Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0995

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/995 tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.24571 — 2009/C (ex C 1/09, ex NN 69/08) mogħtija mill-Ungerija lil MOL Nyrt. (notifikata bid-dokument C(2015) 7324) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 162, 21.6.2016, p. 22–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/995/oj

    21.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 162/22


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/995

    tas-26 ta' Ottubru 2015

    dwar l-għajnuna mill-Istat SA.24571 — 2009/C (ex C 1/09, ex NN 69/08) mogħtija mill-Ungerija lil MOL Nyrt.

    (notifikata bid-dokument C(2015) 7324)

    (It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-għajnuna SA.24571 (ex C-1/09, ex NN 69/08) (1),

    Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq, u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    1.   SFOND

    1.1.   Miżuri Kkonċernati

    (1)

    Ir-regoli ġenerali li jirregolaw l-attivitajiet tal-estrazzjoni minerarja fl-Ungerija huma stabbiliti fl-Att dwar il-Minjieri (2) tal-1993 (“l-Att dwar il-Minjieri”). L-Att dwar il-Minjieri jiddistingwi l-attivitajiet ta' estrazzjoni minerarja eżerċitati fuq il-bażi ta' żewġ strumenti ġuridiċi differenti: (i) il-konċessjoni (3) u (ii) l-awtorizzazzjoni (4). Fiż-żewġ każijiet, l-estrazzjoni ta' riżorsi minerali hija soġġetta għal tariffa ta' estrazzjoni minerarja pagabbli lill-Istat li tikkostitwixxi persentaġġ tal-valur tal-minerali estratti.

    (2)

    L-Att dwar il-Minjieri jistipula li meta kumpanija tal-minjieri li tkun kisbet l-awtorizzazzjoni ta' estrazzjoni minerarja ma tibdiex l-estrazzjoni fi żmien ħames snin mid-data tal-awtorizzazzjoni, id-dritt ta' estrazzjoni minerarja jittieħed. Madankollu, skont it-Taqsima 26/A (5) tal-Att dwar il-Minjieri, din l-iskadenza tista' tiġi estiża bi ftehim bejn l-awtorità tal-minjieri u l-kumpanija tal-minjieri. F'każ bħal dan, il-kumpanija tal-minjieri għandha tħallas tariffa li tkun ogħla mit-tariffa applikata fiż-żmien tal-applikazzjoni oriġinali iżda mhux iktar minn 1,2 darba mil-livell oriġinali.

    (3)

    Hungarian Oil & Gas Plc (Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt.; “MOL”) akkwistat diversi awtorizzazzjonijiet għall-estrazzjoni tal-idrokarburi. Billi MOL ma bdietx l-estrazzjoni tal-idrokarburi fi żmien ħames snin mid-data tal-awtorizzazzjonijiet, fit-22 ta' Diċembru 2005, il-Ministru kompetenti kkonkluda ftehim ta' estensjoni (“il-ftehim tal-2005”) ma' MOL. Il-ftehim tal-2005 ippreveda tariffa ta' estensjoni kkalkulata fuq bażi annwali sal-2020 billi uża t-tariffa tal-estrazzjoni minerarja oriġinali ta' 12 % u multiplikatur li jvarja bejn 1,020 u 1,050.

    (4)

    Fuq il-bażi tal-emenda tal-Att dwar il-Minjieri li daħal fis-seħħ fit-8 ta' Jannar 2008, it-tariffa tal-estrazzjoni minerarja għall-awtorizzazzjonijiet ta' estrazzjoni tal-idrokarburi żdiedet minn 12 % għal 30 % tal-valur tal-minerali estratti (5) (“l-emenda tal-2008 tal-Att dwar il-Minjieri”). Iż-żieda fit-tariffa ma kinitx applikabbli għal dawk l-operaturi li l-awtorizzazzjonijiet tal-estrazzjoni minerarja tagħhom kienet ġiet estiża preċedentement.

