Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0644

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/644 tas-16 ta' Jannar 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA 31855 (11/C, ex N 503/10) li Ċipru qed jippjana li jagħti għar-ristrutturar tal-Biċċerija Ċentrali ta' Kofinos (notifikata bid-dokument numru C(2015) 58)

ĠU L 108, 23.4.2016, pp. 36–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/644/oj

23.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/36


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/644

tas-16 ta' Jannar 2015

dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA 31855 (11/C, ex N 503/10) li Ċipru qed jippjana li jagħti għar-ristrutturar tal-Biċċerija Ċentrali ta' Kofinos

(notifikata bid-dokument numru C(2015) 58)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex jibagħtu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni ċċitata hawn fuq (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Fis-6 ta' Mejju 2010, il-Kummissjoni approvat għajnuna ta' salvataġġ għall-Biċċerija Ċentrali ta' Kofinos (“CSK”) fil-forma ta' garanzija mill-Istat li tappoġġja self ta' EUR 1,6 miljun (2).

(2)

Permezz ta' ittra tat-3 ta' Novembru 2010, Ċipru nnotifika pjan ta' ristrutturar għal CSK skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

(3)

Permezz ta' ittra tas-7 ta' Diċembru 2010, il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari, li l-awtoritajiet Ċiprijotti pprovdew fl-10 ta' Jannar 2011. Fl-20 ta' Jannar 2011, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand il-kumpanija Cypra Ltd (“Cypra”), kompetitur ta' CSK.

(4)

Fis-7 ta' Frar 2011, il-Kummissjoni indirizzat ittra lil Ċipru, li fiha stednitu jipprovdi l-kummenti tiegħu dwar l-allegazzjonijiet tal-kumpanija lmentatriċi, u talbitu informazzjoni addizzjonali dwar il-pjan ta' ristrutturar. Ċipru pprovda l-kummenti tiegħu fl-4 ta' Marzu 2011.

(5)

Fis-16 ta' Frar 2011, il-Kummissjoni indirizzat talba għal informazzjoni addizzjonali lill-ilmentatriċi. Cypra wieġbet fit-2 ta' Marzu 2011.

(6)

Permezz ta' ittra datata s-26 ta' April 2011, il-Kummissjoni għarrfet lil Ċipru li hija kienet iddeċidiet fl-20 ta' April 2011 li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturar. Hija għarrfet lil Ċipru wkoll li hija ddeċidiet li tinvestiga numru ta' għajnuniet allegatament mogħtija lill-benefiċjarju. Dawk l-għajnuniet kienu: (i) it-tolleranza kontinwa min-naħa tal-Istat għal dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti, (ii) is-self ta' EUR 512 850 mill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet, (iii) l-allegata għajnuna b'konnessjoni mal-bonds appoġġjati mill-gvern, u (iv) l-akkwiżizzjoni tal-impjegati eżistenti u tal-obbligazzjonijiet tal-pensjoni relatati mill-muniċipalitajiet.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(8)

Permezz ta' ittra tal-25 ta' Mejju 2011, l-awtoritajiet Ċiprijotti talbu estensjoni tal-iskadenza ta' xahar għas-sottomissjoni tal-kummenti tagħhom. Din l-estensjoni tal-iskadenza ngħatat permezz ta' ittra mill-Kummissjoni datata s-7 ta' Ġunju 2011.

(9)

L-awtoritajiet Ċiprijotti bagħtu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni permezz ta' ittra datata l-24 ta' Ġunju 2011.

(10)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll il-kummenti tal-partijiet interessati, jiġifieri Cypra, A&A Sfagia Ltd., is-Cyprus Pig Farmers Association u r-raba' parti interessata li talbet li s-sottomissjoni tagħha tinżamm kunfidenzjali. Il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti li waslu mingħand il-partijiet interessati lill-awtoritajiet Ċiprijotti u tathom l-opportunità li jirreaġixxu; Ċipru bagħat il-kummenti tiegħu permezz ta' ittra datata t-8 ta' Novembru 2011.

(11)

Permezz ta' ittra datata l-1 ta' Marzu 2012, il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni supplimentari, li l-awtoritajiet Ċiprijotti pprovdew permezz ta' ittra datata t-30 ta' Marzu 2012.

(12)

Permezz ta' ittra tal-24 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni talbet aktar kjarifiki u informazzjoni aġġornata. L-awtoritajiet Ċiprijotti bagħtu tweġiba fis-26 ta' Novembru 2012.

(13)

Fl-14 ta' Mejju 2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti bagħtu aktar informazzjoni u kjarifiki.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

II.1   TITOLU

(14)

In-notifika kienet tikkonċerna l-għajnuna għar-ristrutturar lil CSK. Madankollu, is-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni kien estiż biex jinkludi wkoll għajnuniet oħrajn allegatament mogħtija lill-benefiċjarju.

II.2   IT-TUL TA' ŻMIEN U L-BAĠIT

(15)

Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, l-għajnuna għar-ristrutturar tingħata biss lill-benefiċjarju mal-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni. L-ammont ta' għajnuna inizjali, kif innotifikat f'Novembru 2010, kien ta' EUR 15-il miljun. Madankollu, fis-sottomissjoni tagħhom tal-14 ta' Mejju 2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti indikaw ammont ta' għajnuna ta' EUR 17,8 miljun, fid-dawl taż-żieda fl-ispejjeż tar-ristrutturar.

II.3   IL-BENEFIĊJARJA

(16)

Il-benefiċjarja ta' din l-għajnuna hija CSK. CSK twaqqfet fl-1981 bħala kumpanija ta' utilità pubblika tal-Istat, bil-għan li taqdi l-ħtiġijiet ta' ċerti muniċipalitajiet tad-Distretti ta' Lefkosia, Lemesos u Larnaka. Fl-2003, is-sistema regolatorja rilevanti ġiet liberalizzata permezz tal-adozzjoni tal-Liġi 26(I) tal-2003. (4) Dik il-liġi tirregola l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonijiet ta' biċċeriji ċentrali, bħal CSK. Skont l-istess liġi, il-proprjetà mobbli u immobbli ta' organizzazzjonijiet bħal dawn ma tistax tkun soġġetta għal proċedimenti normali ta' infurzar jew sekwestru, u lanqas għal xi proċedura oħra wara li tittieħed azzjoni kontrihom. Fl-2010 (jiġifieri fiż-żmien meta ntbagħtet in-notifika tal-għajnuna għar-ristrutturar), CSK kellha sehem mis-suq ta' madwar 30,7 % fis-suq Ċiprijott (5). F'Novembru 2012, is-sehem naqas għal madwar 26,5 %. L-awtoritajiet Ċiprijotti kkonfermaw li CSK topera f'żona li hija megħjuna għal finijiet ta' għajnuna reġjonali skont id-deroga tal-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE.

(17)

Skont il-liġi Ċiprijotta, huma biss il-kumpaniji rregolati bil-liġi privata li jistgħu jkunu soġġetti għal proċedimenti ta' falliment, billi d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi tal-Kumpaniji japplikaw biss għall-kumpaniji rregolati bil-liġi privata. B'konsegwenza ta' dan, jidher li l-kumpaniji ta' utilità pubblika tal-Istat ma jistgħux ikunu soġġetti għal proċedimenti ta' falliment.

(18)

Skont id-dikjarazzjonijiet finanzjarji li ġew sottomessi, fi tmiem l-2009 CSK kellha obbligazzjonijiet b'terminu qasir ta' madwar EUR 19,4 miljun u akkumulat telf ta' madwar EUR 28,6 miljun. Sal-aħħar tal-2012, l-obbligazzjonijiet b'terminu qasir qabżu EUR 30 miljun u t-telf akkumulat żdied għal kważi EUR 40 miljun.

(19)

Fiż-żmien tan-notifika tar-ristrutturar, CSK kellha 110 impjegati, li 22 minnhom kienu impjegati bi status ta' impjegat taċ-ċivil, filwaqt li l-bqija kienu ħaddiema bil-ġurnata. Il-fatturat tal-kumpanija għas-sena 2009 kien ta' madwar EUR 5 miljun. Fl-2012, il-fatturat naqas għal madwar EUR 3,6 miljun. Minkejja l-fatturat baxx tagħha, il-kumpanija ma tistax titqies bħala SME skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (6) għaliex aktar minn 25 % tad-drittijiet tal-vot tagħha (skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tal-Anness għal dik ir-Rakkomandazzjoni) huma kkontrollati minn korp pubbliku. CSK hija kompletament proprjetà tal-Istat u l-membri kollha tal-Bord tad-Diretturi tagħha jinħatru mill-awtoritajiet lokali parteċipanti.

(20)

Kif ġie spjegat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2010 b'rabta mal-għajnuna għas-salvataġġ lil CSK (każ Nru N 60/10), CSK irċeviet għajnuna għas-salvataġġ minħabba li ma setgħetx tiffunzjona aktar fil-forma attwali tagħha. Bħala r-raġuni ewlenija li wasslet lil CSK għas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha l-awtoritajiet Ċiprijotti indikaw il-fatt li, għall-kuntrarju tal-kompetituri ewlenin tagħha, CSK kienet kumpanija ta' utilità pubblika tal-Istat. Dan irriżulta f'nuqqas ta' flessibbiltà (fir-rigward tat-teħid tad-deċiżjonijiet u r-relazzjonijiet mal-persunal), kif ukoll fi spejjeż tax-xogħol għoljin u nuqqas ta' kultura tal-kumpanija. Fid-dawl tal-liberalizzazzjoni tas-suq, u d-dħul fis-suq ta' biċċeriji ġodda bi proprjetà privata, dan wassal għall-erożjoni tal-ishma mis-suq ta' CSK u għall-akkumulazzjoni sussegwenti tad-djun.

(21)

Fid-Deċiżjoni tagħha fil-każ Nru N 60/10 l-Kummissjoni rrikonoxxiet li CSK kienet impriża f'diffikultà. Il-kontijiet annwali tal-kumpanija għas-snin 2006-2009 ikkonfermaw din is-sejba. Huma wrew li l-introjtu tal-kumpanija ma setax ikopri l-infiq kurrenti, l-aktar minħabba l-ispejjeż tax-xogħol għoljin. B'riżultat ta' dan, il-kumpanija ma kinitx f'pożizzjoni li tħallas lura l-pagamenti akkont tas-self u obbligazzjonijiet oħrajn. CSK uriet is-sinjali ta' impriża f'diffikultà li jidhru hawn taħt: żieda fit-telf, tnaqqis fil-fatturat, żieda fil-kapaċità eċċessiva, tnaqqis fil-likwidità, żieda fid-dejn u tnaqqis fil-valur tal-assi netti. Fid-Deċiżjoni tagħha tas-6 ta' Mejju 2010, il-Kummissjoni sabet ukoll li CSK ma setgħetx tirkupra mingħajr għajnuna, minħabba li l-fondi u l-assi tagħha kienu qegħdin jonqsu malajr u li hija ma setgħetx tikseb fondi minn sorsi tas-suq.

(22)

Minn dak iż-żmien 'il hawn, ix-xejra negattiva fl-iżvilupp ekonomiku ta' CSK issoktat. Il-fatturat tagħha waqa' f'daqqa għal madwar EUR 3,6 miljuni fl-2012 meta hija akkumulat it-telf u, fl-istess waqt, l-ekwità negattiva kienet tammonta għal kważi EUR 40 miljun.

(23)

Sal-31 ta' Diċembru 2011, CSK kienet akkumulat dejn pendenti mal-Kummissarju tas-Self Ċiprijott ta' madwar EUR 11-il miljun, kellha pagamenti pendenti x'jitħallsu lill-awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali ta' madwar EUR 8,7 miljun u spejjeż veterinarji ta' madwar EUR 1,3 miljun.

II.4   BAŻI LEGALI

(24)

Il-bażi legali tal-għajnuna għar-ristrutturar hija d-Deċiżjoni Nru 71.196 datata t-2 ta' Novembru 2010, li ġiet adottata mill-Kunsill Ministerjali ta' Ċipru.

II.5   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(25)

L-għajnuna għar-ristrutturar inizjalment innotifikata u li kellha tingħata lill-benefiċjarju kienet tammonta għal EUR 15-il miljun. Dan l-ammont kien jirrappreżenta 55,6 % tal-ispiża totali tar-ristrutturar ta' EUR 26,85 miljun. L-44,4 % li fadal kellu jiġi ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet li saru minn CSK stess (cf. il-premessa 26 hawn taħt). Madankollu, fis-sottomissjoni tagħhom tal-14 ta' Mejju 2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti indikaw li, sadanittant, l-ispejjeż tar-ristrutturar kienu żdiedu u li, konsegwentement, l-ammont tal-għajnuna għar-ristrutturar kellu jiżdied ukoll għal EUR 17,772 miljun. It-tqassim tal-ispejjeż tar-ristrutturar skont l-awtoritajiet Ċiprijotti huwa kif ġej:

Miżura ta' Ristrutturar

L-ispiża f'Novembru 2010 (f'miljuni ta' EUR)

L-ispiża f'Mejju 2013 (f'miljuni ta' EUR)

Kumpens lill-Persunal

3,5

3,340

Il-ħlas tad-djun lejn l-Organiżmi tas-Sigurtà Soċjali

4,891

6,140

Il-ħlas tad-djun lejn it-Taqsima tad-Dħul Intern

2,361

3,646

Il-Pagamenti tal-Pensjonijiet tal-Persunal u pagamenti oħrajn ta' darba lill-ħaddiema

4,9

3,340

Ripagamenti tas-Self

11,1

13,306

Servizzi ta' Konsulenza

0,1

 

Totali

26,852

29,772

(26)

Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, CSK kellha l-ħsieb li tiffinanzja l-kontribuzzjoni tagħha permezz li tieħu self ġdid ta' EUR 5 miljun u permezz ta' ammont ta' EUR 7 miljuni miġbura minn bejgħ ta' proprjetà. Għalhekk, il-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju ta' EUR 12-il miljun tikkorrespondi għal 40,3 % tal-ispejjeż tar-ristrutturar aġġornati totali. F'April 2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti ssottomettew stima tal-proprjetà immobbli ta' CSK, li tistma l-valur tal-assi immobbli tal-biċċerija (art, bini u kiri) għal madwar EUR 8,2 miljun. Madankollu, fir-rigward tat-teħid ta' self ġdid, l-awtoritajiet Ċiprijotti indikaw fis-sottomissjoni tagħhom tal-14 ta' Mejju 2013 li, fl-isfond tal-ambjent ekonomiku attwali, il-kisba ta' self bħal dan għandha titqies bħala dubjuża.

II.6   IL-PJAN TA' RISTRUTTURAR

(27)

Il-pjan ta' ristrutturar tħejja f'Ottubru tal-2010 u ntbagħat lill-Kummissjoni bħala parti min-notifika sottomessa fit-3 ta' Novembru 2010. It-tweġiba pprovduta minn Ċipru fis-26 ta' Novembru 2012 kienet tinkludi aġġornament fir-rigward tal-projezzjonijiet finanzjarji u d-dejta tas-suq rilevanti. Il-pjan ta' ristrutturar oriġinali jinkludi t-taqsimiet li ġejjin:

II.6.1   Analiżi tas-suq

(28)

Din it-taqsima tal-pjan ta' ristrutturar tibda billi tispjega kif jiffunzjonaw il-biċċeriji f'Ċipru. Il-biċċeriji privati saru permessi mill-2003, fid-dawl tad-dħul imminenti ta' Ċipru fl-Unjoni Ewropea.

