EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0585

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/585 tat- 18 ta' Diċembru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni ta' perjodi b'riskju ta' marġni Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 98, 15.4.2015, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/585/oj

15.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 98/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/585

tat-18 ta' Diċembru 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni ta' perjodi b'riskju ta' marġni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tas-26 ta' Ġunju 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti ta' investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 304(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-qafas għall-kalkolu tal-perjodi b'riskju ta' marġni (MPORs) użat biex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti tal-fondi proprji tal-membri tal-ikklerjar għall-iskoperturi lill-klijenti tagħhom għandu jkun adattat kemm għall-istituzzjonijiet li jużaw il-metodu tal-mudell intern (IMM) kif ukoll għal dawk li jużaw il-metodi standardizzati. Għandu jirrifletti wkoll il-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq biex iservi ta' approċċ immexxi bi prudenza, mingħajr ma jimponi, fl-istess ħin, piż operattiv eċċessiv fuq dawk l-istituzzjonijiet.

(2)

Filwaqt li d-definizzjoni ta' perjodi ta' likwidazzjoni użata minn kontropartijiet ċentrali (CCPs) mhijiex identika għad-definizzjoni ta' MPORs użata minn membri tal-ikklerjar għall-fini tal-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għall-iskoperturi għal klijenti tagħhom, tal-ewwel huma madankollu simili ħafna għal dawn tal-aħħar mill-aspett tas-sustanza tagħhom. Fil-fatt, il-perjodi ta' likwidazzjoni jirriflettu bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq u jieħdu kont ta' perjodi tal-għeluq ta' kuntratti u transazzjonijiet. L-estimi tas-CCPs tal-perjodi ta' likwidazzjoni għandhom għalhekk iservu bħala indikaturi għall-MPORs għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji tal-membri tal-ikklerjar għall-iskoperturi lill-klijenti tagħhom.

(3)

L-użu ta' perjodi ta' likwidazzjoni jiżgura wkoll kopertura komprensiva tat-tipi kollha ta' prodotti u tranżazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 301(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jiġu kklerjati mis-CCPs u li jkollhom il-benefiċċju ulterjuri li ma jkunux meħtieġa aġġornamenti għal dan ir-Regolament Delegat kull darba li CCP tibda tikklerja tip ġdid ta' prodott jew tranżazzjoni.

(4)

Kuntrarjament għall-MPORs, il-perjodi ta' likwidazzjoni divulgati mis-CCPs xi drabi jinkludu perjodi addizzjonali li jippermettu n-novazzjoni ta' pożizzjonijiet ta' membru tal-ikklerjar mhux inadempjenti. Billi dawk il-perjodi addizzjonali huma speċifiċi għal perjodi ta' likwidazzjoni u ma jirriflettux l-ebda differenza fir-riskji li ttieħdu minn membri tal-ikklerjar, dawn ma għandhomx bżonn jiżdiedu mal-MPOR li l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għall-iskoperturi tagħhom għal klijent meta jaġixxu bħala membri tal-ikklerjar.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li tali estimi huma soġġetti għall-approvazzjoni superviżorja, huma biss il-perjodi ta' likwidazzjoni stmati minn kontropartijiet ċentrali kwalifikanti kif definit fil-punt 88 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li għandhom ikunu awtorizzati li jagħmluha ta' indikaturi għall-MPORs għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji tal-membri tal-ikklerjar għal skoperturi lill-klijenti tagħhom.

(6)

Billi l-MPOR għandu l-għan li jirrifletti bidliet fil-valur tas-suq ta' sett ta' nettjar ta' tranżazzjonijiet matul il-perjodu mill-iskambju l-aktar reċenti ta' kollateral li jkopri dak is-sett ta' nettjar b'kontroparti inadempjenti sakemm it-tranżazzjonijiet jingħalqu u r-riskju tas-suq li jirriżulta jkun ħeġġjat mill-ġdid, u billi s-swieq jisgħu jkunu magħluqa f'ċerti ġranet kalendarji, l-MPORs għandhom jiġu espressi f'jiem ta' negozju. Dan se jiżgura li r-rekwiżit ta' fondi proprji għal dawn it-tranżazzjonijiet jirrifletti bis-sħiħ ir-riskji li l-istituzzjoni hija esposta għalihom matul l-MPOR. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit li l-minimu tal-MPOR li jintuża għall-finijiet tal-Artikolu 304(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jkun ugwali għal ħamest ijiem ta' negozju, jiġifieri aktar mill-minimu ta' ħamest ijiem stabbiliti f'dak l-Artikolu. Il-minimu tal-MPOR b'hekk ikun ukoll allinjat mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 6 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jkopru r-rekwiżiti għall-użu tal-IMM.

(7)

Skont l-Artikolu 304(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-MPORs iqsar li l-istituzzjonijiet jistgħu japplikaw meta jikkalkulaw ir-rekwiżiti ta' fondi proprji għall-iskoperturi għal klijent tagħhom huma applikabbli biss fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu bħala membri tal-ikklerjar. Għalhekk ir-regoli dwar l-MPORs li l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw skont dawk id-dispożizzjonijiet ma japplikawx fejn l-istituzzjonijiet jikkalkolaw ir-rekwiżiti ta' fondi proprji għall-iskoperturi lil klijent iżda ma jkunux qed jaġixxu bħala membri tal-ikklerjar għal dawk l-iskoperturi. Dan huwa irrispettivament minn jekk tali istituzzjonijiet japplikawx l-IMM jew le, u irrispettivament minn jekk l-iskoperturi rilevanti lil klijenti humiex ikklerjati ċentralment jew le.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(9)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati Bankarji stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-perjodi b'riskju ta' marġni (MPORs) ta' sett ta' nettjar li l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw għall-finijiet tal-Artikolu 304(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jiġu determinati skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   Fejn is-sett tan-nettjar rilevanti jinkludi tranżazzjonijiet ikklerjati ma' kontroparti ċentrali kwalifikanti kif definit fil-punt 88 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-MPORs li l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw għandhom ikunu aktar minn dan li ġej:

(a)

ħamest ijiem ta' negozju;

(b)

l-itwal perjodu ta' likwidazzjoni tal-kuntratti jew transazzjonijiet inklużi fis-sett tan-nettjar, kif divulgat skont il-punt (b)(vi) tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 (3) mill-kontroparti ċentrali kwalifikanti li permezz tagħha dawk il-kuntratti u tranżazzjonijiet jiġu kklerjati.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, fejn il-perjodu ta' likwidazzjoni divulgat jinkludi perjodu addizzjonali għall-fini tan-novazzjoni tal-pożizzjonijiet ta' membru tal-ikklerjar mhux inadempjenti, il-perjodu li għandu jintuża mill-istituzzjonijiet bħala MPOR jeskludi dak il-perjodu addizzjonali.

3.   Fejn is-sett tan-nettjar rilevanti jinkludi tranżazzjonijiet mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali kwalifikanti kif definit fil-punt 88 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-MPORs li l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw jkunu ta' mill-inqas għaxart ijiem ta' negozju.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 41).


Top