    1.2.   Ftuħ tal-Investigazzjoni Formali

    (5)

    Fit-13 ta' Jannar 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi l-proċedura ta' investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (6) (“TFUE”) fil-proċeduri stabbiliti mill-Ungerija li allegatament ikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur MOL. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2009 rigward il-kawża SA.24571 (ex C 1/09; ex NN 69/08) (“id-deċiżjoni ta' ftuħ”) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-28 ta' Marzu 2009 (7).

    (6)

    Fid-deċiżjoni ta' ftuħ il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha dwar jekk is-sekwenza kkombinata ta' azzjonijiet li ħadet l-Ungerija wasslux għal vantaġġ selettiv li ngħata lil MOL. Is-sekwenza ta' azzjonijiet kienet komposta minn żewġ elementi: il-ftehim tal-2005 u l-emenda tal-2008 tal-Att dwar il-Minjieri. Fil-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi trattaw lil MOL b'mod aktar favorevoli mill-kompetituri tagħha li joperaw taħt l-istess reġim ta' awtorizzazzjoni.

    1.3.   Għeluq tal-Investigazzjoni Formali

    (7)

    Permezz tad-Deċiżjoni 2011/88/UE tagħha (8) dwar l-għajnuna mill-Istat SA.24571 (ex C 1/09; ex NN 69/08) li ngħatat mill-Ungerija lil MOL (“id-deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura favur MOL, jiġifieri l-kombinazzjoni tal-ftehim tal-2005 u l-emenda tal-2008 tal-Att dwar il-Minieri, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li mhijiex kompatibbli mas-suq intern fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Il-Kummissjoni talbet li l-Ungerija tirkupra l-għajnuna minn MOL sabiex terġa' tistabbilixxi s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ma ngħatat (9).

    1.4.   Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta' Novembru 2013 fil-Każ T-499/10, MOL NYRT vs il-Kummissjoni Ewropea

    (8)

    Wara azzjoni minn MOL, bis-sentenza tagħha tat-12 ta' Novembru 2013 fil-Każ T-499/10 (10), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi li s-selettività tal-miżura ma kinitx ġiet stabbilita.

    (9)

    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ftehim tal-2005 ma kienx selettiv. Il-Qorti Ġenerali stabbiliet li l-ambitu tad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi ppermettielhom li jippreżervaw trattament ugwali bejn il-kumpaniji tal-minjieri f'sitwazzjoni paragunabbli. Għaldaqstant, fid-dawl tal-Qorti Ġenerali, jekk il-kundizzjonijiet li huma esterni għall-ftehim li ma ġiex involut fl-għajnuna mill-Istat jinbidlu aktar tard b'tali mod li l-parti għal dan il-ftehim tkun f'pożizzjoni vantaġġuża fil-konfront ta' operaturi oħrajn li ma kkonkludewx ftehim simili, dan ma jkunx biżżejjed biex il-ftehim u l-modifika sussegwenti tal-kundizzjonijiet esterni ta' dak il-ftehim jitiqesu bħala li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

    1.5.   Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta' Ġunju 2015 fil-Kawża C-15/14 P, il-Kummissjoni Ewropea vs MOL Nyrt.

    (10)

    Permezz tas-sentenza tagħha tal-4 ta' Ġunju 2015 fil-Kawża C-15/14 P (11), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u annullat id-deċiżjoni kkontestata.

    (11)

    Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-valutazzjoni tal-Qorti Ġenerali li n-natura selettiva tal-ftehim tal-2005 ma kinitx stabbilita u li l-kombinazzjoni tal-ftehim tal-2005 u tal-emenda tal-2008 tal-Att dwar il-Minjieri ma setgħetx tiġi kategorizzata bħala miżura unika ta' għajnuna mill-Istat għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (12)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li hemm differenza fundamentali bejn il-valutazzjoni tas-selettività ta' skemi ġenerali għall-eżenzjoni jew għall-ħelsien li skont id-definizzjoni jikkonferixxu vantaġġ u l-valutazzjoni tas-selettività ta' dispożizzjonijiet fakultattivi tal-liġi nazzjonali li tippreskrivi l-impożizzjoni ta' ħlasijiet addizzjonali. F'każijiet fejn l-awtoritajiet nazzjonali jimponu ħlasijiet addizzjonali sabiex iżommu trattament indaqs bejn l-operaturi, is-sempliċi fatt li dawn l-awtoritajiet igawdu minn setgħa diskrezzjonali ddefinita bil-liġi, u mhijiex limitata, ma jistax ikun biżżejjed biex jistabbilixxu li l-iskema li tikkorrispondi hija selettiva.

