Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0309

    Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2016/309 tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-ekwivalenza tar-reġim superviżorju għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fis-seħħ f'Bermuda għar-reġim stabbilit fid-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda d-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2015/2290

    C/2015/8145

    ĠU L 58, 4.3.2016, p. 50–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2016/309/oj

    4.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 58/50


    DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/309

    tas-26 ta' Novembru 2015

    dwar l-ekwivalenza tar-reġim superviżorju għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fis-seħħ f'Bermuda għar-reġim stabbilit fid-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda d-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2015/2290

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 172(2), 227(4) u (5), u 260(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2009/138/KE tistabbilixxi reġim prudenzjali u superviżorju bbażat fuq ir-riskju għall-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni fl-Unjoni. L-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2009/138/KE għall-assiguraturi u r-riassiguraturi fl-Unjoni ser tibda fl-1 ta' Jannar 2016.

    (2)

    Skont l-Artikolu 311 tad-Direttiva 2009/138/KE l-Kummissjoni tista' tadotta atti ddelegati previsti f'dik id-Direttiva anki qabel id-data tal-applikazzjoni tagħha.

    (3)

    L-Artikolu 172 tad-Direttiva 2009/138/KE jirrigwarda l-ekwivalenza tar-reġim tas-solvenza ta' pajjiż terz applikat għal attivitajiet ta' riassigurazzjoni ta' impriżi li jkollhom l-uffiċċju prinċipali f'dak il-pajjiż terz. Determinazzjoni ta' ekwivalenza pożittiva tippermetti li kuntratti ta' riassigurazzjoni konklużi ma' impriżi li jkollhom l-uffiċċju prinċipali f'dak il-pajjiż terz jiġu trattati bl-istess mod bħal kuntratti ta' riassgurazzjoni konklużi ma' impriżi awtorizzati b'konformità ma' dik id-Direttiva.

    (4)

    L-Artikolu 227 tad-Direttiva 2009/138/KE jirrigwarda l-ekwivalenza għal assiguraturi ta' pajjiżi terzi li huma parti minn gruppi li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-Unjoni. Determinazzjoni ta' ekwivalenza pożittiva tippermeti lil tali gruppi, meta t-tnaqqis u l-aggregazzjoni jintużaw bħala l-metodu ta' konsolidazzjoni għar-rapportar tal-grupp tagħhom, jieħu kont tal-kalkulazzjoni tar-rekwiżiti tal-kapital u tal-kapital disponibbli (fondi proprji) skont ir-regoli tal-ġuriżdizzjoni mhux tal-UE minflok jikkalkulahom fuq il-bażi tad-Direttiva 2009/138/KE, għall-finijiet li jiġu kkalkulati r-rekwiżit ta' solvenza tal-grupp u l-fondi proprji eliġibbli.

    (5)

    L-Artikolu 260 tad-Direttiva 2009/138/KE huwa relatat mal-ekwivalenza tal-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni, li l-impriża prinċipali tagħhom ikollha l-uffiċċju prinċipali barra l-Unjoni. B'konformità mal-Artikolu 261(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, fil-każ ta' determinazzjoni ta' ekwivalenza pożittiva, l-Istati Membri joqogħdu fuq is-superviżjoni tal-grupp ekwivalenti li ssir mill-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiż terz

    (6)

    Ir-reġim ġuridiku ta' pajjiż terz jitqies li huwa ekwivalenti għalkollox għal dak stabbilit mid-Direttiva 2009/138/KE jekk ikun konformi mar-rekwiżiti li jipprovdI livell kumparabbli ta' protezzjoni tad-detenturi tal-poloz u l-benefiċjarji.

    (7)

    Fil-11 ta' Marzu 2015 l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) pprovdiet parir skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) lill-Kummissjoni dwar is-sistema regolatorja u superviżorja għall-impriżi u gruppi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni fis-seħħ f'Bermuda. Wara l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni emendata dwar l-assigurazzjoni mill-Bermuda f'Lulju 2015, l-EIOPA adottat aġġornament tal-parir tagħha fil-31 ta' Lulju 2015. Il-parir tal-EIOPA huwa bbażat fuq il-qafas leġiżlattiv rilevanti ta' Bermuda, inkluż l-Att ta' Emenda dwar l-Assigurazzjoni (Nru 2) tal-2015 (minn hawn 'il quddiem l-Att), adottat f'Lulju 2015 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016, il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Assigurazzjoni, li ġiet emendata b'effett minn Lulju 2015, u r-regoli prudenzjali tal-assigurazzjoni riveduti adottati mill-Awtorità Monetarja tal-Bermuda (minn hawn 'il quddiem il-“BMA” — Bermuda Monetary Authority) u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016. Il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni mogħtija mill-EIOPA.