(29)

Il-pjan jgħaddi biex jippreżenta s-suq tal-produzzjoni tal-laħam (il-produzzjoni skont it-tip ta' laħam — majjal, ċanga u ovini/kaprini, il-prezzijiet, il-kwalità, l-impjiegi, l-importazzjonijiet/esportazzjonijiet, il-kompetituri) kif ukoll il-konsum tal-laħam f'Ċipru (il-konsum per capita, il-konsum ta' prodotti importati, il-konsum għal kull punt ta' bejgħ — ipermerkati/ħwienet tal-laħam/HORECA/industriji ta' prodotti tal-laħam ippreparati, markar korporattiv, il-kwalità tal-laħam). Il-pjan jipprovdi wkoll estimi tal-prospetti futuri għall-provvista u d-domanda fis-swieq ikkonċernati.

(30)

F'dak li għandu x'jaqsam mas-suq tal-biċċeriji, hemm ħames kumpaniji li huma attivi f'Ċipru. Fl-2010, is-sehem mis-suq tal-benefiċjarja skont il-pjan kien ta' madwar 31 %. Jekk is-suq jinqasam skont il-kategorija tal-laħam, l-ishma mis-suq kienu kif jidher hawn taħt għall-2009 u għall-ewwel tmien xhur tal-2010:

(%)

Tip ta' Annimal

Nagħaġ/mogħoż

Baqar

Ħnieżer

Total (7)

Sena

2009

2010

2009

2010

2009

2010

2009

2010

Cypra Ltd

20,39

22,37

63,34

70,40

50,79

56,79

Il-Biċċerija Ċentrali ta' Kofinou

34,24

30,53

100

100

27,26

21,96

34,84

30,72

Agioi Trimithias

18,97

17,15

4,74

2,46

6,71

4,26

A&A Slaughterhouses Ltd

14,52

18,37

4,66

5,18

5,87

6,62

Il-Biċċerija Muniċipali ta' Polis Chrysochous

11,89

11,58

1,73

1,61

Sors: Id-Dipartiment Veterinarju, tal-Ministeru tal-Agrikoltura, tar-Riżorsi Naturali u tal-Ambjent

(31)

Mill-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Ċiprijotti fis-26 ta' Novembru 2012 jirriżulta li s-sehem mis-suq totali ta' CSK kompla jonqos għal 29,3 % fl-2011 u għal 26,5 % fl-2012. Il-kumpanija tilfet ukoll il-monopolju tagħha fil-kategorija tal-qtil tal-baqar, wara d-dħul fis-suq ta' Cypra, iżda xorta waħda kellha aktar minn 92 % tas-sehem mis-suq f'dan is-segment. B'mod ġenerali, is-suq Ċiprijott għall-qtil tal-annimali fil-biċċeriji juri xejra ġenerali 'l isfel bi staġnar fl-2010, tnaqqis ta' 2 % fl-2011 u tnaqqis ieħor ta' 3,8 % fl-2012.

(32)

Fl-aħħar tal-2012, il-ħames biċċeriji attivi fis-suq Ċiprijott kellhom il-kapaċità indikata hawn taħt ta' annimali maqtula kuljum:

Nru

Isem tal-biċċerija

Kapaċità ta' annimali maqtula kuljum

Baqar

Ħnieżer

Nagħaġ/mogħoż

1

Il-Biċċerija Ċentrali ta' Kofinou

200

3 040

960

2

Cypra Ltd

104

1 920

1 200

3

A + A Slaughterhouses Ltd

1 200

880

4

Agioi Trimithias

700

700

5

Il-Biċċerija Muniċipali ta' Polis Chrysochous

500

(33)

Iċ-ċifri pprovduti juru l-waqgħa tabilħaqq konsiderevoli tas-sehem mis-suq ta' CSK fl-aħħar ftit snin. Fl-2005, is-sehem mis-suq ġenerali ta' CSK kien għadu għoli xejn inqas minn 68 %. Din iċ-ċifra niżlet għal 41 % fl-2008 u għal 26,5 % fl-2012. Dan l-iżvilupp kien dovut l-aktar għal-liberalizzazzjoni tas-suq fl-2003 u għad-dħul fis-suq sussegwenti ta' impriżi bi proprjetà privata.

(34)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-qtil tal-baqar fil-biċċeriji, il-pjan ta' ristrutturar kien ibbażat fuq is-suppożizzjoni li mill-inqas żewġ kompetituri attwali (Cypra u Ayioi Trimithias) kellhom il-ħsieb li jidħlu fis-suq. Barra minn hekk, qed jingħad li hemm kumpanija oħra (l-Organizzazzjoni Pan-Ċiprijotta ta' Dawk li Jrabbu l-Baqar) li għandha l-ħsieb li tidħol fis-suq. Dik l-organizzazzjoni tikkontrolla 75 % tas-suq tal-produzzjoni tal-baqar f'Ċipru. Eventwalment, Cypra daħlet f'dan is-segment fl-2012 u tirrikonoxxi wkoll li Agioi Trimithias u l-Organizzazzjoni Pan-Ċiprijotta ta' Dawk li Jrabbu l-Baqar ukoll qegħdin jippjanaw li jidħlu fis-suq għall-qtil tal-baqar fil-biċċeriji.

II.6.2   Preżentazzjoni tal-Benefiċjarja

(35)

CSK inħolqot permezz tad-Digriet Ministerjali bħala organizzazzjoni ta' Servizz Pubbliku, bil-għan li sservi bosta muniċipalitajiet, inklużi l-bliet ewlenin f'Ċipru, li kellu jkollhom faċilitajiet ta' biċċeriji. Il-Bord tad-Diretturi huwa magħmul minn 15-il membru (sitt sindki, ħames kunsilliera muniċipali u erba' rappreżentanti mill-Unjoni Komunitarja).

(36)

Kif ġie spjegat qabel, il-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpanija bdiet tiddeterjora mil-liberalizzazzjoni tas-suq fl-2003. Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, il-fatturi ewlenin li kkontribwixxew għas-sitwazzjoni tagħha jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

il-funzjonament tal-kumpanija u l-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi tagħha (uffiċjali muniċipali li għandhom prijoritajiet oħrajn u għalhekk mhux neċessarjament jiffokaw fuq il-problemi tal-kumpanija);

(b)

il-bażi tal-ekwità inizjali;

(c)

il-liberalizzazzjoni tas-suq, mingħajr pjan strateġiku sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi rilevanti;

(d)

l-ispejjeż tax-xogħol għoljin (persunal superfluwu, nuqqas ta' motivazzjoni, produttività baxxa, nuqqas ta' flessibbiltà fit-terminazzjoni tal-kuntratti, ebda kultura orjentata lejn is-servizzi, eċċ.);

(e)

produttività baxxa.

(37)

Il-maniġment tal-kumpanija pprova jindirizza wħud minn dawn il-problemi, u kellu xi riżultati pożittivi. Madankollu, il-waqgħa tal-ishma mis-suq tal-kumpanija rriżultat f'telf dejjem jiżdied matul is-snin.

(38)

Il-pjan jipprovdi analiżi SWOT (saħħa, dgħufija, opportunitajiet u theddid) għal CSK. Huwa sostnut li l-elementi ta' saħħa tagħha jinkludu kapaċità ta' produzzjoni sinifikanti, għarfien u tradizzjoni u konformità mar-regolamenti tal-UE. Id-dgħufijiet jinkludu spejjeż tal-produzzjoni għoljin, id-dipendenza fuq attività waħda, in-nuqqas ta' kultura orjentata lejn is-servizz u t-telf tal-fiduċja tal-klijenti fir-rigward tal-iskedi tal-qtil tal-annimali fil-biċċeriji. Barra minn hekk, il-kumpanija għandha nuqqas ta' flessibbiltà fir-rigward tal-funzjonament tagħha, kif ukoll fir-rigward tal-impjiegi. Li kieku l-kumpanija kienet qiegħda tiffunzjona bħala kumpanija privata, bil-parteċipazzjoni ta' investituri privati, id-deċiżjonijiet rilevanti kienu jittieħdu mill-Bord tad-Diretturi u mill-assemblea ġenerali tagħha. Fl-aħħar nett, l-impjegati tal-kumpanija għandhom status ta' impjegati taċ-ċivil, għalhekk it-tkeċċija tagħhom tkun estremament diffiċli u għalja.

(39)

It-theddidiet jinkludu d-dħul ta' parteċipanti ġodda fis-suq, iż-żieda mistennija fl-importazzjonijiet tal-laħam minn Stati Membri oħrajn tal-UE, minħabba l-prezzijiet aktar baxxi u l-kwalità aħjar tal-prodotti importati, li għandha twassal għal tnaqqis fil-qtil tal-annimali fil-biċċeriji f'Ċipru, it-tnaqqis tal-attivitajiet ta' trobbija tal-annimali f'Ċipru u l-ispejjeż għoljin tal-produzzjoni. F'dak li għandu x'jaqsam mal-opportunitajiet, il-pjan jirrikonoxxi l-possibbiltà li jinkrew linji tal-produzzjoni lil kumpaniji terzi, it-titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija permezz tal-bejgħ ta' proprjetà immobbli, kif ukoll il-kollaborazzjoni mal-parteċipanti kbar fis-suq.

II.6.3   Miżuri ta' ristrutturar

(40)

Għall-ewwel, l-ispiża totali għar-ristrutturar tal-kumpanija kienet tammonta għal madwar EUR 27 miljun. 55,6 % ta' dak l-ammont kellu jiġi pprovdut mill-Istat, filwaqt li l-parteċipazzjoni tal-kumpanija kellha tirrappreżenta l-44,4 % li jifdal (EUR 12-il miljun). Madankollu, kif ġie spjegat fil-premessa 25 aktar 'il fuq, l-awtoritajiet Ċiprijotti indikaw fis-sottomissjoni tagħhom tal-14 ta' Mejju 2013 li, sadanittant, l-ispejjeż għar-ristrutturar kienu żdiedu għal madwar EUR 29,8 miljun, filwaqt li l-kontribuzzjoni ta' CSK kienet se tibqa' l-istess.

(41)

Il-kontribuzzjoni proprja ta' CSK se tinġabar (i) mill-bejgħ ta' proprjetà immobbli (EUR 7 miljun) li, skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, għandu jkun nieqes minn element ta' għajnuna mill-Istat, minħabba li l-prezz se jiġi kkalkolat skont il-valur tas-suq minn stimatur indipendenti, u (ii) minn kuntratt ta' ftehim ta' self ġdid (EUR 5 miljun). Madankollu, l-awtoritajiet Ċiprijotti rrikonoxxew ukoll fis-sottomissjoni tagħhom tal-14 ta' Mejju 2013 li, fil-kuntest tal-ambjent ekonomiku attwali, il-kisba ta' self bħal dan għandha titqies bħala dubjuża.

(42)

Il-pjan jipprevedi l-miżuri ta' ristrutturar li ġejjin:

II.6.3.1   Flessibbiltà — Bidla tal-istatus legali

(43)

Għat-titjib tal-flessibbiltà tiegħu fl-oqsma kollha, il-pjan ta' ristrutturar jipproponi t-trasformazzjoni ta' CSK f'kumpanija rregolata bil-liġi privata. Huwa mistenni li dan itejjeb il-flessibbiltà tal-kumpanija f'dak li għandu x'jaqsam mat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan għandu jistimola wkoll l-interess minn investituri privati, li jistgħu jidħlu fil-parteċipazzjoni azzjonarja tal-kumpanija. Fl-aħħar nett, il-bidla fl-istatus tal-impjegati tiffaċilita l-ingaġġar u t-tkeċċija tal-persunal.

II.6.3.2   Tnaqqis tal-obbligazzjonijiet tal-kumpanija

(44)

Il-pjan ta' ristrutturar jipprevedi l-ħlas sħiħ tad-djun tal-kumpanija lill-Fond tas-Sigurtà Soċjali (EUR 6,14 miljun sal-aħħar tal-2012) u lit-Taqsima tad-Dħul Intern (EUR 3,646 miljun sal-aħħar tal-2012). Barra minn hekk, il-kumpanija se tħallas id-djun maturi li jammontaw għal EUR 13,306 miljun (inkluż is-self ta' salvataġġ diġà approvat ta' EUR 1,6 miljun). L-ispiża globali ta' din il-miżura hija kkalkolata li tlaħħaq għal madwar EUR 23,1 miljun. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ċiprijotti kkonfermaw fis-sottomissjoni tagħhom tal-14 ta' Mejju 2013 li l-obbligazzjonijiet pendenti dovuti lis-Servizz Veterinarju se jitħallsu b'mod gradwali wara r-ristrutturar.

II.6.3.3   Il-persunal

(45)

Il-pjan jipprevedi l-migrazzjoni tal-impjegati kollha li għandhom status ta' impjegati taċ-ċivil lejn il-muniċipalitajiet u t-tkeċċija tal-persunal li jifdal. Il-kumpanija, bl-istatus il-ġdid tagħha, imbagħad tissostitwixxi l-persunal tagħha b'impjegati ġodda. L-impjegati l-ġodda jiġu ingaġġati b'kundizzjonijiet ta' salarji u bi skemi ta' pensjoni ġodda. Il-kumpanija se jkollha wkoll il-possibbiltà li tirrikorri għal servizzi ta' esternalizzazzjoni kull meta jkollha bżonn. Huwa previst li wara r-ristrutturar tal-kumpanija, il-membri tal-persunal ikunu magħmula biss minn disa' karigi maniġerjali u 67 impjegat/ħaddiem. L-ispiża tal-miżuri rilevanti kollha għal CSK se tammonta għal EUR 6,68 miljun, maqsuma bejn l-ispejjeż tal-kumpens lill-persunal (EUR 3,34 miljun) u l-ħlas tad-drittijiet tal-pensjoni (EUR 3,34 miljun). Huwa previst li ladarba l-pjan jidħol fis-seħħ, l-ispejjeż tas-salarji jitnaqqsu drastikament.

II.6.4   Miżuri ta' kumpens

(46)

Il-pjan jipproponi l-miżuri ta' kumpens li ġejjin:

impenn minn CSK li ma testendix l-attivitajiet tagħha għal swieq assoċjati oħrajn (il-kummerċ tal-laħam, il-ħolqien ta' faċilitajiet għat-tqattigħ tal-laħam) għal perjodu ta' tliet snin;

impenn minn CSK li ma taġġornax it-teknoloġija tagħha għall-qtil tal-ħnieżer fil-biċċeriji, bix-xiri ta' linja għall-isturdament tal-ħnieżer bl-użu tad-dijossidu tal-karbonju, għal perjodu ta' tliet snin;

impenn minn CSK li, għal perjodu ta' tliet snin, ma tirrikorrix għal azzjonijiet aggressivi sabiex iżżid l-ishma tas-suq tagħha għal livelli 'l fuq minn dawk li hija kellha fl-2009. L-awtoritajiet Ċiprijotti identifikaw dawn li ġejjin bħala azzjonijiet aggressivi: (i) kampanji attivi ta' reklamar, (ii) tnaqqis aggressiv tal-prezzijiet, (iii) aġġornamenti teknoloġiċi sabiex tittejjeb il-kwalità, u (iv) l-akkwiżizzjoni tal-kompetituri.

