EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2462

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2462 tat-30 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni

ĠU L 342, 29.12.2015, p. 7–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/08/2018; Impliċitament imħassar minn 32018R1046 U 32018D1520

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2462/oj

29.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/7


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2462

tat-30 ta' Ottubru 2015

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 58, 60, 101, 103, 104, 104a, 105, 106, 107, 108, 110, 111, 112, 113, 115, 116, 117, 118, 119, 124, 131, 138, 139, 190, 191, 204 u 209 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 ġie emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) biex ikun allinjat mad-Direttiva emendata 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar l-akkwist pubbliku u d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni u biex tissaħħaħ is-sistema ta' protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi aġġornat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (5) dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(2)

L-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem “TFUE”) jipprovdi li att leġiżlattiv jista' jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi biss sabiex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv.

(3)

Huwa neċessarju li l-kontenut tal-ftehim mal-entitajiet fdati b'ġestjoni indiretta tal-implimentazzjoni tal-baġit mal-obbligi introdotti bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 biex jinnotifikaw u jimponu sanzjonijiet amministrattivi fuq l-operaturi ekonomiċi f'każ ta' irregolaritajiet jew frodi.

(4)

L-assimilazzjoni ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ f'organizzazzjonijiet internazzjonali li tippermetti l-applikazzjoni tar-regoli speċifiċi rilevanti dwar il-ġestjoni indiretta għandha tiġi limitata u soġġetta għal kondizzjonijiet. Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kriterji li għandhom jiġu applikati għal kwalunkwe tali assimilazzjoni.

(5)

Fl-interess ta' ċarezza u konsistenza, jeħtieġ li jiżdiedu definizzjonijiet ġodda u li jagħmlu kjarifikazzjonijiet tekniċi sabiex jiġi żgurat li t-terminoloġija tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 tikkorrispondi, kemm jista' jkun, ma' dik tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/23/UE.

(6)

Huwa xieraq li l-proċeduri ta' akkwist ikunu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biex isegwu l-informazzjoni għal avviżi provduta fid-Direttiva 2014/24/UE u li dawk l-avviżi jkunu trażmessi b'mezzi elettroniċi. Billi dawn l-avviżi għandhom jiġu ppubblikati fil-lingwi kollha tal-UE, huwa meħtieġ li tiġi aġġustata d-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-offerti b'estensjoni tat-terminu preskrittiv bejn id-dispaċċ u l-pubblikazzjoni fil-livell tal-Unjoni lil hinn minn dak previst fid-Direttiva 2014/24/UE.

(7)

Huwa xieraq li tiġi simplifikata l-pubblikazzjoni ta' għotjiet ta' kuntratti li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE u huwa xieraq li din il-pubblikazzjoni sseħħ primarjament fuq is-sit tal-Internet tal-awtorità kontraenti minflok f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif inhu l-każ għal pubbliċità ex ante.

(8)

Il-proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar għandha titqies bħala proċedura standard u għandha tissostitwixxi dik li qabel kienet il-proċedura negozjata bil-pubblikazzjoni ta' avviż dwar kuntratt. Għalhekk huwa xieraq li jiġi limitat ir-rappurtar annwali dwar proċeduri eċċezzjonali għal proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel.

(9)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li s-sħubija għall-innovazzjoni tintuża biss meta l-prodott mixtieq ma jeżistix fis-suq. Huwa għalhekk xieraq li jkun pprovdut li huwa meħtieġ li titwettaq analiżi preliminari tas-suq qabel ma tintuża sħubija għall-innovazzjoni.

(10)

Huwa meħtieġ li jkun hemm provvediment għax-xiri kollu possibbli, inkluż dak li jaqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE. Il-proċedura nnegozjata għandha għalhekk tintuża mingħajr pubblikazzjoni minn qabel għal dan ix-xiri, inklużi ċerti servizzi legali, ċerti kategoriji ta' servizzi finanzjarji, self u netwerks ta' komunikazzjoni pubbliċi.

(11)

Organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jipprovdu servizzi bħala operaturi ekonomiċi għalhekk huwa xieraq li jkun ipprovdut għall-parteċipazzjoni possibbli tagħhom fi proċeduri ta' akkwist. Huwa wkoll meħtieġ li jkun ipprovdut għall-possibbiltà li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel għal xi organizzazzjonijiet internazzjonali li huma pprojbiti milli jipparteċipaw f'sejħiet għal offerti kompetittivi mill-istatut tagħhom. Il-kuntratt riżultanti għandu jkun adattat fir-rigward tal-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni.

(12)

Għal raġunijiet ta' armonizzazzjoni u simplifikazzjoni, il-proċeduri standard applikabbli għall-akkwist pubbliku għandhom jiġu applikati wkoll għal kuntratti ta' konċessjoni, inkluż il-proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar. Dan jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/23/UE dwar il-konċessjonijiet li jipprovdu għall-obbligi ta' pubbliċità ex ante u ex post. Għalhekk, il-limitu minimu għal konċessjonijiet ta' servizz għandu jkun allinjat mal-limitu minimu għal kuntratti ta' servizz.

(13)

Għal raġunijiet ta' armonizzazzjoni u simplifikazzjoni, il-proċeduri standard applikabbli għall-akkwist pubbliku għandhom jiġu applikati wkoll għal xiri li hemm ipprovdut għalih taħt is-sistema simplifikata tad-Direttiva 2014/24/UE, inkluż il-proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar. Għalhekk, il-limitu minimu għal xiri bis-sistema simplifikata għandu jkun allinjat mal-limitu minimu għal kuntratti ta' servizz.

(14)

Fl-interess taċ-ċarezza u s-simplifikazzjoni, it-tul ta' sejħa għal espressjonijiet ta' interess u ż-żmien li fih għandhom jirċievu talbiet għal parteċipazzjoni għandhom jiġu allinjati ma' dawk taħt is-sistema dinamika ta' xiri, peress li ż-żewġ sistemi huma simili ħafna fl-aspetti l-oħra kollha.

(15)

Fl-interessi ta' simplifikazzjoni amministrattiva u sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u medji, huwa xieraq li jkun hemm provvediment għal proċeduri negozjati għal kuntratti ta' valur medju.

(16)

Ċerti dispożizzjonijiet għandhom jiġu adattati biex jiġi ffaċilitat l-użu ta' proċeduri tal-akkwist elettroniku, inkluża s-sottomissjoni elettronika ta' offerti. B'mod partikolari, id-dokumenti tal-akkwist inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta sħiħa għandhom ikunu disponibbli b'mezzi elettroniċi mill-bidu tal-proċedura, inkluż fil-każ ta' proċeduri b'żewġ stadji, ħlief f'każijiet ġustifikati. Barra minn hekk, l-eżitu ta' proċedura għandu jiġi nnotifikat b'mezzi elettroniċi u l-offerenti u l-kandidati għandhom jaqblu li għandhom jiġu nnotifikati b'dan il-mod meta jissottomettu offerti jew talbiet għall-parteċipazzjoni u għandhom jipprovdu indirizz tal-e-mail validu għal dan l-għan.

(17)

Il-kuntratturi għandhom ikunu meħtieġa li jikkonformaw ma' kwalunkwe obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol.

(18)

L-awtorità kontraenti għandha taċċetta d-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (DEUA) kif definit fid-Direttiva 2014/24/UE għall-kriterji ta' esklużjoni u għażla bħala dikjarazzjoni standardizzata kull meta jkun fattibbli, jew, fin-nuqqas ta' dan, dikjarazzjoni fuq l-unur. Din għandha titlob dokumenti ta' prova mill-persuni li jkunu xeħtu l-offerta li rnexxiet biss jew, f'każijiet speċifiċi, minn dawk kollha li jitfgħu l-offerti jew ikunu kandidati.

(19)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-bażi ta' dejta għall-identifikazzjoni bikrija u s-sistema tal-esklużjoni, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar aċċess għall-informazzjoni li tinsab fil-bażi ta' dejta u dwar it-trażmissjoni tagħha.

(20)

Fl-interess tas-simplifikazzjoni u bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv, huwa xieraq li tintuża sistema awtomatika tal-informazzjoni eżistenti stabbilita mill-Kummissjoni għar-rappurtar ta' irregolaritajiet u frodi f'konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur għall-iskop tal-individwazzjoni bikrija u s-sistema ta' esklużjoni.

(21)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-organizzazzjoni u l-kompożizzjoni tal-Bord maħluq biex jiżgura li s-sistema għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi hija effettiva u konsistenti.

(22)

Huwa meħtieġ li jiġu ddeterminati l-kriterji tal-għażla kemm għal operatur ekonomiku wieħed kif ukoll għal grupp ta' operaturi ekonomiċi fid-dokumenti tal-akkwist filwaqt li jkunu żgurati l-proporzjonalità u l-ugwaljanza fit-trattament.

(23)

Fl-interess taċ-ċertezza legali, huwa neċessarju li jiġi ċċarat li l-kriterji tal-għażla huma strettament marbuta mal-evalwazzjoni ta' kandidati jew offerenti u li l-kriterji ta' għoti ta' kuntratt huma strettament marbuta mal-evalwazzjoni tal-offerti. B'mod partikolari, il-kwalifiki u l-esperjenza tal-persunal assenjat biex iwettaq il-kuntratt għandhom jintużaw biss bħala kriterju ta' għażla u mhux bħala kriterju tal-għoti, peress li dan jintroduċi riskju ta' duplikazzjoni u evalwazzjoni doppja tal-istess element. Barra minn hekk, kwalunkwe bidla fl-istat tal-persunal assenjat li jwettaq il-kuntratt, anke meta dan ikun iġġustifikat minħabba mard jew bidla fil-pożizzjoni, jixħtu dubju fuq il-kundizzjonijiet li taħthom ġie mogħti l-kuntratt u b'hekk joħloq inċertezza legali.

(24)

Bil-għan tas-simplifikazzjoni, huwa xieraq li ssir rabta bejn ir-rekwiżiti għal kumitati tal-ftuħ u ta' evalwazzjoni mal-livell ta' analiżi tar-riskju mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni.

(25)

Huwa xieraq li, meta jiġu nnotifikati dwar l-eżitu ta' proċedura, il-kandidati u l-offerenti jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet li fuqhom ittieħdet id-deċiżjoni u jirċievu dikjarazzjoni dettaljata tar-raġunijiet li jkun ibbażat fuqhom il-kontenut tar-rapport ta' evalwazzjoni.

(26)

Huwa neċessarju li tkun prevista għażla ta' garanzija ta' eżekuzzjoni fir-rigward ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi kumplessi sabiex tiġi garantita l-konformità ma' obbligi kuntrattwali sostanzjali u sabiex jiżguraw eżekuzzjoni tajba matul it-tul ta' żmien kollu tal-kuntratt. Jeħtieġ ukoll li jsir provvediment għal garanzija tar-ritenzjoni ta' flus biex ikun kopert il-perjodu ta' obbligazzjoni kuntrattwali, skont il-prattika tas-soltu f'dawn is-setturi.

(27)

Għandu jkun possibbli għal ċerti entitajiet amministrattivi li jaġixxu bħala korp ċentrali għall-akkwisti għax-xiri bl-ingrossa jew għall-akkwist ċentralizzat.

(28)

Huwa meħtieġ li jiddifferixxu l-applikazzjoni tal-emenda dwar il-limitu ta' żmien bejn id-dispaċċ u l-pubblikazzjoni ta' avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biex jadattaw is-sistema użata għat-traduzzjoni tal-avviżi.

(29)

Huwa neċessarju li tiġi differita l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni dwar id-disponibbiltà, fil-bażi ta' dejta dwar l-identifikazzjoni bikrija u s-sistema ta' esklużjoni, tal-informazzjoni dwar frodi u irregolaritajiet li tinsab fis-sistema ta' informazzjoni awtomatizzata tal-Kummissjoni (is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet) sakemm il-bażi ta' dejta tkun tista' tirċievi din l-informazzjoni.

(30)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex ikun żgurat li huwa jkun jista' japplika mill-bidu tas-sena finanzjarja.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 jiġi emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 32, is-sentenza introduttorja tal-ewwel sottoparagrafu tal-paragrau 1 hija sostitwita b'dan li ġej:

“Atti li x'aktarx ikunu affettwati minn kunflitt ta' interessi fis-sens tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Finanzjarju jistgħu, fost l-oħrajn, jieħdu waħda mill-forom li ġejjin bla ħsara għall-kwalifikazzjoni tagħhom bħala attivitajiet illegali skont il-punt (d) tal-Artikolu 106(1) tar-Regolament Finanzjarju:”

(2)

It-titolu tal-Artikolu 40 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 40

Kontenut tal-ftehim li jafda kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lil entitajiet u persuni

(l-Artikoli 60(3) u 61(3) tar-Regolament Finanzjarju)”

(3)

fl-Artikolu 40, il-punt (f) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(f)

regoli li jippermettu lill-entità jew lill-persuna teskludi operaturi ekonomiċi li jkunu f'sitwazzjoni msemmija fil-punti (d) u (f) tal-Artikolu 106(1) u fil-punt (b) tal-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju milli jipparteċipaw fi proċeduri ta' għoti ta' akkwisti, għotjiet jew premjijiet jew milli jingħataw kuntratti ta' akkwist, għotjiet jew premjijiet u regoli li jippermettu lill-entità jew lill-persuna li timponi penali finanzjarji fuq dawn l-operaturi ekonomiċi;”

(4)

fl-Artikolu 40, il-punt (h): (i) jiġi mibdul b'dan li ġej:

“(h)

arranġamenti li jipprovdu għal:

(i)

impenn mill-entità fdata li tinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe frodi jew irregolarità kif imsemmija fil-punti (d) u (f) tal-Artikolu 106(1) tar-Regolament Finanzjarju li jkun seħħ fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni u l-miżuri meħuda;”

(5)

fl-Artikolu 40, għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Fil-każ tal-punt (f) tal-ewwel paragrafu, għall-fini tal-Artikolu 106(5) tar-Regolament Finanzjarju, pajjiż terz jiġi kkunsidrat li naqas li jieħu azzjoni, fost l-oħrajn, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li operatur ekonomiku jiġi eskluż mill-proċeduri ta' għoti ffinanzjat mill-UE kollha fit-tifsira tal-Artikolu 106 tar-Regolament Finanzjarju. Il-ftehimiet ta' delega jispeċifikaw meta pajjiż terz jiġi kkunsidrat li naqas milli jieħu azzjoni.

Għall-fini tal-punt (h) (i) tal-ewwel paragrafu, fil-każ ta' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, dawn l-arranġamenti jispeċifikaw meta l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali għandhom jipprevjenu, jiskopru, jikkoreġu u jinnotifikaw irregolaritajiet u frodi skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament Finanzjarju.”

(6)

L-Artikolu 43 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 43

Dispożizzjonijiet speċifiċi għal ġestjoni indiretta ma' organizzazzjonijiet internazzjonali

(l-Artikolu 58(1)(c)(ii) u l-Artikolu 188 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju jkunu organizzazzjonijiet internazzjonali tas-settur pubbliku stabbiliti bi ftehimiet internazzjonali u aġenziji speċjalizzati mwaqqfa minn organizzazzjonijiet bħal dawn.

Il-ftehimiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jintbagħtu lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għall-valutazzjoni ex ante msemmija fl-Artikolu 39 qabel ma l-Kummissjoni tafda kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit.

2.   L-organizzazzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu assimilati ma' organizzazzjonijiet internazzjonali:

(a)

il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar;

(b)

il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet Nazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni debitament iġġustifikata li tassimila organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ ma' organizzazzjoni internazzjonali sakemm hija tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikollha l-personalità ġuridika u l-korpi ta' governanza awtonoma tagħha;

(b)

tkun ġiet stabbilita biex twettaq kompiti speċifiċi ta' interess internazzjonali ġenerali;

(c)

mill-inqas sitt Stati Membri jkunu membri tal-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ;

(d)

tipprovdi garanziji finanzjarji xierqa;

(e)

topera fuq il-bażi ta' struttura permanenti u f'konformità ma' sistemi, regoli u proċeduri li jistgħu jiġu vvalutati b'konformità mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju.

4.   Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit taħt ġestjoni indiretta ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, iridu japplikaw il-ftehimiet ta' verifika konklużi magħhom.”

(7)

L-Artikolu 53 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 53

Rapport dwar il-proċeduri nnegozjati

(l-Artikolu 66 tar-Regolament Finanzjarju)

L-uffiċjali awtorizzanti b'delega jirreġistraw, għal kull sena finanzjarja, il-kuntratti konklużi permezz tal-proċeduri nnegozjati msemmija fil-punti minn (a) sa (f) tal-Artikolu 134(1) u l-Artikolu 266 ta' dan ir-Regolament. Jekk il-proporzjon ta' proċeduri nnegozjati fir-rigward tal-għadd ta' kuntratti mogħtija mill-istess uffiċjal tal-awtorizzazzjoni b'delega jiżdied b'mod sinifikanti meta mqabbel mas-snin ta' qabel jew jekk dak il-proporzjon ikun ogħla sewwa mill-medja rreġistrata għal dik l-istituzzjoni, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jirrapporta lill-istituzzjoni u jistabbilixxi miżuri sabiex ireġġa' lura dik ix-xejra. Kull istituzzjoni tibgħat rapport dwar il-proċeduri nnegozjati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fil-każ tal-Kummissjoni, dak ir-rapport ikun anness mas-sommarju tar-rapporti annwali tal-attività msemmija fl-Artikolu 66(9) tar-Regolament Finanzjarju.”;

(8)

L-Intestatura ta' titolu V Parti Wieħed tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“TITOLU V

AKKWISTI PUBBLIĊI U L-KONĊESSJONIJIET”;

(9)

Fil-Kapitolu 1 tat-Titolu V tal-Parti Wieħed, it-Taqsimiet 1, 2 u 3 jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“Taqsima 1

Kamp ta' applikazzjoni u prinċipji tal-għoti

Artikolu 121

Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

(L-Artikolu 101(2) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Il-kuntratti ta' bini jkopru x-xiri, il-kiri fit-tul, l-użufrutt, it-twellija, il-kiri jew lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri, bil-possibbiltà jew le ta' xiri, ta' art, binjiet eżistenti jew proprjetà immobbli oħra.

2.   Il-kuntratti ta' provvista jkopru x-xiri, it-twellija, il-kiri jew il-lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri bil-possibbiltà jew le ta' xiri. Kuntratti ta' provvista jistgħu jinkludu, bħala aspett sekondarju, attivitajiet fuq il-post u ta' installazzjoni.

3.   Kuntratti għal xogħlijiet ikopru jew l-esekuzzjoni, jew kemm l-eżekuzzjoni kif ukoll it-tfassil tax-xogħol relatat ma' waħda mill-attivitajiet imniżżla fl-Anness II tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/24/UE (1) jew it-twettiq, bi kwalunkwe mezz, ta' xogħol li jikkorrispondu mar-rekwiżiti speċifikati mill-awtorità kontraenti waqt li teżerċità influwenza deċiżiva fuq it-tip jew it-tfassil tax-xogħol.

‘Xogħol’ tfisser l-eżitu ta' xogħlijiet ta' bini jew ta' inġinerija ċivili meħuda fil-kumplessività tagħhom li minnhom infushom jistgħu jaqdu funzjoni ekonomika jew teknika.

4.   Il-kuntratti ta' servizzi jkopru s-servizzi intellettwali u mhux intellettwali kollha għajr dawk li huma koperti minn kuntratti ta' provvista, kuntratti ta' xogħlijiet jew kuntratti ta' bini.

5.   Fil-każ ta' kuntratti mħallta li jikkonsistu minn servizzi u provvisti, l-għan prinċipali jiġi stabbilit bi tqabbil tal-valuri tas-servizzi jew il-provvisti rispettivi.

Kuntratt li jkopri tip wieħed ta' akkwist (xogħlijiet, servizzi jew provvisti) u konċessjonijiet (xogħlijiet jew servizzi) għandu jingħata f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt pubbliku.

6.   Kwalunkwe referenza għan-nomenklaturi fil-kuntest tal-akkwist pubbliku ssir bl-użu tal-‘Vokabularju Komuni tal-Akkwist (CPV)’ kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

7.   L-awtorità kontraenti ma tistax teżiġi li grupp ta' operaturi ekonomiċi jkollu forma legali partikolari sabiex jitfa' offerta jew jitlob li jieħu sehem, iżda l-grupp magħżul jista' jintalab jadotta forma legali partikolari wara li jkun ingħatalu l-kuntratt jekk tali bidla tkun meħtieġa għat-twettiq xieraq tal-kuntratt.

8.   L-iskambji kollha mal-kuntratturi, inklużi l-konklużjoni ta' kuntratti u kwalunkwe emenda għalihom, jistgħu jsiru permezz ta' sistemi ta' skambju elettroniċi stabbiliti mill-awtorità kontraenti.

9.   Is-sistema elettronika ta' skambju għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

persuni awtorizzati biss jista' jkollhom aċċess għas-sistema u d-dokumenti trażmessi fiha;

(b)

persuni awtorizzati biss jistgħu jiffirmaw jew jittrażmettu dokument permezz tas-sistema;

(c)

persuni awtorizzati jridu jiġu identifikati permezz tas-sistema b'mezzi stabbiliti.

(d)

il-ħin u d-data tat-tranżazzjoni elettronika jridu jiġu stabbiliti bi preċiżjoni;

(e)

trid tinżamm l-integrità tad-dokumenti;

(f)

trid tinżamm id-disponibilità tad-dokumenti;

(g)

fejn ikun xieraq, trid tinżamm il-kunfidenzjalità tad-dokumenti;

(h)

trid tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dejta personali skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

10.   Dejta mibgħuta jew riċevuta permezz ta' sistema bħal din tgawdi mill-preżunzjoni legali tal-integrità tad-dejta u l-preċiżjoni tad-data u l-ħin ta' meta ntbagħtet jew ġiet riċevuta d-dejta indikati mis-sistema.

Dokument mibgħut jew innotifikat permezz ta' sistema bħal din jitqies ekwivalenti għal dokument fuq karta, ikun ammissibbli bħala prova fi proċedimenti legali, jitqies oriġinali u jgawdi l-preżunzjoni legali tal-awtentiċità u l-integrità tiegħu, bil-kundizzjoni li ma jkunx fih karatteristiċi dinamiċi li kapaċi jbiddluh b'mod awtomatiku.

Il-firem elettroniċi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 9 ikollhom l-effett legali ekwivalenti ta' firem bl-idejn.

Artikolu 122

Kuntratti qafas u kuntratti speċifiċi

(L-Artikolu 101(2) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Kuntratt qafas ma jistax ikun għal aktar minn erba' snin, ħlief f'każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati b'mod partikolari mis-suġġett tal-kuntratt qafas.