    (8)

    Meta jitqiesu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (3), b'mod partikolari l-Artikoli 378, 379 u 380, kif ukoll il-parir tal-EIOPA, għandhom jiġu applikati għadd ta' kriterji biex tiġi vvalutata l-ekwivalenza skont l-Artikoli 172(2), 227(4) u 260(3) tad-Direttiva 2009/138/KE.

    (9)

    Dawn il-kriterji jinkludu ċerti rekwiżiti li huma komuni għal tnejn jew aktar mill-Artikoli 378, 379 u 380 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35, li huma validi fil-livell ta' impriżi waħedhom tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u fil-livell ta' gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. F'dan l-att, nispeċifikaw tabilħaqq jekk inqisux impriżi tal-assigurazzjoni fil-livell individwali (“waħedhom”) jew fuq livell ta' grupp, billi impriżi waħedhom jistgħu jkunu jew ma jkunux parti minn grupp. Il-kriterji jkopru l-oqsma tal-kompetenzi, is-solvenza, il-governanza, it-trasparenza, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u t-trattament ta' informazzjoni kunfidenzjali, u l-impatt tad-deċiżjonijiet dwar l-istabbiltà finanzjarja.

    (10)

    Rigward il-mezzi, is-setgħat u r-responsabbiltajiet, is-superviżur lokali, il-BMA għandu s-setgħa li jagħmel superviżjoni b'mod effettiv tal-attivitajiet ta' assigurazzjoni jew ta' riassigurazzjoni u li jimponi sanzjonijiet jew jieħu azzjonijiet ta' infurzar fejn meħtieġ, bħal li jirrevoka l-liċenzja tan-negozju ta' impriża, jew jibdel parti mill-ġestjoni, jew il-ġestjoni kollha kemm hi, tagħha. Il-BMA għandha l-mezzi finanzjarji u umani meħtieġa, kif ukoll l-għarfien espert, il-kapaċitajiet u l-mandat neċessarji biex effettivament tipproteġi d-detenturi tal-poloz u l-benefiċjarji kollha.

    (11)

    Rigward is-solvenza, il-valutazzjoni tar-Rekwiżit tas-Solvenza tal-Kapital tal-Bermuda (BSCR — Bermuda Capital Solvency Requirement) tal-pożizzjoni finanzjarja ta' impriżi jew gruppi ta' assigurazzjoni jew riassigurazzjoni jistrieħ fuq prinċipji ekonomiċi sodi, u r-rekwiżiti tas-solvenza huma bbażati fuq valutazzjoni ekonomika tal-assi u l-obbligazzjonijiet kollha, imsejħa l-Karta tal-Bilanċ Ekonomika. Dan jiżgura l-komparabbiltà bejn l-assiguraturi. Il-BSCR jeħtieġ li l-impriżi ta' assigurazzjoni u ta' riassigurazzjoni jkollhom riżorsi finanzjarji adegwati u jistabbilixxi kriterji dwar provvedimenti tekniċi, investimenti, rekwiżiti ta' kapital (inkluż il-livell minimu tal-kapital) u fondi proprji, u jirrekjedi intervent fil-ħin mill-BMA jekk ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti ta' kapital jew jekk l-interessi tad-detenturi tal-poloz jiġu mhedda. Ir-rekwiżiti ta' kapital huma bbażati fuq ir-riskju, u jimmiraw li jaqbdu riskji kwantifikabbli. Ir-rekwiżit ta' kapital ewlieni, magħruf bħala r-Rekwiżit Imsaħħaħ tal-Kapital (ECR — Enhanced Capital Requirement), jiġi kkalkulat biex ikopri telf mhux mistenni li jiġi min-negozju eżistenti. Barra minn hekk, ir-rekwiżit kapitali minimu assolut, imsejjaħ Marġini Minimu ta' Solvenza, bħalissa mhuwiex ibbażat fuq ir-riskju, iżda l-BMA se timmodifikah u tapplika livell minimu ta' 25 % tal-ECR għall-assiguraturi kollha tal-ħajja b'effett mill-1 ta' Jannar 2017. Il-BMA se tistabbilixxi dawn ir-rekwiżiti statutorji ta' kapital u ta' surplus minn tmiem l-2015 għall-klassijiet kollha tal-assiguraturi, ħlief għall-kaptivi u għall-assiguraturi bi skop speċjali. Fir-rigward tal-mudelli, l-impriżi ta' assigurazzjoni jistgħu jużaw formula standard jew mudell intern.

