EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2344

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2344 tal-15 ta’ Diċembru 2015 li jistabbilixxi l-implimentazzjoni ta' standards tekniċi fir-rigward ta' muniti b'limitazzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta' assi likwidi skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 330, 16.12.2015, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2344/oj

16.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/26


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2344

tal-15 ta’ Diċembru 2015

li jistabbilixxi l-implimentazzjoni ta' standards tekniċi fir-rigward ta' muniti b'limitazzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta' assi likwidi skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 419(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 412(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistipula rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità, li jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet iridu jżommu assi likwidi sabiex jiżguraw li jżommu livelli ta' riżervi ta' likwidità li huma adegwati għall-iffaċċjar ta' kull żbilanċ possibbli bejn l-influssi u l-ħruġ ta' likwidità.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/61 (2), adottat konformi mal-Artikolu 460 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jispeċifika fid-dettall ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità.

(3)

Fejn il-ħtiġijiet ġustifikati għal assi likwidi fid-dawl tar-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità jeċċedu d-disponibbiltà ta' dawk l-assi likwidi f'munita, deroga waħda jew aktar għandhom japplikaw għal dik il-munita, kif stabbilit fl-Artikolu 419(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(4)

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu identifikati l-muniti li għandhom jibbenefikaw minn deroga u l-limitu li għalih tali deroga għandha tkun disponibbli.

(5)

Dan l-ivvalutar mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ta' ħtiġijiet ġustifikati kien ibbażat fuq l-aħjar dejta disponibbli li setgħet tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti dwar l-assi likwidi f'munita partikolari u l-ammont ta' assi likwidi rikjesti minn investituri oħra u għalhekk mhuwiex disponibbli biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet għal assi likwidi.

(6)

L-EBA identifikat il-kuruna Norvegiża (NOK) bħala munita b'limitazzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta' assi likwidi. Dik l-identifikazzjoni saret qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/61, meta l-EBA vvalutat id-disponibbiltà ta' assi likwidi konformi mal-istandards internazzjonali adottati mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja. L-ivvalutar eżamina l-ammonti ta' assi likwidi li mhumiex rikjesti minn entitajiet li mhumiex soġġetti għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u qabbel dawn mal-ħtiġijiet ta' istituzzjonijiet ibbażati fuq ħruġ stmat u ponderat ta' flus nett għat-30 jum segwenti, billi ħa kont ta' limitu massimu fuq l-influssi, fatturi li probabbilment jaffettwaw in-nuqqas ta' assi likwidi fuq perjodu twil ta' tliet sa ħames snin u mira ta' 110 % għar-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità.

(7)

L-ivvalutar tal-EBA ikkonkluda li l-ħtiġijiet iġġustifikati għal assi likwidi eċċedew id-disponibbiltà ta' assi likwidi fin-NOK. Id-dejn sovran huwa wieħed mill-aktar assi likwidi, iżda fil-każ tan-Norveġja l-forniment tad-dejn tal-gvern huwa relattivament limitat minħabba l-pożizzjoni baġitarja favorevoli. Filwaqt li istituzzjonijiet internazzjonali u banek ta' żvilupp multinazzjonali ħarġu wkoll ammonti kbar ta' bonds fin-NOK, dawn il-ħarġiet huma predominantement pjazzamenti privati miżmuma minn investituri barranin u għalhekk ma kinux ikkunsidrati mill-EBA bħala likwidi u disponibbli għal istituzzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Fl-aħħar nett, l-ivvalutar tal-EBA kien ibbażat fuq l-istandards internazzjonali tal-likwidità adottati mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja filwaqt li l-ivvalutar dwar jekk il-ħtiġijiet ġustifikati għal assi likwidi jeċċedux b'mod sinifikanti d-disponibbiltà ta' assi likwidi f'munita partikolari għandu jkun ibbażat fuq il-lista definittiva ta' assi likwidi stabbilita mir-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/61. Dan tal-aħħar jistabbilixxi firxa usa' ta' assi likwidi, b'mod partikolari f'relazzjoni mal-bonds koperti. Madankollu, din id-differenza mhijiex biżżejjed biex tbiddel il-konklużjoni tal-EBA li l-ħtiġijiet ġustifikati għal assi likwidi eċċedew id-disponibbiltà ta' assi likwidi fin-NOK.

(8)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-implimentazzjoni ta' standard tekniku li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Konformi mal-proċedura fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni approvat b'emendi l-abbozz tal-implimentazzjoni ta' standard tekniku sottomessi mill-EBA wara li kienet bagħtet l-abbozz tal-implimentazzjoni ta' standard tekniku lura lill-EBA bl-ispjegazzjoni tar-raġunijiet għall-emendi. L-EBA pprovdiet opinjoni formali li tappoġġa dawk l-emendi u li tikkonferma li l-ammont li bih il-ħtiġijiet ġustifikati għall-assi likwidi jaqbżu d-disponibbiltà ta' assi likwidi f'NOK kif propost fl-abbozz oriġinali tagħha tal-implimentazzjoni ta' standard tekniku ma għandux jiġi emendat.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-ħtiġijiet ġustifikati għal assi likwidi fid-dawl tar-rekwiżit fl-Artikolu 412 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jitqiesu li jeċċedu d-disponibbiltà ta' dawk l-assi likwidi fil-muniti speċifikati fl-Anness għal dan ir-Regolament bil-perċentwali speċifikati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12)


ANNESS

Lista ta' muniti b'limitazzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta' assi likwidi

Nru.

Munita

L-ammont li bih il-ħtiġijiet ġustifikati għal assi likwidi jaqbżu d-disponibbiltà

1.

Krona Norveġiża (NOK)

63 %


Top