Kuntratti speċifiċi bbażati fuq kuntratti qafas għandhom jingħataw skont il-kondizzjonijiet tal-kuntratt qafas.

Meta jingħataw kuntratti speċifiċi, il-partijiet ma jistgħux jagħmlu tibdil sostanzjali għall-kuntratt qafas.

2.   Meta kuntratt qafas jiġi konkluż ma' operatur ekonomiku wieħed biss, il-kuntratti speċifiċi jingħataw fil-limiti tat-termini stipulati fil-kuntratt qafas.

F'ċirkustanzi debitament ġustifikati, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jikkonsultaw bil-miktub lill-kuntrattur, u jitolbuh jissupplimenta l-offerta tiegħu jekk meħtieġ.

3.   Meta kuntratt qafas ikun irid jiġi konkluż ma' diversi operaturi ekonomiċi (‘kuntratt qafas multiplu’), jista' jieħu l-forma ta' kuntratti separati iffirmati b'patti u kundizzjonijiet identiċi ma' kull kuntrattur.

Kuntratti speċifiċi bbażati fuq kuntratti qafas konklużi ma' diversi operaturi ekonomiċi għandhom ikunu implimentati b'waħda mill-modi li ġejjin:

(a)

skont it-termini tal-kuntratt qafas: mingħajr ma terġa' tinfetaħ il-kompetizzjoni, fejn dan jistabbilixxi l-patti kollha li jirregolaw il-forniment tax-xogħlijiet, servizzi jew provvisti kkonċernati u l-kundizzjonijiet oġġettivi għad-determinazzjoni ta' liema kuntratturi għandhom iwettquhom;

(b)

meta mhux it-termini kollha li jirregolaw il-forniment tax-xogħlijiet, servizzi jew provvisti kkonċernati jkunu stabbiliti fil-kuntratt qafas: billi terġa' tinfetaħ il-kompetizzjoni bejn il-kuntratturi, skont il-paragrafu 4 u abbażi ta' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

l-istess u, fejn neċessarju, b'termini formulati bi preċiżjoni akbar,

(ii)

fejn ikun xieraq, fuq il-bażi ta' termini oħra msemmija fid-dokumenti tal-akkwist relatati mal-kuntratt qafas.

(c)

parzjalment mingħajr ma tinfetaħ mill-ġdid il-kompetizzjoni skont il-punt (a) u parzjalment bil-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni fost il-kuntratturi skont il-punt (b), fejn din il-possibilità ġiet stipulata mill-awtorità kontraenti fid-dokumenti tal-akkwist relatati mal-kuntratt qafas.

Id-dokumenti tal-akkwist imsemmija fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu għandhom jispeċifikaw ukoll liema termini jistgħu jkunu soġġetti għall-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni.

4.   Kuntratt qafas multiplu bil-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni għandu jiġi konkluż ma' tal-anqas tliet operaturi ekonomiċi, bil-kundizzjoni li jkun hemm għadd suffiċjenti ta' offerti ammissibbli kif imsemmi fl-Artikolu 158(4).

Wara l-għoti ta' kuntratt speċifiku billi terġa' tinfetaħ il-kompetizzjoni bejn il-kuntratturi, l-awtorità kontraenti għandha tikkonsultahom bil-miktub u tiffissa limitu ta' żmien li jkun twil biżżejjed li jippermetti li jiġu ppreżentati offerti speċifiċi. Offerti speċifiċ għandhom jiġu sottomessi bil-miktub. L-awtorità kontraenti għandha tagħti kull kuntratt speċifiku lill-offerent li jkun tefa' l-aktar offerta speċifika ekonomikament vantaġġuża fuq il-bażi tal-kriterji tal-għoti stipulati fl-ispeċifikazzjoni tal-kuntratt qafas.

5.   F'setturi soġġetti għal evoluzzjoni mgħaġġla tal-prezzijiet u tat-teknoloġija, il-kuntratti qafas mingħajr ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni jinkludu klawsola dwar reviżjoni ta' nofs it-terminu jew dwar sistema ta' valutazzjoni komparattiva. Wara r-reviżjoni ta' nofs it-terminu, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti inizjalment ma jkunux għadhom adattati għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet jew tat-teknoloġija, l-awtorità kontraenti ma għandhiex tuża l-kuntratt qafas ikkonċernat u tieħu l-miżuri xierqa sabiex ittemmu.

6.   Kuntratti speċifiċi bbażati fuq kuntratti qafas għandhom jiġu ppreċeduti minn impenn tal-baġit.

Taqsima 2

Pubbliċità

Artikolu 123

Reklamar ta' proċeduri ugwali jew ogħla mil-limitu minimu skont l-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju jew għal kuntratti li jaqaw fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE

(L-Artikolu 103(1) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-avviżi għal pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha stabbilita fil-formoli standard rilevanti msemmija fid-Direttiva 2014/24/UE biex jiżguraw it-trasparenza tal-proċedura.

2.   L-awtorità kontraenti tista' tħabbar l-intenzjonijiet tagħha ta' akkwisti ppjanati għas-sena finanzjarja permezz ta' pubblikazzjoni ta' avviż ta' informazzjoni minn qabel. Huwa għandu jkopri perjodu li jkun daqs jew inqas minn 12-il xahar mid-data li fiha l-avviż ikun intbagħat lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.

L-awtorità kontraenti tista' tippubblika avviż ta' informazzjoni minn qabel jew f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew fuq il-profil tax-xerrej tagħha. F'dan il-każ, avviż tal-pubblikazzjoni fuq il-profil tax-xerrej għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   L-avviż tal-kuntratt għandu jkun użat bħala mezz ta' tnedija ta' proċedura b'valur stmat li jkun daqs jew ogħla mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju, ħlief għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 134 ta' dan ir-Regolament.

4.   L-awtorità kontraenti għandhom jibgħat lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet avviż ta' għoti fuq ir-riżultati tal-proċedura sa mhux aktar tard minn 30 jum wara l-iffirmar ta' kuntratt jew kuntratt qafas b'valur daqs jew akbar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju.

Madankollu, l-avviżi li jirrigwardaw kuntratti bbażati fuq sistema dinamika ta' xiri jistgħu jinġabru flimkien fuq bażi ta' kull tliet xhur. F'każijiet bħal dawn, l-awtorità kontraenti għandha tibgħat l-avviż lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet mhux aktar tard minn 30 jum wara t-tmiem ta' kull perjodu ta' tliet xhur.

Avviż ta' għoti ta' kuntratt ma għandux ikun ippublikat għall-kuntratti speċifiċi bbażati fuq kuntratti qafas.

5.   L-awtorità kontraenti għandha tippubblika avviż ta' għoti ta' kuntratt:

(a)

qabel ma tiffirma kuntratt jew kuntratt qafas b'valur daqs jew akbar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju u mogħti skont il-proċedura skont l-Artikolu 134(1)(b) ta' dan ir-Regolament;

(b)

wara li tiffirma kuntratt jew kuntratt qafas b'valur daqs jew akbar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju inkluż dawk mogħtija skont il-proċeduri fil-punti (a) u (c) sa (f) tal-Artikolu 134(1) ta' dan ir-Regolament.

6.   L-awtorità kontraenti għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż ta' modifika ta' kuntratt matul it-tul tiegħu fil-każijiet stipulati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 114a(3) tar-Regolament Finanzjarju, fejn il-valur tal-modifika jkun daqs jew akbar mil-limiti definiti fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju.

7.   F'każ ta' proċedura interistituzzjonali, l-awtorità kontraenti responsabbli għall-proċedura għandha tkun inkarigata li tapplika miżuri ta' pubbliċità.

Artikolu 124

Reklamar ta' proċeduri li jaqgħu taħt il-limitu minimu skont l-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju jew li jaqgħu lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE

(L-Artikolu 103(2) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Proċeduri b'valur stmat tal-kuntratt taħt il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju għandhom ikunu rreklamati b'mezzi xierqa. Tali reklamar jinvolvi pubbliċità ex ante xierqa fuq l-Internet jew avviż ta' kuntratt jew, għal kuntratti mogħtija skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 136 ta' dan ir-Regolament, il-pubblikazzjoni ta' avviż ta' sejħa għal espressjonijiet ta' interess f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan l-obbligu ma għandux japplika għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 134 ta' dan ir-Regolament u l-proċedura negozjata għal kuntratti ta' valur baxx ħafna skont l-Artikolu 137(2) ta' dan ir-Regolament.

2.   Għal kuntratti mogħtija skont il-punti (g) u (i) tal-Artikolu 134 ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kontraenti għandha tibgħat lista tal-kuntratti mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju ta' wara s-sena finanzjarja lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fil-każ tal-Kummissjoni, dik il-lista tiġi annessa mas-sommarju tar-rapporti annwali tal-attività msemmija fl-Artikolu 66(9) tar-Regolament Finanzjarju.

3.   L-informazzjoni dwar l-għoti ta' kuntratt għandha tinkludi l-isem tal-kuntrattur, l-ammont mogħti u s-suġġett tal-kuntratt u, f'każ ta' kuntratti diretti u speċifiċi, din għandha tikkonforma mal-Artikolu 21(3).

L-awtorità kontraenti għandha tippubblika lista ta' kuntratti fuq is-sit tal-Internet tagħha sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju tas-sena finanzjarja segwenti:

(a)

kuntratti taħt il-limiti minimi stipulati fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

kuntratti mogħtija skont il-punti (h) u (j) sa (m) tal-Artikolu 134 ta' dan ir-Regolament;

(c)

modifikazzjonijiet ta' kuntratti kif stabbilit fil-punt (c) tal- Artikolu 114a(3) tar-Regolament Finanzjarju;

(d)

il-modifiki tal-kuntratti kif stipulat fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 114a(3) tar-Regolament Finanzjarju, fejn il-valur tal-modifika ikun anqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(e)

kuntratti speċifiċi f'kuntratt ta' qafas.

Għall-finijiet tal-punt (e) tat-tieni subparagrafu, l-informazzjoni ppubblikata tista' tiġi aggregata għal kull kuntrattur għall-istess suġġett.

4.   Fil-każ ta' kuntratti qafas interistituzzjonali, kull awtorità kontraenti għandha tkun responsabbli għar-reklamar tal-kuntratti speċifiċi tagħha u l-emendi tagħhom skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

Artikolu 125

Pubblikazzjoni ta' avviżi

(L-Artikolu 103(1) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-awtorità kontraenti għandha tfassal u tibgħat l-avviżi msemmija fl-Artikoli 123 u 124 b'mezzi elettroniċi lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.

2.   L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jippubblika l-avviżi msemmija fl-Artikoli 123 u 124 f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux aktar tard minn:

(a)

sebat ijiem wara d-dispaċċ tagħhom jekk l-awtorità kontraenti tuża sistema elettronika biex jimtlew il-formoli standard imsemmija fl-Artikolu 123(1) u tillimita t-test liberu għal 500 kelma;

(b)

12-il jum wara d-dispaċċ tagħhom fil-każijiet l-oħra kollha.

3.   L-awtorità kontraenti trid tkun kapaċi tipprovdi evidenza tad-data tal-ħruġ.

Artikolu 126

Forom oħra ta' reklamar

(L-Artikolu 103(2) tar-Regolament Finanzjarju)

Barra mir-reklamar provdut għalih fl-Artikoli 123 u 124, il-proċeduri ta' akkwist jistgħu jkunu rreklamati f'kwalunkwe mod ieħor, notevolment fil-forma elettronika. Kwalunkwe reklamar bħal dan għandu jirreferi għall-avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jekk l-avviż ikun ġie ppubblikat, u ma jistax jippreċedi l-pubblikazzjoni ta' dak l-avviż, li hu biss hu awtentiku.

Tali reklamar ma jista' jintroduċi l-ebda diskriminazzjoni bejn il-kandidati jew l-offerenti u lanqas ma jista' jkun fih dettalji ħlief dawk inklużi fl-avviż tal-kuntratt, jekk l-avviż ikun ġie ppubblikat.

Taqsima 3

Proċeduri ta' akkwist

Artikolu 128

Għadd minimu ta' kandidati u arranġamenti għan-negozjar

(L-Artikolu 104(4) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Fi proċedura ristretta, u fil-proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 136(1) u fl-Artikolu 136a, l-għadd minimu ta' kandidati għandu jkun ħamsa.

2.   Fil-proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar, id-djalogu kompetittiv, is-sħubija għall-innovazzjoni, ir-riċerka tas-suq lokali skont l-Artikolu 134(1)(g) u l-proċedura negozjata għal kuntratti ta' valur baxx skont l-Artikolu 137(1), l-għadd minimu ta' kandidati għandu jkun tlieta.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw fil-każijiet li ġejjin:

(a)

proċeduri nnegozjati għal kuntratti ta' valur baxx ħafna skont l-Artikolu 137(2);

(b)

proċeduri nnegozjati mingħajr pubblikazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 134 ħlief għal kompetizzjonijiet ta' disinn skont l-Artikolu 134(1)(d) u prospetti tas-suq lokali skont l-Artikolu 134(1)(g).

4.   Meta l-għadd ta' kandidati li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla jkun anqas mill-għadd minimu speċifikat fil-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kontraenti tista' tkompli l-proċedura billi tistieden lill-kandidati li jkollhom il-kapaċitajiet meħtieġa. L-awtorità kontraenti ma tistax tinkludi operaturi ekonomiċi li ma jkunux inizjalment talbu li jipparteċipaw jew li ma jkunux inizjalment mistiedna.

5.   Matul in-negozjar, l-awtorità kontraenti għandha tiżgura trattament ugwali lill-offerenti kollha.

Negozjar jista' jsir fi stadji suċċessivi sabiex jonqos l-għadd ta' offerti li jridu jiġu nnegozjati billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti speċifikati fid-dokumenti tal-akkwist. L-awtorità kontraenti għandha tindika jekk mhux se tuża din l-għażla fid-dokumenti tal-akkwist.

6.   Għall-proċeduri stabbiliti fil-punti (d) u (g) tal-Artikolu 134(1) u l-Artikoli 136a u 137, l-awtorità kontraenti għandha tistieden mill-inqas lill-operaturi ekonomiċi kollha li esprimew interess wara pubbliċità ex ante kif stabbilit fl-Artikolu 124(1) jew prospezzjoni tas-suq lokali jew kompetizzjoni dwar id-disinn.

Artikolu 129

Sħubija għall-innovazzjoni

(L-Artikolu 104(1) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-għan tas-sħubija għall-innovazzjoni għandu jkun l-iżvilupp ta' prodott, servizz jew xogħlijiet innovattivi u x-xiri sussegwenti tax-xogħolijiet, il-fornimenti jew is-servizzi li jirriżultaw, dment li dawn jikkorrispondu mal-livelli ta' prestazzjoni maqbula u l-kostijiet massimi miftiehma bejn l-awtoritajiet kontraenti u s-sħab.

Is-sħubija għall-innovazzjoni għandha tiġi strutturata f'fażijiet suċċessivi li jsegwu s-sekwenza ta' passi fil-proċess ta' riċerka u innovazzjoni, li tista' tinkludi t-tlestija tax-xogħlijiet, il-manifattura tal-prodotti jew il-forniment tas-servizzi. Is-sħubija għall-innovazzjoni għandha tistabbilixxi miri intermedji li għandhom jinkisbu mis-sħab.

Abbażi ta' dawk il-miri immedjati, l-awtorità kontraenti tista' tiddeċiedi wara kull fażi li ttemm is-sħubija għall-innovazzjoni jew, f'każ ta' sħubija għall-innovazzjoni b'diversi sħab, li tnaqqas l-għadd ta' sħab billi ttemm il-kuntratti individwali, dment li l-awtorità kontraenti tkun indikat fid-dokumenti ta' akkwist dawk il-possibiltajiet u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom.

2.   Qabel ma tniedi sħubija għall-innovazzjoni, l-awtorità kontraenti għandha tikkonsulta s-suq kif provdut fl-Artikolu 137a sabiex jiġi żgurat li x-xogħol, il-provvista jew is-servizz ma jkunx jeżisti fis-suq jew bħala attività ta' żvilupp qrib is-suq.

L-arranġamenti dwar in-negozjar stabbilit fl-Artikolu 104(4) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 128(5) ta' dan ir-Regolament għandu jkun segwit.

Fid-dokumenti ta' akkwist, l-awtorità kontraenti għandha tidentifika l-ħtieġa għal prodotti, servizzi jew xogħlijiet innovattivi li ma jistgħux jiġu sodisfatti billi jinxtraw prodotti, servizzi jew xogħlijiet li diġà huma disponibbli fis-suq. Hija għandha tindika liema elementi ta' din id-deskrizzjoni jiddefinixxu r-rekwiżiti minimi. L-informazzjoni prevista għandha tkunu preċiża biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi jkun jistgħu jidentifikaw in-natura u l-ambitu tas-soluzzjoni meħtieġa u jistgħu jiddeċiedu jekk jitolbux li jieħdu sehem fil-proċedura.

L-awtorità kontraenti tista' tiddeċiedi li tistabbilixxi s-sħubija ta' innovazzjoni ma' sieħeb wieħed jew ahtar li jwettqu attivitajiet separati ta' riċerka u żvilupp.

Il-kuntratti għandhom jingħataw biss fuq il-bażi tal-aħjar relazzjoni bejn il-prezz u l-kwalità kif stabbilit fl-Artikolu 110(4) tar-Regolament Finanzjarju.

3.   Fid-dokumenti ta' akkwist, l-awtorità kontraenti għandha tispeċifika l-arranġamenti applikabbli għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Fil-qafas ta' sħubija għall-innovazzjoni, l-awtorità kontraenti ma għandhiex tiżvela lill-isħab l-oħra s-soluzzjonijiet proposti jew informazzjoni konfidenzjali oħra kkomunikata minn sieħeb mingħajr il-qbil tiegħu.

L-awtorità kontraenti għandha tiżgura li l-istruttura tas-sħubija u, b'mod partikolari, id-durata u l-valur tal-fażijiet differenti għandhom jirriflettu l-grad ta' innovazzjoni tas-soluzzjoni proposta u s-sekwenza tal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni metieġa għall-iżvilupp ta' soluzzjoni innovattiva li għadha mhijiex disponibbli fis-suq. Il-valur stmat tax-xogħolijiet, tal-provvisti jew tas-servizzi ma għandux ikun sproporzjonat fir-rigward tal-investiment meħtieġ għall-iżvilupp tagħhom.

Artikolu 130

Kompetizzjonijiet dwar id-disinn

(L-Artikolu 104(1) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Kompetizzjonijiet dwar id-disinn għandhom ikunu soġġetti għar-regoli dwar il-pubbliċità stabbiliti fl-Artikolu 123 u jistgħu jinkludu l-għoti ta' premjijiet.

Fejn il-kompetizzjonijiet ta' disinn huma limitati għal għadd limitat ta' kandidati, l-awtorità kontraenti għandha tistabbilixxi kriterji tal-għażla ċari u mhux diskriminatorji.

L-għadd ta' kandidati mistiedna sabiex jipparteċipaw jrid jkun biżżejjed biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġenwina.

2.   Il-ġurija għandha tinħatar mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli. Hija tkun iffurmata biss minn persuni fiżiċi li ma jkollhomx x'jaqsmu mal-kandidati fil-kompetizzjoni. Meta tkun meħtieġa kwalifika professjonali partikolari minn kandidati f'kompetizzjoni, mill-anqas terz tal-membri tal-ġurija jrid ikollhom l-istess kwalifika jew waħda ekwivalenti.

Il-ġurija għandha tkun awtonoma fl-opinjonijiet tagħha. L-opinjonijiet tagħha jiġu adottati fuq il-bażi tal-proġetti ppreżentati lilha b'mod anonimu mill-kandidati u fid-dawl biss tal-kriterji stipulati fl-avviż dwar il-kompetizzjoni.

3.   Il-proposti u l-osservazzjonijiet tal-ġurija, abbażi tal-merti ta' kull proġett individwali, u l-kalssifikazzjoni u r-rimarki tagħha, għandhom jiġu rreġistrati f'rapport iffirmat mill-membri.

Il-kandidati jridu jibqgħu anonimi sakemm il-ġurija tkun tat l-opinjoni tagħha.

Il-kandidati jistgħu jintalbu mill-ġurija sabiex iwieġbu l-mistoqsijiet irreġistrati fir-rapport biex jiċċaraw proġett. Irid isir rapport sħiħ tad-djalogu li jirriżulta.

4.   L-awtorità kontraenti mbagħad tieħu deċiżjoni ta' għotja li fiha tagħti l-isem u l-indirizz tal-kandidat magħżul u r-raġunijiet għalfejn intgħażel, b'referenza għall-kriterji mħabbra fl-avviż dwar il-kompetizzjoni, speċjalment jekk tkun tiddevja mill-proposti magħmula fl-opinjoni tal-ġurija.

Artikolu 131

Sistema dinamika ta' xiri

(L-Artikolu 104(6) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Is-sistema dinamika ta' xiri hija proċess kompletament elettroniku għal xiri użat b'mod frekwenti, miftuħa matul il-perjodu sħiħ tagħha għal kull operatur ekonomiku li jissodisfa l-kriterji tal-għażla. Hija tista' tiġi diviża f'kategoriji ta' xogħlijiet, provvisti jew servizzi li huma definiti oġġettivament fuq il-bażi ta' karatteristiċi tal-akkwist li għandhom jitwettqu taħt il-kategorija kkonċernata. F'dan il-każ, il-kriterji tal-għażla għandhom jiġu definiti għal kull kategorija.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tindika fid-dokumenti ta' akkwist tagħha n-natura u l-kwantità stmata tax-xiri previst u l-informazzjoni kollha neċessarja dwar is-sistema ta' xiri, it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kollegament tekniku.

3.   Matul il-perjodu kollu ta' validità tas-sistema dinamika ta' xiri, l-awtorità kontraenti għandha tagħti, lil kull operatur ekonomiku, il-possibilità li jitlob biex jipparteċipa fis-sistema. Hija għandha tlesti l-evalwazzjoni ta' talbiet bħal dawn fi żmien 10 ijiem ta' xogħol minn meta tasal dik it-talba. Dan il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż għal 15-il jum ta' xogħol fejn ikun ġustifikat. Madankollu, l-awtorità kontraenti tista' testendi l-perjodu ta' evalwazzjoni bil-kundizzjoni li sadanittant ma tinħareġ l-ebda sejħa għall-offerti.

L-awtorità kontraenti għandha tgħarraf lill-kandidat malajr kemm jista' jkun dwar jekk ġiex ammess jew le fis-sistema dinamika ta' xiri.

4.   L-awtorità kontraenti għandha tistieden lill-offerenti kollha ammessi fis-sistema fil-kategorija relevanti biex jitfgħu offerta fi żmien raġonevoli. L-awtorità kontraenti għandha tagħti l-kuntratt lill-offerent li jkun tefa' l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża fuq il-bażi tal-kriterji tal-għoti stipulati fl-avviż tal-kuntratt. Dawk il-kriterji jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jiġu fformulati b'mod aktar preċiż fis-sejħa għall-offerti.

