Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1155

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1155 tal-14 ta' Lulju 2016 dwar l-ekwivalenza tas-sistema tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-Istati Uniti tal-Amerika skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2016) 4363) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/4363

    ĠU L 190, 15.7.2016, p. 80–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1155/oj

    15.7.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 190/80


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1155

    tal-14 ta' Lulju 2016

    dwar l-ekwivalenza tas-sistema tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-Istati Uniti tal-Amerika skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2016) 4363)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar l-awditi statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2006/43/KE l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru huma meħtieġa jirreġistraw lill-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar kollha ta' pajjiżi terzi li jipprovdu rapporti tal-awditjar dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati ta' kumpaniji inkorporati barra l-Unjoni li t-titoli trasferibbli tagħhom huma ammessi għan-negozju f'suq regolat f'dak l-Istat Membru. L-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2006/43/KE jeħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw lil dawn l-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar għas-sistemi tagħhom ta' sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità, investigazzjonijiet u penalitajiet.

    (2)

    L-Istati Membri jistgħu ma japplikawx jew jimmodifikaw abbażi tar-reċiproċità r-rekwiżiti tal-Artikolu 45(1) u (3) tad-Direttiva 2006/43/KE fir-rigward tal-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta' pajjiż terz sakemm is-sistemi tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta' dak il-pajjiż terz għandhom jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti taħt id-Direttiva. Il-kundizzjonijiet skont liema r-rekwiżiti tal-Artikolu 45(1) u (3) tad-Direttiva 2006/43/KE ma jiġux applikati jew jiġu mmodifikati bħala konsegwenza tad-determinazzjoni tal-ekwivalenza jridu jkunu stipulati, bħala regola ġenerali, f'arranġament ta' kooperazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2006/43/KE bejn l-Istat Membru u s-sistema ta' sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità u investigazzjonijiet u penali tal-pajjiż terz rilevanti, u kkomunikati lill-Kummissjoni.

    (3)

    Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/281/UE (2), il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti, jiġifieri s-Securities and Exchange Commission tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Public Company Accounting Oversight Board tal-Istati Uniti tal-Amerika, kienu ekwivalenti għas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, u s-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u d-ditti tal-awditjar tal-Istati Membri. Din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ma tibqax tapplika mill-31 ta' Lulju 2016. Għalhekk, l-ekwivalenza ta' dawn is-sistemi għandhom jiġu rivalutati.

    (4)

    Il-limitazzjoni taż-żmien tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/281/UE kienet minħabba n-nuqqas ta' fiduċja reċiproka fis-sistemi ta' sorveljanza ta' xulxin. Għalhekk, il-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti ġie rivedut sabiex issir valutazzjoni tal-progress li sar lejn il-kisba ta' dipendenza reċiproka. Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/281/UE, ċerti forom ta' dipendenza ġew stabbiliti, inkluż impenn biex tiġi evitata duplikazzjoni tax-xogħol bla bżonn u sabiex jiġu definiti approċċi għal kooperazzjoni li twassal għal livell ogħla ta' fiduċja fil-futur.

    (5)

    Fil-każ ta' kumpanija inkorporata fl-Istati Uniti u li t-titoli trasferibbli tagħha jkunu ammessi għan-negozju f'suq regolat ta' Stat Membru, iżda li ma tkunx ammessa għan-negozju fl-Istati Uniti tal-Amerika, l-Istati Membri jinħtieġ jiżguraw li kull inkarigu tal-awditjar relatat mar-rapporti finanzjarji ta' din il-kumpanija jkun kopert mill-arranġamenti ta' kooperazzjoni konklużi mal-Istati Uniti tal-Amerika biex ikun determinat liema sistema ta' sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità, investigazzjoni u penali se tapplika għall-awdituri ta' dawn il-kumpaniji. F'każ li dawn l-inkarigi tal-awditjar isiru minn awditur jew entità tal-awditjar ta' Stat Membru ieħor, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li l-inkarigu tal-awditjar ikun inkluż fl-ambitu ta' waħda mis-sistemi tagħhom ta' sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità u investigazzjoni u penali. Dawk l-arranġament ma jimpedixxux lill-Istati Membri milli jistabbilixxu arranġamenti ta' kooperazzjoni dwar analiżi individwali tal-aċċertament tal-kwalità bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti.