    (12)

    Fil-qasam tal-governanza, ir-reġim ta' solvenza ta' Bermuda jesiġi li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni jkollhom sistema effettiva ta' governanza fis-seħħ, u jimponi fuqhom b'mod partikolari struttura organizzazzjonali ċara, rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità għal dawk li effettivament qegħdin imexxu l-impriżi, proċess effettiv għat-trażmissjoni tal-informazzjoni fl-impriżi u lill-BMA. Barra minn hekk, il-BMA effettivament tagħmel superviżjoni tal-funzjonijiet u l-attivitajiet esternalizzati.

    (13)

    L-BSCR jitlob ukoll li l-impriżi u l-gruppi ta' assigurazzjoni jew riassigurazzjoni iżommu funzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju, tal-konformità, tal-awditjar intern u attwarji. Il-BSCR jimponi sistema ta' ġestjoni tar-riskju li kapaċi tidentifika, tkejjel, timmonitorja, timmaniġġa u tirrapporta r-riskji, u sistema ta' kontroll intern effettiva.

    (14)

    Ir-reġim fis-seħħ fil-Bermuda jeżiġi li bidliet fil-politika tan-negozju jew fil-ġestjoni ta' impriżi jew gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew parteċipazzjonijiet kwalifikanti f'tali impriżi jew gruppi jridu jkunu konsistenti ma' mmaniġġar sod u prudenti. B'mod partikolari, l-akkwiżizzjonijiet, il-bidliet fil-pjan tan-negozju jew fil-parteċipazzjonijiet kwalifikanti ta' impriżi jew gruppi ta' assigurazzjoni jew ta' riassigurazzjoni jiġu notifikati lill-BMA, li tista' tagħmel sanzjonijiet xierqa jekk ġustifikati, bħal pereżempju li tipprojbixxi akkwiżizzjoni. B'mod partikolari, l-Att jinkludi regoli li jestendu r-rekwiżiti għall-azzjonisti biex jinnotifikaw it-trasferiment ta' ishma f'kumpaniji pubbliċi u privati.

    (15)

    Fir-rigward tat-trasparenza, l-impriżi u l-gruppi tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni huma meħtieġa jagħtu lill-BMA kull informazzjoni meħtieġa għas-superviżjoni, u jippubblikaw, mill-inqas darba fis-sena, rapport fuq is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tagħhom. It-tipi ta' informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva li għandha tiġi żvelata huma konformi mad-Direttiva 2009/138/KE. Ir-rekwiżiti għall-assiguraturi u l-gruppi sabiex jippubblikaw rapport fil-biċċa l-kbira jirrifletti d-dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2009/138/KE. Jistgħu jingħataw eżenzjonijiet jekk id-divulgazzjoni twassal għal żvantaġġ kompetittiv għall-impriżi. Madankollu, anki f'dan il-każ, l-informazzjoni essenzjali dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tkun pubblikata skont ir-regoli ta' Bermuda.

    (16)

    Fir-rigward tas-segretezza professjonali u tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, ir-reġim fis-seħħ f'Bermuda għandu obbligi ta' segretezza professjonali fis-seħħ għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-BMA, inklużi awdituri u esperti li jaġixxu f'isem il-BMA. Dawn l-obbligi jistipulaw ukoll li informazzjoni kunfidenzjali ma tistax tiġi ddivulgata ħlief f'forma aggregata jew imqassra, mingħajr ħsara għall-każi koperti mid-dritt kriminali. Barra minn hekk, il-BMA se tuża l-informazzjoni kunfidenzjali li tirċievi mingħand awtoritajiet superviżorji oħra biss biex twettaq dmirijietha u għall-għanijiet previsti fil-liġi. Ir-reġim fis-seħħ fil-Bermuda jesiġi wkoll li f'każ li impriża ta' assigurazzjoni jew riassigurazzjoni tiġi ddikjarata falluta jew tkun obbligata li tiġi stralċata, tista' tiġi ddivulgata informazzjoni kunfidenzjali jekk din ma tkunx tikkonċerna partijiet terzi involuti fis-salvataġġ ta' dik l-impriża. Il-BMA tista' taqsam informazzjoni kunfidenzjali li tkun irċeviet mingħand awtorità superviżorja oħra ma' awtoritajiet, korpi jew persuni koperti mill-obbligi ta' segretezza professjonali fil-Bermuda biss wara l-qbil espliċitu ta' dik l-awtorità superviżorja. Hija ffirmat Memoranda ta' Qbil mal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni u mal-Istati Membri kollha tal-Unjoni għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni kunfidenzjali.