5.   L-awtorità kontraenti għandha tindika l-perjodu ta' validità tas-sistema dinamika ta' xiri fl-avviż tal-kuntratt.

Sistema dinamika ta' xiri ma tistax iddum għal aktar minn erba' snin, ħlief f'każijiet eċċezzjonali ġustifikati sewwa.

L-awtorità kontraenti ma tistax tuża din is-sistema biex twaqqaf, tillimita, jew twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Artikolu 132

Djalogu kompetittiv

(L-Artikolu 104(1) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-awtorità kontraenti għandha tispeċifika l-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tagħha, il-kriterji tal-għoti u skeda ta' żmien indikattiva fl-avviż tal-kuntratt jew f'dokument deskrittiv.

Hija għandha tagħti l-kuntratt lill-offerta li toffri l-aħjar relazzjoni bejn il-prezz u l-kwalità.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tiftaħ djalogu mal-kandidati li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla sabiex jidentifikaw u jiddefinixxu l-mezzi l-aktar adatti sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħha. Hija tista' tiddiskuti l-aspetti kollha tal-akkwist mal-kandidati magħżula matul dan id-djalogu iżda ma tistax tbiddel il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tagħha u l-kriterji tal-għoti kif previst fil-paragrafu 1.

Matul id-djalogu, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw ugwaljanza tat-trattament fost l-offerenti kollha u ma għandhomx jikxfu s-soluzzjonijiet proposti jew informazzjoni kunfidenzjali oħra kkomunikata minn offerent mingħajr il-qbil tiegħu li jirrinunzja għall-kunfidenzjalità.

Id-djalogu kompetittiv jista' jsir fi stadji suċċessivi bil-għan li jitnaqqas l-għadd ta' soluzzjonijiet li għandhom jiġu diskussi billi japplikaw il-kriterji tal-għoti mħabbra jekk din il-possibbiltà tiġi prevista fl-avviż tal-kuntratt jew fid-dokument deskrittiv.

3.   L-awtorità kontraenti għandha tkompli bid-djalogu sakemm tkun kapaċi tidentifika s-soluzzjoni jew is-soluzzjonijiet li huma kapaċi jilħqu l-ħtiġijiet tagħha.

Wara li jinfurmaw lill-offerenti li jifdal dwar il-konklużjoni tad-djalogu, l-awtorità kontraenti għandha titlob lil kull wieħed minnhom biex jissottomettu l-offerti finali tagħhom fuq il-bażi tas-soluzzjoni jew is-soluzzjonijiet ippreżentati u speċifikati matul id-djalogu. Dawn l-offerti jinkludu l-elementi kollha meħtieġa u neċessarji għat-twettiq tal-proġett.

Fuq talba tal-awtorità kontraenti, dawn l-offerti finali jistgħu jiġu ċċarati, speċifikati u mtejba bil-kundizzjoni li dan ma jinvolvix bidliet sostanzjali fl-offerta jew fid-dokumenti tal-akkwist.

L-awtorità kontraenti tista' tinnegozja mal-offerent li jkun tefa' bl-aħjar relazzjoni bejn il-prezz u l-kwalità biex jikkonferma l-impenji kontenuti fiha, bil-kundizzjoni li dan ma jwassalx għal bidla f'aspetti importanti tal-offerta u ma jirriskjax li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni jew li jikkawża diskriminazzjoni.

4.   L-awtorità kontraenti tista' tispeċifika pagamenti lill-kandidati magħżula li jieħdu sehem fid-djalogu.

Artikolu 133

Proċeduri interistituzzjonali

(l-Artikolu 104a(1) tar-Regolament Finanzjarju)

Fil-każ ta' proċedura interistituzzjonali, awtorità kontraenti għandha timmaniġġja l-proċedura u l-kuntratt qafas jew dirett sussegwenti waqt li taġixxi f'isimha u f'isem l-awtoritajiet kontranti l-oħra kkonċernati.

L-avviż ta' kuntratt għandu jindika l-awtoritajiet kontraenti msemmija fl-Artikolu 104a(1) tar-Regolament Finanzjarju li jkunu involuti fil-proċedura ta' akkwist, l-istituzzjoni responsabbli mill-proċedura u l-volum globali tal-kuntratti għal dawk l-awtoritajiet kontraenti kollha.

Artikolu 134

Użu ta' proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż dwar kuntratt

(L-Artikolu 104(5) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Meta l-awtorità kontraenti tuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta' avviż ta' kuntratt, hija għandha ssegwi l-arranġamenti dwar in-negozjar stabbilit fl-Artikolu 104(4) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 128(5) ta' dan ir-Regolament.

L-awtorità kontraenti tista' tuża l-proċedura negozjata jkun xi jkun l-ammont stmat tal-kuntratt, fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn l-ebda offerta, jew l-ebda offerta xierqa, jew l-ebda talba għal parteċipazzjoni jew l-ebda talba adatta għall-parteċipazzjoni kif previst fil-paragrafu 2 ma tkun ġiet sottomessa bħala tweġiba għal proċedura miftuħa jew għal proċedura ristretta wara li din il-proċedura tkun tlestiet, sakemm id-dokumenti tal-akkwist oriġinali ma jkunux mibdula sostanzjalment;

(b)

fejn ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jistgħu jiġu pprovduti biss minn operatur ekonomiku wieħed skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 u għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(i)

l-għan tal-akkwist huwa l-ħolqien jew l-akkwist ta' xogħol artistiku uniku jew ta' rappreżentazzjoni artistika unika;

(ii)

hemm nuqqas ta' kompetizzjoni minħabba raġunijiet tekniċi;

(iii)

il-protezzjoni ta' drittijiet esklużivi, inkluż drittijiet ta' proprjetà intellettwali għandhom jiġu żgurati;

(c)

sa fejn hu strettament meħtieġ meta, għal raġunijiet ta' urġenza estrema kkawżati minn avvenimenti imprevedibbli, ma jkunx possibbli li jiġu rrispettati l-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikoli 152, 154 u 275 u meta l-ġustifikazzjoni ta' tali urġenza estrema mhix attribwibbli għall-awtorità kontraenti;

(d)

fejn kuntratt ta' servizz isegwi kompetizzjoni dwar id-disinn u huwa għandu jingħata lir-rebbieħ jew lil wieħed mir-rebbieħa; fil-każ ta' diversi rebbieħa, ir-rebbieħa kollha jridu jiġu mistiedna sabiex jieħdu sehem fin-negozjati;

(e)

għal servizzi jew xogħlijiet ġodda li jikkonsistu fir-ripetizzjoni ta' servizzi jew xogħlijiet simili fdati lill-operatur ekonomiku li lilu l-istess awtorità kontraenti tkun tat kuntratt oriġinali, sakemm dawn is-servizzi jew xogħlijiet jikkonformaw ma' proġett bażiku li għalih il-kuntratt oriġinali ingħata waar l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' kuntratt, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4;

(f)

għal kuntratti ta' provvista:

(i)

għal kunsinni addizzjonali li huma maħsuba jew bħala sostituzzjoni ta' provvisti jew installazzjonijiet jew bħala l-estensjoni ta' provvisti jew installazzjonijiet li diġa' jeżistu, fejn bdil tal-fornitur jobbliga lill-awtorità kontraenti biex takkwista provvisti li jkollhom karatteristiċi tekniċi differenti li jirriżultaw f'inkompatibbilità jew diffikultajiet tekniċi sproporzjonati fl-operazzjoni u l-manteniment; meta l-istituzzjonijiet jagħtu kuntratti f'isimhom, it-tul ta' tali kuntratti ma jistax jaqbeż it-tliet snin;

(ii)

fejn il-prodotti involuti jkunu manifatturati purament għall-finijiet ta' riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp; madankollu, tali kuntratti ma għandhomx jinkludu l-produzzjoni ta' kwantità sabiex tiġi stabbilita l-vijabbiltà kummerċjali jew sabiex jiġu rkuprati l-kostijiet tar-riċerka u l-iżvilupp;

(iii)

għal provvisti kkwotati u mixtrija f'suq tal-prodotti bażiċi;

(iv)

għax-xiri ta' provvisti b'termini partikolarment vantaġġjużi, jew mingħand operatur ekonomiku li qed jagħmel stralċ definittiv tal-attivitajiet ta' negozju tiegħu, jew mil-likwidatur fi proċedura ta' insolvenza, arranġament mal-kredituri, jew proċedura simili skont il-liġi nazzjonali.

(g)

għal kuntratti ta' bini, wara stħarriġ tas-suq lokali;

(h)

għal kuntratti għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

rappreżentazzjoni legali minn avukat fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE (3) f'arbitraġġ jew konċiljazzjoni jew proċedimenti ġudizzjarji;

(ii)

parir legali mogħti bi tħejjija għall-proċedimenti msemmija hawn fuq jew meta jkun hemm indikazzjoni tanġibbli u probabbiltà għolja li l-kwistjoni li dwarha jingħata l-parir issir is-suġġett ta' tali proċedimenti, dment li l-parir jingħata minn avukat fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/249/KEE;

(iii)

għall-esklużjoni tas-servizzi ta' arbitraġġ u ta' konċiljazzjoni.

(iv)

servizzi ta' ċertifikazzjoni u awtentikazzjoni ta' dokumenti li għandhom jingħataw minn nutara;

(i)

għal kuntratti ddikjarati bħala sigrieti, jew għal kuntratti li t-twettiq tagħhom irid ikun akkumpanjat b'miżuri speċjali ta' sigurtà, skont id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ jew meta l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tal-Unjoni titlob dan, dment li l-interessi essenzjali kkonċernati ma jkunux jistgħu jiġu garantiti permezz ta' miżuri oħrajn; dawn il-miżuri jistgħu jikkonsistu f'rekwiżiti għall-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali ta' informazzjoni li l-awtorità kontraenti tagħmel disponibbli fi proċedura ta' akkwist;

(j)

għal servizzi finanzjarji marbuta mal-ħruġ, il-bejgħ, ix-xiri jew it-trasferiment ta' titoli jew strumenti finanzjarji oħra skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), is-servizzi tal-bank ċentrali u l-operazzjonijiet imwettqa mal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà;

(k)

self, irrispettivament jekk huwiex marbut mal-kwistjoni, bejgħ, xiri jew trasferiment ta' titoli jew strumenti finanzjarji oħra;

(l)

għax-xiri ta' netwerks ta' komunikazzjoni pubbliċi u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fit-tifsira tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(m)

servizzi pprovduti minn organizzazzjoni internazzjonali fejn din ma tistax tipparteċipa fi proċeduri kompetittivi skont l-istatut jew att ta' stabbiliment tagħha.

2.   Offerta għandha titqies bħala mhux adatta meta ma jkollhiex x'taqsam mas-suġġett tal-kuntratt u talba għall-parteċipazzjoni għandha titqies mhux adegwata meta l-operatur ekonomiku ikun f'sitwazzjoni ta' esklużjoni skont l-Artikolu 106(1) tar-Regolament Finanzjarju jew ma jissodisfax il-kriterji tal-għażla.

3.   L-eċċezzjonijiet deskritti fil-punti (ii) u (iii) tal-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw biss meta ma teżistix alternattiva jew sostitut raġonevoli u n-nuqqas ta' kompetizzjoni mhijiex ir-riżultat ta' limitazzjonijiet artifiċjali fil-parametri meta jkun definit l-akkwist.

4.   Fil-każijiet imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1, il-proġett bażiku għandu jindika l-limitu ta' xogħlijiet jew servizzi ġodda possibbli u l-kundizzjonijiet li taħthom se jingħataw. Hekk kif il-proġett bażiku jkun tqiegħed għall-offerta, l-użu possibbli ta' proċedura negozjata għandu jiġi żvelat, u l-ammont totali stmat għal xogħlijiet jew servizzi sussegwenti għandu jkun ikkunsidrat meta jiġu applikati l-limiti msemmija fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju jew fl-Artikoli 265(1)(a), 267(1)(a) jew 269(1)(a) ta' dan ir-Regolament fil-qasam ta' azzjonijiet esterni. Meta l-istituzzjonijiet jagħtu kuntratti f'isimhom stess, dik il-proċedura tista' tintuża biss matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt oriġinali u mhux aktar tard mit-tliet snin ta' wara l-firma tiegħu.

Artikolu 135

Użu ta' proċedura kompetittiva tan-negozjar jew djalogu kompetittiv

(L-Artikolu 104(5) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Meta l-awtorità kontraenti tuża l-proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar jew id-djalogu kompetittiv, hija għandha ssegwi l-arranġamenti dwar in-negozjar stabbilit fl-Artikolu 104(4) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 128(5) ta' dan ir-Regolament. L-awtorità kontraenti tista' tuża dawn il-proċeduri jkun xi jkun l-ammont stmat tal-kuntratt, fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn bi tweġiba għal proċedura miftuħa jew ristretta, offerti iregulari u inaċċettabbli biss, kif definiti fil-paragrafi 2 u 3, tressqu wara li din il-proċedura tkun tlestiet, sakemm id-dokumenti tal-akkwist oriġinali ma jinbidlux sostanzjalment; il-pubblikazzjoni ta' avviż ta' kuntratt tista' tiġi eżentata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4;

(b)

fir-rigward ta' xogħlijiet, provvisti jew servizzi li jissodisfaw wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:

(i)

fejn il-ħtigijiet tal-awtorità kontraenti ma jistgħux jiġu ssodisfati mingħajr l-adattament ta' soluzzjoni faċilment disponibbli;

(ii)

ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jinkludu disinn jew soluzzjonijiet innovattivi;

(iii)

il-kuntratt ma jistax jingħata mingħajr negozjati minn qabel minħabba ċirkustanzi speċifiċi relatati man-natura, mal-kumplessità jew mal-forma legali jew finanzjarja tal-kuntratt jew ir-riskji marbuta mas-suġġett tal-kuntratt;

(iv)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma jistgħux ikunu stabbiliti bi preċiżjoni suffiċjenti mill-awtorità kontraenti b'referenza għal xi standard, kif stipulat fl-Artikolu 139(3);

(c)

għal kuntratti ta' konċessjoni;

(d)

għall-kuntratti ta' servizzi msemmija fl-Anness XIV mad-Direttiva 2014/24/UE;

(e)

għal servizzi ta' riċerka u żvilupp ħlief dawk koperti mill-kodiċi CPV 73000000-2 sa 73120000-9, 73300000-5, 73420000-2 u 73430000-5 sakemm il-benefiċċji jakkumulaw esklużivament lill-awtorità kontraenti sabiex tużahom fit-twettiq tal-affarijiet tagħha, jew sakemm is-servizz ipprovdut ma jitħallasx b'mod sħiħ mill-awtorità kontraenti;

(f)

għal kuntratti ta' servizz għall-akkwiżizzjoni, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta' materjal għall-programm maħsub għas-servizzi tal-mezzi tal-informazzjoni awdjoviżivi jew tar-radju kif definit fid- Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jew kuntratti għal ħin ta' xandir jew il-forniment ta' programmi.

2.   Offerta għandha titqies bħala irregolari fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-offerta ma tikkonformax mar-rekwiżiti minimi speċifikati fid-dokumenti tal-akkwist;

(b)

meta ma tikkonformax mar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 111(4) tar-Regolament Finanzjarju;

(c)

meta l-offerent huwa miċħud skont il-punti (b) jew (c) tal-Artikolu 107(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(d)

meta l-awtorità kontraenti ddikjarat li l-offerta li hija baxxa b'mod abnormali.

3.   Offerta għandha titqies inaċċettabbli fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-prezz tal-offerta jeċċedi l-baġit massimu tal-awtorità kontraenti kif determinat u dokumentat qabel it-tnedija tal-proċedura tal-akkwist;

(b)

meta l-offerta tonqos milli tissodisfa l-livelli minimi ta' kwalità għal kriterji ta' għoti.

4.   Fil-każijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1, l-awtorità kontraenti ma għandhiex tkun meħtieġa tippubblika avviż ta' kuntratt jekk fil-proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar tinkludi lil dawk l-offerenti kolha li ssodisfaw il-kriterji ta' esklużjoni u għażla ħlief dawk li jkunu ppreżentaw offerta ddikjarata bħala abnormalment baxxa.

Artikolu 136

Proċedura li tinvolvi sejħa għal espressjonijiet ta' interess

(L-Artikolu 104(5) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Għal kuntratti b'valur taħt il-limitu minimu msemmi fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Fiananzjarju jew l-Artikolu 265(1)(b) ta' dan ir-Regolament u bla ħsara għall-Artikoli 134 u 135 ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kontraenti tista' tuża sejħa għall-espressjonijiet ta' interess biex tagħmel waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

preselezzjoni tal-kandidati li għandhom jiġu mistiedna sabiex jissottomettu offerti bi tweġiba għal sejħiet għall-offerti futuri ristretti;

(b)

ġbir ta' lista ta' bejjiegħa li għandhom jiġu mistiedna jissottomettu talbiet għall-parteċipazzjoni jew offerti.

2.   Il-lista mħejjija wara sejħa għal espressjonijiet ta' interess ma tkunx tgħodd għal aktar minn erba' snin minn meta l-avviż imsemmi tal-Artikolu 124(1) ikun ippubblikat.

Il-lista msemmija fl-ewwel subparagrafu tista' tinkludi listi sekondarji.

Kwalunkwe operatur ekonomiku jista' jesprimi l-interess tiegħu fi kwalunkwe waqt matul il-perjodu ta' validità tal-lista, ħlief għall-aħħar tliet xhur ta' dak il-perjodu.

3.   Meta jkun irid jingħata kuntratt, l-awtorità kontraenti tistieden lill-kandidati jew lill-bejjiegħa kollha mdaħħla fil-lista jew fil-lista sekondarja rilevanti biex jagħmlu waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

jissottomettu offerta fil-każ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1;

(b)

jissottomettu, fil-każ tal-lista msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

offerti li jinkludu dokumenti relatati mal-kriterji ta' esklużjoni u tal-għażla;

(ii)

dokumenti relatati mal-kriterji ta' esklużjoni u tal-għażla u, fit-tieni pass, offerti, għal dawk li jissodisfaw dawn il-kriterji.

Artikolu 136a

Kuntratti b'valur medju

(L-Artikolu 104(1) tar-Regolament Finanzjarju)

Kuntratt ta' valur medju ta' valur taħt il-limitu minimu msemmi fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju jista' jingħata permezz ta' proċedura nnegozjata wara arranġamenti dwar in-negozjar stabbiliti fl-Artikolu 104(4) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 128(5) ta' dan ir-Regolament. L-Artikolu 124(1) u l-paragrafi 1 u 4 tal-Artikolu 128 ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal tali proċeduri. Huma biss il-kandidati li jiġu mistiedna simultanjament u bil-miktub mill-awtoritajiet kontraenti li jistgħu jagħmlu offerta inizjali.

Artikolu 137

Kuntratti ta' valur baxx

(L-Artikolu 104(1) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Kuntratt ta' valur baxx ta' valur li ma jaqbiżx EUR 60 000 jista' jingħata permezz ta' proċedura nnegozjata wara arranġamenti dwar in-negozjar stabbiliti fl-Artikolu 104(4) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 128(5) ta' dan ir-Regolament. L-Artikolu 124(1) u l-paragrafi 2 u 4 tal-Artikolu 128 ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal tali proċeduri. Huma biss il-kandidati li jiġu mistiedna simultanjament u bil-miktub mill-awtoritajiet kontraenti li jistgħu jagħmlu offerta inizjali.

2.   Kuntratt ta' valur baxx ħafna ta' valur li ma jaqbiżx EUR 15 000 jista' jingħata permezz ta' proċedura nnegozjata wara arranġamenti dwar in-negozjar stabbiliti fl-Artikolu 104(4) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 128(5) ta' dan ir-Regolament. L-Artikolu 128(3) ta' dan ir-Regolament għandu japplika għal proċeduri bħal dawn. Huma biss il-kandidati li jiġu mistiedna simultanjament u bil-miktub mill-awtoritajiet kontraenti li jistgħu jagħmlu offerta inizjali.

3.   Ħlasijiet ta' ammonti li ma jaqbżux EUR 1 000 fir-rigward ta' elementi ta' nfiq jistgħu jikkonsistu sempliċement fi ħlasijiet kontra fatturi, mingħajr ma tkun aċċettata offerta minn qabel.

Artikolu 137a

Konsultazzjoni preliminari tas-suq

(L-Artikolu 105(1) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Għal konsultazzjoni preliminari tas-suq, l-awtorità kontraenti tista' tfittex jew taċċetta parir minn esperti indipendenti jew awtoritajiet jew minn operaturi ekonomiċi. Dak il-parir jista' jintuża fl-ippjanar u t-twettiq tal-proċedura tal-akkwist, sakemm dan il-parir ma jkollux l-effett ta' tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u ma jirriżultax fi ksur tal-prinċipji ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni u ta' trasparenza.

2.   Meta operatur ekonomiku jkun ta parir lill-awtorità kontraenti jew kien involut b'xi mod ieħor fit-tħejjija tal-proċedura ta' akkwist, l-awtorità kontraenti għandha tieħu l-miżuri xierqa kif stipulat fl-Artikolu 142 sabiex tiżgura li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta mill-parteċipazzjoni ta' dak l-operatur ekonomiku.

Artikolu 138

Dokumenti tal-akkwist

(L-Artikolu 105(2) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Id-dokumenti ta' akkwist għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

jekk applikabbli, avviż ta' kuntratt jew miżura oħra ta' reklamar kif previst fl-Artikoli 123 sa 126;

(b)

l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti,

(c)

l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti jew id-dokument deskrittiv, fil-każ ta' proċedura ta' djalogu kompetittiv; huma għandhom jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-kriterji rilevanti;

(d)

l-abbozz ta' kuntratt ibbażat fuq il-kuntratt mudell.

Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ma japplikax għal każijiet li fihom, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali u ġġustifikati sew, ma jkunx jista' jintuża l-kuntratt mudell.

