Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0183

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/183 tat- 2 ta' Frar 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 635/2005 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

ĠU L 31, 7.2.2015, pp. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/183/oj

7.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/183

tat-2 ta' Frar 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 635/2005 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 635/2005 (2), prodott li jikkonsisti f'noodles magħmulin minn dqiq tal-qamħ komuni u ħwawar, imnixxfin u msajrin minn qabel, li jkun għall-bejgħ ġo skutella, lest biex jittiekel wara li żżidlu l-misħun, kien ikklassifikat taħt l-intestatura 1902 tan-Nomenklatura Magħquda. Il-klassifikazzjoni tal-prodott taħt l-intestatura 2104 tan-Nomenklatura Magħquda kienet eskluża għar-raġuni li ż-żieda tal-ilma ġol-iskutella mhijiex biżżejjed biex tipprepara soppa jew brodu imma tagħti l-karatteristiċi ta' platt noodles lill-prodott.

(2)

Skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 767/2014 (3), prodott simili biżżejjed li jikkonsisti minn blokka noodles nixfin u msajrin minn qabel, qartas ħwawar, qartas żejt tal-ikel u qartas ħaxix imnixxef, li jkun għall-bejgħ bħala sett, lest biex jittiekel wara li żżidlu l-misħun, kien ikklassifikat taħt l-intestatura 1902 tan-Nomenklatura Magħquda. Il-klassifikazzjoni tal-prodott taħt l-intestatura 2104 tan-Nomenklatura Magħquda kienet eskluża għar-raġuni li l-prodott huwa sett għall-bejgħ skont it-tifsira tar-Regola Ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-karattru essenzjali tas-sett huwa mogħti min-noodels meta dak li jkun iqis li jikkostitwixxu l-akbar proporzjon tiegħu.

(3)

Għalkemm il-klassifikazzjoni taż-żewġ prodotti hija identika, ir-raġunijiet għall-esklużjoni tal-klassifikazzjoni ta' kull wieħed mill-prodotti taħt l-intestatura 2104 tan-Nomenklatura Magħquda huma differenti. Ir-raġunijiet rigward l-ewwel prodott jagħmlu l-klassifikazzjoni dipendenti fuq il-kwantità tal-ilma miżjuda miegħu, filwaqt li r-raġunijiet għat-tieni prodott jiddependu fuq il-kwantità ta' noodles li fih. Madankollu, li tagħmel il-kwantità miżjuda tal-ilma bħala kriterju għall-klassifikazzjoni ta' prodotti bħal dawn tista' twassal għall-diverġenzi fil-klassifikazzjoni tagħhom li ma jkunux ġustifikati minħabba l-karatteristiċi oġġettivi u l-proprjetajiet taż-żewġ prodotti. Għaldaqstant l-unika kriterju applikabbli għandu jkun il-kwantità ta' taljarini li fih il-prodott.

(4)

Peress li oġġett 1 fit-tabella li tinstab fl-Anness ta' dan ir-Regolament (KE) Nru 635/2005 sar superfluwu minħabba bidliet fid-deskrizzjoni tal-prodott deskritti fih u r-raġunijiet mogħtija għall-klassifikazzjoni tiegħu, għandu jiġi mħassar.

(5)

Bħala konsegwenza, huwa xieraq li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 635/2005, sabiex jiġu evitati diverġenzi potenzjali tat-tariffa differenti u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda fi ħdan l-Unjoni.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 635/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat,

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-ringiela li tikkorespondi ma' oġġett 1 ġot-tabella li tinstab fl-Anness ta' dan it-Regolament (KE) Nru 635/2005 hija mħassra.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 635/2005 tas-26 ta' April 2005 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 106, 27.4.2005, p. 10).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 767/2014 tal-11 ta' Lulju 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 209, 16.7.2014, p. 12).


Top