    (17)

    Rigward l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħha, il-BMA u l-awtoritajiet tal-Bermuda l-oħrajn li għandhom il-mandat li jiżguraw li s-swieq finanzjarji jaħdmu kif suppost għandhom l-għodda biex jifhmu kif id-deċiżjonijiet se jaffettwaw l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji globalment, partikolarment waqt sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u biex iqisu l-effetti proċikliċi potenzjali tagħhom meta jseħħ ċaqliq eċċezzjonali fis-swieq finanzjarji. Skont ir-reġim fis-seħħ f'Bermuda, isiru laqgħat regolari bejn l-awtoritajiet hawn fuq imsemmija biex dawn jiskambjaw l-informazzjoni dwar ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u biex jikkoordinaw l-azzjoni. Dan iseħħ ukoll fuq livell internazzjonali, fejn pereżempju l-awtoritajiet ta' Bermuda jagħmlu skambji mal-kulleġġi superviżorji tal-Istati Membri tal-Unjoni u l-EIOPA dwar kwistjonijiet ta' stabbiltà finanzjarja.

    (18)

    L-Artikoli 378 u 380 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35 ukoll jistipulaw kriterji speċifiċi rigward l-ekwivalenza għall-attivitajiet ta' riassigurazzjoni u għas-superviżjoni tal-gruppi.

    (19)

    Rigward il-kriterji speċifiċi għall-attivitajiet ta' riassigurazzjoni skont l-Artikolu 378 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35, il-bidu ta' negozju tar-riassigurazzjoni huwa soġġett għal-awtorizzazzjoni minn qabel mill-BMA.

    (20)

    Rigward il-kriterji speċifiċi għas-superviżjoni tal-gruppi skont l-Artikolu 380 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35, il-BMA għandha s-setgħa li tiddetermina liema impriżi jaqgħu fl-ambitu tas-superviżjoni fuq livell ta' grupp, u li tagħmel superviżjoni ta' impriżi tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni li huma parti minn grupp. Il-BMA tagħmel superviżjoni fuq l-impriżi ta' assigurazzjoni jew ta' riassigurazzjoni kollha li fuqhom impriża parteċipi, kif definita fl-Artikolu 212(1)(a) tad-Direttiva 2009/138/KE, teżerċita influwenza dominanti jew sinifikanti.

    (21)

    Il-BAM hija kapaċi tivvaluta l-profil tar-riskju, il-pożizzjoni finanzjarja u s-solvenza ta' impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li huma parti minn grupp u l-istrateġija tan-negozju ta' dak il-grupp.

    (22)

    Ir-regoli tar-rapportar u tal-kontabilità jippermettu l-monitoraġġ ta' tranżazzjonijiet fost l-impriżi ta' grupp u konċentrazzjonijiet tar-riskju, li l-gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jridu jirrapportaw mill-inqas kull sena.

    (23)

    Il-BMA tillimita l-użu tal-fondi proprji ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jekk dawn ma jkunux jistgħu jsiru effettivament disponibbli biex ikopru r-rekwiżit ta' kapital tal-impriża parteċipi li għaliha s-solvenza tal-grupp tiġi kkalkulata. L-ikkalkular tas-solvenza tal-grupp iwassal għal riżultati li huma mill-inqas ekwivalenti għar-riżultati tal-metodi stabbiliti fl-Artikoli 230 u 233 tad-Direttiva 2009/138/KE, mingħajr għadd doppju tal-fondi proprji u wara li tiġi eliminata l-kreazzjoni intragrupp tal-kapital permezz tal-finanzjament reċiproku.