    (6)

    Kull konklużjoni dwar l-ekwivalenza tas-sistemi ta' sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità u investigazzjonijiet u penali ta' pajjiż terz skont l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2006/43/KE ma jippreġudikax xi deċiżjoni li l-Kummissjoni tista' tadotta dwar l-adegwatezza tar-rekwiżiti milħuqa mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak il-pajjiż terz skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47(3) ta' din id-Direttiva.

    (7)

    L-għan aħħari tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u dawk tal-Istati Uniti fil-qasam tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, is-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u d-ditti tal-awditjar huwa li tintlaħaq fiduċja reċiproka fis-sistemi ta' sorveljanza ta' xulxin abbażi tal-ekwivalenza tagħhom.

    (8)

    Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-ekwivalenza tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, is-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tas-Securities and Exchange Commission tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Public Company Accounting Oversight Board tal-Istati Uniti tal-Amerika, bl-assistenza tal-Grupp Ewropew tal-Korp ta' Sorveljanza tal-Awdituri. Il-valutazzjoni saret fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 29, 30 u 32 tad-Direttiva 2006/43/KE li jirregolaw is-sistemi tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, l-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u d-ditti tal-awditjar tal-Istati Membri. Is-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, is-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tas-Securities and Exchange Commission tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Public Company Accounting Oversight Board tal-Istati Uniti tal-Amerika jissodisfaw ir-rekwiżiti li huma ekwivalenti għal dawk tal-Artikoli 29, 30 u 32 ta' din id-Direttiva.

    (9)

    Il-Public Company Accounting Oversight Board tal-Istati Uniti tal-Amerika għandu kompetenza fis-sorveljanza pubblika, fl-aċċertament estern tal-kwalità u fl-investigazzjoni ta' awdituri u ditti tal-awditjar. Is-Securities and Exchange Commission tal-Istati Uniti tal-Amerika għandha kompetenza biex tissorvelja l-operazzjonijiet tal-Public Company Accounting Oversight Board.

    (10)

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti beħsiebhom ikomplu jevalwaw is-sistemi ta' sorveljanza pubblika, aċċertament tal-kwalità u investigazzjonijiet u penali fl-Istati Membri qabel jiddeċiedu li jafdaw is-sorveljanza li ssir mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Għaldaqstant, meta wieħed iqis li d-deroga prevista fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2006/43/KE hija bbażata fuq il-prinċipju ta' reċiproċità, il-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika għandu jiġi analizzat sabiex jiġi vvalutat il-progress li sar lejn il-kisba ta' fiduċja reċiproka fis-sistemi ta' sorveljanza ta' xulxin. Dan ir-rieżami għandu jqis ukoll jekk l-Istati Membri sabux diffikultajiet biex jiksbu rikonoxximent tal-ekwivalenza fir-rigward tas-sorveljanza pubblika tagħhom, aċċertament tal-kwalità, sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u d-ditti tal-awditjar mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti. Għal din ir-raġuni, din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli għal perjodu ta' żmien limitat.

    (11)

    Minkejja l-limitazzjoni taż-żmien, il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżviluppi fis-sistemi ta' sorveljanza u kooperazzjoni regolatorja fuq bażi regolari. Din id-Deċiżjoni se tiġi rieżaminata bħala adegwati fid-dawl tal-bidliet regolatorji u ta' sorveljanza fl-Unjoni u fl-Istati Uniti, filwaqt li tqis is-sorsi disponibbli ta' informazzjoni rilevanti. Dak ir-rieżami jista' twassal għall-irtirar tad-dikjarazzjoni ta' ekwivalenza.

    (12)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2006/43/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-fini tal-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, is-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, is-sistemi tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tas- Securities and Exchange Commission tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Public Company Accounting Oversight Board tal-Istati Uniti tal-Amerika għandhom jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti li huma ekwivalenti għal dawk tal-Artikoli 29, 30 u 32 ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    L-Artikolu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti kooperattivi dwar ir-rieżamijiet tal-aċċertament tal-kwalità individwali bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Awwissu 2016 sal-31 ta' Lulju 2022.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Jonathan HILL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/281/UE tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-ekwivalenza tas-sistema tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, tal-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar tal-Istati Uniti tal-Amerika skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (ĠU L 161, 13.6.2013, p. 8).


    Top