mejju 2015, il-Kummissjoni ppreżentat l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (5) tagħha, u fl-14 ta' Settembru 2015, il-Kunsill adotta Deċiżjoni sabiex jiġu rilokati 40 000 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali mill-Italja u l-Greċja, li minnhom 16 000 se jiġu rilokati mill-Greċja (6). Fit-22 ta' Settembru 2015, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li 120 000 persuna oħra mill-Italja u l-Greċja jiġu rilokati, li minnhom mill-inqas 50 400 persuna se jiġu rilokati mill-Greċja (7). Flimkien, skont dawn iż-żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill mill-inqas 66 400 persuna se jiġu għaldaqstant rilokati mill-Greċja għal Stati Membri oħra fuq perjodu ta' sentejn (8). |
|
(11) |
F'Settembru 2015, l-implimentazzjoni tal-approċċ tal-“hotspot” bdiet fil-Greċja u fl-Italja, b'appoġġ mill-Kummissjoni, mill-Frontex, l-EASO u l-aġenziji tal-Europol. Fid-29 ta' Settembru 2015, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tiddeskrivi fil-qosor il-miżuri operattivi, baġitarji u ġuridiċi immedjati skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, u li ssejjaħ għall-introduzzjoni sħiħa tal-Iskema ta' Rilokazzjoni u t-Timijiet ta' Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni li jaħdmu fiż-żoni “hotspot”. Għal dan l-għan, il-Greċja ppreżentat Pjan Direzzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta' rilokazzjoni u l-hotspots lill-Kunsill fl-1 ta' Ottubru 2015 li jiddeskrivi fil-qosor ċerti azzjonijiet li għandhom jingħataw prijorità biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet pendenti li dwarhom kien hemm qbil fl-oqsma ta' ażil u ta' akkoljenza. |
|
(12) |
Wara s-Summit tal-Mexxejja Ewropej tal-25 ta' Ottubru 2015, il-Greċja impenjat ruħha li żżid il-kapaċità ta' akkoljenza għal 30 000 post sa tmiem l-2015, u li tipprovdi sussidji għall-kera u programmi ta' familji ospitanti għal mill-inqas 20 000 persuna oħra bl-appoġġ tal-UNHCR. Dan it-total ta' 50 000 post ta' akkomodazzjoni huwa maħsub sabiex jindirizza l-bżonnijiet ta' akkoljenza kemm ta' migranti irregolari kif ukoll ta' persuni li jfittxu ażil fil-Greċja, inklużi dawk li huma potenzjalment eliġibbli għar-rilokazzjoni fi Stati Membri oħra. |
|
(13) |
Fil-laqgħa tiegħu fit-8-9 ta' Diċembru 2015, il-Kumitat ta' Ministeri tal-Kunsill tal-Ewropa vvaluta l-eżekuzzjoni tas-sentenza M.S.S. Huwa laqa' b'merħba l-ħolqien tal-awtorità amministrattiva l-ġdida għall-immigrazzjoni; ħa noti taż-żieda fil-kapaċità ta' akkoljenza għal persuni li jfittxu l-ażil kif ukoll taż-żieda ulterjuri ppjanata u sejjaħ lill-awtoritajiet biex jiżguraw l-operazzjoni sostenibbli u kontinwa tal-faċilitajiet ta' akkoljenza miftuħa u l-provvista ta' servizzi li jilħqu standards adegwati. Huwa saħaq mal-awtoritajiet sabiex ikomplu bl-isforzi tagħhom, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ta' persuni li jfittxu l-ażil b'mod ġenerali u tal-minorenni mhux akkumpanjati b'mod partikulari (9). |
|
(14) |
Fil-15 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-progress li sar mill-Greċja fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-hotspots li ddeskriviet fil-qosor l-iżviluppi fil-Greċja b'konnessjoni mal-istabbiliment tal-iskema tal-hotspots fil-gżejjer tal-Eġew (10). Dan ir-rapport enfasizza l-impenji ġodda li saru mill-Greċja u l-UNCHR sabiex iżidu l-kapaċità ta' akkoljenza, iżda enfasizza wkoll il-ħtieġa li l-Greċja ttejjeb il-kapaċità ta' akkoljenza fil-hotspots u fiż-żona kontinentali, b'mod partikulari għal minorenni mhux akkumpanjati u persuni vulnerabbli. |
|
(15) |