(47)

Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, mhux se jkun possibbli li CSK tnaqqas il-kapaċità tagħha. Ir-raġuni hija li CSK għandha biss linja ta' produzzjoni waħda għal kull tip ta' annimal. L-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li l-bejgħ tal-magni rilevanti sabiex titnaqqas il-kapaċità se jwassal biex CSK toħroġ mis-segment tas-suq rilevanti.

II.7   OBBLIGU TA' SOSPENSJONI

(48)

Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, l-għajnuna għar-ristrutturar tista' tingħata biss wara li tiġi approvata mill-Kummissjoni.

II.8   RAPPORTI ANNWALI

(49)

L-awtoritajiet Ċiprijotti impenjaw ruħhom li jissottomettu rapporti dettaljati regolari dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar.

III.   L-ILMENT

(50)

Fl-20 ta' Jannar 2011, Cypra, kompetitur ta' CSK, ressqet ilment. Cypra hija kumpanija bi proprjetà privata li bdiet topera fis-suq tal-biċċeriji ta' Ċipru fl-2006. Fiż-żmien li ressqet l-ilment, Cypra kellha l-akbar sehem fis-suq tal-qtil tal-ħnieżer fil-biċċeriji (71 %), kif ukoll fis-suq tal-biċċeriji globali ta' Ċipru (57 %).

(51)

L-ilment allega li, fil-passat riċenti, il-benefiċjarja bbenifikat minn bosta għajnuniet. B'mod aktar speċifiku, qed jiġi sostnut li CSK irċeviet l-għajnuniet li ġejjin:

(a)

għajnuna fil-forma ta' tolleranza kontinwa mill-Istat għal dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti ta' madwar EUR 29 miljun, magħmula minn affarijiet bħal obbligazzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, self mogħti mill-Kummissarji tas-Self, imgħaxijiet rilevanti, kif ukoll ammonti li jirrappreżentaw il-ħlasijiet għall-qtil fil-biċċeriji. B'sostenn għat-talba tagħha, il-kumpanija lmentatriċi ssottomettiet opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissarju Ċiprijott għall-għajnuna mill-Istat fid-9 ta' Lulju 2007, li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Ċiprijotta fl-20 ta' Lulju 2007. Tabilħaqq, l-opinjoni tirrikonoxxi li l-awtoritajiet Ċiprijotti, billi jonqsu milli jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiġbru d-djun ta' CSK, fir-realtà qegħdin jagħtu għajnuna mill-Istat;

(b)

bidla taż-żona tal-akkomodazzjoni u tal-ippjanar tar-roqgħa art ta' CSK minn żona agrikola għal waħda industrijali f' Marzu 2007;

(c)

l-għoti ta' self li jammonta għal EUR 512 850 mill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet implimentata f'Diċembru tal-2007;

(d)

l-għajnuna għas-salvataġġ ta' EUR 1,6 miljun approvata mill-Kummissjoni Ewropea f'Mejju 2010, li skont l-ilmentatriċi ma kinitx tiġi approvata li kieku Ċipru ma naqasx li jiżvela fatti materjali, b'mod speċjali l-għoti preċedenti ta' għajnuniet mill-Istat.

(52)

L-ilment jikkonkludi li l-għotja tal-għajnuna għar-ristrutturar se tfixkel il-kompetizzjoni, minħabba li fis-snin ta' qabel il-benefiċjarja gawdiet b'mod kostanti minn għajnuniet mogħtija mill-Istat Ċiprijott.

(53)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-bidla taż-żona tal-akkomodazzjoni u tal-ippjanar tar-roqgħa art ta' CSK ma kinitx tidher li tinvolvi t-trasferiment ta' riżorsi tal-Istat, filwaqt li l-għajnuna għas-salvataġġ diġà kienet soġġetta għall-iskrutinju tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni offriet l-opportunità lill-awtoritajiet Ċiprijotti li jipprovdu l-kummenti tagħhom dwar l-allegazzjonijiet dwar l-għoti tal-għajnuniet imsemmija taħt il-premessa 51(a) u (c) hawn fuq.

(54)

Fit-tweġiba tagħhom tal-4 ta' Marzu 2011, l-awtoritajiet Ċiprijotti ma pprovdewx informazzjoni adegwata li turi li t-tolleranza kontinwa tad-dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tas-self ta' EUR 512 850, l-awtoritajiet Ċiprijotti indikaw li wara opinjoni negattiva mill-Kummissarju Ċiprijott għall-għajnuna mill-Istat, CSK ħallset lura s-self lill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet bl-imgħax, permezz tat-trasferiment tas-sjieda tal-art.

IV.   DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI TAL-20 TA' APRIL 2011

(55)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-20 ta' April 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE. B'mod aktar speċifiku, hija kkonkludiet li, fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturar, il-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 107(1) huma, prima facie, issodisfati. Instab ukoll li kien hemm indikazzjonijiet li setgħet ingħatat xi għajnuna oħra fil-forma ta': (i) it-tolleranza kontinwa mill-Istat għal dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti, (ii) is-self ta' EUR 512 850 mill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet, (iii) l-allegata għajnuna b'konnessjoni mal-bonds appoġġjati mill-gvern, u (iv) l-akkwiżizzjoni mill-muniċipalitajiet tal-impjegati eżistenti u tal-obbligazzjonijiet tal-pensjoni marbutin magħhom.

IV.1   IL-KUMMENTI TA' ĊIPRU DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI TAL-20 TA' APRIL 2011

(56)

L-awtoritajiet Ċiprijotti għamlu l-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2011 permezz ta' ittra datata l-24 ta' Ġunju 2011. L-argumenti tal-awtoritajiet Ċiprijotti huma ppreżentati fil-punti li ġejjin.

IV.1.1   It-tolleranza tal-Istat għad-dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti

(57)

Fit-tweġiba tagħhom, l-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li bosta awtoritajiet pubbliċi, bħad-Dipartiment tad-Dħul Intern u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, fil-passat kisbu deċiżjonijiet tal-qrati li ordnaw lil CSK tħallas lura d-djun tagħha lill-awtoritajiet rilevanti. Madankollu, abbażi tal-Artikolu 18 tal-Liġi 26(I) tal-2003, il-proprjetà mobbli u immobbli tal-biċċeriji pubbliċi ma tistax tkun soġġetta għal proċedimenti normali ta' infurzar jew sekwestru, u lanqas għal xi proċedura oħra wara li tittieħed azzjoni kontrihom. Għalhekk, skont is-sistema regolatorja attwali, l-ordnijiet tal-qorti maħruġa kontra CSK ma jistgħux jiġu infurzati.

(58)

Huwa sostnut ukoll li minħabba li ma jistgħux jiġu infurzati d-deċiżjonijiet tal-qrati kontra CSK, u minħabba l-proċess ta' ristrutturar kontinwu, mhux se jittieħdu aktar miżuri mill-awtoritajiet sakemm jiġi konkluż il-proċess tar-ristrutturar. Huwa nnotat ukoll li ebda azzjoni differenti għall-ġbir tad-djun inkwistjoni ma tirriżulta fl-irkupru tal-ammonti. L-awtoritajiet Ċiprijotti jikkonkludu li d-deċiżjoni tagħhom li jagħtu l-għajnuna għar-ristrutturar lil CSK tikkostitwixxi prova tal-intenzjoni tal-gvern li jħallas id-djun ta' CSK lid-dipartimenti tal-gvern.

IV.1.2   Għoti ta' self ta' EUR 512 850 mill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet

(59)

L-awtoritajiet Ċiprijotti jirrikonoxxu li l-Unjoni tal-Muniċipalitajiet tat self ta' EUR 512 850 lil CSK f'Diċembru tal-2007. Wara li ġie sottomess l-ilment, il-Kummissarju Ċiprijott għall-għajnuna mill-Istat iddeċieda li l-għotja ta' din is-somma għandha titqies bħala għajnuna operattiva illegali li ngħatat mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea. L-awtoritajiet Ċiprijotti jżidu li CSK ħallset lura dan l-ammont fil-15 ta' Jannar 2010 lill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet bl-imgħax, permezz tat-trasferiment tas-sjieda tal-art b'valur ta' EUR 580 000. L-istima tal-art kienet effettwata mid-Dipartiment tar-Reġistru u tal-Istħarriġ tal-Artijiet, li huwa meqjus bħala l-istimatur uffiċjali tal-Istat. L-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li l-imgħax ta' EUR 67 150 jikkorrespondi għal rata ta' imgħax annwali ta' 6,12 %, jekk titqies ukoll il-kapitalizzazzjoni annwali. Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, din ir-rata ta' imgħax mhijiex aktar baxxa mir-rati tal-imgħax tas-suq b'kollateral immobbli matul il-perjodu inkwistjoni.

IV.1.3   Allegata għajnuna ġdida b'konnessjoni mal-bonds appoġġjati mill-Istat

(60)

L-awtoritajiet Ċiprijotti jtennu li l-bonds inkwistjoni nħarġu fl-1985 b'garanzija tal-Istat u reġgħu nħarġu fl-1992 u fl-1999 abbażi ta' Liġi approvata mill-Parlament. Fid-9 ta' Lulju 2007, il-Qorti Reġjonali ta' Lefkosia ordnat il-ħlas tad-dejn mill-Istat bħala l-garanti lil wieħed mill-proprjetarji tal-bonds. Wara din id-deċiżjoni tal-Qorti, il-gvern kellu jerġa' jħallas is-somom rilevanti, inkluż l-imgħax. L-Istat ma kellux kontro-pretensjonijiet kontra CSK u, għal dik ir-raġuni, ma sar ebda tħassir tal-pretensjonijiet.

IV.1.4   It-trasferiment tal-persunal lill-muniċipalitajiet

(61)

Fir-rigward tat-trasferiment tal-persunal lill-muniċipalitajiet, l-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li dan kien jikkonċerna biss 19-il impjegat. Il-benefiċċji tal-pensjoni għal dawn in-nies diġà tqiesu fl-ispejjeż tar-ristrutturar u skont il-pjan ta' ristrutturar dawn jammontaw għal EUR 1,4 miljun. Tlettax-il muniċipalità qablu li jingaġġaw 15 minn fost id-19-il membru permanenti tal-persunal ta' CSK, li b'dan il-mod ikopru l-ħtiġijiet tagħhom f'termini ta' persunal. Wara dan il-ftehim, il-Ministeru tal-Intern u l-Ministeru tal-Finanzi ma jawtorizzawx il-ħolqien ta' impjiegi ġodda jew addizzjonali fil-muniċipalitajiet involuti.

(62)

Wara dak li ntqal hawn fuq, ġie miftiehem li kull impjegat permanenti ta' CSK għandu jiġi ttrasferit bl-istess pożizzjoni u bl-istess salarju bħalma kellu diġà qabel f'CSK. Għal din ir-raġuni, ġei miftiehem li l-muniċipalitajiet li jieħdu f'idejhom l-impjegati preċedenti ta' CSK iħallsu l-parti tas-salarju li tikkorrespondi għall-iskala tas-salarju inizjali ta' impjegat ġdid u l-Istat iħallas id-differenza fis-salarju. L-ammonti li jħallas l-Istat jikkonċernaw il-perjodu mit-trasferiment sal-aħħar tal-karriera ta' kull impjegat. Din is-somma għall-15-il impjegat ta' CSK kienet stmata għal madwar EUR 3,4 miljun. Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, din is-somma ma tikkonċernax in-nefqa li kellha titħallas minn CSK u, għal din ir-raġuni, mhijiex inkluża fl-ispejjeż tar-ristrutturar. Din hija prattika standard f'ċirkostanzi simili. L-awtoritajiet Ċiprijotti jikkonkludu li, għal din ir-raġuni, il-miżura mhijiex ta' karattru selettiv u, għalhekk, ma tissodisfax waħda mill-kundizzjonijiet għall-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat. Madankollu, l-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li anki kieku din kellha titqies bħala għajnuna mill-Istat, hija tikkostitwixxi għajnuna ta' karattru soċjali li jmur lil hinn mill-interessi tal-benefiċjarju. Għal dawn l-għajnuniet, il-Linji Gwida jiddikjaraw li l-Kummissjoni tadotta approċċ pożittiv.

IV.1.5   L-effiċjenza tal-miżuri tal-pjan ta' ristrutturar

(63)

Fir-rigward tal-previżjoni tal-pjan ta' ristrutturar għal żieda fis-suq tal-biċċeriji ta' 2 % fit-tliet xenarji kollha (l-aqwa każ, l-agħar każ u intermedju), l-awtoritajiet Ċiprijotti jinnotaw li dan il-perċentwal kien iż-żieda annwali medja tal-annimali maqtula fil-biċċeriji f'Ċipru matul il-perjodu 1998-2008. Din kienet ukoll il-previżjoni li saret mill-maniġment ta' CSK għall-perjodu ta' ħames snin ta' wara. Tnaqqis fir-rata ta' tkabbir ta' 0,5 % isarraf fi tnaqqis fil-profitti ta' CSK ta' EUR 500 000, madankollu, il-benefiċjarja xorta waħda tibqa' tagħmel profitt wara l-perjodu ta' ristrutturar.

(64)

Fir-rigward tal-ispejjeż għat-trasferiment tal-persunal lill-muniċipalitajiet, l-awtoritajiet Ċiprijotti jtennu li se jiġu ttrasferiti 19-il persuna biss u li l-maġġoranza tal-membri tal-persunal żejda se jingħataw is-sensja.

(65)

Fid-deċiżjoni tagħha tal-20 ta' April 2011, il-Kummissjoni tqajjem id-dubji dwar il-ħila ta' CSK li tikkuntratta ftehimiet ta' self mal-istituzzjonijiet finanzjarji. F'dan ir-rigward l-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li CSK ikkuntrattat self ma' banek kummerċjali, li qiegħed jitħallas b'mod normali u mingħajr dewmien. Minħabba l-fatt li, kif ġie spjegat hawn fuq, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti, il-proprjetà ta' CSK ma tistax tkun soġġetta għal proċedimenti normali ta' infurzar u sekwestru, is-self ikkuntrattat mal-banek huwa kopert minn garanziji tal-Istat. L-awtoritajiet Ċiprijotti jżidu li dan se jinbidel bir-ristrutturar tal-kumpanija u bil-bidla tal-istatus legali tagħha. Is-self futur skont il-kundizzjonijiet tas-suq se jkun jista' jinkiseb bis-saħħa tal-proprjetà tal-kumpanija, fost din il-proprjetà immobbli ta' valur ta' madwar EUR 7 miljun. Rigward il-valur tal-proprjetà immobbli ta' CSK, l-awtoritajiet Ċiprijotti jispeċifikaw li dan il-valur ġie kkalkulat mid-Dipartiment tar-Reġistru u tal-Istħarriġ tal-Artijiet u mill-Ministeru tal-Intern.

(66)

Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet Ċiprijotti jtennu li l-problemi ta' CSK huma bbażati fuq il-fatti li ġejjin: (a) in-nuqqas ta' flessibbiltà fir-rigward tal-istruttura u l-funzjonament tagħha, (b) l-ispejjeż tax-xogħol għoljin, u (c) id-djun għoljin. Il-pjan ta' ristrutturar jirnexxilu jegħleb dawn il-problemi billi jbiddel l-istatus legali tal-kumpanija, inaqqas l-ispejjeż tax-xogħol u jnaqqas id-djun tal-kumpanija.