2.   L-istedina għall-offerti għandha jkun fiha mill-anqas dan li ġej:

(a)

tispeċifika r-regoli dwar is-sottomissjoni tal-offerti, inkluż b'mod partikolari l-kondizzjonijiet li jinżammu kunfidenzjali sakemm jinfetħu, id-data ta' għeluq u ż-żmien għar-riċevuta u l-indirizz fejn iridu jintbagħtu jew jiġu kkunsinjati jew l-indirizz tal-Internet f'każ ta' sottomissjoni elettronika;

(b)

tiddikjara li s-sottomissjoni ta' offerta timplika l-aċċettazzjoni tal-patti u l-kundizzjonijiet stipulati fid-dokumenti ta' akkwist u li din is-sottomissjoni torbot lill-kuntrattur li lilu jingħata l-kuntratt, waqt it-twettiq tal-kuntratt;

(c)

tispeċifika l-perjodu li matulu tibqa' valida l-offerta u ma tista' tkun modifikata fl-ebda rigward;

(d)

tipprojbixxi kwalunkwe kuntatt bejn l-awtorità kontraenti u l-offerenti matul il-proċedura, ħlief, b'mod eċċezzjonali, bil-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 160, u, fejn isir provvediment għal żjara fuq il-post, tispeċifika l-arranġamenti għal tali żjara;

(e)

tispeċifika l-mezz ta' prova għall-konformità mad-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-offerti;

(f)

tiddikjara li l-preżentazzjoni ta' offerta timplika l-aċċettazzjoni minn meta tkun irċevuta n-notifika tar-riżultat tal-proċedura permezz ta' mezzi elettroniċi.

3.   L-ispeċifikazzjonijiet ta' sejħa għall-offerti għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

il-kriterji ta' esklużjoni u ta' għażla

(b)

il-kriterji tal-għoti u l-importanza relattiva tagħhom jew, fejn għal raġunijiet oġġettivi l-ponderazzjoni mhix possibbli, l-ordni li dejjem tonqos ta' importanza, li għandha tapplika wkoll għal varjanti jekk ikunu awtorizzati fl-avviż tal-kuntrat;

(c)

l-ispeċifikazzjoni tekniċi msemmija fl-Artikolu 139;

(d)

jekk il-varjanti huma awtorizzati, ir-rekwiżiti minimi li huma għandhom jissodisfaw;

(e)

informazzjoni dwar jekk japplikax il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jew, fejn ikun xieraq, il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi jew il-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari;

(f)

l-evidenza tal-aċċess għall-akkwist, kif preskritt fl-Artikoli 172 u 263;

(g)

fil-każ ta' sistema dinamika ta' xiri jew ta' katalgi elettroniċi, it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet ta' konnessjoni tekniċi meħtieġa.

4.   L-abbozz ta' kuntratt għandu jkun fih dan li ġej:

(a)

jispeċifika d-danni likwidati għan-nuqqas ta' konformità mal-klawsoli tiegħu;

(b)

jispeċifika d-dettalji li jridu jkunu inklużi fil-fatturi u fid-dokumenti ta' sostenn relevanti skont l-Artikolu 102;

(c)

jiddikjara li, meta l-istituzzjonijiet jagħtu kuntratti f'isimhom stess, il-liġi li tapplika għall-kuntratt hija l-liġi tal-Unjoni u fejn ikun hemm bżonn, ikkumplimentata mil-liġi nazzjonali jew, jekk ikun meħtieġ għal kuntratti msemmija fl-Artikolu 121(1), il-liġi nazzjonali esklużivament;

(d)

jispeċifika l-qorti kompetenti għas-smigħ ta' tilwimiet.

(e)

jispeċifika li l-kuntrattur għandu jikkonforma mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali, ftehimiet kollettivi jew minn dispożizzjonijiet international ambjentali, soċjali u tal-liġi tax-xogħol elenkati fl-Anness X tad-Direttiva 2014/24/UE:

(f)

jispeċifika jekk it-trasferiment tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali hux se jkunu meħtieġa;

(g)

jiddikjara li l-prezz kwotat fl-offerta huwa fiss u mhux revedibbili jew jistabbilixxi l-kundizzjonijiet jew il-formuli għar-reviżjoni tal-prezzijiet matul il-ħajja tal-kuntratt.

Għall-finijiet tal-punt (g) tal-ewwel subparagrafu, jekk reviżjoni tal-prezzijiet hija stabbilita fil-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha tqis b'mod partikolari:

(i)

is-suġġett tal-akkwist u s-sitwazzjoni ekonomika li fih tkun qiegħed isir;

(ii)

it-tip ta' kompiti u kuntratt u d-durata tagħhom;

(iii)

l-interessi finanzjarji tagħha.

Il-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu jistgħu jkunu rinunzjati għal kuntratti ffirmati skont il-punt (m) tal-Artikolu 134(1).

Artikolu 139

Speċifikazzjonijiet tekniċi

(L-Artikolu 105(2) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jippermettu aċċess ugwali tal-atturi ekonomiċi għall-proċeduri tal-akkwist u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu xkiel mingħajr ġustifikazzjoni għall-ftuħ tal-akkwist għall-kompetizzjoni.

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jinkludu l-karatteristiċi meħtieġa ta' xogħlijiet, provvisti jew servizzi, inklużi rekwiżiti minimi, b'tali mod li jissodisfaw l-użu li għalih ikunu maħsuba mill-awtorità kontraenti.

2.   Il-karatteristiċi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu kif xieraq:

(a)

il-livelli ta' kwalità;

(b)

il-prestazzjoni ambjentali u klimatika;

(c)

għal xiri maħsub għall-użu minn persuni fiżiċi, il-kriterji dwar l-aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità jew id-disinn għall-utenti kollha, ħlief f'każijiet iġġustifikati kif xieraq;

(d)

il-livelli u l-proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformita;

(e)

l-eżekuzzjoni jew l-użu ta' provvista;

(f)

is-sigurtà jew il-qisien, inkluż, għall-provvisti, l-isem tal-bejgħ u l-istruzzjonijiet għall-utenti, u, għall-kuntratti kollha, it-terminoloġija, is-simboli, l-ittestjar u l-metodi ta' ttestjar, l-ippakkjar, l-immarkar u t-tikkettar, il-proċessi u l-metodi tal-produzzjoni;

(g)

għall-kuntratti ta' xogħlijiet, il-proċeduri relatati mal-assigurazzjoni tal-kwalità u r-regoli relatati mad-disinn u l-ipprezzar, il-kundizzjonijiet tal-ittestjar, l-ispezzjoni u l-aċċettazzjoni tax-xogħlijiet u l-metodi jew it-tekniki tal-kostruzzjoni u l-kundizzjonijiet tekniċi l-oħra kollha li l-awtorità kontraenti hija f' pożizzjoni li tippreskrivi f'regolamenti ġenerali jew speċifiċi fir-rigward tax-xogħlijiet lesti u għall-materjali jew il-partijiet li jinvolvu.

3.   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiġu fformulati b'xi wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)

f'ordni ta' preferenza, b'referenza għal standards Ewropej, il-valutazzjonijiet tekniċi Ewropej, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni, l-istandards internazzjonali, sistemi ta' referenzi tekniċi oħrajn stabbiliti mill-korpi ta' standardizzazzjoni Ewropej jew, f'nuqqas ta' dan, l-ekwivalenti nazzjonali tagħhom; kull referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti’;

(b)

f'termini tar-rekwiżiti ta' rendiment jew ta' funzjoni, inklużi l-karatteristiċi ambjentali, dejjem jekk il-parametri jkunu preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu li l-offerenti jiddeterminaw is-suġġett tal-kuntratt u biex jippermettu li l-awtorità kontraenti tagħti l-kuntratt;

(c)

b'taħlita taż-żewġ metodi msemmija fil-punti (a) u (b).

4.   Meta l-awtorità kontraenti tuża l-possibbiltà li tirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti fil-punt (a) tal-paragrafu 3, hija ma tistax tirrifjuta offerta fuq l-argument li din ma tkunx tikkonforma ma' dawk l-ispeċifikazzjonijiet ladarba l-offerent jew il-kandidat juri, b'mezz xieraq, li l-offerta tissodisfa b'mod ekwivalenti r-rekwiżiti definiti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

5.   Fejn l-awtorità kontraenti tuża l-għażla prevista fil-punt (a) tal-paragrafu 3 li tifformula speċifikazzjonijiet tekniċi f'termini ta' rekwiżiti ta' twettiq jew funzjonali, ma għandhiex tiirrifjuta offerta li tikkonforma ma' standard nazzjonali li jittrasponi standard Ewropew, approvazzjoni teknika Ewropea, speċifikazzjonjieti tekniċi komuni, standard internazzjonali jew sistemi ta' referenza teknika stabbiliti minn korp ta' standardizzazzjoni Ewropew, fejn dawk l-ispeċifikazzjonijiet jindirizzaw ir-rekwiżiti ta' eżekuzzjoni jew funzjonali li hi tkun stabbilixxiet.

L-offerent għandu juri bi kwalunkwe mezz xieraq, li x-xogħol, il-provvista jew is-servizz konformi mal-istandard jilħaq ir-rekwiżiti ta' eżekuzzjoni u funzjonali stabbiliti mill-awtorità kontraenti.

6.   Fejn awtorità kontraenti għandha l-intenzjoni li tixtri xogħlijiet, provvisti jew servizzi b'karatteristiċi ambjentali, soċjali jew oħrajn speċifiċi, hija tista' teħtieġ tikketta speċifika jew rekwiżiti speċifiċi minn tikketta, sakemm il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

ir-rekwiżiti tat-tikketta jikkonċernaw biss kriterji li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt u huma xierqa sabiex jiddefinixxu l-karatteristiċi ta' xiri;

(b)

ir-rekwiżiti tat-tikketta jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi verifikabbli u mhux diskriminatorji;

(c)

it-tikketti jkunu stabbiliti fi proċedura miftuħa u trasparenti li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati rilevanti kollha;

(d)

it-tikketti jkunu aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha;

(e)

ir-rekwiżiti tat-tikketta jkunu stipulati minn parti terza li fuqha l-operatur ekonomiku li jkun qed japplika għat-tikketta ma jistax jeżerċita influwenza deċiżiva.

L-awtorità kontraenti tista' teżiġi li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu rapport tat-test jew ċertifikat bħala mezz ta' prova ta' konformità mad-dokumenti ta' akkwist minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità akkreditat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jew korp ekwivalenti ta' valutazzjoni tal-konformità.

7.   L-awtorità kontraenti għandha taċċetta mezzi xierqa oħra ta' prova differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 6, bħal dossier tekniku tal-manifattur, meta l-operatur ekonomiku ma kellu l-ebda aċċess għal dawn iċ-ċertifikati jew ir-rapporti tat-testijiet, jew ma kellu l-ebda possibbiltà li jiksibhom jew li jikseb tikketta speċifika fil-limiti ta' żmien rilevanti għal raġunijiet li mhumiex attribwibbli lil dak l-operatur ekonomiku u dment li l-operatur ekonomiku konċernat jagħti prova li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li jkunu se jiġu pprovduti jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tikketta speċifika jew ir-rekwiżiti speċifiċi indikati mill-awtorità kontraenti.

8.   Sakemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jirreferu għal isem ta' ditta jew provenjenza speċifiċi, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew servizzi fornuti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew għal marki kummerċjali, privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti prodotti u ċerti operaturi ekonocmiċi.

Tali referenza għandha tkun permessa, fuq bażi eċċezzjonali, meta ma tkunx possibbli deskrizzjoni dettaljata u intelliġibbli biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt. Din ir-referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti’.

Artikolu 141

Dikjarazzjoni u evidenza tan-nuqqas ta' sitwazzjoni ta' esklużjoni

(l-Artikoli 106 u 107 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Għall-iskop tal-Artikolu 106(10) tar-Regolament Finanzjarju, l-awtorità kontraenti għandha taċċetta d-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (DEUA) imsemmi fid-Direttiva 2014/24/UE jew, fin-nuqqas ta' dan, dikjarazzjoni fuq l-unur, iffirmata u datata, li tiddikjara li l-operatur ekonomiku mhuwiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 tal- Artikolu 106 u fl-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju jew li huwa f'wieħed mill-każijiet msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 106(7) tar-Regolament Finanzjarju.

Operatur ekonomiku jista' jerġa' juża d-Dokument Ewropew ta' Akkwist Uniku li jkun diġà ntuża fi proċedura preċedenti, dment li l-operatur ekonomiku jikkonferma li l-informazzjoni li fih għadha korretta.

Meta l-awtorità kontraenti tillimita n-numru ta' kandidati skont l-Artikolu 104(3) tar-Regolament Finanzjarju, il-kandidati kollha għandhom jipprovdu l-evidenza msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tar-riskju tagħha, l-awtorità kontraenti tista' tiddeċiedi li ma titlobx id-DEUA jew id-dikjarazzjoni fuq l-unur għal kwalunkwe raġuni minn dawn li ġejjin:

(a)

proċeduri għal kuntratti ta' valur baxx ħafna skont l-Artikolu 137(2);

(b)

proċeduri għal kuntratti fil-qasam tal-azzjonijiet esterni, b'valur li ma jaqbiżx l-EUR 20 000 skont l-Artikoli 265(1), 267(1), jew 269(1).

2.   L-offerent li jirbaħ il-kuntratt għandu jipprovdi, fil-limitu ta' żmien stipulat mill-awtorità kontraenti u qabel il-firma tal-kuntratt, l-evidenza msemmija fil-paragrafu 3, li tikkonferma d-DEUAjew id-dikjarazzjoni fuq l-unur fil-każijiet li ġejjin:

(a)

għal kuntratti mogħtija mill-istituzzjonijiet f'isimhom stess, b'valur daqs jew akbar mil-limiti msemmija fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

għal kuntratti fil-qasam tal-azzjonijiet esterni, b'valur daqs jew akbar mil-limiti msemmija fl-Artikoli 265(1)(a), 267(1)(a), jew 269(1)(a).

3.   L-awtorità kontraenti għandha taċċetta bħala prova sodisfaċenti li operatur ekonomiku mhuwiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet fil-punti (a), (c), (d) jew (f) tal-Artikolu 106(1) tar-Regolament Finanzjarju, estratt riċenti ta' rekord legali jew, f'nuqqas ta' dan, dokument ekwivalenti maħruġ riċentament minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva fil-pajjiż ta' stabbiliment tiegħu li juri li dawn l-eżigenzi huma ssodisfatti.

Bħala evidenza sodisfaċenti li operatur ekonomiku mhuwiex fis-sitwazzjoni deskritta fil-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 106(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-awtorità kontraenti taċċetta ċertifikat riċenti maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat ikkonċernat.

Fejn iċ-ċertifikat ma jkunx inħareġ fil-pajjiż ikkonċernat, l-operatur ekonomiku jista' jipprovdi dikjarazzjoni ġuramentata magħmula quddiem awtorità ġudizzjarja jew nutar jew, fin-nuqqas ta' dan, dikjarazzjoni solenni magħmula quddiem awtorità amministrattiva jew korp professjonali kkwalifikat fil-pajjiż ta' stabbiliment tiegħu.

4.   L-awtorità kontraenti għandha tirrinunzja għall-obbligu ta' operatur ekonomiku li jissottometti l-evidenza dokumentata msemmija fil-paragrafu 3 fil-każ ta' organizzazzjoni internazzjonali, jekk titsa' taċċessa fuq bażi tad-dejta nazzjonali jew jekk tali evidenza tkun diġà ġiet sottomessa lilha għall-finijiet ta' proċedura oħra u bil-kundizzjoni li d-data tal-ħruġ tad-dokumenti ma taqbiżx is-sena u li jkunu għadhom validi.

F'dan il-każ, l-operatur ekonomiku għandu jiddikjara fuq l-unur tiegħu li l-evidenza dokumentata diġà tkun ġiet ipprovduta fi proċedura preċedenti u jikkonferma li ma jkunux seħħew bidliet fis-sitwazzjoni tiegħu.

Artikolu 142

Miżuri biex tiġi evitata d-ditorsjoni tal-kompetizzjoni

(L-Artikolu 107(1) tar-Regolament Finanzjarju)

Il-miżuri msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 107(1) tar-Regolament Finanzjarju għandhom jinkludu l-komunikazzjoni lill-kandidati u l-offerenti l-oħra ta' informazzjoni rilevanti skambjata fil-kuntest tal-involviment tal-kandidat jew l-offerent fit-tħejjija tal-proċedura tal-akkwist u l-iffissar ta' limiti ta' żmien adegwati għar-riċevuta ta' offerti jew li tirriżulta minn tali involviment.

Il-kandidat jew l-offerent ikkonċernat għandu jiġi rrifjutat biss mill-proċedura fejn ma hemm l-ebda mod ieħor sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju ta' trattament ugwali.

Qabel kull esklużjoni bħal din, il-kandidati jew l-offerenti għandhom jingħataw l-opportuntià li juru li l-involviment tagħhom fit-tħejjija tal-proċedura tal-akkwist ma jistax jgħawweġ il-kompetizzjoni.

Artikolu 143

Funzjonament tal-bażi ta' dejta għas-sistema ta' detezzjoni bikrija u ta' esklużjoni

(l-Artikoli 108(1), (2), (3), (4) u (12) tar-Regolament Finanzjarju)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-bażi ta' dejta msemmi fl-Artikolu 108(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji, l-aġenziji u l-entitajiet imsemmijin fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 108(2) tar-Regolament Finanzjarju għandhom jaħtru persuni awtorizzati.

Fejn applikabbli, dawn il-persuni awtorizzati għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 108(3) tar-Regolament Finanzjarju. Huma għandhom jingħataw aċċess skont il-paragrafi 4 u 12 tal-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju.

Persuni awtorizzati diġà maħtura mill-entitajiet msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 108(2) tar-Regolament Finanzjarju f'konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur jistgħu jintużaw għall-finijiet tal-Artikolu 108(12) tar-Regolament Finanzjarju.

Informazzjoni mitluba mill-entitajiet msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 108(2) tar-Regolament Finanzjarju għandha tintbagħat biss permezz tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet li hija s-sistema awtomatizzata ta' informazzjoni stabbilita mill-Kummissjoni li qed tintuża għar-rapportar ta' frodi u irregolaritajiet, b'konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur.

Għall-iskop tal-Artikolu 108(4) tar-Regolament Finanzjarju, l-informazzjoni trasmessa permezz ta' din is-sistema ta' informazzjoni awtomatizzata għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni fil-bażi ta' dejta msemmija fl-Artikolu 108(1) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 144

Panel

(L-Artikolu 108(6) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Il-president tal-panel għandu jinħatar mill-Kummissjoni. Hu jew hi għandhom jintgħażlu minn fost persuni li kienu Membri tal-Qorti tal-Awdituri, il-Qorti tal-Ġustizzja jew minn dawk li qabel kienu uffiċjali li jkunu mill-anqas fil-grad ta' Direttur Ġenerali f'istituzzjoni tal-Unjoni li mhux il-Kummissjoni. Hu jew hi għandu jintgħażel fuq il-bażi tal-kwalitajiet personali u professjonali tiegħu, esperjenza estensiva fi kwistjonijiet legali u finanzjarji u kompetenza murija, indipendenza u integrità. It-terminu tal-kariga għandu jkun għal ħames snin u ma għandux ikun jista' jiġġedded. Il-President għandu jinħatar bħala konsulent speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea.

Il-President tal-panel għandu jippresjedi fis-sessjonijiet kollha tal-bord. Huwa għandu jkun indipendenti fil-qadi ta' dmirijietu. Hu ma għandux ikollu konflitt ta' interessi bejn id-dmirijiet tiegħu bħala President tal-panel u kwalunkwe dmir uffiċjali ieħor.

2.   Żewġ membri permanenti għandhom jinħatru mill-Kummissjoni. Membru wieħed addizzjonali għandu jirrappreżenta lill-awtorità kontraenti li qed tagħmel it-talba u għandu jinħatar skont l-organizzazzjoni interna tagħha stess.

3.   Is-segretarjat permanenti tal-panel għandu jiżgura dan li ġej:

(a)

iħejji l-analiżi tal-informazzjoni ppreżentata lill-panel skont l-Artikolu 108(8)(a) tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

jikkoordina mal-operaturi ekonomiċi u uffiċjali tal-awtorizzazzjoni għall-finijiet tal-punti (b), (c) u (f) tal-Artikolu 108(8) tar-Regolament Finanzjarju;

(c)

iżommu r-repożitorju tar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-panel f'konformità mal-Artikolu 108(5) tar-Regolament Finanzjarju u d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 106(3) tar-Regolament Finanzjarju;

(d)

jiżguraw il-pubblikazzjoni ċentralizzata skont l-Artikoli 106(16) tar-Regolament Finanzjarju;

4.   Kull membru tal-panel għandu jikkunsidra kull każ ippreżentat f'konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament, fir-Regolament Finanzjarju u fi kwalunkwe regoli oħra applikabbli stabbiliti mill-Kummissjoni. Qabel il-ħatra tiegħu jew tagħha, u matul is-servizzi tiegħu jew tagħha, kull membru tal-panel għandu jkollu l-obbligu li jiżvela b'mod immedjat kwalunkwe att li x'aktarx jikkostitwixxi kunflitt ta' interessi fis-sens tal-Artikolu 57 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 32 ta' dan ir-Regolament. Il-membri tal-panel għandhom jirrestrinġu ruħhom minn kull każ fejn ikollhom kunflitt reali ta' interessi.

5.   Ir-regoli ta' proċedura tal-panel għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 146

Kriterji ta' għażla

(L-Artikolu 110(2) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-awtorità kontraenti għandha tindika l-kriterji ta' selezzjoni fid-dokumenti tal-akkwist, il-livelli minimi ta' kapaċità u l-evidenza meħtieġa biex tkun ipprovata din il-kapaċità. Ir-rekwiżiti kollha għandhom ikunu relatati u proporzjonati mas-suġġett tal-kuntratt.

Fid-dokumenti tal-akkwist l-awtorità kontraenti għandha tispeċifika kif gruppi ta' operaturi ekonomiċi għandhom jissodisfaw il-kriterji tal-għażla b'kont meħud tal-paragrafu 6.

Fejn kuntratt huwa maqsum f'lottijiet, l-awtorità kontraenti tista' tistabbilixxi livelli minimi ta' kapaċitàgħal kull lott. Hija tista' tistipula livelli minimi addizzjonali ta' kapaċità f'każijiet fejn bosta lottijiet jingħataw lill-istess kuntrattur.

2.   Fir-rigward tal-kapaċità għat-twettiq tal-attività professjonali, l-awtorità kontraenti tista' teżiġi li l-operatur ekonomiku li jissodisfa mill-inqas waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

jiġi rreġistrat f'reġistru professjonali jew kummerċjali rilevanti, ħlief għal organizzazzjonijiet internazzjonali;

(b)

għal kuntratti ta' servizz, ikollu awtorizzazzjoni partikolari li turi li huwa awtorizzat li jwettaq il-kuntratt fil-pajjiż tal-istabbiliment jew li jkun membru ta' organizzazzjoni professjonali speċifika.

3.   Meta tirċievi talbiet għall-parteċipazzjoni jew offerti, l-awtorità kontraenti għandha taċċetta d-DEUA jew, fin-nuqqas ta' dak, dikjarazzjoni fuq l-unur li tgħid li l-kandidat jew l-offerent jissodisfa l-kriterji tal-għażla.