Kien hemm xi titjib sinifikanti fis-sistema ta' ażil Griega, bħala parti mir-riformi tal-Greċja skont il-Pjan ta' Azzjoni tagħha (2010-2014). Ġew stabbiliti tliet servizzi amministrattivi ġodda indipendenti mill-Pulizija Ellenika: is-Servizz tal-Ewwel Akkoljenza, l-Awtoritajiet ta' Appell (stabbilit fl-2011, iżda mhux operattiv bħalissa) u s-Servizz ta' Ażil (mill-2013). Il-kundizzjonijiet materjali fiċ-ċentri ta' akkoljenza u ta' detenzjoni urew xi titjib mill-2011, u uħud mill-faċilitajiet ta' detenzjoni bl-agħar kundizzjonijiet ingħalqu. Madankollu, jeħtieġ li jsiru iktar sforzi mill-Greċja sabiex tassigura li s-sistema ta' ażil tagħha qegħda taħdem b'konformità sħiħa mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. |
|
(16) |
Is-Servizz ta' Ażil Grieg għandu seba' Uffiċċji Reġjonali operattivi f'Attica, Lesvos, Evros tat-Tramuntana, Evros tan-Nofsinhar, Rodi u Thessaloniki, inkluż Uffiċju Reġjonali għall-Ażil ġdid fuq il-gżira ta' Samos fl-2016. Tliet Unitajiet ta' Ażil huma operattivi wkoll fiż-żoni ta' Amygdaleza, Patra u Xanthi, li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali sottomessi minn migranti irregolari detenuti. Jeħtieġ li jiġi stabbilit persunal adegwat biex dawn l-uffiċji u l-unitajiet ikunu kompletament operattivi. L-awtoritajiet Griegi impenjaw irwieħhom ukoll li jiftħu total ta' 13-il Uffiċju Reġjonali għall-Ażil. Il-Greċja għad trid tistabbilixxi u timpjega persunal adegwat għall-bqija tal-Uffiċji Reġjonali għall-Ażil, kif previst fil-Pjan Direzzjonali għar-Rilokazzjoni tal-2015, sabiex tippermetti għal aċċess effettiv għall-proċedura ta' ażil madwar il-pajjiż kollu. |
|
(17) |
Kien hemm xi żieda fil-kapaċità ta' akkoljenza għal dawk li jfittxu ażil fil-Greċja iżda għadha mhix biżżejjed. Il-Greċja għandha tiżgura li l-kundizzjonijiet ta' akkoljenza fl-akkomodazzjoni ta' akkoljenza miftuħa u magħluqa, inklużi s-servizzi psikosoċjali u l-aċċess għal kura u t-trattament tas-saħħa, jkunu konformi mal-istandards meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti, b'mod speċjali d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), u li dawn jibqgħu jinżammu b'mod kontinwu. Il-Greċja għandha tiżgura wkoll is-sostenibbiltà tal-kundizzjonijiet ta' akkoljenza permezz tal-finanzjament xieraq mill-baġit nazzjonali jew, sal-limitu disponibbli, permezz ta' fondi allokati tal-UE. |
|
(18) |
Sabiex tiggarantixxi aċċess għal rimedju effettiv lil persuni li qed ifittxu l-ażil, il-Greċja stabbiliet Awtorità tal-Appelli, responsabbli għall-operazzjoni tal-Kumitat tal-Appelli, kompetenti sabiex teżamina l-appelli sottomessi kontra d-deċiżjonijiet negattivi tal-ewwel istanza tas-Servizz tal-Ażil. Fl-aħħar ta' Settembru 2015, il-Kumitat tal-Appelli waqqaf l-operat għax il-mandat tiegħu spiċċa, bir-riżultat li deċiżjonijiet ta' rifjut tal-ewwel istanza jistgħu jiġu ppreżentati iżda mhux trattati. Għaldaqstant, bħalissa ebda aċċess għal sistema ta' rimedju effettiv mhu disponibbli fil-prattika. Is-sitwazzjoni tfixkel ukoll l-implimentazzjoni effettiva tal-proċedura ta' Rilokazzjoni, fil-każi fejn applikant jissottometti appell kontra deċiżjoni ta' rilokazzjoni jew ta' trasferiment. |
|
(19) |
Bħalissa ħafna mill-persuni li qed ifittxu ażil mhumiex ipprovduti bl-għajnuna legali mingħajr ħlas meħtieġa sabiex tippermettilhom li jsegwu appell kontra deċiżjoni ta' ażil tal-ewwel istanza, skont ir-regoli tal-UE. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) għadhom ma ġewx trasposti fil-liġi nazzjonali jew implimentati. |
|
(20) |