IV.1.6   L-effiċjenza tal-miżuri ta' kumpens

(67)

Fir-rigward tal-miżuri ta' kumpens, l-awtoritajiet Ċiprijotti l-ewwel itennu t-tħassib tagħhom dwar il-possibbiltà li Cypra tista' tikseb pożizzjoni ta' monopolju fis-suq. Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, Cypra indirizzat ittra lill-Ministeri Ċiprijotti tal-Intern, tal-Kummerċ u tal-Finanzi, fejn issemma li l-kumpanija għandha sehem mis-suq ta' 71 % fis-suq tal-qtil tal-ħnieżer fil-biċċeriji, li l-prezzijiet tagħha huma 20 % ogħla u li l-preferenza tal-klijenti hija bbażata, fost l-oħrajn, fuq il-fatt li hija toffri kwalità aħjar ta' laħam. Fil-fehma tal-awtoritajiet Ċiprijotti, dan jikkostitwixxi prova tal-fatt li Cypra għandha pożizzjoni dominanti u li, jekk CSK tieqaf topera, il-prezzijiet jogħlew. L-awtoritajiet Ċiprijotti jżidu li minkejja li Cypra indikat l-intenzjoni tagħha li tidħol fis-suq tal-qtil tal-baqar fil-biċċeriji fi żmien sitt xhur, sa issa hija għadha ma għamlitx dan. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li Cypra għad ma għandhiex il-liċenzji kollha meħtieġa għall-ippjanar tat-tqassim tal-ispazju u liċenzji ta' natura oħra, u għalhekk id-dħul tagħha fis-segment tal-qtil tal-baqar fil-biċċeriji improbabbli fil-limitu ta' żmien stabbilit. Skont l-informazzjoni li għandhom l-awtoritajiet Ċiprijotti, ma hemm ebda kumpanija oħra li għandha l-ħsieb li tidħol f'dan is-segment.

(68)

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-kapaċità eċċessiva, l-awtoritajiet Ċiprijotti jinnotaw li l-kapaċità eċċessiva fis-segment tal-qtil tal-ħnieżer fil-biċċeriji tilħaq 39 % u li l-kapaċità f'dan is-segment żdiedet bi 32 % minn mindu Cypra daħlet fis-suq fl-2006, filwaqt li l-kapaċità eċċessiva għall-ovini/kaprini maqtula fil-biċċeriji tilħaq 51 %, fejn żdiedet bi 17 % mid-dħul ta' Cypra fis-suq. Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, dan iwassal għall-konklużjoni li l-kapaċità eċċessiva fis-suq inħolqot mid-dħul ta' Cypra fl-istess suq. L-awtoritajiet Ċiprijotti jikkonkludu li minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja ta' CSK, kull restrizzjoni addizzjonali fuq l-operazzjonijiet ta' CSK taffettwa b'mod negattiv il-vijabbiltà tagħha.

IV.2   KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI

IV.2.1   Kummenti tal-kumpanija ilmentatriċi dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2011

(69)

L-ilmentatriċi ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2011 permezz ta' ittra datata l-4 ta' Lulju 2011. Fl-ittra tagħha, Cypra ttenni li l-Organizzazzjoni Pan-Ċiprijotta ta' Dawk li Jrabbu l-Baqar għandha l-ħsieb li toħloq biċċerija.

(70)

Fir-rigward tal-miżuri ta' kumpens, Cypra tosserva li jekk l-għajnuna għar-ristrutturar tiġi approvata u jekk dawk li jrabbu l-ħnieżer jiġu involuti f'CSK, meta wieħed iqis ukoll il-kostruzzjoni tal-biċċerija l-ġdida ta' A&A, il-vijabbiltà tagħha tiġi pperikolata. Ir-raġuni hija li n-numru ta' ħnieżer maqtula minnha se jonqos b'mod sinifikanti. Cypra tfakkar ukoll li riċentament hija investiet somom importanti sabiex iżżid il-kapaċità tagħha. Hija żiedet ukoll li s-Cyprus Pig Farmers Association (li tirrappreżenta 100 % ta' dawk li jrabbu l-ħnieżer f'din il-gżira) hija involuta fil-proċess ta' ristrutturar. Apparentament, lil din l-assoċjazzjoni il-gvern qiegħed joffrilha ishma fil-kumpanija l-ġdida li se tinħoloq wara r-ristrutturar. Dan diġà, skont Cypra, imur kontra l-impenn li kumpanija ma tirrikorrix għal azzjonijiet aggressivi biex iżżid l-ishma mis-suq għal tliet snin. Fir-rigward tal-kapaċità, it-tliet kumpaniji Cypra, A&A u Trimithias għandhom kapaċità li joqtlu aktar minn 20 000 ħanżir fil-ġimgħa, filwaqt li l-produzzjoni rilevanti hija ta' madwar 14 000.

(71)

Cypra ssostni li qabel tiġi approvata l-għajnuna, l-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom juru li CSK tkun f'pożizzjoni li tikkuntratta self ta' EUR 5 miljun. Fi kwalunkwe każ, l-aqwa soluzzjoni, skont l-ilmentatriċi, hija li tingħalaq il-linja tal-produzzjoni tal-qtil tal-ħnieżer. Dan ma joħloq ebda nuqqas fis-suq, minħabba li l-bqija tal-kumpaniji jistgħu jkopru l-ħtiġijiet tal-pajjiż. Cypra tagħmel ukoll allegazzjonijiet dwar ir-relazzjoni mill-qrib bejn il-membri attwali u dawk preċedenti tal-gvern Ċiprijott mal-maniġment ta' CSK li, jekk tissokta, twassal għal aktar imġiba inġusta kontra l-biċċeriji privati.

(72)

Fir-rigward tal-pretensjonijiet tal-Istat kontra CSK, Cypra ssostni li CSK ġabret ħlasijiet veterinarji li jammontaw għal EUR 900 000, li ma ngħatawx lura lill-Istat. Fir-rigward tat-trasferiment tal-persunal, l-Istat qabel li jissussidja l-ispiża tat-trasferiment tal-impjegati, billi jħallas id-differenza bejn is-salarju ta' impjegati li għadhom kif inħatru (fil-muniċipalitajiet) u s-salarju attwali tal-ħaddiema, għall-impjegati kollha li se jiġu ttrasferiti. Barra minn hekk, għall-impjegati li se jibqgħu fil-kumpanija l-ġdida, l-Istat se jissussidja 40 % tas-salarju preċedenti, sakemm jiġi fi tmiemu s-servizz tagħhom, filwaqt li l-kumpanija ġdida tħallas 60 %.

(73)

Fir-rigward tal-kontribuzzjoni proprja tal-kumpanija, Cypra ssostni li l-bejgħ tal-proprjetà immobbli ta' CSK għandu jsir fis-suq ħieles. Cypra tissuspetta li l-valur tal-art inkwistjoni, kif jidher mill-kera li talab l-Istat mingħand kumpanija oħra (Sigan Management Limited) fl-istess żona, huwa ferm aktar baxx minn dak indikat fil-pjan ta' ristrutturar. Fir-rigward tal-għoti tas-self ta' EUR 512 850 mill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet, Cypra tiddubita kemm is-self tħallas lura permezz tat-trasferiment ta' sjieda tal-art.

(74)

Fl-aħħarnett, l-ilmentatriċi tipproponi li kull ristrutturar ta' CSK fil-ġejjieni għandu jinkludi l-kiri temporanju tal-linja għall-qtil tal-baqar fil-biċċerija lill-Organizzazzjoni Pan-Ċiprijotta ta' Dawk li Jrabbu l-Baqar, il-kiri temporanju tal-linja tal-produzzjoni tal-ovini/kaprini lil kull min ikun interessat u l-għeluq tal-linja għall-qtil tal-ħnieżer. Meta l-Organizzazzjoni Pan-Ċiprijotta ta' Dawk li Jrabbu l-Baqar toħloq il-biċċerija tagħha, il-biċċerija ta' CSK għandha tingħalaq u l-gvern għandu jbigħ l-art involuta lil partijiet terzi.

IV.2.2   Il-kummenti ta' partijiet interessati oħrajn dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2011

(75)

Kien hemm għadd ta' partijiet terzi oħrajn li ssottomettew il-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2011.

(76)

Kumpanija kompetitriċi waħda (A&A Slaughterhouses) issostni li hija għadha kif lestiet mill-aġġornar tas-sit tal-produzzjoni tagħha u li bħalissa hija għandha l-possibbiltà li taqdi 35-40 % tal-ħtiġijiet tal-pajjiż fil-qtil tal-ħnieżer fil-biċċeriji u 30 % tal-qtil tal-ovini/kaprini fil-pajjiż. Il-kumpanija ssostni wkoll li l-pjan ta' ristrutturar għal CSK ma kkunsidrax l-iżviluppi, bħall-aġġornar tal-linja tal-produzzjoni tal-kompetituri ta' CSK, bħal A&A jew il-kumpanija Agioi Trimithias. B'riżultat ta' dan, hija sostniet li s-sitwazzjoni tal-benefiċjarja hija ferm agħar milli jidher fil-pjan ta' ristrutturar, anki jekk wieħed iqis l-agħar xenarju possibbli. Barra minn hekk, A&A ssostni li l-argument tal-awtoritajiet Ċiprijotti li Cypra tista' tikseb pożizzjoni ta' monopolju jekk CSK twaqqaf waħda mil-linji ta' produzzjoni tagħha mhuwiex validu, minħabba l-aġġornar tal-linji tal-produzzjoni ta' A&A u Agioi Trimithias u l-kapaċità ta' dawk il-kumpaniji. Fil-fehma ta' A&A, il-miżuri ta' kumpens proposti ma jistgħux jiġu aċċettati. L-unika miżura ta' kumpens kredibbli li tista' tiġi aċċettata tkun li CSK tieqaf toffri s-servizzi ta' qtil tal-ħnieżer fil-biċċeriji. Fl-istess ħin, il-ġestjoni ta' CSK għandha tiġi assenjata lil tim maniġerjali b'esperjenza fis-suq u għandhom jibqgħu fil-kumpanija joperaw il-linji għall-qtil tal-baqar u tal-ovini/kaprini numru żgħir biss ta' impjegati.

(77)

Parti waħda, li talbet li s-sottomissjoni tagħha tiġi ttrattata b'mod kunfidenzjali, sostniet li CSK debitament tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-Direttivi tal-UE dwar l-iskart. Madankollu, il-kompetituri tagħha kienu qegħdin jabbużaw mill-implimentazzjoni u l-kontroll inadegwati tad-Direttivi rilevanti tal-UE mill-awtoritajiet lokali, ħaġa li kienet qed tikkawża kompetizzjoni inġusta diretta u indiretta għal CSK, u li hija waħda mir-raġunijiet għas-sitwazzjoni finanzjarja attwali tal-kumpanija, minħabba li CSK, għall-kuntrarju tal-kompetituri tagħha, trid tħallas biex tittratta l-iskart li tiġġenera.

(78)

Parti waħda, is-Cyprus Pig Farmers Association, esprimiet tħassib fir-rigward tal-“aggressività tal-kumpanija dominanti fis-segment tal-qtil tal-ħnieżer fil-biċċerija”, jiġifieri Cypra. Huwa sostnut li jekk CSK tieqaf topera, Cypra tikseb pożizzjoni ta' monopolju, għall-inqas fis-segment tal-qtil tal-ħnieżer fil-biċċerija. Barra minn hekk, huwa sostnut li d-dħul fis-segment tal-qtil tal-baqar fil-biċċerija mhuwiex probabbli. L-assoċjazzjoni tinnota wkoll li dawk li jrabbu l-ħnieżer riċentament ħolqu kumpanija li bħalissa qiegħda tikkontrolla 60 % tal-produzzjoni tal-pajjiż. Fil-mument, l-għażla tal-biċċerija ssir mill-klijent (il-bejjiegħ tal-laħam bl-imnut jew bl-ingrossa). Madankollu, l-assoċjazzjoni tinnota li fil-ġejjieni l-kumpanija tista' tibbaża l-għażla tagħha tal-biċċerija fuq kunsiderazzjonijiet ta' vijabbiltà tal-biċċerija, pereżempju, billi titlob li jiġu sottomessi l-offerti għall-qtil tal-annimali tagħha. Għalhekk, fid-dawl tal-istruttura tas-suq f'Ċipru, il-vijabbiltà ta' ebda kumpanija ma għandha tittieħed bħala fatt.

IV.3   IL-KUMMENTI TA' ĊIPRU DWAR IS-SOTTOMISSJONIJIET TA' PARTIJIET TERZI

(79)

Permezz ta' ittra datata t-8 ta' Novembru 2011, l-awtoritajiet Ċiprijotti pprovdew il-kummenti tagħhom dwar is-sottomissjonijiet ta' partijiet terzi.

(80)

Fir-rigward tal-kummenti li saru minn A&A, l-awtoritajiet Ċiprijotti sostnew li l-pjan ta' ristrutturar kien ibbażat fuq is-sitwazzjoni tas-suq fiż-żmien tal-elaborazzjoni tiegħu. Tabilħaqq, il-pjan ikkunsidra l-funzjonament tal-biċċeriji ta' Agioi Trimithias u Cypra. Fir-rigward tal-ftuħ tal-faċilità ġdida ta' A&A, CSK temmen li dan mhux se jaffettwa l-kundizzjonijiet fis-suq b'mod sinifikanti. Ta' min jinnota li l-kummenti ta' A&A huma bbażati fuq il-fatt li din il-kumpanija se tibbenifika minn ħruġ potenzjali ta' CSK mis-suq. Madankollu, jekk dan iseħħ, CSK tiġi xolta u l-assi tagħha ma jkunux biżżejjed biex ikopru d-djun li għandha. F'dan il-każ, l-Istat jieħu f'idejh l-obbligazzjonijiet ta' CSK u jkun jista' jerġa' jiftaħ il-biċċerija operatur privat ieħor. Min-naħa l-oħra, il-pjan ta' ristrutturar jagħti l-opportunità lil CSK sabiex tkopri l-obbligazzjonijiet tagħha hi stess u, fl-istess ħin, ikun hemm il-possibbiltà li jidħlu investituri privati. Fir-rigward tal-miżuri ta' kumpens, l-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li A&A ma tissostanzjax is-suġġerimenti tagħha, li huma wkoll arbitrarji, ma jagħmlux sens ekonomiku u f'ebda każ ma jwasslu għall-vijabbiltà tal-kumpanija. L-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu wkoll li s-sottomissjoni ta' A&A tagħti l-impressjoni li l-pjan ta' ristrutturar ma tfassalx bir-reqqa. Madankollu, A&A tidher li tinjora l-elementi bażiċi tal-leġiżlazzjoni rilevanti u tal-pjan ta' ristrutturar innifsu.

(81)

Fir-rigward tal-kummenti li saru minn Cypra, l-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskji ta' monopolju, fil-mument mhuwiex ċar jekk humiex se jiftħu biċċeriji ġodda. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet jiffavorixxu miżuri li jippermettu lil CSK tkompli topera u li jimpedixxu l-ħolqien ta' monopolji jew oligopolji. Ir-ristrutturar ta' CSK iservi dan l-għan, speċjalment jekk CSK tkompli topera fis-segment tal-qtil tal-ħnieżer fil-biċċeriji. It-tħassib ta' Cypra dwar il-vijabbiltà tagħha jidher li huwa relatat aktar mal-ftuħ tal-biċċerija ta' A&A flimkien mal-funzjonament ulterjuri ta' CSK. F'dak li għandu x'jaqsam mal-identità tal-investituri privati, l-awtoritajiet Ċiprijotti jinnotaw li wieħed mill-investituri possibbli jista' tabilħaqq ikun membru tas-Cyprus Pig Farmers Association. Madankollu, dan ma jfissirx li waħda mill-kundizzjonijiet għal din il-parteċipazzjoni tkun li n-numri ta' ħnieżer maqtula minn CSK għandhom jiżdiedu jew li dawk li jrabbu l-ħnieżer għandhom ikunu l-klijenti ta' CSK.