L-awtorità kontraenti tista', fi kwalunkwe mument matul il-proċedura, titlob lill-offerenti u lill-kandidati jissottomettu dikjarazzjoni aġġornaat jew id-dokumenti ta' sostenn kollha jew parti minnhom fejn dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata t-tmexxija korretta tal-proċedura.

L-awtorità kontraenti għandha titlob lill-kandidati jew lill-offerent li jirbaħ il-kuntratt biex jippreżentaw dokumenti ta' sostenn aġġornati ħlief fejn din tkun diġà rċeviethom għall-finijiet ta' proċedura oħra u sakemm id-dokumenti għadhom aġġornati jew hija tista' taċċessahom fuq bażi nazzjonali tad-dejta mingħajr ħlas.

4.   L-awtorità kontraenti tista', skont il-valutazzjoni tagħha tar-riskji, tiddeċiedi li ma teħtieġx evidenza tal-kapaċità legali, regolatorja, finanzjarja, ekonomika, teknika u professjonali tal-operaturi ekonomiċi fil-każijiet li ġejjin:

(a)

proċeduri għal kuntratti ta' valur medju jew baxx mogħtija mill-istituzzjonijiet f'isimhom stess, b'valur li ma jaqbiżx il-valur imsemmi fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

proċeduri għal kuntratti mogħtija fil-qasam tal-azzjonijiet esterni, b'valur li ma jaqbiżx il-limiti minimi msemmija fl-Artikoli 265(1)(a), 267(1)(a) jew 269(1)(a).

Fejn l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li ma teħtieġx provi tal-kapċità legali, regolatorja, finanzjarja, ekonomika, teknika u professjonali tal-operaturi ekonomiċi, ma għandu jsir l-ebda prefinanzjament.

5.   Meta huwa xieraq li jagħmel dan u għal kuntratt partikolari, operatur ekonomiku jista' jserraħ fuq il-kapaċitajiet ta' entitajiet oħra, hi x'inhi n-natura legali tar-rabtiet li huwa jkollu magħhom. Huwa għandu, f'dan il-każ, jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt billi jippreżenta impenn minn dawn l-entitajiet għal dan l-effett.

Fir-rigward ta' kriterji tekniċi u professjonali, operatur ekonomiku jista' jserraħ fuq il-kapaċitajiet ta' entitajiet oħra meta dawn tal-aħħar se jwettqu x-xogħlijiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtieġa dawn il-kapaċitajiet.

Fejn operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta' entitajiet oħrajn fir-rigward ta' kriterji relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja, l-awtorità kontraenti tista' teżiġi li l-operatur ekonomiku u dawk l-entitajiet ikunu responsabbli b'mod konġunt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

L-awtorità kontraenti tista' titlob informazzjoni mingħand l-offerent dwar kwalunkwe parti tal-kuntratt li l-offerent għandu f'moħħu li jissottokuntratta terzi u dwar l-identità ta' kwalunkwe sottokuntratturi.

Għal xogħlijiet jew servizzi provduti f'faċilità taħt is-superviżjoni diretta tal-awtorità kontraenti, l-awtorità kontraenti għandha teżiġi lill-kuntrattur biex jindika l-ismijiet, il-kuntatti u r-rappreżentanti awtorizzati ta' sottokuntratturi involuti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, inkluż kull tibdil ta' sottokuntratturi.

6.   Meta s-sottokuntrattar jirrapreżenta parti sinifikanti tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha tivverifika jekk l-entitajiet li fuq il-kapaċità tagħhom l-operatur ekonomiku għandu l-intenzjoni li jiddependi u s-sottokuntratturi previsti jissodisfawx il-kriterji rilevanti tal-għażla.

L-awtorità kontraenti għandha teżiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità jew sottokuntrattur li ma jissodisfax kriterju tal-għażla rilevanti.

7.   Fil-każ ta' kuntratti ta' xogħlijiet, kuntratti ta' servizzi u operazzjonijiet ta' tqegħid fil-post jew ta' istallazzjoni fil-kuntest ta' kuntratt ta' provvista, l-awtorità kontraenti tista' teżiġi li ċerti kompiti kritiċi jitwettqu direttament mill-offerent stess jew, fejn l-offerta tkun sottomessa minn grupp ta' operaturi ekonomiċi minn parteċipant fil-grupp.

Artikolu 147

Kapaċità ekonomika u finanzjarja

(L-Artikolu 110(2) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Biex ikun żgurat li l-operaturi ekonomiċi għandhom il-kapaċità ekonomika u finanzjarja neċessarja biex jeżegwixxu l-kuntratt, l-awtorità kontraenti tista' teżiġi b'mod partikolari li:

(a)

l-operaturi ekonomiċi jkollhom ċertu fatturat annwali minimu, inkluż ċertu fatturat minimu fil-qasam kopert mill-kuntratt;

(b)

l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet annwali tagħhom li turi l-proporzjonijiet bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet;

(c)

l-operaturi ekonomiċi jipprovdu livell adegwat ta' assigurazzjoni ta' indennizz għar-riskju professjonali.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, il-fatturat annwali minimu ma għandux jaqbeż id-doppju tal-valur annwali stmat tal-kuntratt, għajr f'każijiet debitament ġustifikati marbuta man-natura tax-xiri, li l-awtorità kontraenti għandha tispjega fid-dokumenti tal-akkwist.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-awtorità kontraenti għandha tispjega l-metodi u l-kriterji għal tali proporzjoni fid-dokumenti tal-akkwist.

2.   Fil-każ ta' sistemi dinamiċi ta' xiri, il-fatturat annwali massimu għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-daqs massimu previst ta' kuntratti speċifiċi li se jingħataw skont dik is-sistema.

3.   L-awtorità kontraenti għandha tiddefinixxi fid-dokumenti tal-akkwist l-evidenza li għandha tiġi pprovduta minn operatur ekonomiku biex turi l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħha. Hija tista' titlob b'mod partikolari dokument wieħed jew aktar mid-dokumenti li ġejjin:

(a)

dikjarazzjonijiet xierqa minn banek, jew, fejn xieraq, prova tal-assigurazzjoni ta' indennizz għar-riskju professjonali rilevanti;

(b)

rapporti finanzjarji jew l-estratti tagħhom għal perjodu ugwali għall-aħħar tliet snin li għalihom ikunu ngħalqu l-kontijiet, jew inqas;

(c)

dikjarazzjoni tal-fatturat kumplessiv tal-operatur ekonomiku u, fejn xierqa, tal-fatturat fil-qasam kopert mill-kuntratt għal massimu tal-aħħar tliet snin finanzjarji disponibbli.

Jekk, għal kwalunkwe raġuni valida, l-operatur ekonomiku ma jkunx jista' jipprovdi r-referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti, jista' jagħti prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja permezz ta' kwalunkwe dokument ieħor li l-awtorità kontraenti tqis bħala adatt.

Artikolu 148

Kapaċità teknika u professjonali

(L-Artikolu 110(2) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-awtorità kontraenti għandha tivverifika li l-kandidati jew l-offerenti jissodisfaw il-kriterji minimi tal-għażla li jikkonċernaw il-kapaċità teknika u professjonali f'konformità mal-paragrafi 2 sa 5.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tiddefinixxi fid-dokumenti tal-akkwist l-evidenza li għandha tiġi pprovduta minn operatur ekonomiku biex turi l-kapaċità teknika u professjonali tagħha. Hija tista' titlob dokument wieħed jew aktar mid-dokumenti li ġejjin:

(a)

għal xogħlijiet, għal provvisti li jeħtieġu operazzjonijiet jew servizzi ta' tqegħid jew installazzjoni, il-kwalifiki edukattivi u professjonali, il-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien espert tal-persuni responsabbli għall-eżekuzzjoni;

(b)

lista ta' dawn li ġejjin:

(i)

tas-servizzi prinċipali mogħtija u l-provvisti kkonsenjati matul l-aħħar tliet snin, bit-totali, id-dati u l-klijenti, pubbliċi jew privati akkumpanjati, jekk mitluba, minn dikjarazzjonijiet maħruġa mill-klijenti;

(ii)

tax-xogħlijiet imwettqa matul l-aħħar ħames snin, li magħha jiġu ppreżentati ċertifikati ta' eżekuzzjoni tajba għax-xogħlijiet l-aktar importanti;

(c)

dikjarazzjoni tat-tagħmir tekniku, l-għodod jew l-impjanti disponibbli għall-operatur ekonomiku għall-eżekuzzjoni ta' kuntratt ta' servizzi jew ta' xogħlijiet;

(d)

deskrizzjoni tal-faċilitajiet tekniċi u l-mezzi disponibbli għall-operatur ekonomiku għall-iżgurar tal-kwalità, u deskrizzjoni tal-faċilitajiet ta' studju u riċerka disponibbli;

(e)

referenza għat-tekniċi jew il-korpi tekniċi disponibbli għall-operatur ekonomiku, ikunu jew ma jkunux direttament tiegħu, speċjalment dawk responsabbli għall-kontroll tal-kwalità;

(f)

fir-rigward tal-provvisti: kampjuni, deskrizzjonijiet jew ritratti awtentiċi jew ċertifikati maħruġa minn istituti jew aġenziji uffiċċjali ta' kontroll tal-kwalità ta' kompetenza magħrufa li jaffermaw il-konformità tal-prodotti identifikata b'mod ċar minn referenza għall-speċifikazzjonijiet jew standards tekniċi;

(g)

għal xogħlijiet jew servizzi, dikjarazzjoni tal-medja annwali ta' manodopera u l-għadd ta' persunal maniġerjali tal-operatur ekonomiku tul l-aħħar tliet snin;

(h)

indikazzjoni ta' sistemi ta' ġestjoni u ta' traċċar tal-katina tal-provvista li l-operatur ekonomiku ser ikun jista' japplika meta jwettaq il-kuntratt;

(i)

indikazzjoni tal-miżuri ta' ġestjoni ambjentali li l-operatur ekonomiku ser ikun jista' japplika meta jonora l-kuntratt;

Għall-finijiet tal- punt (i) tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta' kompetizzjoni, l-awtorità kontraenti tista' tindika li evidenza ta' provvisti jew servizzi rilevanti fornuti jew imwettqa aktar minn tliet snin qabel ikunu kkunsidrati.

Għall-finijiet tal- punt (i) tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta' kompetizzjoni, l-awtorità kontraenti tista' tindika li evidenza ta' xogħlijiet rilevanti fornuti jew imwettqa aktar minn ħames snin qabel ikunu kkunsidrati.

3.   Meta l-provvisti jew is-servizzi jkunu kumplessi jew, b'mod eċċezzjonali, ikunu meħtieġa għal skop partikolari, l-evidenza tal-kapaċità teknika u professjonali tista' tinkiseb permezz ta' kontroll imwettaq mill-awtorità kontraenti jew f'isimha minn korp uffiċjali kompetenti tal-pajjiż li fih ikun stabbilit l-operatur ekonomiku, soġġett għall-qbil ta' dak il-korp. Dawn il-kontrolli jirrigwardaw il-kapaċità teknika u l-kapaċità ta' produzzjoni tal-fornitur u, jekk ikun meħtieġ, il-faċilitajiet ta' studju u riċerka u l-miżuri tiegħu għall-kontroll tal-kwalità.

4.   Meta l-awtorità kontraenti titlob il-preżentazzjoni ta' ċertifikati mħejjija minn korp indipendenti li jiċċertifikaw il-konformità tal-operatur ekonomiku ma' ċerti standards ta' garanzija tal-kwalità, inkluż dak dwar l-aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità, hija tirreferi għal sistemi ta' garanzija tal-kwalità bbażati fuq is-sensiela rilevanti ta' standards Ewropej iċċertifikati minn korpi akkreditati. L-awtorità kontraenti għandha taċċetta wkoll evidenza oħra ta' miżuri ekwivalenti ta' garanzija tal-kwalità minn operatur ekonomiku li b'mod ċar ma għandux aċċess għal dawn iċ-ċertifikati jew ma jkollu ebda possibbiltà li jikseb tali ċertifikati fil-limiti ta' żmien rilevanti għal raġunijiet li mhumiex attribwibbli lil dak l-operatur ekonomiku dment li l-operatur ekonomiku jagħti prova li l-miżuri ta' garanzija tal-kwalità jikkonformaw mal-istandards ta' garanziji tal-kwalità meħtieġa.

5.   Meta l-awtorità kontraenti titlob il-forniment ta' ċertifikati mħejjija minn korpi indipendenti li jiddikjaraw li l-operatur ekonomiku huwa konformi ma' ċerti sistemi jew standards ta' ġestjoni ambjentali, hija tirreferi għall-Iskema tal-Unjoni Ewropea ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali jew għal kwalunkwe sistema oħra ta' ġestjoni ambjentali kif rikonoxxuti skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew standards oħra ta' ġestjoni ambjentali bbażati fuq l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti minn korpi akkreditati. Fejn operatur ekonomiku seta' juri li ma għandux aċċess għal tali ċertifikati, jew li ma għandux possibbiltà li jiksibhom fil-limiti ta' żmien rilevanti għal raġunijiet li mhumiex attribwibbli lil dak l-operatur ekonomiku, l-awtorità kontraenti għandu jaċċetta wkoll evidenza oħra ta' miżuri ta' ġestjoni ambjentali, dment li l-operatur ekonomiku jagħti prova li dawn il-miżuri huma ekwivalenti għal dawk meħtieġa skont is-sistema jew standard ta' ġestjoni ambjentali applikabbli.

6.   Awtorità kontraenti tista' tikkonkludi li operatur ekonomiku ma għandux il-kapaċitajiet professjonali meħtieġa sabiex jeżegwixxi l-kuntratt bi standard xieraq ta' kwalità fejn l-awtorità kontraenti tkun stabbiliet li l-operatur ekonomiku għandu interessi kunfliġġenti li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv l-eżekuzzjoni tiegħu.

Artikolu 149

Kriterji tal-għoti

(L-Artikolu 110(3) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Il-kriterji ta' kwalità jistgħu jinkludu elementi bħall-mertu tekniku, il-karatteristiċi estetiċi u funzjonali, l-aċċessibilità, id-disinn għall-utenti kollha, il-karatteristiċi soċjali, ambjentali u dawk innovattivi, il-produzzjoni, il-forniment u l-proċess tan-negozjar u kwalunkwe proċess speċifiku fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, l-organizzazzjoni tal-persunal assenjat biex iwettaq il-kuntratt, is-servizz ta' wara l-bejgħ, l-assistenza teknika u l-kundizzjonijiet tal-forniment bħad-data ta' forniment, il-proċess ta' forniment u l-perjodu ta' forniment jew il-perjodu ta' tlestija.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tispeċifika fid-dokumenti tal-akkwist, il-piż relattiv li hi tagħti lil kull wieħed mill-kriterji magħżula sabiex tiddetermina l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża għajr meta jintuża l-metodu tal-irħas prezz. Dawk il-ponderazzjonijiet jistgħu jiġu espressi bħala medda f'firxa massima xierqa.

Il-ponderazzjoni applikata għall-prezz f'relazzjoni mal-kriterji l-oħrajn ma għandhiex ixxejjen l-importanza tal-prezz jew tal-kost.

Jekk il-ponderazzjoni mhix possibbli, l-awtorità kontraenti għandha tindika l-kriterji f'ordni li tonqos skont l-importanza.

3.   L-awtorità kontraenti tista' tistabbilixxi livelli minimi ta' kwalità. L-offerti li juru livelli ta' kwalità aktar baxxi mil-livelli minimi stabbiliti jiġu rifjutati.

4.   Il-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja għandhom ikopru partijiet mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha li ġejjin, sa fejn ikun rilevanti, matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' xogħlijiet, provvisti jew servizzi:

(a)

kostijiet imġarrba mill-awtorità kontraenti jew utenti oħra, bħal:

(i)

kostijiet relatati mal-akkwiżizzjoni;

(ii)

kostijiet tal-użu, bħal konsum tal-enerġija u riżorsi oħra,

(iii)

kostijiet tal-manutenzjoni;

(iv)

kostijiet ta' tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja, bħall-kostijiet ta' ġbir u tar-riċiklaġġ

(b)

kostijiet attribwiti lil esternalitajiet ambjentali marbuta max-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, dment li l-valur monetarju tagħhom ikun jista' jiġi ddeterminat u vverifikat.

5.   Meta l-awtorità kontraenti tivvaluta l-kostijiet permezz ta' approċċ tal-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, hija għandha tindika fid-dokumenti tal-akkwist id-dejta li għandha tingħata mill-offerenti u l-metodu li hija se tuża biex tiddetermina l-kost taċ-ċiklu tal-ħajja abbażi ta' dik id-dejta.

Il-metodu użat għall-valutazzjoni tal-kostijiet attribwiti lil esternalitajiet ambjentali għandu jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun ibbażat fuq kriteriji li jistgħu jiġu vverifikati oġġettivament u mingħajr diskriminazzjoni.

(b)

ikun aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha;

(c)

l-operaturi ekonomiċi jistgħu jipprovdu d-dejta meħtieġa bi sforz raġonevoli.

Fejn applikabbli, l-awtorità kontraenti għandha tuża l-metodi komuni mandatorji għall-kalkolu tal-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja stipulati fl-Anness XIII tad-Direttiva 2014/24/UE.

Artikolu 150

Użu ta' rkanti elettroniċi

(L-Artikolu 110(5) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-awtorità kontraenti tista' tuża rkantijiet elettroniċi li fihom jiġu ppreżentati prezzijiet ġodda, riveduti 'l isfel, u/jew valuri ġodda li jikkonċernaw ċerti elementi tal-offerti.

L-awtorità kontraenti għandha tistruttura l-irkant elettroniku bħala proċess elettroniku ripetittiv, li jseħħ wara evalwazzjoni inizjali sħiħa tal-offerti, li jippermetti sabiex dawn jiġu kklassifikati permezz ta' metodi ta' evalwazzjoni awtomatiċi.

2.   Fi proċeduri miftuħa, ristretti jew kompetittivi permezz tan-negozjar, l-awtorità kontraenti jistgħu jiddeċiedu li qabel l-għoti ta' kuntratt pubbliku l-ewwel ikun hemm irkant elettroniku meta d-dokumenti tal-akkwist jistgħu jiġu stabbiliti bi preċiżjoni.

Rkant elettroniku jista' jintuża fil-ftuħ mill-ġdid ta' kompetizzjoni bejn il-partijiet għal kuntratt qafas kif imsemmi fl-Artikolu 122(3)(b) u fil-ftuħ għall-kompetizzjoni tal-kuntratti li jridu jingħataw bis-sistema dinamika ta' xiri msemmija fl-Artikolu 131.

L-irkant elettroniku għandu jkun ibbażat fuq waħda mill-metodi ta' għoti stipulati fl-Artikolu 110(4) tar-Regolament Finanzjarju.

3.   L-awtorità kontraenti li tiddeċiedi li tuża rkant elettroniku għandha tiddikjara dan il-fatt fl-avviż tal-kuntratt.

Id-dokumenti ta' akkwist għandhom jinkludu d-dettalji li ġejjin:

(a)

il-valuri tal-elementi li se jkunu s-suġġett ta' rkant elettroniku, bil-kundizzjoni li dawk l-elementi jkunu kwantifikabbli u jistgħu jiġu espressi f'ċifri jew f'perċentwali;

(b)

kwalunkwe limiti fuq il-valuri li jistgħu jiġu ppreżentati, peress li jirriżultaw mill-ispeċifikazzjonijiet relatati mas-suġġett tal-kuntratt;

(c)

l-informazzjoni li ser titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-offerenti matul l-irkant elettroniku u, fejn dan ikun adatt, meta ser titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom;

(d)

l-informazzjoni rilevanti li tikkonċerna l-proċess ta' rkant elettroniku inkluż jekk dan jinkludix fażijiet u kif se jingħalqu, kif stabbilit fil-paragrafu 7;

(e)

il-kondizzjonijiet li bihom l-offerenti se jkunu jistgħu jagħmlu l-offerti tagħhom u, b'mod partikolari, id-differenzi minimi li, fejn adatt, se jkunu meħtieġa għal meta jsiru l-offerti;

(f)

il-kondizzjonijiet li skonthom l-offerenti ser ikunu jistgħu jagħmlu l-offerti tagħhom u, b'mod partikolari, id-differenzi minimi li, fejn adatt, ser ikunu meħtieġa għal meta jsiru l-offerti.

4.   L-offerenti kollha li jkunu ressqu offerti ammissibbli għandhom jiġu mistiedna b'mod simultanju b'mezzi elettroniċi sabiex jieħdu sehem fl-irkant elettroniku bl-użu tal-konnessjonijiet skont l-istruzzjonijiet. L-istedina għandha tispeċifika d-data u l-ħin tal-bidu tal-irkant elettroniku.

L-irkant elettroniku jista' jseħħ f'għadd ta' fażijiet suċċessivi. L-irkant elettroniku ma jistax jibda qabel jumejn ta' xogħol mid-data li fiha jkunu ħarġu l-istediniet.

5.   L-istedina għandha tkun akkumpanjata mill-eżitu tal-evalwazzjoni sħiħa tal-offerta rilevanti.

L-istedina għandha tiddikjara wkoll l-istat tal-formula matematika li għandha tintuża fl-irkant elettroniku sabiex jiġu determinati l-klassifikazzjonijiet awtomatiċi l-ġodda fuq il-bażi tal-prezzijiet il-ġodda u/jew il-valuri l-ġodda sottomessi. Dik il-formula tinkorpora l-piż tal-kriterji kollha stabbiliti sabiex tiġi determinata l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, kif indikat fid-dokumenti tal-akkwist. Madanakollu, għal dak il-fini, kwalunkwe medda għandha titnaqqas minn qabel għal valur speċifikat.

Fejn huma awtorizzati varjanti, għandha tingħata formula separata għal kull varjant.

6.   Matul kull fażi ta' rkant elettroniku l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika minnufih lill-offerenti kollha tal-inqas biżżejjed informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jaċċertaw ruħhom mill-klassifikazzjonijiet relattivi f'kull mument. Hija tista' wkoll, fejn dan ikun ġie indikat minn qabel, tikkomunika informazzjoni oħra rigward prezzijiet u valuri oħra sottomessi kif ukoll tħabbar l-għadd ta' parteċipanti fi kwalunkwe fażi speċifika tal-irkant. Madanakollu, hija ma tistax tiddivulga l-identitajiet tal-offerenti matul kwalunkwe fażi tal-irkant elettroniku.