    (13)

    Għar-raġuni msemmija hawn fuq, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-każ jista' jkun distint minn każijiet li fihom l-eżerċizzju ta' dan il-marġini huwa marbut mal-għotja ta' vantaġġ favur operatur ekonomiku speċifiku (12).

    (14)

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikkjarat li l-qafas ġuridiku li bih l-awtoritajiet nazzjonali jimponu ħlasijiet addizzjonali sabiex iżommu trattament indaqs bejn l-operaturi jista' jitqies biss bħala selettiv jekk l-awtoritajiet nazzjonali, waqt li jeżerċitaw il-marġini ta' valutazzjoni tagħhom, jiffavorixxu ċerti operaturi mingħajr l-ebda raġuni oġġettiva.

    (15)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li f'dan il-każ ma kien hemm l-ebda evidenza li l-awtoritajiet Ungeriżi, meta eżerċitaw is-setgħa tagħhom biex iżidu t-tariffi tal-estrazzjoni minerarja fil-każ ta' estensjoni tal-awtorizzazzjoni, trattaw lil MOL b'mod mhux ġustifikat u favorevoli (13).

    (16)

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-qafas ġuridiku li jirregola l-konklużjoni tal-ftehimiet tal-estensjoni ma jistax jitqies bħala selettiv f'dan il-każ.

    (17)

    B'referenza għas-sekwenza kkombinata ta' azzjonijiet li jikkostitwixxu miżura unika ta' għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-ġurisprudenza billi ddikjarat li miżura unika ta' għajnuna mill-Istat tista' tikkonsisti f'elementi kkombinati bil-kundizzjoni li, fir-rigward tal-kronoloġija tagħhom, l-iskop tagħhom u ċ-ċirkustanzi tal-impenn fil-ħin tal-intervent tagħhom, huma marbutin ħafna ma' xulxin tant li huma inseparabbli minn ma' xulxin (14).

    (18)

    Madankollu, f'dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li ż-żieda fit-tariffi tal-estrazzjoni minerarja, li daħlet fis-seħħ fl-2008, seħħet f'kuntest ta' żieda fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt grezz, jiġifieri l-Istat eżerċita s-setgħa regolatorja tiegħu b'mod oġġettivament ġustifikat wara evoluzzjoni tas-suq. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-ftehim tal-2005 kien ġie konkluż b'antiċipazzjoni tal-emenda tal-2008 (15).

    (19)

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda rabta kronoloġika u/jew funzjonali bejn il-ftehim tal-2005 u l-emenda tal-2008 tal-Att dwar il-Minjieri li setgħet tippermettilhom li jiġu interpretati bħala miżura unika ta' għajnuna mill-Istat.

    2.   PROĊEDURA

    (20)

    Fid-dawl tas-sentenza ta' annullament tad-deċiżjoni kkontestata mill-Qorti, il-proċedura ta' investigazzjoni formali għadha miftuħa. Fil-fatt, la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma qiesu li d-deċiżjoni tal-ftuħ f'dan il-każ kienet vizzjata b'xi żball. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni finali li tirrimedja d-difetti identifikati mill-Qrati tal-UE.

    3.   VALUTAZZJONI

    (21)

    L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jipprevedi li kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi. Jekk waħda minnhom ma tkunx issodisfata, il-miżura inkwistjoni ma tikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (22)

    Fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, huwa xieraq li l-valutazzjoni tal-kundizzjoni tas-selettività tiġi limitata.