(82)

L-awtoritajiet Ċiprijotti jiċħdu l-affermazzjoni ta' relazzjoni mill-qrib bejn il-membri preċedenti u dawk attwali tal-gvern ma' CSK u jsostnu li tali affermazzjonijiet huma infondati. Fir-rigward tal-ħlasijiet veterinarji, huwa sostnut li dawn qegħdin jitħallsu lura gradwalment. Bħala eżempju, l-awtoritajiet Ċiprijotti jinnotaw li fil-perjodu bejn l-2008 u l-2011 CSK ħallset is-somma ta' EUR 479 000. F'dak li għandu x'jaqsam mal-bejgħ tal-proprjetà immobbli ta' CSK, l-awtoritajiet Ċiprijotti jsemmu li l-istima tal-art saret minn stimatur indipendenti (id-Dipartiment tar-Reġistru u tal-Istħarriġ tal-Artijiet) u li l-affermazzjonijiet ta' Cypra huma ugwalment infondati. L-awtoritajiet Ċiprijotti ppreżentaw ittra li ntbagħtet mid-Dipartiment tar-Reġistru u tal-Istħarriġ tal-Artijiet tal-Istat, fejn ġiet iġġustifikata d-differenza fil-prezz bejn il-kera mħallsa minn Sigan Management Limited u l-evalwazzjoni tal-art ta' CSK. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li l-proposti ta' Cypra ma jistgħux jiġu aċċettati. Anki f'każ li r-ristrutturar ta' CSK ma jitlestiex, l-Istat jew il-likwidatur ta' CSK ikollu l-obbligu u d-dritt li jbigħ jew jikri l-assi ta' din il-kumpanija lil investituri jew impriżi privati.

IV.4   INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI SOTTOMESSA MILL-AWTORITAJIET ĊIPRIJOTTI

(83)

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ċiprijotti pprovdew aktar kjarifiki u informazzjoni aġġornata permezz ta' ittri tat-30 ta' Marzu 2012 u tas-26 ta' Novembru 2012. Huma ssupplimentaw is-sottomissjoni tagħhom b'elementi addizzjonali fl-14 ta' Mejju 2013.

(84)

Fir-rigward tal-obbligazzjonijiet pendenti ta' CSK, Ċipru pprovda tqassim fl-ittra tat-30 ta' Marzu 2012 u kompla jispeċifika n-natura ta' dawk l-obbligazzjonijiet u d-dati ta' maturità proprja tagħhom fl-ittra tas-26 ta' Novembru 2012. L-awtoritajiet Ċiprijotti ġibdu wkoll l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-Liġi 26(I) tal-2003, li tirregola l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-operat tal-biċċeriji ċentrali bħal CSK, u li tgħid li l-proprjetà mobbli u immobbli ta' dawn l-organizzazzjonijiet ma tistax tkun soġġetta għal proċedimenti normali ta' infurzar jew sekwestru, u lanqas għal ebda proċedura oħra wara li tittieħed azzjoni kontrihom, sempliċiment ħadet post il-Liġi 69 tal-1981 dwar il-Biċċeriji, li kienet tinkludi eżattament l-istess dispożizzjoni fl-Artikolu 22 tagħha. Għalhekk, l-awtoritajiet Ċiprijotti jħeġġu lill-Kummissjoni biex teżamina sa liema punt id-dispożizzjoni tal-Liġi tal-2003 tikkostitwixxi għajnuna eżistenti bis-saħħa tat-Trattat tal-Adeżjoni rilevanti u jirreferu għal każ simili li kien eżaminat mill-Kummissjoni (E 12/2005 — il-Polonja — Garanzija bla limitu mill-Istat favur Poczta Polska) fejn il-Kummissjoni kienet tal-fehma li għalkemm id-dispożizzjoni leġiżlattiva attwali li ssalva lill-impriża inkwistjoni milli tfalli hija inkluża f'Liġi tal-2003, dan kien każ ta' għajnuna eżistenti, minħabba li s-sustanza ta' dik id-dispożizzjoni oriġinat minn Liġi li tmur lura għall-1934.

(85)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ċiprijotti fis-sottomissjoni tagħhom tal-14 ta' Mejju 2013 ikkonfermaw li l-ammonti li jridu jitħallsu fil-kuntest tar-ristrutturar jinkludu ammonti nominali flimkien mal-arretrati tal-imgħax. Barra minn hekk, huma kkonfermaw li d-dejn pendenti dovut lis-Servizzi Veterinarji se jitħallas gradwalment minn CSK wara r-ristrutturar.

(86)

Fir-rigward tat-trasferiment tal-impjegati lill-muniċipalitajiet, fl-ittra tagħhom tat-30 ta' Marzu 2012, l-awtoritajiet Ċiprijotti speċifikaw li, fid-data tal-ittra, tmien impjegati kienu diġà ġew ittrasferiti fuq talba tal-muniċipalitajiet stess, li kellhom ħtiġijiet ta' persunal addizzjonali u meta, fil-klima ekonomika prevalenti, il-Ministeru tal-Intern u l-Ministeru tal-Finanzi ma setgħux japprovaw il-ħolqien ta' karigi ġodda jew addizzjonali fil-muniċipalitajiet. Il-pjan ta' ristrutturar jipprevedi t-trasferiment ta' 15-il impjegat b'kollox u jinkludi dispożizzjoni dwar drittijiet tal-pensjoni għal dawk il-15-il impjegat. Huwa previst li l-muniċipalitajiet lil dawk l-impjegati se jħallsuhom somma li tikkorrespondi mal-ewwel pass tal-iskala, bħallikieku kienu qegħdin jimpjegaw persuna maħtura ġdida fl-istess pożizzjoni, u li l-Istat se jkopri d-differenza bejn is-salarju l-ġdid u s-salarju attwali tal-impjegati. L-ammont totali meħtieġ sabiex ikopri d-differenza fis-salarju tal-15-il impjegat kien stmat mill-awtoritajiet Ċiprijotti għal EUR 3 342 450, mid-data tat-trasferiment sal-irtirar ta' kull wieħed minn dawn l-impjegati. Fl-istess kuntest, l-awtoritajiet Ċiprijotti enfasizzaw li, skont il-Liġi dwar it-Terminazzjoni tal-Impjiegi (N.24/1976), l-ispiża minima għall-biċċeriji privati biex jagħtu s-sensja lil 15-il impjegat tikkorrespondi għal perjodu ta' avviż obbligatorju ta' tmien ġimgħat. Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, biċċerija privata mhijiex obbligata li tħallas xi kumpens għat-tkeċċija tal-ħaddiema, sakemm ma jkunx hemm ftehimiet kollettivi speċifiċi mat-trade unions. Barra minn hekk, l-istess awtoritajiet indikaw li l-kumpanija kompetitriċi prinċipali ta' CSK ma jidhirx li għandha ftehimiet kollettivi ma' trade unions.

(87)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ċiprijotti ppreżentaw pjan tan-negozju aġġornat ibbażat fuq l-iżviluppi riċenti, kif ukoll fuq id-dejta tas-suq. Huma pprovdew ukoll tqassim aġġornat tal-ispejjeż tar-ristrutturar attwali u l-iffinanzjar tagħhom u, f'dan il-kuntest, ippreżentaw stima tal-proprjetà immobbli ta' CSK tal-24 ta' April 2013, li saret mid-Dipartiment tal-Artijiet u tal-Istħarriġ fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, li tistma l-valur fis-suq tal-art u tal-bini li jappartjenu lil CSK għal madwar EUR 8,16 miljun.

(88)

Fis-sottomissjoni tagħhom tal-14 ta' Mejju 2013, l-istess awtoritajiet irrikonoxxew ukoll li, fir-rigward tat-teħid ta' self ġdid, il-kisba ta' self bħal dan għandha titqies bħala dubjuża fl-isfond tal-ambjent ekonomiku attwali.

V.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

V.1   L-APPLIKABBILTÀ TAR-REGOLI DWAR L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(89)

CSK hija attiva fil-qtil tal-annimali għall-ikel, jiġifieri nagħaġ/mogħoż, ħnieżer u baqar. L-Artikolu 180 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (8), li kien fis-seħħ fil-mument tan-notifika tal-għajnuna għar-ristrutturar għal CSK, jgħid li l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat (issal-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE) għandhom japplikaw għall-produzzjoni u l-kummerċ taċ-ċanga u tal-vitella, tal-laħam tal-majjal, tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż. Għalhekk, il-miżuri inkwistjoni għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

V.2   IL-PREŻENZA TAL-GĦAJNUNA

(90)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti hija pprojbita, safejn hija taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(91)

L-għajnuna għar-ristrutturar tingħata mill-Istat ta' Ċipru u tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarja tagħha, minħabba li tingħata biss lil CSK. Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi fatt li l-pożizzjoni kompetittiva ta' impriża tissaħħaħ meta mqabbla ma' impriżi kompetituri oħrajn, billi tingħata benefiċċju ekonomiku li altrimenti ma kinitx tirċievi matul il-kors normali tan-negozju tagħha, jindika distorsjoni possibbli tal-kompetizzjoni (9). CSK hija attiva f'suq fejn iseħħ kummerċ bejn l-Istati Membri u, għalhekk, l-għajnuna tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba li CSK tingħata vantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, filwaqt li t-trasport transkonfinali tal-annimali għal finijiet ta' qtil fil-biċċeriji huwa permess. Barra minn hekk, l-investituri barranin jistgħu jinvestu f'biċċeriji f'Ċipru. B'hekk, il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(92)

Id-deċiżjoni preżenti, minbarra l-għajnuna għar-ristrutturar, tkopri wkoll bosta għajnuniet possibbli oħrajn li setgħu ngħataw jew li se jingħataw lil CSK. Dawn l-għajnuniet huma (i) t-tolleranza kontinwa tal-Istat għad-dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti, (ii) is-self ta' EUR 512 850 mill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet, (iii) l-allegata għajnuna b'konnessjoni mal-bonds appoġġjati mill-gvern, u (iv) l-akkwiżizzjoni mill-muniċipalitajiet tal-impjegati eżistenti u tal-obbligazzjonijiet tal-pensjoni relatati.

V.2.1   It-tolleranza tal-Istat għad-dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti

(93)

It-tolleranza kontinwa min-naħa tal-Istat għad-dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti normalment tista' taqa' taħt id-definizzjoni ta' għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE: hija każistika stabbilita sewwa li t-trattament favorevoli ta' kumpanija mill-Istat fir-rigward tal-irkupru tad-djun jista' jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Skont il-każistika tal-UE (10), tnaqqis tal-pagamenti fuq id-dejn mill-Istat bħala l-kreditur, jew in-nuqqas tal-Istat li jiġbor id-dejn pendenti, jistgħu jikkostitwixxu għajnuna, sakemm ma jkunx hemm kreditur privat li, fl-istess ċirkostanzi jew f'ċirkostanzi komparabbli, ikun aġixxa bl-istess mod. Tabilħaqq, fil-każ preżenti, jidher li l-għajnuna tingħata permezz ta' riżorsi tal-Istat, minħabba li l-Istat qed jirrinunzja għal dħul li jirriżulta mill-ħlas lura tad-djun ta' CSK. Kif iddikjarat fil-premessa 23 aktar 'il fuq, sal-31 ta' Diċembru 2011, CSK akkumulat dejn ta' madwar EUR 11-il miljun li kellu jitħallas lill-Kummissarju tas-Self, pagamenti ta' madwar EUR 8,7 miljun li kellhom jitħallsu lill-awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali u spejjeż veterinarji ta' madwar EUR 1,3 miljun. Barra minn hekk, jidher li l-miżura tagħti vantaġġ selettiv lil CSK, minħabba li tingħata speċifikament lil din l-impriża. L-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk imsemmija fuq fil-premessa 91 huma pertinenti għall-kundizzjoni tat-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ. Għalhekk, it-tolleranza tal-Istat għad-dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti minn CSK tikkostitwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

V.2.2   Self ta' EUR 512 850

(94)

F'dak li għandu x'jaqsam mas-self ta' EUR 512 850 mill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet, l-awtoritajiet Ċiprijotti indikaw li dan l-ammont ingħata f'Diċembru 2007. Wara opinjoni negattiva mill-Kummissarju Ċiprijott għall-għajnuna mill-Istat, CSK ħallset lura dan l-ammont bl-imgħax lill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet fil-15 ta' Jannar 2010, permezz tat-trasferiment tal-art b'valur ta' EUR 580 000. L-istima tal-art saret mid-Dipartiment tar-Reġistru u tal-Istħarriġ tal-Artijiet, li huwa meqjus bħala l-valutatur uffiċjali tal-Istat.

(95)

L-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li l-imgħax ta' EUR 67 150 jikkorrespondi għal rata ta' imgħax annwali ta' 6,12 %, inkluża l-kapitalizzazzjoni annwali. Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, din ir-rata ta' imgħax mhijiex aktar baxxa mir-rati tal-imgħax fis-suq bil-kollateral immobbli matul il-perjodu inkwistjoni. Il-Kummissjoni tinnota li r-rati tal-imgħax bażi għal Ċipru fil-perjodu ta' referenza jvarjaw minn 4,99 % (ta' Diċembru 2007) għal 1,24 % (ta' Jannar 2010). Skont l-avviż preċedenti tal-Kummissjoni dwar il-metodu għall-iffissar tar-rati ta' referenza u tar-rati ta' skont (11), kellhom jiżdiedu 75 punt bażi mar-rata bażi sabiex tiġi ddeterminata r-rata ta' referenza rilevanti. Skont il-Komunikazzjoni l-ġdida mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għall-iffissar tar-rati ta' referenza u tar-rati ta' skont (12), applikabbli mill-1 ta' Lulju 2008, bħala medja, għandu jiżdied marġini ta' 220 punt bażi (li jikkorrespondi għal kollateral normali u klassifikazzjoni sodisfaċenti jew inkella għal kollateral għoli u klassifikazzjoni finanzjarja dgħajfa). L-imgħax ta' 6,12 % p.a. mħallas minn CSK lill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet kien, bħala medja, ogħla mir-rata ta' referenza applikabbli għall-perjodu ta' Diċembru 2007 sa Jannar 2010. Għalhekk, il-Kummissjoni tista' fil-prinċipju taċċetta li, f'dak li għandu x'jaqsam mas-self ta' EUR 512 850 lil CSK mill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet, kull għajnuna involuta li possibbilment ingħatat mill-Istat fil-fatt tħallset lura lill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet.

