EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0775

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/775 tat-18 ta' Mejju 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 fir-rigward tal-approvazzjoni tal-konformità

ĠU L 122, 19.5.2015, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R0128

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/775/oj

19.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/775

tat-18 ta' Mejju 2015

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 fir-rigward tal-approvazzjoni tal-konformità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 34(8) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (2) fih previst ir-regoli dwar it-tnaqqis mill-finanzjament tan-nefqa tal-Unjoni li ma tkunx konformi mar-regoli tal-Unjoni. Fih previst ukoll deroga minn dawk ir-regoli li tippermetti lill-Istati Membri jitolbu l-applikazzjoni ta' tnaqqis bħal dan f'pagamenti parzjali.

(2)

Fejn Stat Membru jista' jesperjenza diffikultajiet finanzjarji severi, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà, flimkien mal-awtorizzazzjoni tat-tnaqqis fi tliet pagamenti annwali, tiddifferixxi tnaqqis bħal dan għal perjodu mhux itwal minn 24 xahar, jekk jitlob hekk l-Istat Membru konċernat.

(3)

Dan id-differiment jista' jingħata biss lil Stati Membri li huma suġġetti għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (3), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (4) u t-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà ffirmat fit-2 ta' Frar 2012.

(4)

L-esperjenza wriet li l-ispeċifikar ta' perjodu fiss għad-differiment tat-tnaqqis jista' jirriżulta f'akkumulu ta' dejn, li meta jkun wasal iż-żmien li jitħallas, jista' jkun li l-Istat Membru konċernat ikun għadu f'diffikultà finanzjarja severa u ma jkunx f'sitwazzjoni li jagħmel ir-rimborżi meħtieġa. Għalhekk, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà hija u tqis il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-assistenza finanzjarja, li testendi t-tul tal-perjodu ta' differiment għal perjodu ta' mhux iktar minn 12-il xahar.

(5)

Barra minn hekk, l-esperjenza wriet ukoll li r-rekwiżit ta' rimborż fi tliet pagamenti annwali, tat-total tal-ammont differit jista' jwassal għal tbatija mhix meħtieġa għall-Istati Membri li jkunu għadhom f'diffikulta finanzjarja wara li jkun skada l-perjodu ta' differiment. Għalhekk, id-deċiżjonijiet futuri ta' awtorizzazzjoni tar-rimborż f'pagamenti parzjali għandhom jippermettu għadd ikbar ta' pagamenti parzjali f'każijiet fejn l-ammonti konċernati jirrappreżentaw proporzjon għoli tal-Prodott Domestiku Gross tal-Istat Membru.

(6)

L-Istat Membru li jibbenefika minn deċiżjoni ta' differiment għandu jiżgura li n-nuqqasijiet li kienu r-raġunijiet għat-tnaqqis u li jkunu għadhom relevanti fiż-żmien ta' dik id-deċiżjoni, qed jiġu rrimedjati abbażi ta' pjan ta' azzjoni, stabbilit f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, b'indikaturi ċari dwar il-progress. Jekk Stat Membru li jibbenefika minn tali differiment jonqos milli jirrimedja n-nuqqasijiet skont il-pjan ta' azzjoni u, għalhekk, jesponi l-baġit tal-Unjoni għal riskji finanzjarji addizzjonali, il-Kummissjoni għandha tkun tista' temenda jew tħassar id-deċiżjoni tagħha ta' differiment tad-data għall-applikazzjoni tat-tnaqqis, filwaqt li tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-paragrafi 8a u 8b li ġejjin jiddaħħlu fl-Artikolu 34 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014:

“8a.   Għal Stati Membri li huma suġġetti għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (*), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (**) u t-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, il-Kummissjoni tista', fuq talba tal-Istat Membru u wara konsultazzjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, tadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni fejn tiddifferixxi, għal perjodu mhux itwal minn 24 xahar mid-data tal-adozzjoni tagħha, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet adottati wara l-1 ta' Mejju 2015 skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (‘deċiżjoni tad-differiment’).

Id-deċiżjoni ta' differiment għandha tawtorizza t-tnaqqis li jrid isir wara t-tmiem tal-perjodu ta' differiment fi tliet pagamenti parzjali annwali. Fejn l-ammont totali suġġett għad-deċiżjoni ta' differiment jirrappreżenta iktar minn 0,02 % tal-Prodott Domestiku Gross tal-Istat Membru, il-Kummissjoni tista' tawtorizza t-tqassim tar-rimborż f'massimu ta' ħames pagamenti parzjali annwali.

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, fuq talba tal-Istat Membru u wara konsultazzjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, li testendi darba, għal perjodu mhux itwal minn 12-il xahar, il-perjodu ta' differiment imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

L-Istat Membru li jibbenefika minn deċiżjoni ta' differiment għandu jiżgura li n-nuqqasijiet li kienu r-raġunijiet għat-tnaqqis u li jkunu għadhom relevanti fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-differiment, qed jiġu rrimedjati abbażi ta' pjan ta' azzjoni, stabbilit f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, inkluż skadenzi u indikaturi ċari dwar il-progress. Il-Kummissjoni għandha temenda jew tħassar id-deċiżjoni ta' differiment, filwaqt li tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità, f'wieħed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru jonqos milli jieħu l-azzjonijiet neċessarji biex jirrimedja n-nuqqasijiet kif previst fil-pjan ta' azzjoni;

(b)

il-progress fl-azzjonijiet ta' rimedju mhux suffiċjenti skont l-indikaturi tal-progress; jew

(c)

l-eżitu tal-azzjonijiet mhux sodisfaċenti.

8b.   Id-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 8 u 8a għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 116(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1).


Top