    3.1.   Selettività

    (23)

    Sabiex titqies bħala għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun speċifika jew selettiva fis-sens li tiffavorixxi biss ċerti impriżi jew ċerti produtturi.

    (24)

    Kif spjegat aktar 'il quddiem fil-premessi 12 u 13, it-Taqsima 26/A (5) tal-Att dwar il-Minjieri ma tikkostitwix skema ġenerali għal eżenzjoni jew ħelsien ipprovduti għal ċerti impriżi. Għall-kuntrarju, dan jippermetti li l-awtoritajiet Ungeriżi jimponu tariffa ogħla ta' estensjoni għall-estensjoni ta' awtorizzazzjonijiet ta' estrazzjoni minerarja. L-istess patti u kundizzjonijiet huma applikati għall-operaturi kollha f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli.

    (25)

    Kif spjegat aktar 'il quddiem fil-premessi 14 u 15, ma hemm l-ebda evidenza ta' trattament favorevoli mhux ġustifikat ta' MOL mill-awtoritajiet Ungeriżi fir-rigward ta' kwalunkwe operatur ieħor li seta' kien potenzjalment f'sitwazzjoni paragunabbli. Il-fatt li l-awtoritajiet Ungeriżi igawdu ċertu livell ta' diskrezzjoni li huwa definit bil-liġi iżda mhuwiex limitat meta tiġi ffissata t-tariffa ta' estensjoni ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi li l-qafas ġuridiku stabbilit skont it-Taqsima 26/A (5) tal-Att dwar il-Minjiera huwa selettiv.

    (26)

    B'referenza għall-effetti kkombinati tal-ftehim tal-2005 u tal-emenda tal-2008 dwar l-Att dwar il-Minjieri, il-Kummissjoni tinnota li, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura unika ta' għajnuna mill-Istat tista' tikkonsisti f'elementi kkombinati bil-kundizzjoni li, fir-rigward tal-kronoloġija tagħhom, l-iskop tagħhom u ċ-ċirkustanzi tal-impenn fil-ħin tal-intervent tagħhom, huma marbutin ħafna ma' xulxin tant li huma inseparabbli minn ma' xulxin (16).

    (27)

    Madankollu, f'dan il-każ, kif deskritt aktar 'il quddiem fil-premessa 18, ma hemm l-ebda evidenza li l-Ungerija ffirmat il-ftehim tal-2005 waqt li dak iż-żmien diġà kellha l-ħsieb li sussegwentement iżżid it-tariffa tal-estrazzjoni minerarja għad-detriment ta' operaturi oħrajn tas-suq diġà preżenti fis-suq fid-data meta l-ftehim ġie ffirmat jew ta' operaturi ġodda. Iż-żieda fit-tariffi ta' estrazzjoni minerarja imposta fuq il-bażi tal-emenda tal-2008 tal-Att dwar il-Minjieri seħħet f'kuntest ta' żieda fil-prezzijiet internazzjonali.

    (28)

    Għaldaqstant, kif deskritt aktar 'il quddiem fil-premessa 19, ladarba ma hemm l-ebda rabta kronoloġika u/jew funzjonali bejn il-ftehim tal-2005 u l-emenda tal-2008 tal-Att dwar il-Minjieri, dawn ma jistgħux jiġu interpretati bħala miżura unika ta' għajnuna mill-Istat.

    3.2.   Konklużjoni dwar il-valutazzjoni

    (29)

    Fuq il-bażi ta' dak li ntqal aktar 'il quddiem, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sekwenza ta' azzjonijiet imwettqa mill-Ungerija, jiġifieri l-ftehim ta' estensjoni tal-2005 u l-emenda sussegwenti tal-Att dwar il-Minjieri, ma kinux selettivi favur MOL.

