This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D1765
Commission Implementing Decision (EU) 2016/1765 of 3 October 2016 on the identification of ICT Technical Specifications for referencing in public procurement (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1765 tat-3 ta' Ottubru 2016 dwar l-identifikazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-ICT eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1765 tat-3 ta' Ottubru 2016 dwar l-identifikazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-ICT eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
C/2016/6108
ĠU L 269, 4.10.2016, p. 20–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
4.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 269/20 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1765
tat-3 ta' Ottubru 2016
dwar l-identifikazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-ICT eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Pjattaforma Ewropea tal-partijiet interessati dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT u l-esperti fis-settur,
Billi:
(1) |
L-istandardizzazzjoni għandha rwol importanti fil-ħidma favur l-istrateġija Ewropa 2020, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”. Diversi inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 jisħqu fuq l-importanza tal-istandardizzazzjoni volontarja fis-swieq tal-prodotti jew tas-servizzi sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà bejn il-prodotti u s-servizzi, sabiex jitrawwem l-iżvilupp teknoloġiku u sabiex jingħata appoġġ lill-innovazzjoni. |
(2) |
L-istandards huma essenzjali għall-kompetittività Ewropea u kruċjali għall-innovazzjoni u għall-progress. Ir-rilevanza tagħhom hija enfasizzata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-inizjattivi riċenti għall-ikkompletar tas-Suq Uniku (2) u s-Suq Uniku Diġitali (3) fejn ir-rwol tal-istandardizzazzjoni u tal-interoperabbiltà fil-ħolqien ta' Ekonomija Ewropea Diġitali huwa msaħħaħ bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-Prijoritajiet għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali (4) billi jiġi stabbilit approċċ komprensiv u strateġiku għal politika ta' standardizzazzjoni tat-Teknoloġiji ICT prijoritarji li huma kruċjali għall-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali. |
(3) |
Fis-soċjetà diġitali, l-istrumenti tal-istandardizzazzjoni huma indispensabbli biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tan-netwerks u tas-sistemi. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem ta' “Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: il-mixja 'l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020” (5) tagħraf l-ispeċifiċità tal-istandardizzazjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-ICT), fejn is-soluzzjonijiet, l-applikazzjonijiet u s-servizzi ħafna drabi jiġu żviluppati minn Fora u Konsorzji globali tal-ICT, li saru organizzazzjonijiet ewlenin għall-iżvilupp tal-istandards tal-ICT. |
(4) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 għandu l-għan li jimmodernizza u jtejjeb il-qafas Ewropew tal-istandardizzazzjoni. Jistabbilixxi sistema li biha l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tidentifika l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT li huma l-iktar rilevanti u aċċettati maħruġin minn organizzazzjonijiet li mhumiex organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali tal-istandardizzazzjoni. Il-possibbiltà li tintuża l-medda sħiħa tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT fl-akkwist ta' hardware, software u servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni se tippermetti l-interoperabbiltà bejn l-apparat, is-servizzi u l-applikazzjonijiet, ser tgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jevitaw ir-restrizzjonijiet li jseħħu meta x-xerrej pubbliku ma jkunx jista' jibdel il-fornitur wara l-iskadenza tal-kuntratt tal-akkwist minħabba l-użu ta' soluzzjonijiet tal-ICT esklussivi, u se tħeġġeġ il-kompetizzjoni fil-provvista ta' soluzzjonijiet interoperabbli tal-ICT. |