    (24)

    Għaldaqstant, peress li jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikoli 378, 379 u 380 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35, ir-reġim regolatorju u superviżorju fis-seħħ fil-Bermuda għal impriżi u gruppi ta' assigurazzjoni jew ta' riassigurazzjoni għandu jitqies li jirrispetta l-kriterji għall-ekwivalenza sħiħa stipulati fl-Artikoli 172(2), 227(4) u 260(3) tad-Direttiva 2009/138/KE bl-eċċezzjoni tar-regoli dwar il-kaptivi u l-assiguraturi bi skop speċjali, li huma suġġetti għal reġim regolatorju differenti.

    (25)

    Id-Direttiva 2009/138/KE tapplika mill-1 ta' Jannar 2016. Din id-Deċiżjoni għalhekk għandha wkoll tagħti l-ekwivalenza lir-reġim ta' solvenza u prudenzjali fis-seħħ f'Bermuda sa minn dik id-data.

    (26)

    Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2015/2290 (4) tat ekwivalenza proviżorja fir-rigward tar-reġimi tas-solvenza fis-seħħ fl-Awstralja, f'Bermuda, fil-Brażil, fil-Kanada, fil-Messiku u fl-Istati Uniti. Għal raġunijiet ta' ċertezza ġuridika u minħabba li r-reġim tas-solvenza fis-seħħ f'Bermuda għall-impriżi u l-gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissodisfa l-kriterji għal ekwivalenza sħiħa, bl-eċċezzjoni ta' regoli dwar il-kaptivi u l-assiguraturi bi skop speċjali, huwa neċessarju li dik id-Deċiżjoni tiġi emendata.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-reġim ta' solvenza fis-seħħ f'Bermuda li japplika għall-attivitajiet tar-riassigurazzjoni ta' impriżi li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'Bermuda għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim stipulat fit-Titolu I tad-Direttiva 2009/138/KE, bl-eċċezzjoni ta' regoli dwar il-kaptivi u l-assiguraturi bi skop speċjali.

    Artikolu 2

    Ir-reġim superviżorju fis-seħħ f'Bermuda li japplika għall-attivitajiet tal-assigurazzjoni ta' impriżi li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'Bermuda għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim stipulat fil-Kapitolu VI tat-Titolu I tad-Direttiva 2009/138/KE, bl-eċċezzjoni tar-regoli dwar il-kaptivi u l-assiguraturi bi skop speċjali.

    Artikolu 3

    Ir-reġim prudenzjali fis-seħħ f'Bermuda li japplika għas-superviżjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fi grupp għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim stipulat fit-Titolu III tad-Direttiva 2009/138/KE, bl-eċċezzjoni tar-regoli dwar il-kaptivi u l-assiguraturi bi skop speċjali.

    Artikolu 4

    Id-Deċiżjoni Delegata (UE) 2015/2290 dwar l-ekwivalenza proviżorja tar-reġimi tas-solvenza fis-seħħ fl-Awstralja, f'Bermuda, fil-Brażil, fil-Kanada, fil-Messiku, u fl-Istati Uniti u applikabbli għal impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni b'uffiċċji prinċipali f'dawk il-pajjiżi hija emendata kif ġej:

    (1)

    it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2015/2290 tal-5 ta' Ġunju 2015 dwar l-ekwivalenza proviżorja tar-reġimi tas-solvenza fis-seħħ fl-Awstralja, fil-Brażil, fil-Kanada, fil-Messiku, u fl-Istati Uniti u applikabbli għal impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni b'uffiċċji prinċipali f'dawk il-pajjiżi”;

    (2)

    L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Ir-reġimi tas-solvenza fis-seħħ fl-Awstralja, fil-Brażil, fil-Kanada, fil-Messiku u fl-Istati Uniti u applikabbli għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni b'uffiċċji prinċipali f'dawk il-pajjiżi jitqiesu bħala proviżorjament ekwivalenti għar-reġim stipulat fil-Kapitolu VI tat-Titolu I tad-Direttiva 2009/138/KE.”

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Hija tapplika mill-1 ta' Jannar 2016.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

    (3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2015/2290 tal-5 ta' Ġunju 2015 dwar l-ekwivalenza proviżorja tar-reġimi tas-solvenza fis-seħħ fl-Awstralja, f'Bermuda, fil-Brażil, fil-Kanada, fil-Messiku, u fl-Istati Uniti u applikabbli għal impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni b'uffiċċji prinċipali f'dawk il-pajjiżi (ĠU L 323, 9.12.2015, p. 22).


    Top