7.   L-awtorità kontraenti għandha tagħlaq irkant elettroniku b'wieħed jew aktar mill-modi li ġejjin:

(a)

fid-data u l-ħin indikati preċedentement;

(b)

fejn ma tirċevix aktar prezzijiet jew valuri ġodda li jilħqu r-rekwiżiti rigward id-differenzi minimi, sakemm preċedentament ma tkunx iddikjarat iż-żmien li hija se tħalli jgħaddi wara li tirċievi l-aħħar sottomissjoni qabel ma tagħlaq l-irkant elettroniku;

(c)

meta jkun tlesta n-numru ta' fażijiet tal-irkant identifikati preċedentement.

8.   Wara li tagħlaq irkant elettroniku, l-awtorità kontraenti taġġudika l-kuntratt fuq il-bażi tar-riżultati tal-irkant elettroniku.

Artikolu 151

Offerti abnormalment baxxi

(L-Artikolu 110(5) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Jekk, għal kuntratt partikolari, il-prezz jew il-kost propost fl-offerta jidhru li huma baxxi b'mod abnormali, l-awtorità kontraenti għandha titlob bil-miktub dettalji tal-elementi kostitwenti tal-prezz jew il-kost li hija tqis rilevanti u għandha tagħti lill-offerent l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

L-awtorità kontraenti tista', b'mod partikolari, tikkunsidra l-osservazzjonijiet dwar:

(a)

l-ekonomija tal-proċess tal-manifattura, tal-forniment tas-servizzi jew tal-metodu ta' kostruzzjoni;

(b)

is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew il-kundizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli għall-offerent;

(c)

l-oriġinalità tal-offerta.

(d)

il-konformità tal-offerent ma' kwalunkwe obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol.

(e)

il-konformità tas-sottokuntratturi ma' kwalunkwe obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol.

(f)

il-possibbiltà li l-offerent jikseb għajnuna mill-Istat f'konformità mar-regoli applikabbli.

2.   L-awtorità kontraenti tista' tirrifjuta l-offerta biss fejn l-evidenza pprovduta ma tagħtix ġustifikazzjoni sodisfaċenti tal-livell baxx tal-prezz jew tal-kostijiet proposti.

L-awtorità kontraenti għandha tirrifjuta l-offerta, fejn ġie stabbilit li l-offerta hija abnormalment baxxa minħabba li ma tikkonformax mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol.

3.   Fejn l-awtorità kontraenti tistabbilixxi li offerta hija abnormalment baxxa għax l-offerent kiseb għajnuna mill-Istat, hija tista' tirrifjuta l-offerta fuq dik ir-raġuni waħedha biss jekk l-offerent, f'limitu ta' żmien suffiċjenti stabbilit mill-awtorità kontraenti, ma jistax juri li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-TFUE.

Artikolu 152

Limiti ta' żmien sabiex jintlaqgħu l-offerti u t-talbiet għall-parteċipazzjoni

(L-Artikolu 111(1) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-awtorità kontraenti għandha tistabbilixxi data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-offerti u t-talbiet għall-parteċipazzjoni.

Meta tiffissal-limiti ta' żmien, l-awtorità kontraenti għandha tikkunsidra l-kumplessità tal-kuntratt u ż-żmien meħtieġ għat-tfassil tal-offerti. L-iskadenzi għandhom ikunu itwal mil-limiti ta' żmien minimi stabbiliti f'dan l-Artikolu meta l-offerti jistgħu jsiru biss wara żjara lis-sit jew wara konsultazzjoni fuq il-post tad-dokumenti ta' prova għad-dokumenti tal-akkwist.

Il-limiti ta' żmien għandhom jittawlu b'ħamest ijiem fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità kontraenti ma toffrix aċċess dirett mingħajr ħlas b'mezzi elettroniċi għad-dokumenti tal-akkwist;

(b)

l-avviż tal-kuntratt ikun ippubblikat skont il-punt (b) tal-Artikolu 125(2).

2.   Fi proċeduri miftuħa, il-limitu ta' żmien biex jaslu l-offerti għandu jkun mhux inqas minn 37 jum mid-data li fiha jiġi trasmess l-avviż ta' kuntratt.

3.   Fi proċeduri ristretti, fi djalogi kompettittivi, fi proċeduri kompetittivi permezz tan-negozjar, f'sistemi dinamiċi ta' xiri u fi sħubiji għall-innovazzjoni, il-limitu ta' żmien biex jintlaqgħu talbiet għall-parteċipazzjoni ma jkunux inqas minn 32 jum mid-data li fiha joħroġ l-avviż tal-kuntratt.

4.   Fi proċeduri ristretti u fi proċeduri kompetittivi permezz tan-negozjar, il-limitu ta' żmien biex jaslu l-offerti għandu jkun mhux inqas minn 30 jum mid-data li fiha toħroġ l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti.

5.   F'sistema dinamika ta' xiri, il-limitu ta' żmien biex jaslu l-offerti ma għandux ikun inqas minn 10 ijiem mid-data li fiha tinħareġ l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti.

6.   Fil-proċeduri wara sejħa għall-espressjonijiet ta' interess kif imsemmija fl-Artikolu 136(1), il-limitu ta' żmien irid ikun:

(a)

mhux anqas minn 10 ijiem mid-data li fiha tintbagħat is-sejħa għall-offerti sabiex jiġu riċevuti l-offerti fil-każ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 136(1)(a) u l-Artikolu 136(3)(b)(i);

(b)

mhux anqas minn 10 ijiem sabiex jiġu riċevuti talbiet għall-parteċipazzjoni u mhux anqas minn 10 jum sabiex jiġu riċevuti offerti fil-każ tal-proċedura f'żewġ passi msemmija fl-Artikolu 136(3)(b)(ii).

7.   L-awtorità kontraenti tista' tnaqqas id-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-offerti b'ħamest ijiem għal proċeduri miftuħa jew ristretti jekk din taċċetta li l-offerti jistgħu jiġu sottomessi b'mezzi elettroniċi.

Artikolu 153

Aċċess għal dokumenti tal-akkwist u limitu ta' żmien sabiex tkun ipprovduta informazzjoni addizzjonali

(L-Artikolu 111(1) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-awtorità kontraenti għandha toffri aċċess dirett mingħajr ħlas b'mezzi elettroniċi għad-dokumenti tal-akkwist mid-data ta' pubblikazzjoni tal-avviż ta' kuntratt jew, għal dawk il-proċeduri mingħajr avviż ta' kuntratt jew skont l-Artikolu 136, mid-data li fiha tintbagħat l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti.

F'każijiet ġustifikati, l-awtorità kontraenti tista' tibgħat id-dokumenti tal-akkwist permezz ta' mezzi oħra speċifikati minnha jekk l-aċċess dirett b'mezzi elettroniċi għal raġunijiet tekniċi ma jkunx possibbli jew jekk id-dokumenti tal-akkwist ikun fihom informazzjoni ta' natura kunfidenzjali. F'dawn il-każijiet għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 152(1) ħlief f'każijiet urġenti kif previst fl-Artikolu 154(1).

L-awtorità kontraenti tista' timponi fuq operaturi ekonomiċi rekwiżiti bil-għan li tipproteġi n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti tal-akkwist. Hija għandha tħabbar dawn ir-rekwiżiti kif ukoll kif jinkiseb aċċess għad-dokumenti tal-akkwist kkonċernati.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tipprovdi informazzjoni addizzjonali marbuta mad-dokumenti tal-akkwist simultanjament u bil-miktub lill-operaturi ekonomiċi kollha interessati malajr kemm jista' jkun.

L-awtorità kontraenti ma għandhiex tkun marbuta li twieġeb għat-talbiet għal informazzjoni addizzjonali ppreżentati anqas minn sitt ijiem qabel l-iskadenza għall-wasla tal-offerti.

3.   L-awtorità kontraenti għandha testendi d-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-offerti fejn:

(a)

ma pprovdietx informazzjoni addizzjonali sa mhux aktar tard minn sitt ijiem qabel l-iskadenza għall-wasla tal-offerti għalkemm l-operatur ekonomiku talabha fi żmien adegwat;

(b)

hija tagħmel bidliet sinifikanti fid-dokumenti tal-akkwist.

Artikolu 154

Limiti ta' żmien f'każijiet urġenti

(L-Artikolu 111(1) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Meta urġenza debitament issostanzjata tirrendi imprattikabbli l-limiti minimi ta' żmien stipulati fl-Artikoli 152(2) u 152(3) għall-proċeduri miftuħa jew ristretti, l-awtorità kontraenti tista' tistabbilixxi:

(a)

limitu biex jintlaqgħu talbiet għall-parteċipazzjoni jew offerti fi proċeduri miftuħa li ma għandhomx ikunu inqas minn 15-il jum minn meta joħroġ l-avviż tal-kuntratt;

(b)

id-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-offerti għall-proċeduri ristretti li ma għandiex tkun qabel 10 ijiem mid-data li fiha toħroġ l-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti.

2.   F'każijiet urġenti, il-limitu ta' żmien stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 153(2) u fl-Artikolu 153(3)(a) għandu jkun ta' erbat ijiem.

Artikolu 155

Arranġamenti għall-preżentazzjoni tal-offerti

(l-Artikolu 111(1) u (2) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-arranġamenti għas-sottomissjoni tal-offerti u t-talbiet għall-parteċipazzjoni jiġu stabbiliti mill-awtorità kontraenti, li tista' tagħżel metodu esklużiv ta' sottomissjoni.

Il-mezzi ta' komunikazzjoni magħżulin jkunu tali li jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

kull sottomissjoni jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tagħha;

(b)

tiġi ppreservata l-integrità tad-dejta;

(c)

tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tal-offerti u tat-talbiet għall-parteċipazzjoni u l-awtorità kontraenti teżamina l-kontenut tal-offerti u t-talbiet għall-parteċipazzjoni biss wara li jkun għadda ż-żmien stipulat għas-sottomissjoni tagħhom;

(d)

tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dejta personali skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.   Ħlief għall-kuntratti b'valur aktar baxx mil-limiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-apparat għar-riċeviment elettroniku tal-offerti u t-talbiet għall-parteċipazzjoni jrid jiggarantixxi, permezz ta' mezzi tekniċi u proċeduri xierqa, li:

(a)

l-operatur ekonomiku jkun jista' jiġi awtentikat b'ċertezza;

(b)

il-ħin u d-data eżatti tar-riċeviment tal-offerti u t-talbiet għall-parteċipazzjoni jkunu jistgħu jiġu determinati b'mod preċiż;

(c)

ikun jista' jiġi raġonevolment żgurat li, qabel il-limiti ta' żmien stabbiliti, ħadd ma jkollu aċċess għad-dejta trasmessa taħt dawn ir-rekwiżiti;

(d)

il-persuni awtorizzati biss jistgħu jistabbilixxu jew jibdlu d-dati għall-ftuħ tad-dejta li tkun waslet;

(e)

matul il-fażijiet differenti tal-proċedura ta' akkwist, persuni awtorizzati biss jista' jkollhom aċċess għad-dejta kollha ppreżentata u jista' jagħtu aċċess għal din id-dejta kif meħtieġ għall-proċedura;

(f)

jista' jkun raġonevolment żgurat li kwalunkwe tentattiv biex jinkisru kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a) sa (e) jista jkun identifikat.

3.   Meta l-awtorità kontraenti tawtorizza s-sottomissjoni ta' offerti u talbiet għall-parteċipazzjoni b'mezzi elettroniċi, id-dokumenti elettroniċi sottomessi b'dawn is-sistemi jitqiesu bħala l-oriġinali.

4.   Meta l-għotja tal-offerti ssir bil-posta, il-kandidati jew l-offerenti jistgħu jagħżlu jekk jippreżentawx talba għall-parteċipazzjoni jew offerta:

(a)

jew bil-posta jew bis-servizz ta' kurrier, f'liema każ l-evidenza tkun kostitwita mit-timbru jew mid-data tal-irċevuta tad-depożitu;

(b)

billi titwassal bl-idejn s'għand l-awtorità kontraenti mill-offerent jew mill-kandidat innifsu jew minn aġent, f'liema każ l-evidenza għandha tkun il-konferma tar-riċevuta.

5.   Bil-preżentazzjoni ta' talba għal parteċipazzjoni jew ta' offerta, il-kandidati jew l-offerenti jaċċettaw li jirċievu notifika tal-eżitu tal-proċedura permezz ta' mezzi elettroniċi.

Artikolu 155a

Katalogi elettroniċi

(L-Artikolu 111(7) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Fejn ikun rikjest l-użu ta' mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni, l-awtorità kontraenti tista' teżiġi li l-offerti jiġu ppreżentati fil-format ta' katalogu elettroniku jew li jiġi inkluż katalogu elettroniku.

2.   Fejn il-preżentazzjoni ta' offerti fil-forma ta' katalogi elettroniċi hija aċċettata jew rikjesta, l-awtorità kontraenti għandha:

(a)

tiddikjara dan fl-avviż dwar kuntratt;

(b)

tindika l-informazzjoni kollha meħtieġa fid-dokumenti tal-akkwist rigward il-format, it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet ta' konnessjonijiet tekniċi għall-katalogu.

3.   Fejn kuntratt qafas multiplu ġie konkluż wara l-preżentazzjoni ta' offerti fil-forma ta' katalogi elettroniċi, l-awtorità kontraenti tista' tipprovdi li l-ftuħ mill-ġdid ta' kompetizzjoni għal kuntratti speċifiċi jseħħ fuq il-bażi ta' katalogi aġġornati bl-użu ta' wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

l-awtorità kontraenti tistieden lill-kuntratturi jissottomettu mill-ġdid il-katalogi elettroniċi tagħhom, adattati għar-rekwiżiti tal-kuntratt speċifiku inkwistjoni;

(b)

l-awtorità kontraenti tinnotifika lill-kuntratturi li għandhom il-ħsieb li jiġbru mill-katalogi elettroniċi li diġà ġew sottomessi dik l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu kostitwiti offerti adattati għar-rekwiżiti tal-kuntratt speċifiku inkwistjoni, dejjem jekk l-użu ta' dan il-metodu jkun tħabbar fid-dokumenti tal-akkwist tal-ftehim qafas.

4.   Meta jintuża l-metodu skont il-punt (b) tal-paragrafu 3, l-awtorità kontraenti għandha tinnotifika kuntratturi bid-data u l-ħin li fiha għandha l-ħsieb li tiġbor l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu kostitwiti offerti adattati għar-rekwiżiti tal-kuntratt speċifiku inkwistjoni u għandha tagħti lill-kuntratturi l-possibilità li jirrifjutaw tali ġbir ta' informazzjoni.

L-awtorità kontraenti għandha tagħti perjodu ta' żmien adegwat bejn in-notifika u l-ġbir attwali tal-informazzjoni.

Qabel ma jagħtu l-kuntratt speċifiku, l-awtorità kontraenti għandha tippreżenta l-informazzjoni miġbura lill-kuntrattur ikkonċernat, sabiex b'hekk jagħtuh l-opportunità li jikkontesta jew jikkonferma li l-offerta hekk ikkostitwita ma fiha l-ebda żball materjali.

Artikolu 156

Garanziji għall-offerti

(L-Artikolu 111(3) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-awtorità kontraenti tista' titlob garanzija għall-offerta, ippreżentata skont l-Artikolu 163, li tirrappreżenta minn 1 % sa 2 % tal-valur totali tal-kuntratt.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tiġbed il-garanzija tal-offerta jekk l-offerta tiġi rtirata qabel l-iffirmar tal-kuntratt.

L-awtorità kontraenti għandha tirrilaxxa l-garanzija tal-offerta:

(a)

għal offerenti rrifjutati kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 159(2) u l-offerti rrifjutati kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 159(2), wara informazzjoni dwar l-eżitu tal-proċedura;

(b)

għall-offerti kklassifikati kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 159(2), meta jiġi ffirmat il-kuntratt.

Artikolu 157

Ftuħ tal-offerti u talbiet għall-parteċipazzjoni

(L-Artikolu 111(4) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Fi proċeduri miftuħa, rappreżentanti awtorizzati minn offerenti jistgħu jattendu s-sessjoni ta' ftuħ.

2.   Meta l-valur ta' kuntratt jkun ugwali jew jaqbeż il-limiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jaħtar kumitat sabiex jiftaħ l-offerti. L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jista' jneħħi dan l-obbligu abbażi ta' analiżi tar-riskju meta terġa' tinfetaħ il-kompetizzjoni fi ħdan kuntratt qafas u għall-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 134(1) ta' dan ir-Regolament għajr il-punti (d) u (g) ta' dan l-Artikolu.

Il-kumitat ta' ftuħ ikun magħmul mill-inqas minn żewġ persuni li jkunu jirrappreżentaw mill-inqas żewġ entitajiet organizzattivi tal-istituzzjonijiet imdaħħlin, bl-ebda konnessjoni ġerarkika bejniethom. Bil-għan li tiġi evitata kull sitwazzjoni ta' kunflitt ta' imgħax, dawn il-persuni huma soġġetti għall-obbligi mniżżla fl-Artikoli 57 tar-Regolament Finanzjarju.

Fir-rappreżentanzi jew l-unitajiet lokali msemmija fl-Artikolu 72 ta' dan ir-Regolament jew iżolati fi Stat Membru, jekk ma jkunx hemm entitajiet separati, ir-rekwiżit ta' entitajiet organizzattivi mingħajr rabta ġerarkika bejniethom ma japplikax.

3.   Fil-każ ta' proċedura ta' akkwist imnedija fuq bażi interistituzzjonali, il-kumitat tal-ftuħ jinħatar mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli mill-istituzzjoni responsabbli għall-proċedura ta' akkwist.

4.   L-awtorità kontraenti għandha tivverifika u tiżgura l-integrità tal-offerta oriġinali inkluż l-offerta finanzjarja u prova tad-data u l-ħin tal-wasla tagħha kif stipulat fil-punti 2 u 4 tal-Artikolu 155 permezz ta' kwalunkwe metodu xieraq.

5.   Fi proċeduri miftuħa, meta l-kuntratt jingħata skont il-metodi tal-orħos prezz jew l-inqas kost skont l-Artikolu 110(4) tar-Regolament Finanzjarju, il-prezzijiet ikkwotati f'offerti li jissodisfaw ir-rekwiżiti għandhom jinqraw b'vuċi għolja.

6.   Ir-reġistru miktub tal-ftuħ tal-offerti milqugħa għandu jkun iffirmat mill-persuna jew persuni responsabbli għall-ftuħ jew minn membri tal-kumitat tal-ftuħ. Huwa għandu jidentifika dawk l-offerti li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 155 dawk li ma jissodisfawhomx, u jagħti r-raġunijiet li abbażi tagħhom ikunu ġew irrifjutati offerti kif stipulat fl-Artikolu 111(4) tar-Regolament Finanzjarju. Il-firma tista' ssir b'sistema elettronika li tipprovdi identifikazzjoni suffiċjenti tal-firmatarju.

Artikolu 158

Evalwazzjoni tal-offerti u talbiet għall-parteċipazzjoni

(L-Artikolu 111(5) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jaħtar kumitat ta' evalwazzjoni biex jagħti opinjoni ta' konsulenza dwar kuntratti b'valur daqs jew akbar mil-limiti minimi msemmija fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju. L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jista' jneħħi dan l-obbligu abbażi ta' analiżi tar-riskju meta terġa' tinfetaħ il-kompetizzjoni fi ħdan kuntratt qafas u għall-każijiet stabbiliti fil-punti (c), (e), (f) (i), (f) (iii) u (h) tal-Artikolu 134(1).

Madankollu, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jista' jiddeċiedi li l-kumitat ta' evalwazzjoni għandu jevalwa u jikklassifika l-offerti fuq il-bażi tal-kriterji tal-għoti biss u li l-kriterji ta' esklużjoni u tal-għażla għandhom jiġu evalwati b'mezzi xierqa oħra li jiggarantixxu n-nuqqas ta' kunflitti ta' interessi.

2.   Il-kumitat ta' evalwazzjoni jkun iffurmat minn tal-anqas tliet persuni li jirrappreżentaw mill-anqas żewġ entitajiet organizzattivi tal-istituzzjonijiet jew il-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament Finanzjarju mingħajr rabta ġerarkika bejniethom, li mill-anqas wieħed minnhom ma jaqax taħt l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli.

Fir-rappreżentanzi u l-unitajiet lokali msemmija fl-Artikolu 72 jew iżolati fi Stat Membru, jekk ma jkunx hemm entitajiet separati, ir-rekwiżit ta' entitajiet organizzattivi mingħajr rabta ġerarkika bejniethom ma japplikax.

Esperti esterni jistgħu jassistu lill-kumitat b'deċiżjoni tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli.

L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jiżgura li dawk l-esperti jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Finanzjarju.

3.   Fil-każ ta' proċedura ta' akkwist imnedija fuq bażi interistituzzjonali, il-kumitat ta' evalwazzjoni jinħatar mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli mill-istituzzjoni responsabbli għall-proċedura ta' akkwist. Il-kompożizzjoni tal-kumitat ta' evalwazzjoni tirrifletti, sa fejn ikun possibbli, il-karattru interistituzzjonali tal-proċedura ta' akkwist.

4.   It-talbiet għall-parteċipazzjoni u l-offerti li huma adattati skont il-paragrafu (2) tal-Artikolu 134, mhux irregolari jew mhux aċċettabbli skont il-paragrafi (2) u (3) tal-Artikolu 135 għandhom jiġu kkunsidrati ammissibbli.

Artikolu 159

Riżultati tal-evalwazzjoni u d-deċiżjoni tal-għotja

(l-Artikolu 113(1) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-eżitu tal-evalwazzjoni għandu jkun rapport ta' evalwazzjoni li fih il-proposta biex jingħata l-kuntratt. Ir-rapport ta' evalwazzjoni għandu jkun datat u ffirmat mill-persuna jew persuni li wettqu l-evalwazzjoni jew mill-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni. Ir-rapport jista' jkun iffirmat b'sistema elettronika li tipprovdi identifikazzjoni suffiċjenti tal-firmatarju.

Jekk il-kumitat ta' evalwazzjoni ma jkunx ingħata r-responsabbiltà li jivverifika l-offerti skont il-kriterji ta' esklużjoni u għażla, ir-rapport ta' evalwazzjoni jiġi ffirmat ukoll mill-persuni li kienu ngħataw dik ir-responsabbiltà mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli.

2.   Ir-rapport ta' evalwazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità kontraenti, u s-suġġett u l-valur tal-kuntratt jew is-suġġett u l-valur massimu tal-kuntratt qafas.