(5) |
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT li jistgħu jkunu eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku jridu jkunu konformi mal-ħtiġiet stipulati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Il-konformità ma' dawk il-ħtiġiet tiggarantixxi lill-awtoritajiet pubbliċi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT ikunu stabbiliti skont il-prinċipji tal-aċċess miftuħ, tal-imparzjalità, tal-oġġettività u tan-nondiskriminazzjoni li huma rrikonoxxuti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-qasam tal-istandardizzazzjoni. |
(6) |
Id-deċiżjoni li tiġi identifikata l-ispeċifikazzjoni tal-ICT għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT, stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C-349/04 (6) ikkumplimentata minn forom oħra ta' konsultazzjoni ma' esperti fis-settur. |
(7) |
Il-pjattaforma Ewropea ta' bosta partijiet interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT evalwat u tat parir pożittiv dwar l-identifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-“World Customs Organization Data Model version 3.5” (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “WCO Data Model v 3.5”) u tal-“Content Management Interoperability Services version 1.0 & version 1.1” (minn hawn 'il quddiem imsejħa CMIS v1.0 & v1.1), “Electronic business XML Messaging Services Version 3.0”: Il-Parti 1 “Core Features” u “Application Statement 4 Profile of ebMS 3.0 Version 1.0” (minn hawn 'il quddiem imsejħa “ebMS3.0-AS4”), “Business Document Metadata Service Location Version 1.0” (minn hawn 'il quddiem “BDX location”) u “Electronic business Core Party Identification Type Technical Specification Version 1.0” (minn hawn' il quddiem “ebCorePartyIdType”), dawk żviluppati minn OASIS, għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku. Sussegwentement, l-evalwazzjoni ġiet sottomessa għall-konsultazzjoni ta' esperti settorjali li wkoll taw parir pożittiv dwar l-identifikazzjoni tagħha. |
(8) |
L-ispeċifikazzjoni teknika “WCO Data Model version 3.5” ġiet żviluppata mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) u tikkonsisti minn sett ta' ħtiġiet ta' data li huma ta' appoġġ reċiproku u li jilħqu l-ħtiġijiet proċedurali u legali ta' aġenziji regolatorji transfruntiera bħad-dwana; il-kontroll ta' tranżazzjonijiet, tal-esportazzjoni, tal-importazzjoni u tat-transitu. Hija konsistenti wkoll mad-Direttorju tal-Elementi tad-Data tal-Kummerċ fin-Nazzjonijiet Uniti (UNTDED), u spiss tintuża mill-amministrazzjonijiet membri tad-WCO għall-implimentazzjoni ta' sistemi regolatorji transfruntiera, inklużi s-sistemi ta' dikjarazzjonijiet elettroniċi u l-ambjenti ta' interfaċji uniċi. |
(9) |
L-ispeċifikazzjoni teknika “CMIS v1.0” maħruġa minn OASIS (Advancing open standards for the information society) tippermetti li jkun hemm sistemi diversi ta' immaniġġar tal-kontenut fuq l-Internet. Hija toffri mod standardizzat biex tfaddal, tikseb lura u ssib id-dokumenti u b'hekk tagħmilha possibbli li jsir skambju ta' informazzjoni bejn id-diversi repożitorji tal-kontenut. B'mod aktar speċifiku, “CMIS v1.0” jfisser saff ta' estrazzjoni biex jikkontrolla diversi sistemi għall-ġestjoni ta' dokumenti u arkivji elettroniċi bl-użu ta' protokolli tal-web. L-ispeċifikazzjoni tiddeskrivi kunċetti u funzjonalitajiet li huma appoġġati u li huma offerti mill-biċċa l-kbira tar-repożitorji tal-kontenut, bħat-tiftix, ir-rikjesti, iż-żieda u l-bdil tal-kontenut u tal-metadata. L-ispeċifikazzjoni teknika “CMIS v1.1” hija kompletament kompatibbli mas-“CMIS v1.0” u tinkludi funzjonijiet addizzjonali. |