Kien hemm titjib fil-proċeduri li jidentifikaw persuni vulnerabbli fil-Greċja. Is-Servizz ta' Ażil, f'kooperazzjoni mal-EASO u l-UNHCR, stabbilixxa proċedura ta' skrinjar immirata lejn l-identifikazzjoni ta' applikanti vulnerabbli, bħal minorenni mhux akkumpanjati bil-ħsieb li tiżgura l-appoġġ tagħhom matul il-proċedura. Għal minorenni mhux akkumpanjati, il-Greċja rrapportat li proċedura ta' identifikazzjoni u valutazzjoni tal-età għal minorenni mhux akkumpanjati qed tiġi segwita fil-proċedura tal-ewwel akkoljenza u l-proċedura ta' ażil. Barra minn hekk, proċedura għat-trattament ta' minorenni mhux akkumpanjati qed tiġi stabbilita mill-Pulizija Ellenika, is-Servizz tal-Ewwel Akkoljenza u s-Servizz tal-Ażil. |
|
(21) |
Is-sistema ta' kurazija għal minorenni mhux akkumpanjati għandha tirċievi attenzjoni ulterjuri, peress li l-Prosekuturi Pubbliċi maħtura biex jirrappreżentaw lil minorenni ma għandhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jittrattaw l-għadd kbir ta' każi li qed jiġu riferuti lilhom u mhemm ebda istituzzjoni jew korp stabbilit li l-prosekuturi jistgħu jirreferu għalihom sabiex jaħtru kustodji permanenti. Passi konkreti għandhom jittieħdu wkoll sabiex jiġu żgurat li l-minorenni mhux akkumpanjati kollha jiġu immedjatament mibgħuta f'ċentri ta' akkomodazzjoni speċjali u assisti minn persunal speċjalizzat. |
|
(22) |
Is-sospensjoni tat-trasferimenti lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta' Dublin mill-2011 fixklet b'mod sinifikanti l-effettività tal-funzjonament tas-sistema ta' Dublin fl-Unjoni Ewropea. L-inabbiltà li jsiru tali trasferimenti tfixkel ukoll l-effettività tal-miżuri ta' rilokazzjoni adottati għall-benefiċċju tal-Greċja f'Settembru 2015, b'mod partikulari billi tneħħa wieħed mill-inċentivi prinċipali għall-migranti sabiex ma jinvolvux ruħhom f'movimenti sekondarji lejn Stati Membri oħra. |
|
(23) |
Il-Greċja ħadet passi importanti sabiex ittejjeb il-funzjonament tas-sistema ta' ażil tagħha iżda għad hemm xi nuqqasijiet. Il-Greċja għaldaqstant għandha b'urġenza tieħu l-passi meħtieġa kollha sabiex tippermetti t-tkomplija ta' trasferiment skont is-sistema Dublin, b'mod partikulari, li persuni trasferiti skont ir-Regolament ta' Dublin igawdu mid-drittijiet kollha li huma intitolati għalihom skont l-acquis tal-ażil tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-aċċess għal rimedju effettiv kontra deċiżjoni negattiva dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u kundizzjonijiet ta' akkoljenza adegwati. |
|
(24) |
Din ir-rakkomandazzjoni tidentifika l-azzjonijiet prinċipali li għandha tieħu l-Greċja fir-rigward tan-nuqqasijiet pendenti. |
|
(25) |
Rappurtaġġ regulari mill-Greċja dwar il-progress li qed isir fl-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet, kif ukoll elementi rilevanti oħra inkluż kull rapport mingħand l-UNHCR u organizzazzjonijiet rilevanti oħra, għandu jikkjarifika l-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjoni humiex tali li jippermettu lil Stati Membri li jkomplu t-trasferimenti individwali lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta' Dublin, filwaqt li jitqies li l-volum ta' trasferimenti u l-kategoriji ta' persuni li jiġu trasferiti għandhom jikkorrispondu mal-progress speċifiku li sar. |
|
(26) |
Kwalunkwe tkomplija tat-trasferiment skont is-sistema ta' Dublin lejn il-Greċja għandha tqis ukoll li l-Greċja għadha qed tirċievi għadd kbir ta' persuni li jfittxu l-ażil kuljum, u għandu jiġi evitat li jitpoġġa piż insostenibbli fuq il-Greċja. |
|
(27) |
Ir-responsabbiltà għad-deċiżjoni dwar tali tkomplija ta' trasferimenti taqa' esklussivament fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri taħt il-kontroll tal-qrati, li jistgħu jagħmlu referenzi preliminari lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament ta' Dublin, |
ADOTTAT DAWN IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET:
(1) Il-Greċja għandha tiżgura li l-kundizzjonijiet ta' akkoljenza provduti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-Greċja jilħqu l-istandards meħtieġa mid-Direttiva 2013/33/UE.