(b)

l-ismijiet tal-kandidati jew l-offerenti li ġew rifjutati u r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom b'referenza għal sitwazzjoni stabbilita fl-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju jew għall-kriterji ta' għażla;

(c)

ir-referenzi għall-offerti rifjutati u r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom b'referenza għal kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(i)

nonkonformità mar-rekwiżiti minimi kif stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Finanzjarju;

(ii)

li ma kinux jilħqu l-livelli minimi ta' kwalità stabbiliti fl-Artikolu 149(3) ta' dan ir-Regolament;

(iii)

offerti misjuba li kienu abnormalment baxxi kif imsemmi fl-Artikolu 151 ta' dan ir-Regolament;

(d)

l-ismijiet tal-kandidati jew offerenti magħżula u r-raġunijiet għall-għażla tagħhom;

(e)

l-ismijiet tal-offerenti li għandhom jiġu kklassifikati skont ir-riżultati miksuba u l-ġustifikazzjonijiet tagħhom;

(f)

l-ismijiet tal-kandidati proposti jew l-offerenti rebbieħa u r-raġunijiet għall-għażla tagħhom;

(g)

jekk ikun magħruf, il-proporzjon tal-kuntratt jew tal-kuntratt qafas li l-kuntrattur propost beħsiebu jissottokuntratta lil partijiet terzi.

3.   L-awtorità kontraenti għandha mbagħad tieħu d-deċiżjoni tagħha billi tipprovdi kwalunkwe punt minn dawn li ġejjin:

(a)

approvazzjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni, li jkun fih l-informazzjoni kollha elenkata fil-paragrafu 2 komplimentat b'li ġej:

(i)

l-isem tal-offerent magħżul u r-raġunijiet għal dik l-għażla b'referenza għall-kriterji tal-għażla u tal-għoti mħabbra minn qabel, inklużi, meta jkun xieraq, ir-raġunijiet għalfejn ma tkunx ġiet segwita r-rakkomandazzjoni pprovduta fir-rapport ta' evalwazzjoni;

(ii)

fil-każ ta' proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel, proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar jew djalogu kompetittiv, iċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikoli 134, 135 u 266 li jiġġustifikaw l-użu tagħhom;

(b)

fejn ikun xieraq, ir-raġunijiet għaliex l-awtorità kontraenti tkun iddeċidiet li ma tagħtix kuntratt.

4.   L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jistà jgħaqqad il-kontenut tar-rapport tal-evalwazzjoni u d-deċiżjoni tal-għotja f'dokument wieħed u jiffirmah fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

għal proċeduri taħt il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju, fejn offerta waħda biss kienet riċevuta;

(b)

meta terġa' tinfetaħ il-kompetizzjoni fi ħdan kuntratt qafas fejn l-ebda kumitat ta' evalwazzjoni ma ġie nnominat;

(c)

għal każijiet taħt il-punti (c), (e), (f) (i), (f)(iii) u (h) tal-Artikolu 134(1) meta ma jkun hemm l-ebda kumitat ta' evalwazzjoni ma ġie nnominat.

5.   Fil-każ ta' proċedura ta' akkwist imnedija fuq bażi interistituzzjonali, id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha tittieħed mill-awtorità kontraenti responsabbli għall-proċedura ta' akkwist.

Artikolu 160

Kuntatti bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-kandidati jew l-offerenti

(l-Artikolu 112 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Bħala eċċezzjoni, jista' jsir kuntatt bejn l-awtorità kontraenti u l-kandidati jew l-offerenti matul il-proċedura ta' akkwist, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Qabel id-data tal-għeluq biex jintlaqgħu talbiet għall-parteċipazzjoni jew offerti, l-awtorità kontraenti tista' tikkomunika informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 153(2):

(a)

fuq talba tal-kandidati jew l-offerenti, għall-iskop biss li tikkjarifika d-dokumenti tal-akkwist;

(b)

fuq inizjattiva tagħha stess, jekk tiskopri żball, nuqqas ta' preċiżjoni, ommissjoni jew kwalunkwe tip ieħor ta' difett klerikali fit-test tad-dokumenti tal-akkwist.

3.   F'kull każ fejn ikun sar kuntatt, u fil-każijiet debitament ġustifikati fejn ma jkunx sar kuntatt kif imsemmi fl-Artikolu 96 tar-Regolament Finanzjarju, jinżamm rekord fil-fajl tal-akkwist.

Artikolu 161

Informazzjoni għall-kandidati u għall-offerenti

(l-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-awtorità kontraenti għandha tinforma lill-kandidati jew lill-offerenti kollha, fl-istess ħin u b'mod individwali, b'mezz elettroniku bid-deċiżjonijiet meħuda rigward l-eżitu tal-proċedura fl-iqsar żmien possibbli wara kwalunkwe minn dawn l-istadji li ġejjin:

(a)

il-fażi ta' ftuħ għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 111(4) tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

ittieħdet deċiżjoni fuq il-bażi tal-kriterji ta' esklużjoni u għażla, fi proċeduri ta' akkwist organizzati f'żewġ stadji separati;

(c)

id-deċiżjoni ta' għoti

F'kull każ, l-awtorità kontraenti għandha tindika r-raġunijiet għaliex it-talba għall-parteċipazzjoni jew l-offerta ma jkunux ġew aċċettati u r-rimedji legali disponibbli.

Meta tinforma lill-offerent rebbieħ, l-awtorità kontraenti għandha tispeċifika li d-deċiżjoni nnotifikata ma tikkostitwixxix impenn min-naħa tagħha.

2.   L-awtorità kontraenti għandha tikkomunika l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 113(3) tar-Regolament Finanzjarju malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ fi żmien 15-il jum mill-wasla ta' talba bil-miktub. Meta l-awtorità kontraenti tagħti kuntratti f'isimha stess, hija għandha tuża mezzi elettroniċi. Bl-istess mod, l-offerent jista' jibgħat talba b'mezzi elettroniċi.

3.   Meta l-awtorità kontraenti tikkomunika permezz ta' mezzi elettroniċi, l-informazzjoni għandha tkun meqjusa li ġiet riċevuta minn kandidati jew offerenti jekk l-awtorità kontraenti tista' tagħti prova li bagħtitha fl-indirizz elettroniku msemmi fl-offerta jew fit-talba għall-parteċipazzjoni.

F'dan il-każ, l-informazzjoni għandha titqies li ġiet riċevuta mill-kandidat jew l-offerent fid-data tad-dispaċċ mill-awtorità kontraenti.

(1)

(1)*

Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(2)

(2)*

Ir-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 dwar il-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist (CPV) (ĠU L 340, 16.12.2002, p. 1).

(3)

(3)*

Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 77/249/KEE tat-22 ta' Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU L 78, 26.3.1977, p. 17).

(4)

(4)*

Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(5)

(5)*

Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

(6)

(6)*

Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(7)

(7)*

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(8)

(8)*

Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).”

(10)

fil-Kapitolu 1 tat-Titolu V tal-Parti Wieħed, Taqsima 4 tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Taqsima 4

L-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-garanziji u l-azzjonijiet korrettivi

Artikolu 163

Garanziji

(l-Artikolu 115 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Jekk l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li titlob garanzija, hija għandha tħabbar dan fid-dokumenti tal-akkwist.

2.   Fejn il-kuntratturi jkunu meħtieġa li jippreżentaw garanzija bil-quddiem, din trid tkun għal ammont u perjodu ta' żmien li jkunu biżżejjed biex din tiġi eżerċitata.

3.   Il-garanzija trid tkun ipprovduta minn bank jew istituzzjoni finanzjarja awtorizzata aċċettati mill-awtorità kontraenti. Din tista' tiġi sostitwita b'garanzija in solidum minn parti terza, wara aċċettazzjoni mill-awtorità kontraenti.

Il-garanzija tkun denominata fil-munita euro.

Din tpoġġi lill-bank jew lill-istituzzjoni finanzjarja jew il-parti terza bħala kollateral irrevokabbli, jew bħala l-ewwel garanti tal-obbligi tal-kuntrattur.

Artikolu 164

Garanzija għall-prefinanzjament

(l-Artikolu 115 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Ladarba l-awtorità kontraenti tkun stabbilixxiet il-ħtieġa għal prefinanzjament, hija tivvaluta r-riskji assoċjati mal-ħlasijiet ta' prefinanzjament, qabel ma tniedi l-proċedura ta' akkwist, billi tikkunsidra b'mod partikolari l-kriterji li ġejjin:

(a)

il-valur stmat tal-kuntratt;

(b)

is-suġġett tiegħu;

(c)

it-tul u l-veloċità tiegħu;

(d)

l-istruttura tas-suq;

2.   Ma tkun meħtieġa l-ebda garanzija għal kuntratti ta' valur baxx kif imsemmija fl-Artikolu 137(1).

Il-garanzija tinħall kif u meta l-prefinanzjament jitnaqqas mill-ħlasijiet interim jew il-pagamenti tal-bilanċ lill-kuntrattur skont il-patti tal-kuntratt.

Artikolu 165

Garanzija għal eżekuzzjoni

(l-Artikolu 115 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Fuq bażi ta' każ b'każ u soġġetta għal analiżi preliminari tar-riskju, l-awtorità kontraenti tista' titlob garanzija għall-eżekuzzjoni biex jiġi żgurat li l-kuntrattur jikkonforma mal-obbligi kuntrattwali sostanzjali tiegħu.

2.   Il-garanzija għall-eżekuzzjoni għandha tkun ta' massimu ta' 10 % tal-valur totali tal-kuntratt.

3.   Din għandha tkun kompletament rilaxxata wara l-aċċettazzjoni finali tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi kumplessi, fi żmien perjodu suġġett għall-Artikolu 92(1) tar-Regolament Finanzjarju li għandu jkun speċifikat fil-kuntratt. Hija tista' tiġi rilaxxata parzjalment jew kompletament fuq l-aċċettazzjoni provviżorja tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi kumplessi.

Artikolu 165a

Garanzija ta' żamma ta' flus

(l-Artikolu 115 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Fuq bażi ta' każ b'każ u soġġetta għal analiżi preliminari tar-riskju, l-awtorità kontraenti tista' titlob garanzija ta' żamma ta' flus jiġi żgurat li l-kuntrattur jirrimedja għal difetti matul il-perjodu ta' obbligi kuntrattwali.

Il-garanzija ta' żamma ta' flus ma għandhiex tintuża f'kuntratt fejn intalbet garanzija għal eżekuzzjoni u ma ġietx rilaxxata.

2.   Garanzija ta' żamma ta' flus li tammonta għal massimu ta' 10 % tal-valur totali tal-kuntratt tista' tkun magħmula minn tnaqqis mill-pagamenti interim kif u meta jsiru jew permezz ta' tnaqqis mill-pagament finali.

L-awtorità kontraenti għandha tiddetermina l-ammont li għandu jkun proporzjonat mar-riskji identifikati fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, meta jitqiesu s-suġġett tiegħu u t-termini kummerċjali normali applikabbli għas-settur.

3.   Soġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità kontraenti, il-kuntrattur jista' jitlob biex jissostitwixxi l-garanzija ta' żamma ta' flus permezz ta' garanzija msemmija fl-Artikolu 163.

4.   L-awtorità kontraenti għandha tirrilaxxa l-garanzija ta' żamma ta' flus wara l-iskadenza ta' perjodu ta' obbligu kuntrattwali, fi żmien perjodu soġġett għall-Artikolu 92(1) tar-Regolament Finanzjarju li għandu jkun speċifikat fil-kuntratt.

Artikolu 166

Sospensjoni fil-każ ta' żbalji jew irregolaritajiet sostanzjali

(L-Artikolu 116(3) tar-Regolament Finanzjarju)

Jekk, wara s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt skont l-Artikolu 116(3) tar-Regolament Finanzjarju, żbalji sostanzjali jew irregolaritajiet jew frodi preżunti ma jkunux ikkonfermati, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt titkompla kemm jista' jkun malajr.”

(11)

fit-Titolu V tal-Parti Wieħed, il-Kapitolu 2 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“KAPITOLU 2

Dispożizzjonijiet applikabbli għall-kuntratti mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn jeddhom

Artikolu 166a

Korp ċentrali għall-akkwisti

(l-Artikolu 117 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Korp ċentrali għall-akkwisti jista' jaġixxi bħala kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

bħala bejjiegħa bl-ingrossa billi jixtru, ibigħu, jaħżnu, ibigħu mill-ġdid provvisti u servizzi lill-awtoritajiet kontraenti oħra;

(b)

bħala intermedjarji billi jagħtu kuntratti qafas jew joperaw sistemi dinamiċi ta' xiri li jistgħu jintużaw minn awtoritajiet kontraenti oħrajn kif imħabbar fl-ewwel avviż.

2.   Il-korp ċentrali għall-akkwist għandu jwettaq il-proċeduri tal-akkwist kollha permezz ta' mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni.

Artikolu 167

Identifikazzjoni tal-livell xieraq għall-kalkolu tal-valur tal-kuntratt

(l-Artikolu 117 tar-Regolament Finanzjarju)

Kull uffiċjal tal-awtorizzazzjoni b'delega jew b'sottodelega fi ħdan kull istituzzjoni għandu jivvaluta jekk intlaħqux il-limiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 168

Lott

(L-Artikolu 118(4) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Kull meta jkun xieraq, teknikament fattibbli u kosteffiċjenti, il-kuntratti għandhom jingħataw fil-forma ta' lottijiet separati fl-istess proċedura.

2.   Fejn is-suġġett ta' kuntratt jinfirex fuq diversi lottijiet, li kull wieħed ikun is-suġġett ta' kuntratt individwali, għall-evalwazzjoni globali tal-limitu applikabbli jiġi kkunsidrat il-valur totali tal-lottijiet kollha.

Meta l-valur totali tal-lottijiet kollha ikun daqs jew jaqbeż il-limiti minimi stipulati fl-Artikolu 118(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikoli 103(1), 104 u 104a tar-Regolament Finanzjarju għandhom japplikaw għal kull wieħed mil-lottijiet.

3.   Meta kuntratt ikun irid jingħata fil-forma ta' lottijiet separati, l-offerti jiġu evalwati separatament għal kull lott. Jekk jingħataw diversi lottijiet lill-istess offerent, jista' jiġi ffirmat kuntratt wieħed li jkopri dawn il-lottijiet

Artikolu 169

Arranġamenti biex issir stima tal-valur ta' kuntratt

(l-Artikolu 118(4) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-awtorità kontraenti għandha tagħmel stima tal-valur ta' kuntratt abbażi tal-ammont totali pagabbli, inkluż kwalunkwe forma ta' għażliet u kull tiġdid.

Din l-istima għandha ssir mhux aktar tard minn meta l-awtorità kontraenti tniedi l-proċedura ta' akkwist.

2.   Għall-kuntratti qafas u s-sistemi dinamiċi ta' xiri, il-valur li għandu jiġi kkunsidrat ikun il-valur massimu tal-kuntratti kollha previsti matul id-durata kollha tal-kuntratt qafas jew tas-sistema dinamika ta' xiri.

Għal sħubijiet għall-innovazzjoni, il-valur li għandu jiġi kkunsidrat għandu jkun il-valur massimu stmat tal-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp li għandhom isiru matul l-istadji kollha tas-sħubija prevista kif ukoll tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li jridu jiġu akkwistati fl-aħħar tas-sħubija prevista.

Meta l-awtorità kontraenti tipprovdi għal pagamenti lil kandidati jew offerenti, għandha tqis dan meta tikkalkula l-valur stmat tal-kuntratt.

3.   Għall-kuntratti ta' servizzi, is-segwenti għandhom jiġu kkunsidrati:

(a)

fil-każ tas-servizzi tal-assigurazzjoni, il-primjum li jrid jitħallas u forom oħra ta' remunerazzjoni;

(b)

fil-każ tas-servizzi bankarji jew finanzjarji, it-tariffi, il-kummissjonijiet, l-imgħax u tipi oħra ta' remunerazzjoni;

(c)

fil-każ tal-kuntratti ta' disinn, it-tariffi, il-kummissjonijiet li jridu jitħallsu u forom oħra ta' remunerazzjoni.

4.   Fil-każ ta' kuntratti ta' servizzi li ma jispeċifikawx prezz totali jew fil-każ ta' kuntratti ta' provvista għal lokazzjoni, kiri jew lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri ta' prodotti, il-bażi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għandha tkun:

(a)

fil-każ tal-kuntratti b'terminu fiss:

(i)

fejn id-durata tagħhom tkun ta' 48 xahar jew anqas fil-każ tas-servizzi jew 12-il xahar jew anqas fil-każ tal-provvisti, il-valur totali tal-kuntratt għal kemm idumu;

(ii)

fejn id-durata tagħhom tkun ta' aktar minn 12-il xahar fil-każ tal-provvisti, il-valur totali inkluż il-valur residwu stmat;

(b)

fil-każ ta' kuntratti mingħajr terminu indefinit jew, fil-każ tas-servizzi, għal durata ta' aktar minn 48 xahar, il-valur ta' kull xahar immultiplikat għal 48 darba.

5.   Fil-każ ta' kuntratti ta' servizzi jew provvisti li jingħataw b'mod regolari jew li jridu jiġġeddu f'perjodu speċifikat, il-bażi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għandha tkun fost dawn li ġejjin:

(a)

il-valur totali attwali tal-kuntratti suċċessivi tal-istess tip mogħtija matul it-12-il xahar preċedenti jew is-sena finanzjarja aġġustata, fejn possibbli, biex jitqiesu t-tibdiliet fil-kwantità jew il-valur li jistgħu jseħħu matul it-12-il xahar ta' wara l-kuntratt inizjali;

(b)

il-valur totali stmat ta' kuntratti suċċessivi tal-istess tip li għandhom jingħataw matul is-sena finanzjarja.

6.   Fil-każ ta' kuntratti ta' xogħlijiet, irid jitqies mhux biss il-valur tax-xogħlijiet iżda wkoll il-valur totali stmat tal-provvisti u s-servizzi meħtieġa sabiex jitwettqu x-xogħlijiet u magħmula disponibbli għall-kuntrattur mill-awtorità kontraenti.

7.   Fil-każ ta' kuntratti ta' konċessjoni, il-valur għandu jkun il-fatturat totali stmat tal-konċessjonarju ġġenerat matul id-durata tal-kuntratt.

Dan il-valur għandu jiġi kkalkulat bl-użu ta' metodu oġġettiv speċifikat fid-dokumenti tal-akkwist, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari:

(a)

id-dħul minn ħlasijiet ta' tariffi u multi mill-utenti tax-xogħlijiet jew servizzi għajr dawk miġbura f'isem l-awtorità kontraenti;

(b)

il-valur ta' għotjiet jew ta' kwalunkwe vantaġġ finanzjarju ieħor minn partijiet terzi għat-twettiq tal-konċessjoni;

(c)

id-dħul mill-bejgħ ta' kwalunkwe assi li jagħmlu parti mill-konċessjoni;

(d)

il-valur tal-provvisti u s-servizzi kollha li jkunu disponibbli għall-konċessjonarju mill-awtoritajiet kontraenti sakemm ikunu neċessarji għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew tas-servizzi;

(e)

il-ħlasijiet lil kandidati jew offerenti.

Artikolu 171

Perjodu ta' waqfien totali qabel l-iffirmar tal-kuntratt

(l-Artikolu 118(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Il-perjodu ta' waqfien għandu jibda jgħodd minn waħda mid-dati li ġejjin:

(a)

mill-jum wara li jkunu ntbagħtu flimkien in-notifiki lill-offerenti magħżula u lill-offerenti li ma jkunux intgħażlu b'mezzi elettroniċi;

(b)

fejn il-kuntratt jew il-kuntratt qafas jingħata skont l-Artikolu 134(1)(b), mill-jum ta' wara li l-avviż tal-għoti tal-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 123(5) jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jekk ikun meħtieġ, l-awtorità kontraenti tista' tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt għal aktar studju jekk dan ikun iġġustifikat mit-talbiet jew il-kummenti magħmula mill-kandidati jew l-offerenti li ma jkunux intgħażlu jew li jkollhom xi lment jew minn kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tkun waslet matul il-perjodu stipulati fl-Artikolu 118(3) tar-Regolament Finanzjarju. Fil-każ ta' sospensjoni, il-kandidati jew l-offerenti kollha jridu jiġu infurmati fi żmien tlett ijiem ta' xogħol wara d-deċiżjoni ta' sospensjoni.

Fejn il-kuntratt jew il-kuntratt qafas ma jkunx jista' jiġi ffirmat mal-offerent previst magħżul, l-awtorità kontraenti tista' tagħtih lit-tieni l-aħjar offerent.

2.   Il-perjodu stipulat fil-paragrafu 1 ma japplika fil-każijiet li ġejjin:

(a)

kwalunkwe proċedura fejn tkun ġiet ippreżentata offerta waħda biss;

(b)

fil-każ ta' kuntratti speċifiċi bbażati fuq kuntratt qafas;

(c)

sistemi dinamiċi ta' xiri

(d)

proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 134 ħlief il-proċedura taħt l-Artikolu 134(1)(b).

Artikolu 172

Evidenza tal-aċċess għall-akkwist

(l-Artikolu 119 tar-Regolament Finanzjarju)

Id-dokumenti tal-akkwist għandhom jitolbu lill-kandidati jew lill-offerenti biex jindikaw f'liema Stat huma stabbiliti u biex jippreżentaw evidenza ta' sostenn normalment aċċettabbli skont il-liġi ta' dak l-Istat.”

(12)

fl-Artikolu 182 il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Jekk kontroll ex post jiżvela li l-avveniment ġenerattiv ma jkunx seħħ u jkun sar ħlas mhux dovut lill-benefiċjarju b'għotja bbażata fuq somom f'daqqa, kostijiet unitarji jew finanzjamenti b'rata fissa, il-Kummissjoni tkun intitolata li tirkupra sal-ammont tal-għotja.”

(13)

L-Artikolu 197 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 197

Evidenza ta' ebda esklużjoni

(l-Artikolu 131 tar-Regolament Finanzjarju)

L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jista', skont valutazzjoni tar-riskju, jitlob lill-applikanti magħżula sabiex jipprovdu l-evidenza msemmija fl-Artikolu 141(3) u suġġett għall-Artikolu 141(4).

Meta jintalab mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, l-applikanti magħżula għandhom jipprovdu l-evidenza msemmija fl-Artikolu 141(3), soġġett għall-Artikolu 141(4), sakemm ma tkunx teżisti impossibbiltà materjali rikonoxxuta mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli.”

(14)

L-Artikolu 200 jitħassar.