(10) |
L-“electronic business XML Messaging Service” (“ebMS 3.0”) żviluppat minn OASIS jiffaċilita l-iskambju ta' messaġġi tan-negozju elettroniku fi ħdan qafas ta' Servizzi Onlajn tal-XML li jattira speċifikazzjonijiet tekniċi komuni tal-Internet. L-għan ta' “ebMS 3.0” huwa li jrawwem l-adozzjoni wiesgħa fost l-atturi kollha — kbar jew żgħar, amministrazzjoni pubblika jew kumpanija privata — li jikkollaboraw fil-proċessi tan-negozju permezz tal-iskambju ta' messaġġi, biex jittrattaw id-differenzi fil-kapaċità ta' fluss tal-messaġġi, tal-konnettività intermittenti, tan-nuqqas ta' indirizzi IP fissi jew tar-restrizzjonijiet firewall. L-ispeċifikazzjoni teknika “Application Statement 4 Profile of ebMS 3.0 Version 1.0” (mqassra għal “AS4”) hija protokoll modern bbażat fuq is-servizzi tal-web li tipprovdi gwida għal metodoloġija standardizzata għall-iskambju sikur, indipendentement mit-tip ta' dokument, ta' ordnijiet, fatturi u tipi oħra ta' dokumenti kummerċjali via s-servizzi Web. |
(11) |
L-ispeċifikazzjoni teknika “Business Document Metadata Service Location” (“BDX Location”) maħruġa minn OASIS hija aġġornament tal-kunċett PEPPOL ta' SML (Service Metadata Location). Is-servizz metadata għall-interazzjonijiet kummerċjali jipprovdi informazzjoni dwar it-tip tat-tranżazzjonijiet ta' data u ta' teknoloġiji abilitanti korrispondenti disponibbli għall-parteċipanti fi proċessi ta' negozju speċifiċi. L-ispeċifikazzjoni teknika “BDX Location” tirreferi għall-post ta' servizz ta' metadata primarjament bħala l-identifikatur ta' terminu speċifikat minn URL. |
(12) |
L-ispeċifikazzjoni teknika “ebCorePartyIdType” żviluppata minn OASIS tispeċifika mekkaniżmu formali għal grupp ta' referenza formali tal-iskemi ta' identifikazzjoni tat-tip bl-użu ta'dominju formali ta' ismijiet URN (Uniform Resource Name) għall-identifikaturi tal-organizzazzjoni li jibbażaw rwieħhom fuq tliet standards internazzjonali: ISO/IEC 6523, ISO 9735 u ISO 20022. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mniżżlin fl-Anness huma eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ottubru 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Caude JUNCKER
(1) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.
(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji.” COM(2015) 550 final tat-28 ta' Ottubru 2015.
(3) Komunikazzjoni dwar Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa. COM(2015) 192 finali tas-6 ta' Mejju 2015.
(4) COM(2016) 176 finali tad-19 ta' April 2016.
(5) COM(2011) 311 final tal-1 ta' Ġunju 2011.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C-349/04 tat-28 ta' Novembru 2011 li twaqqaf Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT (ĠU C 349, 30.11.2011, p. 4).
ANNESS
Organizzazzjoni Doganali Dinjija (WCO) (1)
Nru |
Titolu tal-ispeċifikazzjoni teknika tal-ICT |
1 |
World Customs Organization Data Model version 3.5 (“WCO Data Model version 3.5”) |
OASIS (Advancing open standards for the information society) (2)
Nru |
Titolu tal-ispeċifikazzjoni teknika tal-ICT |
1 |
“Content Management Interoperability Services version 1.0” (“CMIS 1.0”) |
2 |
“Content Management Interoperability Services version 1.1” (“CMIS 1.1”) |
3 |
Business Document Metadata Service Location Version 1.0 (“BDX location”) |
4 |
“Electronic business XML Messaging Services Version 3.0: Parti 1, Core Features” u “Application Statement 4 Profile of ebMS 3.0 Version 1.0” (“ebMS3.0-AS4”) |
5 |
Electronic business Core Party Identification Type Technical Specification Version 1.0 (“ebCorePartyIdType”) |
(1) http://www.wcoomd.org/
(2) http://www.oasis-open.org/