(2) Il-Greċja għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura l-aċċess effettiv għall-proċedura ta' ażil madwar it-territorju tal-Greċja, billi tistabbilixxi t-13-il Uffiċju Reġjonali tal-Ażil kollha u tiżgura l-manteniment tagħhom. L-Uffiċċji Reġjonali tas-Servizzi tal-Ażil b'mod partikulari għandu jkollhom biżżejjed persunal sabiex dawn l-uffiċċji jkunu kompletament operattivi u kapaċi jipproċessaw l-applikazzjonijiet tal-ażil kollha. Ir-riżorsi umani neċessarji meħtieġa għandhom jiġu kkalkulati b'referenza għall-għadd ta' applikazzjonijiet għall-ażil li saru fil-Greċja fl-aħħar sena. Għal dan l-għan, il-proċeduri ta' reklutaġġ neċessarji għandhom jiġu finalizzati b'urġenza.
(3) Il-Greċja għandha tiżgura li l-Kumitati tal-Appelli jkunu kompletament operattivi u b'persunal adegwat, sabiex tiżgura li jagħtu rimedju effettiv kontra kull deċiżjoni amministrattiva ġdida meħuda dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u li tirrilaxxa t-talbiet pendenti kollha għal stħarriġ ġudizzjarju ta' deċiżjonijiet amministrattivi dwar applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ sa tmiem l-2016.
(4) Il-Greċja għandha tiżgura li l-persuni kollha li jfittxu ażil jiġu pprovduti bl-għajnuna legali neċessarja fi proċeduri għal stħarriġ ġudizzjarju ta' deċiżjonijiet amministrattivi dwar applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, skont ir-rekwiżiti tad-dritt tal-UE u li l-qafas leġiżlattiv għall-għoti ta' għajnuna legali jkun adottat u implimentat malajr.
(5) Il-Greċja għandha tiżgura li l-istrutturi attwali għall-identifikazzjoni u t-trattament ta' applikanti vulnerabbli, inklużi minorenni mhux akkumpanjati, jilħqu l-istandards meħtieġa mill-acquis tal-ażil tal-UE u speċifikati b'mod partikulari fl-Artikoli minn 21 sa 25 tad-Direttiva 2013/33/UE u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2013/32/UE. Dan ifisser li l-Greċja għandha tiżgura li l-qafas legali neċessarju huwa fis-seħħ u li qed jiġi implimentat b'mod sħiħ sabiex ikun hemm garanzija li l-bżonnijiet ta' persuni vulnerabbli, inklużi minorenni mhux akkumpanjati, qed jiġu ssodisfatti kif xieraq, b'mod partikulari f'termini ta' akkomodazzjoni u kustodja.
(6) Il-Greċja għandha tiżgura li l-50 000 post ta' akkoljenza li l-Greċja impenjat li tistabbilixxi sa tmiem l-2015, b'kooperazzjoni mal-UNHCR, ikunu kompletament operattivi malajr kemm jista' jkun u li finanzjament adegwat ikun disponibbli sabiex ikunu żgurati l-manteniment u s-servizzi essenzjali bħall-forniment tal-ikel u s-sanitazzjoni b'mod kontinwu.
(7) Il-Greċja għandha tiżgura li l-ipprogrammar tal-fondi tal-UE u l-finanzjament mill-baġit nazzjonali jaqdi l-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Rappurtaġġ dwar Azzjonijiet Meħuda
|
(8) |
Il-Greċja hija mitluba li tirrapporta lill-Kummissjoni sal-4 ta' Marzu 2016 u mbagħad abbażi ta' kull xahar dwar il-progress tagħha fl-implimentazzjoni tal-miżuri identifikati f'din ir-Rakkomandazzjoni. |
Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Frar 2016.
Għall-Kummissjoni
Dimitris AVRAMOPOULOS
Membru tal-Kummissjoni
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).
(2) M.S.S vs Il-Belġju u l-Greċja (nru 30696/09) u NS vs is-Segretarju tal-Istat għad-Dipartiment tal-Affarijiet Interni C-411/10 u C-493/10.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1) li ġie sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 604/2013.
(4) SWD(2014) 316 finali.
(5) COM(2015)240 finali.
(6) ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146.
(7) ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80.
(8) ĠU L 248 24.9.2015, p. 80 u ĠU L 239 15.9.2015, p. 146.
(9) L-1 243 laqagħa tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (8-9 ta' Diċembru 2015).
(10) COM(2015) 678 finali, il-15 ta' Diċembru 2015.
(11) Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96) u ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.
(12) Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180 29.6.2013, p. 60).