(96)

Madankollu, ir-rati ta' referenza ddikjarati hawn fuq ma japplikawx għall-kumpaniji f'diffikultà. Kif ġie indikat diġà fil-premessa 21, il-Kummissjoni rrikonoxxiet fid-deċiżjoni tagħha li tapprova l-għajnuna għas-salvataġġ lil CSK, li din tal-aħħar kienet tabilħaqq impriża f'diffikultà. Dan kien ukoll l-argument tal-awtoritajiet ta' Ċipru qabel l-adozzjoni ta' dik id-deċiżjoni, kif sostnut mill-kontijiet tal-kumpanija għas-snin 2006-2009. Barra minn hekk, il-fatt li l-kumpanija naqset milli tonora l-bonds tagħha f'Lulju 2007 u, konsegwentement, l-Istat Ċiprijott bħala l-garanti kellu jintervjeni (cf. il-premessa 60), ikompli jagħti aktar saħħa lil din is-sejba. Matul l-2007, jidher li CSK wriet is-sinjali tas-soltu ta' impriża f'diffikultà, bħal żieda fit-telf, tnaqqis fil-fatturat, żieda fil-kapaċità eċċessiva, tnaqqis fil-likwidità u tnaqqis fil-valur tal-assi netti, kif deskritt fil-punt 11 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f'diffikultà, li kienu applikabbli f'dak iż-żmien. (13) Kemm l-avviż preċedenti tal-Kummissjoni dwar il-metodu għall-iffissar tar-rati ta' referenza u tar-rati ta' skont, kif ukoll il-Komunikazzjoni l-ġdida mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għall-iffissar tar-rati ta' referenza u tar-rati ta' skont jipprevedu marġini ta' riskju ta' mill-inqas 400 bps li għandu jiġi applikat għall-kumpaniji f'diffikultà. Minħabba li, f'Diċembru 2007, CSK kienet diġà ssodisfat il-kundizzjonijiet sabiex tiġi kklassifikata bħala kumpanija f'diffikultà, id-differenza bejn l-imgħax effettivament imħallas u l-imgħax li kien ikollha tħallas b'kunsiderazzjoni ta' marġini ta' riskju ta' 400 bps hija għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

V.2.3   Bonds b'Garanzija tal-Istat

(97)

Fl-1985, CSK ħarġet bonds b'garanzija tal-Istat, li reġgħu nħarġu fl-1992 u fl-1999. Ċipru adotta liġi għal dak il-għan. B'hekk, jidher li l-għajnuna ngħatat qabel l-adeżjoni ta' Ċipru mal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, skont il-punt 2.1 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE (issal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE) għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji (14), għajnuna fil-forma ta' garanzija tingħata fil-mument li tingħata l-garanzija, mhux meta tiġi invokata l-garanzija, u lanqas meta jsiru l-pagamenti taħt it-termini tal-garanzija. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ma ngħatat ebda għajnuna mill-Istat meta l-garanzija ġiet invokata fl-2007.

V.2.4   Għajnuna relatata mat-trasferiment tal-persunal

(98)

Fl-aħħar nett, kif hemm indikat fil-pjan ta' ristrutturar, għadd ta' membri tal-persunal se jiġu ttrasferiti lill-muniċipalitajiet. Kif ġie spjegat mill-awtoritajiet Ċiprijotti fl-ittra tagħhom tal-20 ta' April 2011, id-drittijiet tal-pensjoni tal-impjegati li se jiġu ttrasferiti lill-muniċipalitajiet ġew inklużi fl-ispejjeż tar-ristrutturar u jammontaw għal EUR 1,4 miljun. L-ispejjeż soċjali li ma ġewx inklużi fil-pjan ta' ristrutturar għandhom x'jaqsmu mal-parti tas-salarju tal-impjegati li hija d-differenza bejn il-livell tas-salarju ta' impjegat ġdid f'muniċipalità u s-salarju li kull impjegat kellu f'CSK. Dan l-ammont huwa stmat għal EUR 3,4 miljun.

(99)

Kull miżura li teżenta lil impriża mill-ħlasijiet li normalment jiġu inklużi fil-baġit tagħha tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Dan jinkludi wkoll l-ispejjeż marbuta mal-paga tal-impjegat. F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li l-fatt li l-miżuri tal-Istat għandhom l-għan li jikkumpensaw għall-ispejjeż addizzjonali ma jistax jikkostitwixxi bażi għall-iskwalifika tagħhom mid-definizzjoni ta' għajnuna. (15)

(100)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-differenza fis-salarju ta' EUR 3,4 miljun għall-impjegati li qegħdin jiġu ttrasferiti lill-muniċipalitajiet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur CSK.

V.3   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA

(101)

Il-projbizzjoni fuq l-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE ma teskludix li xi kategoriji ta' għajnuna jistgħu jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta' dak l-Artikolu.

(102)

Fl-applikazzjoni tad-derogi fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, il-Kummissjoni tista' tqis l-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern jekk jinstab li din tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta' ċerti żoni ekonomiċi, fejn tali għajnuna ma taffettwax b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni. Madankollu, għandu jkun innotat li, fil-prinċipju, l-għajnuna mill-Istat lil impriża f'diffikultà tista' tiġi ddikjarata bħala kompatibbli biss skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f'diffikultà, (16) minħabba li l-għajnuna lil impriża f'diffikultà normalment ma tkunx xierqa sabiex jintlaħaq objettiv leġittimu ta' kompatibbiltà, sakemm tibqa' dubjuża dik il-vijabbiltà stess tal-impriża.

V.3.1   It-tolleranza tal-Istat għad-dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti

(103)

Skont il-paragrafi 66 u 67 tal-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali mill-2014 sal-2020 (17), il-miżuri ta' għajnuna għandhom jinkludu xi element ta' inċentiv. Effett ta' inċentiv jeżisti biss meta l-għajnuna tbiddel l-imġiba ta' impriża b'tali mod li din tkun involuta f'attività addizzjonali li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur li ma kinitx tkun involuta fiha mingħajr l-għajnuna jew li fiha kienet tkun involuta biss b'mod ristrett jew differenti. Il-miżuri unilaterali ta' għajnuna mill-Istat li huma sempliċiment maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni finanzjarja ta' impriża, iżda li b'ebda mod ma jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur, huma meqjusa li jikkostitwixxu għajnuniet operattivi li huma inkompatibbli mas-suq intern.

(104)

It-tolleranza kontinwa tad-dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti minn CSK ma kinitx marbuta mal-investiment, mat-taħriġ, mal-ħolqien tal-impjiegi jew ma' ebda kontroparti mitluba mill-benefiċjarja. L-għajnuna kienet sempliċiment maħsuba biex issaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja tal-benefiċjarja. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li din l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna operattiva, li hija inkompatibbli mas-suq intern.

(105)

Fil-każ inkwistjoni, irid jiġi eżaminat ukoll jekk din il-miżura tistax tikkwalifika bħala għajnuna eżistenti.

(106)

Skont il-punt 4 tal-Anness IV.4 tat-Trattat dwar l-Adeżjoni ta' Ċipru, l-iskemi ta' għajnuna u l-għajnuna individwali mogħtija għall-attivitajiet marbuta mal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli, imdaħħla fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data tal-adeżjoni u li baqgħu applikabbli anki wara dik id-data, għandhom jitqiesu bħala għajnuna eżistenti skont it-tifsira tal-Artikolu 88(1) tat-Trattat tal-KE (issal-Artikolu 108(1) tat-TFUE) jekk il-miżura ta' għajnuna tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni fi żmien erba' xhur mid-data tal-adeżjoni. Il-lista kkomunikata minn Ċipru wara l-adeżjoni tiegħu fl-1 ta' Mejju 2004 u ppubblikata mill-Kummissjoni (18) ma kienet tinkludi ebda għajnuna mogħtija favur CSK. Għalhekk, il-miżura inkwistjoni ma tistax titqies bħala għajnuna eżistenti skont it-tifsira tal-punt 4 tal-Anness IV.4 tat-Trattat tal-Adeżjoni.

(107)

Madankollu, il-pjan ta' ristrutturar jipprevedi, fost l-oħrajn, it-trasformazzjoni ta' CSK f'kumpanija rregolata bil-liġi privata. Din it-trasformazzjoni se ġġib fi tmiemu l-istatus legali attwali ta' CSK li, fil-ġejjieni, se tkun soġġetta wkoll għal proċedimenti normali ta' falliment.

(108)

Barra minn hekk, il-pjan ta' ristrutturar jipprevedi l-ħlas sħiħ tad-djun tal-kumpanija lill-Fond tas-Sigurtà Soċjali u lit-Taqsima għad-Dħul Intern, kif ukoll il-ħlas tad-djun maturi lill-Kummissarju tas-Self (cf. il-premessa 44). Minbarra dan, l-awtoritajiet Ċiprijotti kkonfermaw li l-obbligazzjonijiet pendenti dovuti lis-Servizz Veterinarju se jitħallsu gradwalment wara r-ristrutturar. Huma jsostnu li d-deċiżjoni tagħhom li jagħtu l-għajnuna għar-ristrutturar lil CSK tikkostitwixxi prova tal-intenzjoni tal-gvern li jimplimenta arranġament fir-rigward tad-djun dovuti minn CSK lid-dipartimenti tal-gvern.

(109)

Billi impriża f'diffikultà, bħalma hi CSK, tista' fil-prinċipju tgawdi biss minn għajnuna kompatibbli mill-Istat abbażi ta' pjan ta' ristrutturar u salvataġġ approvat, il-ħlas tal-obbligazzjonijiet pendenti se jiġi ttrattat direttament taħt il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar.

V.3.2   Self ta' EUR 512 850

(110)

Kif intwera fil-premessa 96 aktar 'il fuq, ma jistax jiġi eskluż li kien hemm element ta' għajnuna addizzjonali b'konnessjoni mas-self ta' EUR 512 850 mill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet li sa issa għadu ma tħallasx lura minn CSK. Din l-għajnuna addizzjonali lanqas ma kienet marbuta mal-investiment, mat-taħriġ, mal-ħolqien tal-impjiegi jew ma' ebda kontroparti mitluba mill-benefiċjarja. L-għajnuna kienet sempliċiment maħsuba biex issaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja tal-benefiċjarja. Għalhekk, din l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna operattiva, li hija inkompatibbli mas-suq intern. Dan l-element ta' għajnuna addizzjonali xorta waħda jrid jitħallas lura lill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet u jżid l-obbligazzjonijiet pendenti ta' CSK, li l-ħlas tagħhom se jiġi ttrattat taħt id-dejn li jrid jitħallas bħala parti mir-ristrutturar (cf. il-premessa 109 hawn fuq).

V.3.3   Għajnuna lill-persunal

(111)

Il-Kummissjoni konsistentement sostniet li l-kumpens għall-hekk imsejħa spejjeż mhux irkuprabbli (jiġifieri spejjeż li jirriżultaw mill-impenji konklużi qabel il-bidu tal-ftuħ tas-suq li ma jistgħux jibqgħu jiġu onorati taħt l-istess kundizzjonijiet f'ambjent ta' suq kompetittiv) jista', f'ċerti ċirkostanzi, jitqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

(112)

F'dan il-kuntest, hija rrikonoxxiet li t-tranżizzjoni gradwali minn sitwazzjoni ta' kompetizzjoni ristretta ħafna għal waħda ta' kompetizzjoni ġenwina fil-livell tal-Unjoni għandha ssir taħt kundizzjonijiet ekonomiċi aċċettabbli. Għalhekk, f'għadd ta' deċiżjonijiet, hija aċċettat li l-Istati Membri jagħtu għajnuna mill-Istat sabiex jeżentaw lill-operatur storiku minn parti mill-obbligazzjonijiet tal-“legat” tiegħu. Fil-prattika deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-eżenzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju sabiex tibbilanċja r-rata tal-obbligazzjonijiet soċjali li jħallas l-operatur storiku bħala spiża mar-rata tal-obbligazzjonijiet soċjali mħallsa mill-kompetituri tiegħu. (19)

(113)

Fil-każ preżenti, huwa kkunsidrat li CSK, minħabba n-natura tagħha bħala organizzazzjoni ta' servizz pubbliku, tinsab fi żvantaġġ strutturali meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, minħabba li hija jkollha tħallas spejjeż tax-xogħol għoljin li jirriżultaw mill-perjodu ta' qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-biċċeriji f'Ċipru qabel l-adeżjoni ta' Ċipru mal-UE fl-2004 (cf. il-premessi 35 u 36).

(114)

Fit-tweġiba tagħhom tat-30 ta' Marzu 2012, l-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li skont il-Liġi dwar it-Terminazzjoni tal-Impjiegi (N.24/1976) l-ispiża minima għall-biċċeriji privati biex jagħtu s-sensja lill-impjegati tikkorrespondi għal perjodu ta' avviż obbligatorju ta' tmien ġimgħat (cf. il-premessa 86 aktar 'il fuq). Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, biċċerija privata mhijiex obbligata li tħallas xi kumpens għat-tkeċċija tal-ħaddiema, sakemm ma jkunx hemm ftehimiet kollettivi speċifiċi mat-Trade Unions li, skont l-istess awtoritajiet, ma jidhirx li huwa l-każ għall-kumpanija kompetitriċi prinċipali ta' CSK.

(115)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-differenza fis-salarju ta' EUR 3,4 miljun għall-impjegati li qegħdin jiġu ttrasferiti lill-muniċipalitajiet tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern iżda, minħabba li CSK hija impriża f'diffikultà, din kellha tiġi inkluża minn Ċipru fl-ispejjeż tar-ristrutturar rispettivi. Għalhekk, il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà se tiġi ttrattata direttament taħt il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar.

V.3.4   Għajnuna għar-ristrutturar

(116)

Sabiex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna inkwistjoni tistax titqies bħala kompatibbli abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, hija għandha tiġi eżaminata fl-isfond tal-kundizzjonijiet stipulati fil-Linji Gwida applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f'diffikultà.

(117)

Fid-9 ta' Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi mhux finanzjarji li jinsabu f'diffikultà (20). Bi qbil mal-punt 136 ta' dawk il-Linji Gwida ġodda, in-notifiki rreġistrati mill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Awwissu 2014 se jiġu eżaminati fid-dawl tal-kriterji li kienu fis-seħħ fiż-żmien tan-notifika.

(118)

Fiż-żmien tan-notifika tal-għajnuna għar-ristrutturar favur CSK (it-3 ta' Novembru 2010), kienu fis-seħħ il-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f'diffikultà (“il-Linji Gwida”). Għalhekk, l-għajnuna inkwistjoni trid tiġi eżaminata fl-isfond tad-dispożizzjonijiet inklużi f'dawk il-Linji Gwida.

V.3.4.1   L-eliġibbiltà tal-benefiċjarja

(119)

Bħala punt tat-tluq, għandu jiġi eżaminat jekk il-benefiċjarja hijiex impriża f'diffikultà skont it-tifsira tal-punti 10 u 11 tal-Linji Gwida. Fil-qafas tal-kawża N 60/10, l-awtoritajiet Ċiprijotti diġà wrew li CSK kienet impriża f'diffikultà minħabba li kien hemm is-sinjali tas-soltu ta' impriża f'diffikultà (bħal żieda fit-telf, tnaqqis fil-fatturat, żieda fil-kapaċità eċċessiva, tnaqqis fil-likwidità, żieda fid-dejn u tnaqqis fil-valur tal-assi netti) u li hija ma setgħetx tirkupra permezz tar-riżorsi tagħha jew bil-fondi li setgħet tikseb mingħand il-proprjetarji/azzjonisti tagħha jew mir-riżorsi tas-suq (cf. il-premessa 21). Minn dak iż-żmien 'il hawn, ix-xejra negattiva fl-iżvilupp ekonomiku ta' CSK issoktat (cf. il-premessi 22 u 23). Għalhekk, CSK tista' titqies bħala impriża f'diffikultà skont it-tifsira tal-punt 11 tal-Linji Gwida.

(120)

Il-kundizzjoni tal-punt 12 tal-Linji Gwida hija ssodisfata wkoll billi CSK mhijiex kumpanija ġdida, billi hija nħolqot fl-1981. Fl-aħħarnett, fil-qafas tal-kawża N 60/10, l-awtoritajiet Ċiprijotti kkonfermaw li CSK ma tifformax parti minn grupp kummerċjali akbar.