(15)

fl-Artikolu 212 il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Ir-regoli tal-kompetizzjonijiet jistabbilixxu dan li ġej:

(a)

il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni, li jridu mill-anqas:

(i)

jispeċifikaw il-kriterji ta' eliġibbiltà;

(ii)

jispeċifikaw l-arranġamenti u d-data finali għar-reġistrazzjoni tal-parteċipanti, jekk meħtieġ, u għas-sottomissjoni tal-entrati, bil-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2;

(iii)

jipprovdu għall-esklużjoni ta' parteċipanti li jkunu f'waħda mis-sitwazzjoniijet imsemmija fl-Artikolu 106(1) u l-Artikolu 107 tar-Regolament Finanzjarju;

(iv)

jipprovdu għall-unika responsabbiltà tal-parteċipanti fil-każ ta' talba relatata mal-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kompetizzjoni;

(v)

jipprovdu għall-aċċettazzjoni mir-rebbieħa tal-verifiki u tal-awditjar mill-Kummissjoni, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri u tal-obbligi ta' reklamar kif speċifikati fir-regoli tal-kompetizzjoni;

(vi)

jiddikjaraw li l-liġi tal-Unjoni hija l-liġi li tapplika għall-kompetizzjoni, ikkumplimentata, fejn ikun hemm bżonn, mil-liġi nazzjonali kif speċifikat fir-regoli tal-kompetizzjoni;

(vii)

jispeċifikaw il-qorti jew it-tribunal tal-arbitraġġ kompetenti għas-smigħ ta' tilwim;

(viii)

jiddikjaraw li penali finanzjarji u deċiżjonijiet ta' esklużjoni jistgħu jiġu imposti fuq il-parteċipanti skont l-Artikolu 106 tar-Regolament Finanzjarju;

(b)

il-kriterji tal-għoti, li jkunu tali li jagħmluha possibbli li tiġi valutata l-kwalità tal-entrati fir-rigward tal-għanijiet segwiti u r-riżultati mistennija u sabiex jiġi stabbilit b'mod oġġettiv jekk l-entrati jikkwalifikawx bħala r-rebbieħa;

(c)

l-ammont tal-premju jew premjijiet;

(d)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-premjijiet lir-rebbieħa wara l-għoti tagħhom.

Għall-finijiet tal-punt (i) tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, il-benefiċjarji ta' għotjiet mill-Unjoni jkunu eliġibbli, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fir-regoli tal-kompetizzjoni.

Għall-finijiet tal-punt (vi) tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, tista' ssir deroga fil-każ tal-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet internazzjonali.”

(16)

fl-Artikolu 221, għandu jitħassar il-paragrafu 3.

(17)

fit-Titolu IV tal-Parti Tnejn, il-Kapitolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“KAPITOLU 3

Akkwist

Artikolu 260

Kiri ta' bini

(l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju)

L-uniċi kuntratti ta' bini li jistgħu jitħallsu minn appropjazzjonijiet operattivi għal azzjonijiet esterni huma dawk li għandhom x'jaqsmu ma' kiri ta' bini li jkun diġa mibni meta ssir il-kera. Dawn il-kuntratti jiġu ppubblikati kif stipulat fl-Artikolu 124.

Artikolu 261

Kuntratti tas-servizzi

(l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Il-kuntratti ta' servizzi għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

kuntratt ta' studju konkluż bejn kuntrattur u l-awtorità kontraenti li jinkludi studji għall-identifikazzjoni u t-tħejjija ta' proġetti, studji dwar il-fattibilità, studji ekonomiċi u tas-suq, studji tekniċi u awditjar.

(b)

kuntratt ta' assistenza teknika huwa meta l-kuntrattur jissejjaħ sabiex ikollu rwol konsultattiv, biex jamministra jew jissorvelja proġett jew biex jipprovdi l-konsulenti speċifikati fil-kuntratt.

2.   Meta pajjiż terz ikollu persunal tal-maniġment ikkwalifikat fid-dipartimenti jew l-entitajiet tiegħu b'parteċipazzjoni mis-settur pubbliku, il-kuntratti jistgħu jitwettqu direttament minn dawn id-dipartimenti jew entitajiet b'xogħol dirett.

Artikolu 262

Dispożizzjonijiet speċjali relatati mal-limiti u l-arranġamenti għall-għoti ta' kuntratti esterni

(l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju)

L-Artikoli minn 123 sa 126, bl-eċċezzjoni tad-definizzjonijiet, l-Artikolu 128, il-punt (a) tal-Artikolu 134(1), il-punti (a) u (c) sa (f) tal-Artikolu 135(1), l-Artikolu 135(4), l-Artikoli 137 u 137a, il-paragrafi minn 3 sa 7 tal-Artikolu 139, l-Artikoli 148(4), 151(3), l-Artikolu 152, il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 153, l-Artikoli 154, 155, 157, 158 bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 158(4), u l-Artikolu 160 ta' dan ir-Regolament ma japplikawx għal kuntratti ta' akkwist konklużi mill-awtoritajiet kontraenti msemmija fl-Artikolu 190(2) tar-Regolament Finanzjarju jew f'isimhom.

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-akkwisti f'dan il-Kapitolu tiġi deċiża mill-Kummissjoni, inklużi l-kontrolli xierqa li jridu jiġu applikati mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli meta l-Kummissjoni ma tkunx l-awtorità kontraenti.

Artikolu 263

Evidenza tal-aċċess għall-akkwist

(l-Artikolu 191 tar-Regolament Finanzjarju)

Id-dokumenti tal-akkwist għandhom jitolbu lill-kandidati jew lill-offerenti biex jindikaw f'liema Stat huma stabbiliti effettivament u biex jippreżentaw evidenza ta' sostenn normalment aċċettabbli skont il-liġi ta' dak l-Istat.

Artikolu 264

Reklamar

(l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Jekk applikabbli, l-avviż minn qabel ta' informazzjoni għal sejħiet internazzjonali għall-offerti jintbagħat lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet b'mezzi elettroniċi kemm jista' jkun malajr.

2.   Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, l-avviż dwar il-kuntratt jiġi ppubblikat:

(a)

tal-inqas f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għal sejħiet għall-offerti internazzjonali;

(b)

tal-inqas f'gazzetta uffiċjali waħda tal-Istat riċevitur jew fi kwalunkwe pubblikazzjoni ekwivalenti oħra għal sejħiet lokali għall-offerti.

Meta l-avviż dwar il-kuntratt ikun ippubblikat ukoll lokalment, dan irid ikun identiku għal dak ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jrid jiġi ppubblikat b'mod simultanju. Il-Kummissjoni tkun responsabbli għall-pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Jekk l-avviż jiġi ppubblikat lokalment, dan jista' jsir mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 190(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju.

3.   L-avviż ta' għoti tal-kuntratt jintbagħat meta jiġi ffirmat il-kuntratt ħlief meta, jekk ikun għadu meħtieġ, il-kuntratt ikun ġie ddikjarat sigriet jew fejn it-twettiq tal-kuntratt ikun irid isir b'miżuri ta' sigurtà speċjali, jew fejn il-protezzjoni tal-interessi essenzjali tal-Unjoni, jew il-pajjiż terz titlob dan, u fejn il-pubblikazzjoni tal-avviż ta' għoti ma tkunx ikkunsidrata bħala xierqa.

4.   Avviż għal modifika tal-kuntratt għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-każijiet stipulati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 114a(3) tar-Regolament Finanzjarju, fejn il-valur tal-modifika jkun daqs jew akbar mil-limiti stipulati fl-Artikoli 265(1)(a), 267(1) (a) jew 269(1)(a) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 265

Limiti minimi u proċeduri għall-aġġudikazzjoni ta' kuntratti ta' servizz u kuntratti tal-konċessjoni tas-servizz

(l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Il-limiti minimi u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju għandhom ikunu kif ġej għall-kuntratti ta' servizzi u għall-kuntratti ta' konċessjoni tas-servizz:

(a)

għal kuntratti b'valur ta' EUR 300 000 jew aktar:

(i)

sejħa internazzjonali ristretta għall-offerti fis-sens tal-Artikolu 104(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 264(2)(a) ta' dan ir-Regolament;

(ii)

sejħa internazzjonali miftuħa għall-offerti fis-sens tal-Artikolu 104(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 264(2)(a) ta' dan ir-Regolament.

(b)

għal kuntratti b'valur ta' inqas minn EUR 300 000: proċedura kompetittiva nnegozjata fis-sens tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

(c)

Il-kuntratti li ma jaqbżux l-EUR 20 000 jistgħu jingħataw fuq il-bażi ta' offerta unika.

(d)

il-ħlasijiet għal ammonti li ma jaqbżux l-EUR 2 500 fir-rigward ta' element ta' nefqa jistgħu jikkonsistu f'sempliċi ħlas kontra fattura mingħajr aċċettazzjoni ta' offerta minn qabel.

2.   Fil-proċedura internazzjonali ristretta msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1, l-avviż dwar il-kuntratt jiddikjara l-għadd ta' kandidati li se jiġu mistiedna jitfgħu offerti. Għall-kuntratti ta' servizzi, jiġu mistiedna minimu ta' erba' kandidati. L-għadd ta' kandidati li jitħallew jissottomettu offerti jrid ikun biżżejjed biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġenwina.

Il-lista tal-kandidati magħżulin tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni.

Jekk l-għadd ta' kandidati li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla jew il-livelli minimi ta' kapaċità jkun inqas mill-għadd minimu, l-awtorità kontraenti tista' tistieden sabiex jissottomettu offerti biss lil dawk il-kandidati li jissodisfaw il-kriterji għas-sottomissjoni ta' offerta.

3.   Fil-proċedura nnegozjata kompetittiva msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, l-awtorità kontraenti tipprepara lista ta' mill-anqas tliet offerenti tal-għażla tagħha mingħajr pubblikazzjoni ta' avviż.

L-offerenti għall-proċedura kompetittiva nnegozjata jistgħu jintgħażlu minn lista ta' bejjiegħa kif imsemmija fl-Artikolu 136(1)(b) irreklamat permezz ta' sejħa għal espressjonijiet ta' interess.

Jekk wara l-konsultazzjoni tal-offerenti l-awtorità kontraenti tirċievi biss offerta waħda li tkun amministrattivament u teknikament valida, il-kuntratt jista' jingħata bil-kundizzjoni li jintlaħqu l-kriterji tal-għoti.

4.   Għas-servizzi legali mhux koperti skont il-punt (h) tal-Artikolu 134(1), l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jużaw il-proċedura negozjata kompetittiva, hu x'inhu l-valur stmat tal-kuntratt.

Artikolu 266

Użu tal-proċedura nnegozjata għall-kuntratti ta' servizzi, ta' forniment u ta' xogħlijiet

(l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jużaw il-proċedura nnegozjata b'offerta waħda fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn is-servizzi jkunu fdati lil korpi mis-settur pubbliku jew istituzzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u jkunu relatati ma' attivitajiet ta' natura istituzzjonali u mfassla biex jipprovdu assistenza lil nies fil-qasam soċjali;

(b)

meta l-proċedura ta' ħruġ tal-offerti ma tkunx irnexxiet, jiġifieri, meta ma tkun intlaqgħet l-ebda offerta siewja kemm finanzjarjament kif ukoll teknikament, f'dak il-każ, wara li titħassar il-proċedura għall-offerti, l-awtorità tal-appalti tista' tinnegozja ma' wieħed minn dawk li tefgħu l-offerti jew aktar, milli tkun għażlet hi fost dawk li ħadu sehem fis-sejħa għall-offerti, sakemm id-dokumenti tax-xiri ma jinbidlux sostanzjalment;

(c)

meta jkun irid jiġi konkluż kuntratt ġdid wara terminazzjoni bikrija ta' kuntratt eżistenti.

2.   Għall-iskopijiet tal-punt (c) tal-Artikolu 134(1), l-operazzjonijiet li jsiru f'sitwazzjonijiet ta' kriżi kif imsemmi fl-Artikolu 190(2) jitqiesu li jissodisfaw il-prova ta' urġenza estrema. L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni b'delega, fejn ikun xieraq flimkien mal-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni b'delega l-oħra kkonċernati, jistabbilixxi li teżisti sitwazzjoni ta' emerġenza estrema u għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu b'mod regolari fir-rigward tal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba.

3.   L-attivitajiet ta' natura istituzzjonali msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jinkludu servizzi marbutin direttament mal-missjoni statutorja tal-korpi tas-settur pubbliku.

Artikolu 267

Limiti u proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista

(l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Il-limiti u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju jkunu kif ġej għall-kuntratti ta' provvista:

(a)

għal kuntratti b'valur ta' EUR 300 000 jew aktar: sejħa internazzjonali miftuħa għall-offerti fis-sens tal-Artikolu 104(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 264(2)(a) ta' dan ir-Regolament;

(b)

għal kuntratti b'valur ta' inqas minn EUR 300 000:

(i)

għal kuntratti b'valur ta' EUR 100 000 jew aktar iżda inqas minn EUR 300 000: sejħa lokali miftuħa għall-offerti fis-sens tal-Artikolu 104(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 264(2)(b) ta' dan ir-Regolament;

(ii)

għal kuntratti b'valur ta' inqas minn EUR 100 000: proċedura kompetittiva nnegozjata fis-sens tal-paragrafu 2.

(c)

ħlasijiet għal ammonti li ma jaqbżux l-EUR 2 500 fir-rigward ta' element ta' nefqa jistgħu jikkonsistu f'sempliċi ħlas kontra fattura mingħajr aċċettazzjoni ta' offerta minn qabel.

(d)

Il-kuntratti li ma jabqużx l-EUR 20 000 jistgħu jingħataw fuq il-bażi ta' offerta unika.

2.   Fil-proċedura nnegozjata kompetittiva msemmija fil-punt (ii) tal-punt (b) tal-paragrafu 1, l-awtorità kontraenti tipprepara lista ta' mill-anqas tliet fornituri tal-għażla tagħha mingħajr pubblikazzjoni ta' avviż.

Jekk wara l-konsultazzjoni tal-fornituri, l-awtorità kontraenti tirċievi biss offerta waħda li tkun amministrattivament u teknikament valida, il-kuntratt jista' jingħata jekk jintlaħqu l-kriterji tal-għoti.

Artikolu 269

Limiti u proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta' xogħlijiet u konċessjonijiet

(l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   Il-limiti u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju jkunu kif ġej għall-kuntratti ta' xogħlijiet u kuntratti ta' konċessjoni ta' xogħlijiet:

(a)

għal kuntratti b'valur ta' EUR 5 000 000 jew aktar, waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

sejħa internazzjonali miftuħa għall-offerti fis-sens tal-Artikolu 104(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 264(2)(a) ta' dan ir-Regolament;

(ii)

fid-dawl tal-karatteristiċi ta' ċertu xogħlijiet, sejħa internazzjonali ristretta għall-offerti fis-sens tal-Artikolu 104(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 264(2)(a) ta' dan ir-Regolament;

(b)

għal kuntratti b'valur ta' EUR 300 000 jew aktar iżda inqas minn EUR 5 000 000: sejħa lokali miftuħa għall-offerti fis-sens tal-Artikolu 104(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 264(2)(b) ta' dan ir-Regolament;

(c)

għal kuntratti b'valur ta' inqas minn EUR 300 000: proċedura kompetittiva nnegozjata fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

(d)

Il-kuntratti li ma jabqużx l-EUR 20 000 jistgħu jingħataw fuq il-bażi ta' offerta unika.

(e)

Il-ħlasijiet għal ammonti li ma jaqbżux l-EUR 2 500 fir-rigward ta' element ta' nefqa jistgħu jikkonsistu f'sempliċi ħlas kontra fattura mingħajr aċċettazzjoni ta' offerta minn qabel.

2.   Fil-proċedura nnegozjata kompetittiva msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kontraenti tipprepara lista ta' mill-anqas tliet kuntratturi tal-għażla tagħha mingħajr pubblikazzjoni ta' avviż.

Jekk wara l-konsultazzjoni tal-kuntratturi, l-awtorità kontraenti tirċievi biss offerta waħda li tkun amministrattivament u teknikament valida, il-kuntratt jista' jingħata jekk jintlaħqu l-kriterji tal-għoti.

Artikolu 273

Speċifikazzjonijiet tal-Offerti

(l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju)

B'deroga għall-Artikolu 138(3), għall-proċeduri kollha li jinvolvu talba għal parteċipazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti jistgħu jinqasmu skont iż-żewġ stadji tal-proċedura u l-ewwel pass jista' jkun fih biss l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (f) tal-Artikolu 138(3).

Artikolu 274

Garanziji

(l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   B'deroga mill-Artikolu 163, il-garanziji għandhom ikunu denominati fil-munita euro jew fil-munita tal-kuntratt li jkopru.

2.   L-awtorità kontraenti tista' titlob garanzija tal-offerta f'konformità mal-Artikolu 156. B'deroga mill-Artikolu 156(2), l-awtorità kontraenti għandha tirrilaxxa l-garanizja tal-offerta meta jiġi ffirmat il-kuntratt.

3.   B'deroga mill-Artikolu 165(1), għandha tintalab garanzija għal eżekuzzjoni meta jinqabżu l-limiti li ġejjin:

(a)

EUR 345 000 għall-kuntratti ta' xogħlijiet,

(b)

EUR 150 000 għall-kuntratti ta' provvista.

4.   L-awtorità kontraenti tista' titlob garanzija ta' żamma tal-flus f'konformità mal-Artikolu 165a.

Artikolu 275

Limiti ta' żmien għall-proċeduri

(l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   L-offerti jridu jaslu għand l-awtorità kontraenti fl-indirizz tagħha u mhux aktar tard mid-data murija fis-sejħa għall-offerti. Il-limitu ta' żmien għar-riċeviment tal-offerti u t-talbiet għall-parteċipazzjoni, stabbilit mill-awtoritajiet kontraenti, irid ikun twil biżżejjed biex il-partijiet interessati jkollhom perjodu raġonevoli u xieraq biex iħejju u jissottomettu l-offerti tagħhom.

Għall-kuntratti ta' servizzi, iż-żmien minimu bejn id-data ta' meta tintbagħat l-ittra tas-sejħa għall-offerti u d-data finali għar-riċeviment tal-offerti tkun ta' 50 jum. Madankollu, f'ċerti każijiet eċċezzjonali jistgħu jiġu awtorizzati limiti ta' żmien oħrajn.

2.   L-offerenti jistgħu jagħmlu mistoqsijiet bil-miktub qabel id-data tal-għeluq għar-riċeviment tal-offerti. L-awtorità kontraenti trid tipprovdi t-tweġibiet għall-mistoqsijiet qabel id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-offerti.

3.   Fi proċeduri internazzjonali ristretti, il-limitu ta' żmien għar-riċeviment tal-offerti ma jkunx inqas minn 30 jum mid-data li fiha jiġi ppubblikat l-avviż dwar kuntratt. Il-perjodu bejn id-data li fiha tintbagħat l-ittra ta' stedina u d-data finali għar-riċeviment tal-offerti ma tkunx inqas minn 50 jum. Madankollu, f'ċerti każijiet eċċezzjonali jistgħu jiġu awtorizzati limiti ta' żmien oħrajn.

4.   Fi proċeduri miftuħa internazzjonali, il-limiti ta' żmien għar-riċeviment tal-offerti, li jibdew mid-data li fiha jintbagħat l-avviż dwar il-kuntratt, ikunu ta':

(a)

90 jum għal kuntratti ta' xogħlijiet,

(b)

60 jum għall-kuntratti ta' provvista.

Madankollu, f'ċerti każijiet eċċezzjonali jistgħu jiġu awtorizzati limiti ta' żmien oħrajn.

5.   Fi proċeduri lokali miftuħa, il-limiti ta' żmien għar-riċeviment tal-offerti, li jibdew mid-data li fiha jiġi ppubblikat l-avviż dwar il-kuntratt, ikunu tal-inqas:

(a)

60 jum għal kuntratti ta' xogħlijiet,

(b)

30 jum għall-kuntratti ta' provvista.

Madankollu, f'ċerti każijiet eċċezzjonali jistgħu jiġu awtorizzati limiti ta' żmien oħrajn.

6.   Għall-proċeduri kompetittivi nnegozjati msemmija fl-Artikoli 265(1)(b), 267(1)(b)(ii) u 269(1)(c), il-kandidati jingħataw minimu ta' 30 jum mid-data li fiha tintbagħat l-ittra ta' sejħa għall-offerti li fihom iridu jissottomettu l-offerti tagħhom.

Artikolu 276

Kumitat ta' evalwazzjoni

(l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju)

1.   It-talbiet kollha għal parteċipazzjoni u l-offerti ddikjarati li jissodisfaw ir-rekwiżiti jiġu evalwati u kklassifikati minn kumitat ta' evalwazzjoni fuq il-bażi tal-kriterji ta' esklużjoni, għażla u għoti mħabbra minn qabel. Dan il-kumitat ikollu numru bil-fard ta' membri, mill-anqas tlieta, bil-kompetenza teknika u amministrattiva kollha meħtieġa sabiex jivvalutaw l-offerti. Il-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni ta' imparzjalità u ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess.

2.   Jekk il-Kummissjoni ma tkunx l-awtorità kontraenti, hija tista' titlob li tirċievi kopja tad-dokumenti tal-akkwist, l-offerti, l-evalwazzjoni tal-offerti u l-kuntratti ffirmati. Tista' tieħu sehem ukoll bħala osservatur għall-ftuħ u l-evalwazzjoni tal-offerti.

3.   L-offerti li ma jkunx fihom l-elementi essenzjali kollha mitluba fid-dokumenti tal-akkwist jew li ma jikkorrispondux għar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti jiġu eliminati.

Madankollu, il-kumitat ta' evalwazzjoni jew l-awtorità kontraenti jistgħu jitolbu lill-kandidati jew lill-offerenti biex jipprovdu materjal addizzjonali jew biex jiċċaraw id-dokumenti ta' sostenn sottomessi b'rabta mal-kriterji ta' esklużjoni, tal-għażla u tal-għoti, fi ħdan il-limitu ta' żmien li jispeċifikaw u fir-rigward tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

4.   Fil-każ ta' offerti abnormalment baxxi, kif imsemmija fl-Artikolu 151, il-kumitat jitlob il-kjarifiki meħtieġa dwar il-kompożizzjoni tal-offerta.

5.   L-obbligu li jkun stabbilit kumitat ta' evalwazzjoni jista' jiġi rrinunzjat għall-proċeduri b'valur ta' anqas minn jew ugwali għal EUR 20 000 u fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju meta terġa' tinfetaħ il-kompetizzjoni fi ħdan kuntratt ta' qafas u fil-każ ta' proċeduri nnegozjati msemmija fil-punti (c), (e), (f) (i), (f) (iii) u (h) tal-Artikolu 134(1).”

(18)

fl-Artikolu 287 il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Kwalunkwe persuna fiżika interessata tista' tissottometti applikazzjoni f'kull waqt matul il-perjodu ta' validità tas-sejħa għal espressjonijiet ta' interess, ħlief għall-aħħar tliet xhur ta' dak il-perjodu.”

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Suġġett għall-paragrafi 2 u 3, dan japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

2.   Il-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 125(2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 kif emendat minn dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Sal-31 ta' Diċembru 2017, il-limiti ta' żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 152 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 kif emendat minn dan ir-Regolament m'għandux ikun anqas minn 42 jum sabiex jiġu riċevuti l-offerti u mhux anqas minn 37 jum sabiex jiġu riċevuti talbiet għall-parteċipazzjoni.

3.   Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 143 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 kif emendat minn dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 286, 30.10.2015, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(4)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).


Top