    (30)

    Meta wieħed iqis li s-sekwenza ta' azzjonijiet komposta fil-ftehim tal-2005 u l-emenda sussegwenti tal-Att dwar il-Minjieri mhijiex selettiva, mhuwiex neċessarju li jiġi vvalutat jekk jeżistux il-kundizzjonijiet l-oħrajn għall-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    4.   KONKLUŻJONI

    (31)

    Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-valutazzjoni mill-ġdid tal-għajnuna allegata li kienet l-oġġett tad-deċiżjoni ta' ftuħ twassal għall-konklużjoni li l-miżura favur MOL li qiegħda tiġi eżaminata, jiġifieri l-kombinazzjoni tal-ftehim tal-2005 tal-emenda tal-2008 tal-Att dwar il-Minjieri ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-kombinazzjoni tat-tariffa fissa tal-estrazzjoni minerarja ddefinita fil-ftehim tal-estensjoni konkluż bejn l-Istat Ungeriż u MOL Nyrt. fit-22 ta' Diċembru 2005 u l-emendi sussegwenti tal-Att XLVIII tal-1993 dwar il-Minjieri ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat lil MOL Nyrt. fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lejn l-Ungerija.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ottubru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Margrethe VESTAGER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU C 74, 28.3.2009, p. 63.

    (2)  1993. évi XLVIII. Törvény a bányászatról (Att Nru XLVIII tal-1993 dwar il-Minjieri).

    (3)  Il-konċessjonijiet jirrigwardaw l-hekk imsejħa “żoni magħluqin” meqjusin bħala rikki fil-minerali u prezzjużi ħafna. Il-konċessjonijiet jingħataw mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-offerenti li jirbħu l-kuntratt wara proċedura miftuħa tal-offerti.

    (4)  L-awtorizzazzjonijiet jirrigwardaw l-hekk imsejħa “żoni magħluqin” meqjusin bħala rikki fil-minerali u prezzjużi ħafna. L-awtorizzazzjonijiet ma jistgħux jiġu rifjutati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jekk l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi.

    (5)  Din iż-żieda kkonċernat l-oqsma li tpoġġew fil-produzzjoni bejn l-1 ta' Jannar 1998 u l-1 ta' Jannar 2008.

    (6)  ĠU C 115, 9.5.2008, p. 92.

    (7)  Ara n-nota' ta' qiegħ il-paġna 1.

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/88/UE tad-9 ta' Ġunju 2010 dwar l-għajnuna mil-Istat C 1/09 (ex NN 69/08) mogħtija mill-Ungerija lil MOL Nyrt. (ĠU L 34, 9.2.2011, p. 55).

    (9)  L-ammont li kellu jiġi rkuprat kien ta' HUF 28 444,7 miljun għall-2008 u HUF 1 942,1 miljun għall-2009. Għall-2010, fir-rigward tal-pagamenti tat-tariffi tal-estrazzjoni minerarja li diġà saru, l-ammont li kellu jiġi rkuprat kellu jiġi kkalkulat mill-Ungerija, bl-istess mod bħal għall-2008 u għall-2009, sakemm il-miżura ġiet abolita.

    (10)  Il-Kawża T-499/10 MOL vs il-Kummissjoni, EU:T:2013:592.

    (11)  Il-Kawża C-15/14 Il-Kummissjoni vs MOL, EU:T:2015:362.

    (12)  Is-sentenza fil-Kawża C-15/14 P; ara n-nota f'qiegħ il-paġna 11 aktar 'il quddiem; il-paragrafi 64, 65 u 69.

    (13)  Is-sentenza fil-Kawża C-15/14 P; ara n-nota f'qiegħ il-paġna 11 aktar 'il quddiem; il-paragrafi 66 u 69.

    (14)  Is-sentenza fil-Kawża C-15/14 P; ara n-nota f'qiegħ il-paġna 11 aktar 'il quddiem; il-paragrafu 92.

    (15)  Is-sentenza fil-Kawża C-15/14 P; ara n-nota f'qiegħ il-paġna 11 aktar 'il quddiem; il-paragrafi 96 u 98.

    (16)  Il-Kawżi Magħquda C-399/10 P u C-401/10 P Bouygues SA u Bouygues Télécom vs il-Kummissjoni u oħrajn, EU C 2013 175, il-paragrafi 103 u 104.


    Top