(121)

Il-Kapitolu 5 tal-Linji Gwida fih dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-għajnuna għar-ristrutturar fis-settur agrikolu. Madankollu, il-miżuri ta' għajnuna favur l-impriżi li jipproċessaw u jikkummerċjalizzaw il-prodotti agrikoli mhumiex koperti minn dak il-Kapitolu. Billi CSK hija attiva fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli, id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Linji Gwida applikabbli għall-għajnuna għar-ristrutturar fis-settur agrikolu ma japplikawx.

V.3.4.2   Ir-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul

(122)

Skont il-punt 34 tal-Linji Gwida, l-għoti ta' għajnuna għar-ristrutturar għandu jkun kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar, li għandu jkun approvat mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha ta' għajnuna individwali. Skont il-punt 35 tal-Linji Gwida, il-pjan ta' ristrutturar għandu jreġġa' lura l-vijabbiltà fit-tul tal-impriża fi żmien raġonevoli.

(123)

Fil-każ preżenti, Ċipru tabilħaqq approva pjan ta' ristrutturar u kkomunikah lill-Kummissjoni fil-kuntest tan-notifika sottomessa fit-3 ta' Novembru 2010. Kif mitlub mil-Linji Gwida, il-pjan huwa komprensiv u jinkludi stħarriġ dettaljat tas-suq tal-biċċeriji f'Ċipru. Fuq talba tal-Kummissjoni, fis-26 ta' Novembru 2012, l-awtoritajiet Ċiprijotti ppreżentaw aġġornament tal-pjan tan-negozju fir-rigward tal-projezzjonijiet finanzjarji u d-dejta tas-suq.

(124)

Il-pjan oriġinali jiddeskrivi fid-dettall il-problemi li kellha tiffaċċja CSK u li affettwaw il-vijabbiltà tagħha. Ir-raġunijiet ewlenin kienu n-nuqqas ta' flessibbiltà ta' CSK bħala impriża pubblika, id-djun kbar, kif ukoll l-ispejjeż tal-persunal. Il-miżuri ta' ristrutturar kif deskritti aktar 'il fuq fil-premessi 43 sa 45 (bidla tal-istatus legali, tnaqqis tal-obbligazzjonijiet tal-kumpanija u tnaqqis tal-persunal) jistgħu jikkontribwixxu għar-ritorn tal-kumpanija għall-vijabbiltà. Il-pjan ta' ristrutturar oriġinali huwa bbażat fuq ir-riżultati attwali tas-sena 2009 u tal-ewwel tmien xhur tal-2010 u fuq tkabbir tas-suq preżunt ta' 2 % p.a. L-awtoritajiet Ċiprijotti jsostnu li dan il-perċentwal kien iż-żieda annwali medja ta' annimali maqtula għall-ikel f'Ċipru matul il-perjodu 1998-2008 u din kienet ukoll il-previżjoni li saret mill-maniġment ta' CSK għall-perjodu ta' projezzjoni ta' ħames snin fil-pjan ta' ristrutturar oriġinali (cf. il-premessa 63). Id-dejta u l-projezzjonijiet għall-iżvilupp tal-kumpanija huma ppreżentati sal-2017.

(125)

Ir-riżultati finanzjarji previsti fil-pjan oriġinali għat-tliet xenarji kollha (ix-xenarju mistenni, l-aħjar xenarju possibbli u l-agħar xenarju possibbli) u enfasizzati mill-awtoritajiet Ċiprijotti, huma ppreżentati fit-tabelli ta' hawn taħt (figuri murija f'eluf ta' Euros).

Xenarju mistenni

Sena

2011

2012

2013

2014

2015

2016

2017

Spejjeż tal-Produzzjoni

3 029

3 006

3 083

3 121

3 196

3 255

3 403

Spejjeż tal-Amministrazzjoni

451

458

466

476

485

495

504

Dħul Operattiv

4 867

5 041

5 15

5 341

5 459

5 666

5 791

Somom Mhux Operattivi

3 277

– 1 494

– 1 167

– 1 178

– 1 123

– 962

– 893

Eċċess

4 833

275

547

660

687

958

993

L-aħjar xenarju possibbli

Sena

2011

2012

2013

2014

2015

2016

2017

Spejjeż tal-Produzzjoni

3 369

3 343

3 429

3 470

3 555

3 620

3 686

Spejjeż tal-Amministrazzjoni

457

463

472

481

491

500

510

Dħul Operattiv

5 426

5 620

5 750

5 955

6 086

6 317

6 456

Somom Mhux Operattivi

3 277

– 1 494

– 1 164

– 1 161

– 1 087

– 925

– 855

Eċċess

5 081

604

831

979

1 091

1 417

1 577

L-agħar xenarju possibbli

Sena

2011

2012

2013

2014

2015

2016

2017

Spejjeż tal-Produzzjoni

2 734

2 710

2 781

2 813

2 881

2 932

2 986

Spejjeż tal-Amministrazzjoni

444

451

459

469

478

487

497

Dħul Operattiv

4 303

4 457

4 560

4 723

4 827

5 011

5 121

Somom Mhux Operattivi

3 277

– 1 494

– 1 279

– 1 332

– 1 322

– 1 205

– 182

Eċċess

4 535

– 82

147

215

254

497

568

(126)

It-tliet xenarji kollha juru tnaqqis ċar fl-ispejjeż tal-produzzjoni u fl-ispejjeż amministrattivi (li xorta kienu jammontaw għal madwar EUR 4,5 miljun u EUR 1,5 miljun, rispettivament, fl-2009), li jippermetti lil CSK tipproduċi profitt nett mill-2011 'il quddiem (ħlief għal telf nett ta' madwar EUR 80 000 fl-2012 fl-agħar xenarju possibbli).

(127)

Madankollu, dawk ir-riżultati għandhom jiġu kkunsidrati fl-isfond tal-pożizzjoni finanzjarja globali ta' CSK u b'konnessjoni mal-likwidità mistennija. It-telf akkumulat wassal għal ekwità negattiva ta' CSK ta' madwar EUR 28,6 miljun sal-aħħar tal-2009. Anki fl-aħjar xenarju possibbli tal-pjan tan-negozju oriġinali, CSK ma kinitx terġa' lura għal bażi ta' ekwità pożittiva (fil-fatt hija prevista ekwità negattiva ta' madwar EUR 3 miljun għall-aħħar tal-perjodu ta' previżjoni fl-2017). Barra minn hekk, ix-xenarju mistenni qed jipprevedi likwidità netta negattiva għall-perjodu 2012-2016. F'dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat ukoll li ma hija bbaġitjata ebda nefqa kapitali sa tmiem l-2012 u qed jiġu kkunsidrati biss nefqiet ta' EUR 200 000 għas-snin 2013 u 2014 u ta' EUR 100 000 għall-perjodu 2015-2017. Fid-dawl ta' livell ta' deprezzament previst li jvarja bejn EUR 595 000 fl-2011 u EUR 346 000 fl-2017 fit-tliet xenarji li huma, dan jidher bħala imprudenti.

(128)

F'Novembru 2012, fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ċiprijotti ppreżentaw il-previżjonijiet finanzjarji aġġornati għax-xenarju mistenni u għax-xenarju tal-agħar każ possibbli, li kienu jkopru l-perjodu 2013-2020. Iż-żewġ xenarji jużaw il-pożizzjoni finanzjarja, l-għadd ta' persunal u r-rimunerazzjoni tagħhom, id-daqs tas-suq u s-sehem mis-suq ta' CSK fil-31 ta' Awwissu 2012 bħala punt tat-tluq. Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, huwa preżunt li CSK se terġa' lura għall-ishma mis-suq kif użati fil-pjan ta' ristrutturar oriġinali (fix-xenarju rispettiv). L-argument prinċipali tagħhom sabiex jenfasizzaw din is-suppożizzjoni huwa li ħafna klijenti, minkejja li kienu ddikjaraw li xtaqu jaħdmu ma' CSK, waqfu jaħdmu magħha minħabba l-inċertezza f'dak li għandu x'jaqsam mal-operat kontinwu tagħha u l-fatt li huma jixtiequ jiggarantixxu fornitur tas-servizzi għall-qtil tal-annimali tagħhom.

(129)

Il-pjan tan-negozju aġġornat juri l-projezzjonijiet li ġejjin:

Xenarju Mistenni Aġġornat

Sena

2013

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

Spejjeż tal-Produzzjoni

3 058

3 151

3 070

3 117

3 192

3 248

3 305

3 363

Spejjeż tal-Amministrazzjoni

604

470

468

478

486

496

504

514

Dħul Operattiv

4 472

4 495

4 495

4 596

4 762

4 868

5 053

5 164

Somom Mhux Operattivi

2 303

– 1 253

– 1 107

– 1 078

– 1 068

– 919

– 764

– 724

Eċċess

3 568

76

305

374

432

610

867

950

L-agħar xenarju possibbli aġġornat

Sena

2013

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

Spejjeż tal-Produzzjoni

2 981

3 015

2 918

2 938

2 993

3 027

3 072

3 123

Spejjeż tal-Amministrazzjoni

604

470

468

478

486

496

504

514

Dħul Operattiv

3 922

3 935

3 823

3 852

3 933

3 959

4 110

4 201

Somom Mhux Operattivi

2 303

– 1 291

– 1 207

– 1 240

– 1 307

– 1 243

– 1 185

– 1 251

Eċċess

3 095

– 386

– 315

– 340

– 389

– 334

– 68

– 194

(130)

Minħabba d-dħul aktar tard fi profittabbiltà, is-sitwazzjoni tal-ekwità ta' CSK hija saħansitra agħar fil-pjan ta' negozju aġġornat, li fix-xenarju mistenni aġġornat juri ekwità negattiva ta' madwar EUR 10,4 miljun fl-aħħar tal-perjodu ta' projezzjoni (2020) u ebda likwidità netta pożittiva għall-perjodu 2015-2020.

(131)

Il-Kummissjoni tinnota li l-pjan ta' negozju oriġinali huwa bbażat fuq tkabbir tas-suq preżunt ta' 2 % p.a. (cf. il-premessa 124). Madankollu, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ċiprijotti fis-26 ta' Novembru 2012, is-suq Ċiprijott għall-qtil tal-annimali fil-biċċeriji wera xejra b'mod ġenerali 'l isfel bi staġnar fl-2010, tnaqqis ta' 2 % fl-2011 u tnaqqis ieħor ta' 3,8 % fl-2012 (cf. il-premessa 31). Barra minn hekk, sadanittant, Cypra daħlet fis-segment tal-qtil tal-baqar u, b'mod ġenerali, kien hemm żieda fil-kapaċità eċċessiva fis-suq. F'dan l-isfond, huwa sorprendenti li, b'rabta mal-pjan ta' negozju aġġornat (ippreżentat f'Novembru 2012), l-awtoritajiet Ċiprijotti jassumu li CSK se terġa' lura għall-ishma mis-suq kif użati fil-pjan ta' ristrutturar oriġinali (cf. il-premessa 128 hawn fuq).

(132)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li minħabba l-pożizzjoni finanzjarja b'mod ġenerali dgħajfa ta' CSK (ekwità negattiva fl-aħħar tal-perjodu ta' projezzjoni anki fl-aħjar xenarju possibbli tal-pjan tan-negozju oriġinali, cf. il-paragrafu 127 aktar 'il fuq) u s-sitwazzjoni ta' likwidità stretta tal-kumpanija, flimkien mal-kundizzjonijiet tas-suq xejn favorevoli, il-pjan ta' ristrutturar previst ma jippermettix li l-kumpanija terġa' tikseb il-vijabbiltà fit-tul.

V.3.4.3   L-evitar tat-tfixkil żejjed tal-kompetizzjoni

(133)

Skont il-punt 38 tal-Linji Gwida, għandhom jittieħdu miżuri ta' kumpens biex ikun żgurat li l-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ jitnaqqsu kemm jista' jkun, bil-għan li l-effetti pożittivi segwiti jissuperaw lil dawk negattivi.

(134)

Skont il-punt 39 tal-Linji Gwida, miżuri ta' dan it-tip jistgħu jinkludu l-iżvestiment tal-assi, it-tnaqqis fil-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq u t-tnaqqis tal-ostakoli għad-dħul fis-swieq ikkonċernati. Tali miżuri ma għandhomx iwasslu għal deterjorazzjoni fl-istruttura tas-suq, pereżempju, permezz tal-effett indirett li joħolqu monopolju jew sitwazzjoni ta' oligopolija stretta. Skont il-punt 40 tal-Linji Gwida, il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati mal-effetti distortivi tal-għajnuna u, b'mod partikolari, mad-daqs u mal-importanza relattiva tal-impriża fis-suq jew fis-swieq tagħha. Ta' min wieħed jinnota li, skont il-punt 56 tal-Linji Gwida, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturar jistgħu jkunu inqas stretti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' kumpens għal kumpanija li tinsab f'żona assistita. Kif issemma fuq, CSK tabilħaqq tinsab f'żona assistita skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

(135)

Il-miżuri ta' kumpens proposti fil-pjan ta' ristrutturar (il-premessa 46 tad-deċiżjoni) huma purament ta' natura komportamentali u ma jikkonsistu f'ebda żvestiment tal-assi jew tnaqqis fil-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq. L-argumenti mqajma mill-awtoritajiet Ċiprijotti f'dan ir-rigward huma dawn li ġejjin:

(136)

Il-pjan ta' ristrutturar isostni li s-sehem mis-suq ta' CSK fis-suq Ewropew huwa minimu u li s-sehem mis-suq tagħha f'Ċipru naqas b'mod stabbli matul l-aħħar snin. Dan kien dovut għall-kompetizzjoni qawwija li hija ffaċċjat minn parteċipanti oħrajn fis-suq, speċjalment minn Cypra. L-argument li jikkonċerna s-sehem mis-suq baxx ta' CSK fuq skala Ewropea jidher li mhuwiex rilevanti. Għalkemm it-trasport transkonfinali tal-annimali għall-finijiet tal-qtil tagħhom huwa permess (cf. il-premessa 91), fil-prattika, il-klijenti tal-biċċeriji f'Ċipru ma jidhirx li jirrikorru għas-servizzi ta' qtil tal-annimali għall-ikel barra minn Ċipru. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, għalkemm is-sehem ta' CSK fis-suq tal-qtil tal-annimali f'Ċipru ra tnaqqis konsiderevoli, minn 68 % fl-2005 għal madwar 31 % fl-2010 u 26,5 % fl-2012 (cf. il-premessi 30 sa 33), is-sehem mis-suq tagħha xorta għadu importanti.

(137)

Il-pjan inizjali sostna wkoll li jekk CSK tieqaf topera, dan jikkawża tfixkil serju fis-suq, kif ukoll problemi ta' kompetizzjoni. L-ewwel nett, id-domanda staġjonali għal-laħam probabbilment ma tiġix issodisfata minħabba l-kapaċità mnaqqsa minn operaturi oħrajn fis-suq. Barra minn hekk, billi CSK kienet l-unika impriża attiva fil-qtil tal-baqar għall-ikel, ebda impriża oħra ma tista' tipprovdi s-servizzi rilevanti. Minbarra dan, kien sostnut li Cypra jkollha kważi monopolju fis-suq għall-qtil tal-ħnieżer u sehem għoli ħafna fis-suq għall-qtil tal-ovini/kaprini. Fl-aħħar nett, anki jekk kien hemm indikazzjonijiet li kien qed jiġi previst id-dħul fis-suq, l-awtoritajiet Ċiprijotti invokaw li ma kien hemm ebda kumpanija oħra attiva fis-suq għall-qtil tal-baqar fiż-żmien tan-notifika tar-ristrutturar. Madankollu, dejta aktar riċenti wriet li, sal-aħħar tal-2012, Cypra kienet fil-fatt daħlet fis-suq għall-qtil tal-baqar, b'kapaċità addizzjonali ta' 104 annimali maqtula kuljum, meta mqabbla mal-kapaċità eżistenti ta' CSK ta' 200 annimal (cf. il-premessa 32).

(138)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Ċiprijotti. Huwa possibbli li, fin-nuqqas tal-għajnuna, CSK tispiċċa tfalli, u li kumpanija oħra tista' tikseb l-assi tagħha, sabiex b'hekk tkompli topera. Li kieku dan iseħħ, il-kapaċità globali tas-suq ma tonqosx u Cypra ma tasalx f'sitwazzjoni ta' kważi monopolju. Anki li kieku Cypra kellha tikseb l-assi ta' CSK, jidher li hemm livell għoli ta' kapaċità tal-akkwist fiż-żewġ segmenti tal-qtil tal-ħnieżer u tal-qtil tal-baqar fil-biċċeriji li minħabba fih huma improbabbli ħafna jew impossibbli l-ħolqien ta' suq oligopolistiku strett u żieda fil-prezzijiet. Pereżempju, is-Cyprus Pig Farmers Association innotat li riċentament huma ħolqu kumpanija li tikkontrolla 60 % tal-produzzjoni tal-pajjiż. Huma jirrikonoxxu wkoll li, fil-ġejjieni, dik il-kumpanija tista' tibbaża l-għażla tagħha tal-biċċerija fuq kunsiderazzjonijiet ta' vijabbiltà. L-istess jiġri fil-każ ta' dawk li jrabbu l-baqar. B'mod kollettiv, l-assoċjazzjoni tagħhom tirrappreżenta 75 % tal-produzzjoni tal-pajjiż u huwa diffiċli li nimmaġinaw kif il-biċċeriji jistgħu jimponu prezzijiet iżjed kompetittivi.

(139)

Barra minn hekk, jidher ċar li s-suq qiegħed ibati minn kapaċità eċċessiva. L-awtoritajiet Ċiprijotti jirrikonoxxu dan fis-sottomissjonijiet tagħhom. Il-ħruġ ta' CSK mis-suq ma joħloqx skarsezzi fis-segmenti differenti tal-qtil tal-annimali għall-ikel.

(140)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-miżuri ta' kumpens proposti, il-pjan isostni li l-iżvestiment tal-kapaċità tal-produzzjoni jew it-tnaqqis tal-preżenza fis-suq sempliċiment mhumiex possibbli fil-każ ta' CSK. CSK hija kumpanija żgħira li ma għandha ebda attività oħra minbarra l-qtil tal-annimali għall-ikel. Il-linja tal-produzzjoni tagħha tvarja biss bi grad żgħir ħafna skont it-tip ta' annimal. Kull tip ta' qtil isir mill-istess persunal, filwaqt li għadd ta' servizzi (eż. l-ikkargar) huma komuni għal-linji tal-produzzjoni kollha. Għal dawn ir-raġunijiet, il-pjan isostni li tnaqqis fil-kapaċità sempliċiment jagħmel lil CSK mhux vijabbli.

(141)

Huwa minnu li, billi CSK hija attiva f'żona assistita, il-Kummissjoni tkun tista' taċċetta miżuri ta' kumpens limitati. Madankollu, dawn xorta jridu jkunu konformi mal-linji gwida dwar ir-ristrutturar u s-salvataġġ, u jinkludu l-iżvestiment tal-assi, tnaqqis fil-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq u tnaqqis tal-ostakoli għad-dħul fis-swieq ikkonċernati, filwaqt li jirriżultaw fi tnaqqis tal-preżenza ta' CSK fis-suq, imqabbel mas-sitwazzjoni ta' qabel ir-ristrutturar. Il-firxa preċiża tal-miżuri ta' kumpens neċessarji tiddependi fuq l-istruttura tas-suq u l-impatt tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni.

(142)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Ċiprijotti ma pprovdew ebda evidenza li turi li se jiġi evitat it-tfixkil żejjed tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li l-miżuri ta' kumpens proposti minn Ċipru mhumiex biżżejjed.

V.3.4.4   Għajnuna limitata għall-minimu: kontribuzzjoni reali, mingħajr għajnuna

(143)

Il-Linji Gwida (il-punt 43) jgħidu li l-ammont u l-intensità tal-għajnuna għandhom ikunu limitati għall-minimu strett tal-ispejjeż tar-ristrutturar meħtieġa sabiex ikun jista' jsir ir-ristrutturar fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji eżistenti tal-kumpanija, tal-azzjonisti tagħha jew tal-grupp kummerċjali li għalih tappartjeni.

(144)

Il-punt 44 tal-Linji Gwida jistipula li l-Kummissjoni normalment tikkunsidra kontribuzzjoni għar-ristrutturar fil-każ ta' impriża kbira (bħal CSK fil-każ preżenti) ta' mill-inqas 50 % bħala waħda xierqa. Madankollu, skont il-punti 55 u 56 tal-Linji Gwida, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna jistgħu jkunu inqas stretti fir-rigward tad-daqs tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarja, jekk din tal-aħħar tkun tinsab f'żona assistita.

(145)

Skont il-pjan ta' ristrutturar inizjali, l-ispiża totali għar-ristrutturar ta' CSK kienet tammonta għal madwar EUR 27 miljun, li EUR 15-il miljun minnhom kellhom jingħataw mill-Istat bħala għajnuna għar-ristrutturar u EUR 12-il miljun li jifdal kellhom jiġu ffinanzjati mill-kontribuzzjoni proprja ta' CSK (il-bejgħ ta' proprjetà immobbli b'valur ta' EUR 7 miljun u l-kontrazzjoni ta' self ġdid ta' EUR 5 miljun). Skont dan il-pjan ta' ristrutturar inizjali, il-parteċipazzjoni tal-kumpanija kellha tirrappreżenta 44,4 % tal-ispejjeż tar-ristrutturar totali (cf. il-premessi 25 u 26). L-awtoritajiet Ċiprijotti kkonfermaw li l-ammont ta' għajnuna se jintuża biss sabiex CSK tkun tista' tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha. Għalhekk, dan se jintuża biss għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar u mhux se jipprovdi flus kontanti żejda lill-kumpanija li jistgħu jintużaw għal attivitajiet li mhumiex marbuta mal-proċess ta' ristrutturar.

(146)

Fis-sottomissjoni tagħhom tal-14 ta' Mejju 2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti indikaw li l-ispejjeż tar-ristrutturar sadanittant żdiedu għal madwar EUR 29,8 miljun. Barra minn hekk, kif jidher fil-premessa 115 aktar 'il fuq, id-differenza fis-salarju ta' EUR 3,4 miljun għall-impjegati li qegħdin jiġu ttrasferiti lill-muniċipalitajiet għandha tiġi inkluża wkoll fl-ispejjeż tar-ristrutturar, b'tali mod li tgħolli l-livell totali tagħhom għal madwar EUR 33,2 miljun. Il-kontribuzzjoni ta' CSK tibqa' l-istess u b'hekk tirrappreżenta biss madwar 36 %, jekk jitqiesu l-ispejjeż tar-ristrutturar miżjuda totali. Barra minn hekk, fl-istess sottomissjoni, l-awtoritajiet Ċiprijotti rrikonoxxew li fl-ambjent ekonomiku attwali, il-kisba tas-self previst għandha titqies bħala dubjuża. Meta wieħed iqis biss ir-rikavat mill-bejgħ tal-art b'valur ta' madwar EUR 7 miljun, il-kontribuzzjoni proprja ta' CSK tammonta biss għal madwar 21 %, li l-Kummissjoni tqis bħala baxxa wisq, anki jekk wieħed iqis il-fatt li l-benefiċjarja tinsab f'żona assistita. (21)

V.3.4.5   Implimentazzjoni sħiħa tal-pjan

(147)

L-għoti ta' għajnuna għar-ristrutturar huwa kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar. Fil-fatt, l-awtoritajiet Ċiprijotti kkonfermaw li n-nuqqas ta' implimentazzjoni (kompletament jew parzjalment) tal-pjan ta' ristrutturar mill-benefiċjarja, fil-limitu ta' żmien speċifikat, iwassal għall-kanċellazzjoni tal-għoti tal-għajnuna, u jwassal ukoll għall-obbligu li jitħallsu lura l-ammonti diġà mogħtija.

V.3.4.6   Il-monitoraġġ u r-rapport annwali

(148)

L-awtoritajiet Ċiprijotti impenjaw ruħhom li jipprovdu, fuq bażi annwali, rapport li jkun fih l-informazzjoni mitluba mill-punt 51 tal-Linji Gwida.

V.3.4.7    “Għajnuna ta' darba, tal-aħħar darba”

(149)

Skont il-Linji Gwida, l-għajnuna għar-ristrutturar għandha tingħata darba waħda biss kull għaxar snin.

(150)

L-awtoritajiet Ċiprijotti kkonfermaw, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, li CSK ma rċeviet ebda għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar qabel.

V.3.5   Għajnuna għas-salvataġġ

(151)

Fil-paragrafu 28 tad-Deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, l-awtoritajiet ta' Ċipru impenjaw ruħhom li jikkomunikaw pjan ta' ristrutturar jew pjan ta' likwidazzjoni jew inkella prova li s-self tħallas lura kollu u/jew li l-garanzija ġiet terminata lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tkun ġiet awtorizzata l-miżura ta' għajnuna għas-salvataġġ. (22) Sal-lum, il-Kummissjoni ma rċeviet ebda komunikazzjoni bħal din mingħand l-awtoritajiet ta' Ċipru.

VI.   KONKLUŻJONI

(152)

Il-Kummissjoni ssib li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi 132, 142 u 146, l-għajnuna għar-ristrutturar innotifikata minn Ċipru fit-3 ta' Novembru 2010 hija inkompatibbli mas-suq intern.

(153)

Il-Kummissjoni titlob li, fir-rigward tal-għajnuna għas-salvataġġ ta' EUR 1,6 miljun għal CSK approvata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2010, Ċipru jew jissottometti evidenza li l-għajnuna tħallset lura, jew inkella pjan ta' likwidazzjoni ta' CSK, skont il-punt 27 tal-Linji Gwida.

(154)

Il-Kummissjoni tordna lil Ċipru sabiex jirkupra kull għajnuna diġà mogħtija lil CSK b'rabta mat-tolleranza tal-Istat għad-dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti, b'konnessjoni mat-trasferiment tal-persunal lill-muniċipalitajiet u kull għajnuna possibbli li għadha ma tħallsitx lura lill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet b'rabta mas-self ta' EUR 512 850,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li Ċipru qiegħed jippjana li jagħti għar-ristrutturar tal-Biċċerija Ċentrali ta' Kofinos (“CSK”) hija inkompatibbli mas-suq intern.

Għaldaqstant, din l-għajnuna ma għandhiex tiġi implimentata.

Artikolu 2

Ċipru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, dwar il-miżuri li jkun ħa biex jikkonforma mal-Artikolu 1.

Artikolu 3

L-għajnuna għas-salvataġġ ta' EUR 1,6 miljun għal CSK approvata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2010, kif ukoll l-għajnuna b'rabta mat-tolleranza tal-Istat għad-dewmien fil-ħlas tal-ammonti dovuti, b'konnessjoni mat-trasferiment tal-persunal lill-muniċipalitajiet u b'rabta mas-self ta' EUR 512 850, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 4

1.   Ċipru għandu jirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 mingħand il-benefiċjarja, jiġifieri CSK.

2.   Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax mid-data li fiha jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarja sal-irkupru effettiv tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta b'konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (23) u mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (24) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4.   Ċipru għandu jikkanċella l-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Ċipru għandu jiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, Ċipru għandu jippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (kapital u mgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarja;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u ta' dawk li huma ppjanati biex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarja ġiet ordnata tħallas lura l-għajnuna.

2.   Ċipru għandu jżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm tiġi rkuprata l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3. Huwa għandu jibgħat minnufih, fuq talba sempliċi mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu diġà u dwar dawk ippjanati sabiex jikkonforma ma' din id-Deċiżjoni. Huwa għandu jipprovdi wkoll l-informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u l-imgħax għall-irkupru li diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarja.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Ċipru.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 165, 7.6.2011, p. 12.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat N 60/2010 (ĠU C 233, 28.8.2010, p. 2).

(3)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(4)  L-Anness I(I) tal-Gazzetta Uffiċjali, Nru 3679, 31 ta' Jannar 2003.

(5)  Ikkalkolat bħala l-unitajiet ta' bhejjem skont it-tifsira tal-Artikolu 4(A) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 fuq problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ ġewwa l-Komunità ta' prodotti tal-laħam (ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64).

(6)   ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(7)  Ikkalkolat bħala l-unitajiet ta' bhejjem skont l-Artikolu 4(A) tad-Direttiva 64/433/KEE.

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(9)  Sentenza tal-Qorti tas-17 ta' Settembru 1980 fil-Kawża 730/79 Philip Morris Holland BV vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1980] Ġabra 2671, il-para. 11.

(10)  Ara, pereżempju, il-kawża tal-QPI 152/99, HAMSA/Il-Kummissjoni, Ġabra 2001, II-3049, il-para. 156 et.seq.

(11)   ĠU C 273, 9.9.1997, p. 3.

(12)   ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(13)   ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(14)   ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(15)  Il-Kawża 30/59 Gezamenlijke Steenkolenmijnen f'Limburg vs l-Awtorità Għolja [1961] Ġabra 3, il-paragrafi 29 u 30; il-Kawża C-251/97 Franza vs il-Kummissjoni [1999] Ġabra I-6639, il-paragrafi 40, 46 u 47; u l-Kawżi Konġunti C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P Comitato Venezia vuole vivere vs il-Kummissjoni [2011] Ġabra I-4727, il-paragrafi 90 sa 96.

(16)  Il-Linji Gwida tal-2004 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f'diffikultà huma applikabbli kif ġie spjegat fil-premessi 117-118 hawn taħt.

(17)   ĠU C 204, 1.7.2014, p. 1.

(18)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Għajnuna mill-Istat — Il-pubblikazzjoni tal-miżuri ta' għajnuna mill-Istat eżistenti fl-Istati Membri l-ġodda fis-settur tal-agrikoltura (ĠU C 147, 17.6.2005, p. 2).

(19)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/204/KE tal-10 ta' Ottubru 2007 rigward l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza f'dak li jikkonċerna r-riforma tal-metodu ta' finanzjament għall-pensjonijiet għall-uffiċjali tas-servizz pubbliku impjegati ma' La Poste (ĠU L 63, 7.3.2008, p. 16).

(20)   ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.

(21)  Li kieku kien hemm element ta' għajnuna addizzjonali b'konnessjoni mas-self mill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet (cf. il-premessa 112), li kien ikollu jiġi miżjud mal-ispejjeż tar-ristrutturar, il-kontribuzzjoni proprja ta' CSK kienet tammonta saħansitra għal inqas.

(22)   Supra nota f'qiegħ il-paġna Nru 1.

(23)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(24)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).


Top